1.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/63


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta’ Lulju 2009

stabbiliment ta’ Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli dwar is-SafeSeaNet

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 5924)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/584/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-punt 2.2 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni hija responsabbli mill-amministrazzjoni u l-iżvilupp fil-livell tal-politika tas-sistema SafeSeaNet ċentrali u għas-superviżjoni tas-sistema SafeSeaNet, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

(2)

Il-punt 2.2 tal-Anness III għad-Direttiva 2002/59/KE jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli biex tassisti fl-amministrazzjoni tas-sistema SafeSeaNet.

(3)

Għalhekk, il-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli għandu jiġi stabbilit u jkunu definiti l-ħidmiet u l-istruttura tiegħu.

(4)

Il-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

(5)

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà [Sikurezza] Marittima (EMSA) hija responsabbli mill-implimentazzjoni teknika tas-sistema SafeSeaNet, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2); għalhekk għandha tkun involuta mill-qrib fix-xogħol tal-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli.

(6)

Jidher li jeħtieġ ukoll ikunu indirizzati l-kwistjonijiet strateġiċi marbuta mall-iżviluppi fil-futur tas-sistema SafeSeaNet, u jitqiesu b’mod partikolari l-għanijiet tal-politika integrata marittima tal-Unjoni Ewropea u l-għanijiet tal-politika tat-trasport marittimu tal-2018 kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miri strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet tal-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018 (3).

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli dwar is-SafeSeaNet

Il-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli dwar is-SafeSeaNet, li minn issa ‘l quddiem jissejjaħ “il-grupp”, qiegħed b’dan jiġi stabbilit.

Artikolu 2

Ħidmiet

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta mal-grupp dwar kwalunkwe aspett relatat mal-iżviluppi kurrenti u tal-futur tas-SafeSeaNet, inkluż il-kontribuzzjonijiet tagħha għas-sorveljanza marittima minn perspettiv olistiku.

Il-kompiti tal-grupp għandhom ikunu:

(a)

li jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jitjiebu l-effettività u s-sikurezza tas-SafeSeaNet;

(b)

li jipprovdi gwida xierqa għall-iżvilupp tas-SafeSeaNet;

(c)

li jgħin lill-Kummissjoni tirrevedi l-prestazzjoni tas-SafeSeaNet;

(d)

li japprova d-dokument ta’ kontroll tal-interface u l-funzjonalitajiet imsemmi fil-punt 2.3 tal-Anness III għad-Direttiva 2002/59/KE, u kwalunkwe emendi li sarulu.

Artikolu 3

Sħubija - Ħatra

1.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u minn rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom, u s-sostituti tagħhom, fil-grupp għal terminu ta’ 3 snin, li jista’ jiġi mġedded. Għandhom ikunu uffiċjali anzjani.

3.   Il-membri tal-Grupp li għandhom jiġu appuntati mill-Kummissjoni għandhom ikunu uffiċjali anzjani.

4.   Rappreżentant tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà [Sikurezza] Marittima (EMSA) għandu jattendi l-laqgħat tal-grupp bħala osservatur. L-EMSA għandha tkun rappreżentata f’livell għoli.

5.   Ir-rappreżentanti tal-membri taż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp bħala osservaturi.

6.   Il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sa meta jiġu sostitwiti jew jispiċċalhom il-mandat.

7.   Il-membri li ma għadhomx jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għad-deliberazzjonijiet tal-grupp jew jirriżenjaw jistgħu jiġu sostitwiti.

Artikolu 4

L-operat

1.   Il-president tal-grupp għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi skont it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom, dawn is-sottogruppi għandhom jiġu xolti.

3.   Ir–rappreżentant tal-Kummissjoni li jkun qiegħed jippresjedi fuq il-grupp jista’ jistaqsi lill-esperti b’kompetenza speċifika dwar suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-grupp jew tas-sottogrupp jekk dan ikun utli u/jew meħtieġ.

4.   It-tagħrif miksub mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet tal-grupp jew tas-sottogrupp ma jistax jinkixef jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dak it-tagħrif jirrigwarda kwistjonijiet kunfidenzjali.

5.   Normalment, il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom jiltaqgħu fil-bini tal-Kummissjoni skont il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-Segretarjat tal-grupp.

6.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika kwalunkwe sommarju, konklużjoni jew konklużjoni parzjali, jew dokument ta’ ħidma tal-grupp.

Artikolu 5

L-ispejjeż tal-laqgħat

Il-Kummissjoni għandha tħallas rimborż tal-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn xieraq, tas-sussistenza għall-membri, l-esperti u l-osservaturi konnessi mal-attivitajiet tal-grupp f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-rimborż ta’ spejjeż għal esperti.

Il-membri ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

L-ispejjeż tal-laqgħat jitħallsu lura fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.

(2)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(3)  COM(2009) 8 finali.