29.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/96


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/569/PESK

tas-27 ta' Lulju 2009

dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 23(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Istrateġija tal-UE”), li fil-Kapitolu III tagħha fiha lista ta' miżuri sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

(2)

L-Istrateġija tal-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC) u tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-ħolqien ta' dinja ħielsa minn armi kimiċi. Bħala parti mill-Istrateġija tal-UE, l-UE impenjat ruħha li taħdem lejn l-aderenza universali għal trattati u ftehimiet ewlenin ta' diżarm u non-proliferazzjoni, inkluża s-CWC. L-objettivi tal-Istrateġija tal-UE huma komplementari għall-objettivi segwiti mill-OPCW, fil-kuntest tar-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tas-CWC.

(3)

Fit-22 ta' Novembru 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/797/PESK dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (1), li mal-iskadenza tagħha ġiet segwita mill-Azzjoni Konġunta 2005/913/PESK tat-12 ta' Diċembru 2005 (2) u l-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK tad-19 ta' Marzu 2007 (3). Din tal-aħħar tiskadi fil-31 ta' Lulju 2009.

(4)

Il-kontinwazzjoni ta' tali assistenza intensiva u mmirata mill-UE għall-OPCW hija meħtieġa fil-kuntest tal-implimentazzjoni attiva tal-Kapitolu III tal-Istrateġija tal-UE. Il-miżuri relatati mal-universalizzazzjoni tas-CWC għandhom jitkomplew u jiġu adattati u mmirati għan-numru li qed jonqos ta' Stati mhux Partijiet għas-CWC. Dawn l-attivitajiet għandhom ikunu komplimentati b'oħrajn ġodda b'appoġġ għal proġetti speċifiċi mwettqa mill-OPCW immirati lejn l-implimentazzjoni sħiħa tas-CWC u biex tissaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Bil-fini li tingħata applikazzjoni immedjata u prattika lil xi elementi tal-Istrateġija tal-UE, l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-OPCW, bl-objettivi li ġejjin:

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' Stati Partijiet biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni, u

il-promozzjoni tal-universalità billi Stati mhux Parti jiġu mħeġġa jingħaqdu mal-Konvenzjoni.

2.   F’dan il-kuntest, il-proġetti tal-OPCW, li jikkorrispondu għall-miżuri tal-Istrateġija tal-UE għandhom ikunu dawn li ġejjin:

 

Proġett I: Implimentazzjoni Nazzjonali, Verifika u Universalità

Attivitajiet:

żjarat bilaterli ta' assistenza teknika

taħriġ ta' uffiċjali tad-dwana dwar l-aspetti tekniċi tar-reġim ta' trasferimenti tal-Konvenzjoni

taħriġ ta' skorti nazzjonali

taħriġ tal-awtoritajiet nazzjonali għall-użu ta' għodda elettronika għad-dikjarazzjonijiet

eżerċizzju ta' spezzjoni ta' sfida fuq il-post

 

Proġett II: Koperazzjoni Internazzjonali

Attivitajiet:

kors għall-iżvilupp ta' kompetenzi analitiċi

workshop dwar is-sikurezza ta' proċess kimiku u s-CWC

 

Proġett III: Seminar – Kontribut tal-OPCW għad-Dimensjoni u l-Isfidi tas-Sigurtà Internazzjonali

 

Proġett IV: Żjarat mir-rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv għall-faċilitajiet tal-qerda ta' armi kimiċi

 

Proġett V: It-tieni sessjoni tal-Bord Xjentifiku Konsultattiv

 

Proġett VI: Seminar – Kontribut tal-OPCW fl-isfera tas-sigurtà u n-non-proliferazzjoni

 

Proġett VII: Tħejjija tal-Istati Partijiet għall-prevenzjoni ta' u r-rispons għal attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi

Attivitajiet:

eżerċizzju ta' simulazzjoni

workshop reġjonali dwar l-Artikolu X tal-Konvenzjoni

 

Proġett VIII: programm dwar l-Afrika

Attivitajiet:

żjarat bilaterli ta' assistenza teknika

attività ta' komunikazzjoni – Istituzzjoni akkademika u ta' taħriġ – Ċentru Kofi Annan

taħriġ ta' uffiċjali tad-dwana dwar l-aspetti tekniċi tar-reġim ta' trasferimenti tal-Konvenzjoni

komunikazzjoni ta' Stati mhux Partijiet

kors għall-iżvilupp ta' kompetenzi analitiċi

komunikazzjoni ta' industriji - workshop dwar is-sikurezza ta' proċess kimiku u s-CWC

workshop reġjonali - l-Artikolu X u kwistjonijiet ta' koperazzjoni reġjonali fil-qasam ta' rispons ta' assistenza u ta' emerġenza

Deskrizzjoni dettaljata ta' dawn il-proġetti tinsab fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Il-Presidenza, assistita mis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) għall-PESK, għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata bis-sħiħ.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW, (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ is-“Segretarjat Tekniku”). Huwa għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tal-Presidenza u taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ. Għal dan il-fini, is-SĠ/RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat Tekniku.

3.   Il-Presidenza, is-SĠ/RGħ u l-Kummissjoni għandhom jikkoordinaw regolarment dwar il-proġett, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 2 110 000.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mas-Segretarjat Tekniku. Il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat Tekniku għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, adatta skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikulta f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C, nota tad-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjijin mis-Segretarjat Tekniku. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata bis-sħiħ. Hija għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 18-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ta' finanzjament ma jkunx ġie konkluż sa dakinhar.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BILDT


(1)  ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 155.

(2)  ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 209.

(3)  ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 241.


ANNESS

Appoġġ tal-UE għall-attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva

Proġett I: implimentazzjoni Nazzjonali, verifika u universalità

Objettiv:

Tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Partijiet biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni u biex Stati mhux Parti jiġu mħeġġa jifhmu aħjar il-benefiċċji jekk jingħaqdu mal-Konvenzjoni u jkunu involuti aktar fl-attivitajiet tal-OPCW.

Fini:

—   Fini 1

L-Istati Partijiet jagħmlu progress lejn li:

jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni nazzjonali taħt l-Artikolu VII tal-Konvenzjoni;

ikunu konformi mad-dikjarazzjonijiet tagħhom u r-rekwiżiti tad-dikjarazzjonijiet ta’ spezzjoni taħt l-Artikolu VI tal-Konvenzjoni;

jifhmu l-proċeduri implikati fi spezzjoni ta’ sfida taħt l-Artikolu IX tal-Konvenzjoni, kif ukoll l-isfidi rilevanti u kwistjonijiet oħrajn.

—   Fini 2

L-Istati mhux Parti jiġu aktar involuti f’attivitajiet tal-OPCW u jżidu l-fehim tagħhom tal-Konvenzjoni u l-benefiċċji tagħha.

Riżultati:

—   Riżultat 1

L-Awtoritajiet Nazzjonali jkunu tejbu l-kapaċità tagħhom fl-abbozzar ta’ leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali;

L-Uffiċjali tad-Dwana jkunu saħħew il-kapaċità tagħhom biex jidentifikaw sustanzi kimiċi rilevanti għall-Konvenzjoni u jippreżentaw trasferimenti preċiżi ta’ data dwar sustanzi kimiċi skedati lill-Awtoritajiet Nazzjonali;

L-Awtoritajiet Nazzjonali jkunu saħħew il-kapaċità tagħhom fit-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet fil-ħin, b’mod partikolari, f’forma elettronika;

L-uffiċjali tal-Awtoritajiet Nazzjonali jkunu mħarrġin biex jeskortaw l-iskwadri ta’ spezzjoni tal-OPCW, u

L-Istati Partijiet ikunu jafu aktar dwar il-mekkaniżmu ta’ spezzjoni ta’ sfida, bħala għodda ta’ verifika fundamentali għad-dispożizzjoni tagħhom biex jikkjarifikaw nuqqas ta’ konformità possibbli mal-Konvenzjoni;

L-Istati Partijiet jirċievu assigurazzjoni dwar it-tlestija tas-Segretarjat Tekniku li jwettaq b’suċċess spezzjoni ta’ sfida u japplika b’mod effettiv ir-reġim ta’ verifika tal-Konvenzjoni.

—   Riżultat 2

L-Istati mhux Parti jkunu involuti aktar fl-attivitajiet tal-OPCW u jkunu kisbu fehim aħjar tal-benefiċċji jekk jingħaqdu mal-Konvenzjoni u jkunu aktar involuti fl-attivitajiet tal-OPCW.

Attivitajiet:

Żjarat bilaterli ta’ assistenza teknika: ser jingħata appoġġ lil Stati Partijiet permezz ta’ żjarat ta’ assistenza teknika li ser jitfasslu fuq bażi ta’ każ b’każ u jitwettqu biex tingħata assistenza ffukata fuq ir-rispett tar-rekwiżiti tar-rikjesti magħmulin mill-Istati Partijiet. In-natura ta’ dan l-appoġġ ser tinkludi sforzi ta’ sensitizzazzjoni u komunikazzjoni permezz ta’ workshops ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali, korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzati, assistenza għall-abbozzar ta’ leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali u miżuri relatati, u s-suġġetti relatati mal-industrija fl-Artikolu VI.

Taħriġ ta’ uffiċjali tad-dwana dwar l-aspetti tekniċi tar-reġim ta’ trasferimenti tal-Konvenzjoni: ġie previst appoġġ għall-uffiċjali tad-dwana taħt it-tliet Azzjonijiet Konġunti preċedenti. Abbażi ta’ esperjenza miksuba, ser issir komunikazzjoni ma’ uffiċjali tad-dwana permezz ta’ korsijiet ta’ taħriġ bil-ħsieb li jittejbu l-ġbir u t-trasmissjoni ta’ data dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ sustanzi kimiċi skedati lill-Awtoritajiet Nazzjonali. Il-korsijiet ta’ taħriġ reġjonali u subreġjonali li jitwettqu ser joffru dimostrazzjonijiet u eżerċizzji prattiċi u b’involviment dirett.

Taħriġ ta’ skorti nazzjonali: ser jiġi offrut kors biex titrawwem sensibilizzazzjoni fost l-Istati Partijiet dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fit-twettiq ta’ spezzjonijiet taħt l-Artikolu VI. It-taħriġ innifsu ta’ skorti nazzjonali ser jitwettaq permezz ta’ kors ta’ taħriġ subreġjonali mfassal biex jipprovdi informazzjoni rilevanti dwar ir-reġim ta’ verifika, b’mod partikolari t-twettiq ta’ spezzjonijiet taħt l-Artikolu VI. Kors ta’ taħriġ bħal dan ser jinkludi wkoll eżerċizzji prattiċi u b’involviment dirett ġo faċilità u eżerċizzji ta’ simulazzjoni.

Taħriġ tal-Awtoritajiet Nazzjonali għall-użu ta’ għodda elettronika għad-dikjarazzjonijiet: ser jingħataw korsijiet u workshops ta’ sensitizzazzjoni f’livell reġjonali u subreġjonali lill-persunal tal-Awtoritajiet Nazzjonali bl-għodod u t-tagħrif għall-ġbir, iż-żamma, u l-analiżi ta’ informazzjoni dwar il-produzzjoni, il-proċessar u l-konsum ta’ sustanzi kimiċi b’użu doppju, sabiex ikunu armati aħjar biex jippreżentaw dikjarazzjonijiet preċiżi u fil-ħin u biex jidentifikaw kwalunkwe theddid potenzjali u/jew attivitajiet ta’ proliferazzjoni.

Eżerċizzju ta’ spezzjoni ta’ sfida fuq il-post: ser jitwettaq eżerċizzju fuq skala sħiħa fuq il-post biex jiżdied it-tagħrif u l-fehim tal-Istati Partijiet dwar il-proċeduri involuti fi spezzjoni ta’ sfida. Dan l-eżerċizzju ser jipprovdi wkoll opportunità għas-Segretarjat Tekniku biex jittestja u jtejjeb il-ħiliet u l-kapaċitajiet tiegħu biex jorganizza spezzjonijiet ta’ sfida kif ukoll jidentifika problemi li, jekk ma jkunux magħrufa jew ma jiġux indirizzati, jistgħu jaffettwaw l-abbiltà tas-Segretarjat biex iwettaq b’mod effettiv spezzjoni ta’ sfida reali.

Komunikazzjoni ma’ Stati mhux Parti: ir-rappreżentanti ta’ Stati mhux Parti li huma f’pożizzjoni li jinfluwenzaw azzjonijiet nazzjonali relatati mal-adeżjoni/ir-ratifika u dawk involuti direttament fi kwistjonijiet ta’ rilevanza għall-Konvenzjoni ser jiġu sponsorjati biex jattendu programmi varji organizzati mid-Diviżjoni Internazzjonali ta’ Koperazzjoni u Assistenza (ICA). Dawn il-programmi ser jinkludu workshops reġjonali għall-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Istati Partijiet u workshops reġjonali għall-Awtoritajiet tad-Dwana. Fejn meħtieġ, il-membri tal-persunal tad-Diviżjoni tar-Relazzjonijiet Esterni tas-Segretarjat Tekniku ser jiġu sponsorjati wkoll biex jattendu dawn il-laqgħat sabiex iwettqu l-kuntatti u l-interazzjoni meħtieġa mal-parteċipanti sponsorjati mill-Istati mhux Parti. Barra minn hekk, u kif ikun meħtieġ, f’din l-iskema ta’ appoġġ għall-Istati mhux Parti, huma previsti wkoll żjarat u arranġamenti mfasslin apposta biex jinvolvu l-Istati mhux Parti.

Proġett II: Koperazzjoni Internazzjonali

Objettiv:

Tisħiħ tal-kapaċità teknoloġika ta’ Stati Partijiet permezz ta’ koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta’ attivitajiet kimiċi għall-finijiet mhux projbiti taħt il-Konvenzjoni.

Fini:

—   Fini 1

Stati Partijiet b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi ta’ koperazzjoni internazzjonali għall-użu paċifiku tal-kimika.

Stati Partijiet f’pajjiżi b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni jsaħħu l-kapaċità tal-laboratorji tagħhom li huma ffinanzjati pubblikament biex jimplimentaw il-Konvenzjoni fil-qasam tal-użu paċifiku tal-kimika.

—   Fini 2

Stati Partijiet f’pajjiżi b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni javvanzaw fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni nazzjonali tal-Konvenzjoni li hi relatata mal-industrija, f’konformità mal-Artikolu XI, billi jsaħħu l-approċċi għall-ġestjoni tas-sikurezza ta’ proċess kimiku.

Riżultati:

—   Riżultat 1

Kapaċità akbar ta’ Stati Partijiet b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni biex jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi ta’ koperazzjoni internazzjonali għall-użu paċifiku tal-kimika.

Livell ogħla ta’ kompetenza teknika f’laboratorji ffinanzjati pubblikament fi Stati Partijiet b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni biex jiġu analizzati sustanzi kimiċi relatati mal-implimentazzjoni nazzjonali tal-Konvenzjoni u fl-applikazzjoni paċifiku ta’ kimika li tuża metodi analitiċi moderni speċjalment Kromatografija tal-Gass (GC) u Kromatografija tal-Gass / Spettrometrija tal-Massa (GC/MS).

—   Riżultat 2

Kapaċità akbar tal-Istati Partijiet b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni biex jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi ta’ koperazzjoni internazzjonali għall-użu paċifiku ta’ sustanzi kimiċi.

Livelli mtejba ta’ kompetenza u fehim mill-persunal ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet industrijali u l-awtoritajiet nazzjonali jew istituzzjonijiet governattivi ta’ Stati Partijiet li l-ekonomiji tagħhom qed jiżviluppaw jew qegħdin fi transizzjoni rigward prattiċi tal-ġestjoni tas-sikurezza ta’ proċess f’intrapriżi kimiċi żgħar u ta’ daqs medju.

Attivitajiet:

Kors għall-iżvilupp ta’ kompetenzi analitiċi: matul dan il-kors ta’ ġimagħtejn, il-parteċipanti ser jirċievu taħriġ teoretiku u esperjenza b’involviment dirett fil-kromatografija tal-gass u l-kromatografija tal-gass-spettrometrija tal-massa, filwaqt li jiġu koperti l-hardware, il-validazzjoni u l-ottimizzazzjoni ta’ sistema, u t-troubleshooting. Ser tingħata attenzjoni partikolari wkoll għat-tħejjija ta’ kampjuni ambjentali u għall-analiżi GC u GC/MS ta’ tali kampjuni għas-sustanzi kimiċi relatati mal-Konvenzjoni. Il-parteċipanti ser jirċievu wkoll taħriġ intensiv b’involviment dirett fit-tħejjija ta’ matriċi kampjuni differenti li għandhom jiġu analizzati bil-GC b’ditekters selettivi skont l-element u b’GC/MS f’impatt ta’ elektrons u f’modi ta’ ijonizzazzjoni kimika u huma ser issirilhom introduzzjoni għal firxa ta’ proċeduri ta’ estrazzjoni, tindif u derivatizzazzjoni. Il-kors ser jiġi implimentat bl-appoġġ ta’ VERIFIN/TU Delft jew istituzzjoni magħrufa simili magħżula bi proċess trasparenti.

Komunikazzjoni ta’ industriji - workshop dwar is-sikurezza ta’ proċess kimiku u s-CWC: ser ikun hemm introduzzjoni dwar il-Konvenzjoni u l-programmi ta’ koperazzjoni internazzjonali implimentati segwenti għaliha. Matul dan il-workshop ser jiġu diskussi - fost oħrajn - l-aħjar prattiki tal-industrija u l-elementi tal-kunċett tal-ġestjoni tas-sikurezza ta’ proċess. Barra minn hekk f’dan il-workshop ser jiġu koperti: Ħarsa Ġenerali lejn l-Analiżi tal-Periklu ta’ Proċess (PHA) u l-Periklu u Operabbiltà (HAZOP), il-prinċipji ta’ fattur uman, il-ġestjoni tal-bidla, il-parteċipazzjoni ta’ kultura/impjegat tas-sikurezza.

Proġett III: Seminar - kontribut tal-OPCW għad-Dimensjoni u l-Isfidi tas-Sigurtà Internazzjonali

Objettiv:

Appoġġ għal implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni u tisħiħ tal-fehim tal-kontribut globali tagħha għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Fini:

Fini 1 - tingħata ħarsa ġenerali olistika tar-rwol u l-importanza tal-Konvenzjoni fl-arkitettura tas-sigurtà internazzjonali.

Fini 2 - titqajjem sensibilizzazzjoni fost il-partijiet interessati maġġuri tal-Konvenzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, dwar id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u l-istrateġiji ta’ implimentazzjoni.

Fini 3 - jiġu promossi n-netwerking u s-sinerġiji u l-approċċi kooperattivi oħrajn ta’ bejn aġenziji għas-sigurtà internazzjonali.

Riżultati:

Riżultat 1 - il-partijiet interessati jkunu informati aħjar dwar l-importanza tal-Konvenzjoni u jżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tal-OPCW inklużi l-programm u l-attivitajiet tagħha fid-dinja kollha.

Riżultat 2 - il-partijiet interessati jkunu aktar konxji mill-Konvenzjoni u strateġiji innovattivi għall-implimentazzjoni tagħha.

Riżultat 3 - l-Istati mhux Parti jkunu saħħew id-djalogu u r-relazzjonijiet kooperattivi tagħhom mal-OPCW biex jiġu ffaċilitati l-isforzi tagħhom immirati lejn li jingħaqdu mal-Konvenzjoni.

Riżultat 4 - l-industrija kimika ttejjeb il-kapaċità tagħha biex tikkoordina inizjattivi konġunti għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

Attività:

Seminar: is-Seminar ser isir fl-Aja jew fi Stat Parti interessat. Il-persunal tas-Segretarjat Tekniku u r-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi oħrajn, l-Istati Partijiet, l-industrija kimika u l-akkademiċi ser jipprovdu preżentazzjonijiet dwar is-suġġetti rilevanti relatati mal-Konvenzjoni. L-avveniment ser jagħti wkoll lis-Segretarjat Tekniku opportunità li jagħmel konsultazzjonijiet bilaterali ma’ organizzazzjonijiet intergovernattivi u Stati mhux Parti parteċipanti. Dan is-Seminar ser jiġi organizzat fi sħubija jew bl-appoġġ tal-pajjiż ospitanti u kwalunkwe organizzazzjoni interessata (u rilevanti).

Proġett IV: żjarat mir-rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv għall-faċilitajiet tal-qerda ta’ armi kimiċi

Objettiv:

Avvanzar tat-tneħħija tal-istokkijiet ta’ armi kimiċi u l-faċilitajiet tal-produzzjoni ta’ armi kimiċi soġġett għall-miżuri ta’ verifika prevista fil-Konvenzjoni.

Fini:

Fini 1 - L-Istati Partijiet ikunu jistgħu jissorveljaw il-progress li jsir lejn l-ilħuq tal-qerda kompleta tal-istokkijiet ta’ armi kimiċi u jkunu jistgħu jidentifikaw u jindirizzaw problemi fl-ilħuq tal-qerda fi stadju bikri.

Fini 2 - L-Istati Partijiet ikunu aktar fiduċjużi li jkunu qed isiru passi tanġibbli u konkreti għall-qerda kompleta tal-istokkijiet ta’ armi kimiċi.

Riżultati:

Riżultat 1 - L-Istati Partijiet jifhmu aħjar il-problemi u d-diffikultajiet tekniċi relatati mal-qerda ta’ armi kimiċi.

Riżultat 2 - L-Istati Partijiet ikunu aktar fiduċjużi li jkunu qed isiru passi tanġibbli u konkreti għall-qerda kompleta tal-istokkijiet ta’ armi kimiċi.

Attività:

Żjarat għal faċilitajiet tal-qerda ta’ armi kimiċi (CWDFs): S’issa, saru tliet żjarat - għas-CWDF ta’ Anniston, fl-Istati Uniti tal-Amerika (Ottubru 2007), għas-CWDF ta’ Shchuchye, fil-Federazzjoni Russa (Settembru 2008), u għas-CWDFs ta’ Pueblo u Umatilla, ukoll fl-Istati Uniti tal-Amerika (Ġunju 2009). It-tliet żjarat li saru s’issa kienu ta’ valur bħala mezz biex jiġu indirizzati mistoqsijiet jew tħassib dwar programm ta’ Stat Parti pussessur għar-rispett tal-obbligi tiegħu dwar il-qerda tal-armi kimiċi tiegħu sal-iskadenza estiża approvata. Għalhekk, f’konformità mad-deċiżjoni tal-Konferenza, huwa ċar li għas-snin li fadal sal-2012, iż-żewġ Stati Partijiet pussessuri ser jospitaw aktar żjarat bħal dawn għall-faċilitajiet operattivi tagħhom tal-qerda ta’ armi kimiċi u għal faċilitajiet li attwalment qegħdin taħt kostruzzjoni.

Proġett V: It-Tieni Sessjoni tal-Bord Xjentifiku Konsultattiv

Objettiv:

Il-Konferenza ta’ Stati Partijiet, il-Kunsill Eżekuttiv jew l-Istati Partijiet ikunu jistgħu jieħdu kont aħjar tal-avvanzi fix-xjenza u t-teknoloġija u tal-impatt potenzjali tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

Fini:

Id-Direttur-Ġenerali jkun jista’ jagħti parir speċjali lill-organi li jfasslu politika tal-OPCW u lill-Istati Partijiet dwar l-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija rilevanti għall-Konvenzjoni.

Riżultati:

Riżultat 1 - L-Istati Partijiet jirċievu parir u rakkomandazzjonijiet dwar oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija rilevanti għall-Konvenzjoni.

Riżultat 2 - L-Istati Partijiet ikunu aġġornati u aktar informati dwar oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija rilevanti għall-Konvenzjoni.

Attività:

Bord Xjentikiu Konsultattiv (SAB): Fil-ħarifa tal-2009, ser issir it-tieni sessjoni tal-SAB fl-Aja. Is-sessjoni ser iddum tliet ijiem li matulhom l-SAB ser ikompli jindirizza kwistjonijiet relatati mal-avvanzi fix-xjenza u t-teknoloġija u tal-impatt potenzjali tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Is-sessjoni ser tindirizza wkoll rapport tal-grupp ta’ ħidma temporanju dwar teħid ta’ kampjuni u analiżi, li ser jitħejja matul il-laqgħa prevista ta’ dak il-grupp qabel it-tieni sessjoni tal-SAB. Il-grupp ta’ ħidma temporanju jindirizza kwistjonijiet relatati ma’ tekniki ġodda u addizzjonali għal analiżi fuq il-post, analiżi mhux fuq il-post, u l-analiżi ta’ tossini (riċinu u sassitossin) fuq il-post u mhux fuq il-post.

Proġett VI: Seminar - Kontribut tal-OPCW fl-isfera tas-sigurtà u n-non-proliferazzjoni

Objettiv:

Appoġġ għall-isforzi globali mmirati lejn in-non-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva, b’mod partikolari armi kimiċi.

Fini:

Fini 1 - L-awtoritajiet nazzjonali u partijiet involuti oħrajn involuti fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex jgħinu fil-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta’ armi kimiċi u l-użu ta’ sustanzi kimiċi f’attakki terroristiċi.

Fini 2 - jiġi stabbilit forum ta’ koperazzjoni ta’ diversi partijiet interessati bħala għodda għall-appoġġ ta’ attivitajiet speċifiċi ta’ Stati Partijiet fl-isfera tan-non-proliferazzjoni ta’ kimiċi u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Riżultati:

Riżultat 1 - il-partijiet interessati tal-Konvenzjoni jkunu aktar konxji mit-theddid tal-proliferazzjoni u l-isfidi li jirriżultaw mill-armi kimiċi u l-użu ta’ sustanzi kimiċi tossiċi f’attakki terroristiċi.

Riżultat 2 - l-Istati Partijiet ikunu mħejjijin aħjar biex jiffaċjaw it-theddid ta’ terroriżmu li jinvolvi l-użu ta’ sustanzi kimiċi tossiċi f’ambjenti differenti.

Riżultat 3 - l-awtoritajiet nazzjonali u l-imsieħba nazzjonali u internazzjonali rilevanti, l-industrija kimika, l-akkademiċi u l-OPCW jkunu jistgħu jtejjbu sinerġiji u kuntatti ulterjuri lejn għan komuni - l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Konvenzjoni.

Riżultat 4 - L-Istati Partijiet b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni jipparteċipaw fl-iskambju ta’ tagħrif u esperjenza dwar il-verifika u miżuri implimentattivi oħrajn u jkollhom aktar tagħrif dwar l-iżviluppi reċenti fl-isfera tar-reġim ta’ verifika tal-Konvenzjoni u l-protezzjoni tagħha kontra armi kimiċi.

Attività:

Seminar: is-seminar ser ikollu preżentazzjonijiet mis-Segretarjat Tekniku dwar kwistjonijiet varji relatati mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u l-kontribut tagħha għas-sigurtà u n-non-proliferazzjoni. Il-preżentazzjonijiet ser isiru mill-partijiet interessati differenti fil-Konvenzjoni, u ser jiġu organizzati workshops speċjalizzati fil-kuntest tas-seminar dwar aspetti rilevanti relatati mar-riskji assoċjati mal-proliferazzjoni ta’ armi kimiċi u l-użu ta’ sustanzi kimiċi tossiċi f’attakki terroristiċi. Is-seminar ser jipprovdi wkoll opportunità biex jiġu diskussi u jitressqu mistoqsijiet u tweġibiet dwar kwistjonijiet relatati mal-kontribut tal-OPCW għas-sigurtà u n-non-proliferazzjoni.

Proġett VII: Tħejjija tal-Istati Partijiet għall-prevenzjoni ta’ u r-rispons għal attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi

Objettiv:

Kontribut għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet nazzjonali tal-Istati Partijiet biex jitnaqqsu r-riskji ta’ attakk terroristiku b’sustanzi kimiċi u biex jittejjeb ir-rispons tagħhom għal assistenza f’każ ta’ użu jew theddid ta’ użu ta’ sustanzi kimiċi.

Fini:

—   Fini 1 - L-Istati Partijiet, li l-ekonomiji tagħhom qegħdin jiżviluppaw jew fi transizzjoni, isaħħu l-kapaċità tagħhom biex:

inaqqsu r-riskji tal-aċċess possibbli minn terroristi għal materjal, tagħmir u tagħrif li jistgħu jintużaw f’attakk terroristiku fuq impjanti kimiċi;

jevalwaw l-adegwatezza ta’ pjanijiet, linji ta’ politika u proċeduri eżistenti għal rispons għal attakk terroristiku fuq impjanti kimiċi;

jirrispondu f’każ ta’ attakk terroristiku b’sustanzi kimiċi;

jeżerċitaw il-proċessi tagħhom tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet ma’ msieħba nazzjonali u internazzjonali f’każ ta’ attakk terroristiku fuq impjanti kimiċi;

jibdew jaħdmu fuq il-ħolqien ta’ pjattaforma ta’ koperazzjoni bejn il-gruppi mira biex jirrispondu f’każ ta’ terroriżmu b’rilaxx ta’ sustanzi kimiċi tossiċi.

—   Fini 2

L-Istati Partijiet isaħħu s-sensibilizzazzjoni tagħhom ta’ kemm hu importanti li jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-ħin u kompleti dwar programmi nazzjonali relatati ma’ finijiet protettivi;

L-Istati Partijiet jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-OPCW biex tirrispondi għal talba għal assistenza;

L-Istati Partijiet fir-reġjuni jew is-subreġjuni jiġu mħeġġa jrawmu kuntatti għall-ħolqien ta’ netwerks reġjonali biex itejbu r-rispons koordinat tagħhom għal emerġenza ta’ armi kimiċi.

Riżultati:

—   Riżultat 1 - aktar sensibilizzazzjoni ta’ Stati Partijiet, li l-ekonomiji tagħhom qed jiżviluppaw jew qegħdin fi transizzjoni, rigward:

l-użu ta’ sustanzi kimiċi tossiċi minn terroristi u/jew sikurezza u sigurtà f’impjanti kimiċi;

il-ħtieġa li tiġi promossa koperazzjoni rigward emerġenzi ta’ armi kimiċi f’każ ta’ attakk terroristiku.

—   Riżultat 2 - kapaċità akbar ta’ Stati Partijiet, li l-ekonomiji tagħhom qed jiżviluppaw jew qegħdin fi transizzjoni, biex:

inaqqsu r-riskji tal-aċċess possibbli minn terroristi għal materjal, tagħmir u tagħrif li jistgħu jintużaw f’attakk terroristiku fuq impjanti kimiċi;

jirrispondu f’każ ta’ attakk terroristiku b’sustanzi kimiċi;

jiskambjaw informazzjoni u jikkoordinaw azzjonijiet ma’ msieħba nazzjonali u internazzjonali f’każ ta’ attakk terroristiku fuq impjanti kimiċi.

—   Riżultat 3 - L-Istati Partijiet ikunu konxji ta’ kemm hu importanti li jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-ħin u kompleti dwar programmi nazzjonali relatati ma’ finijiet protettivi.

—   Riżultat 4 - L-Istati Partijiet ikunu f’pożizzjoni aħjar biex joffru assistenza lill-OPCW fir-rispons ta’ talba għal assistenza.

—   Riżultat 5 - L-Istati Partijiet ikollhom kuntatti żviluppati li jistgħu jirriżultaw f’koperazzjoni futura fil-livell reġjonali għal rispons għal emerġenza ta’ armi kimiċi.

Attivitajiet:

Eżerċizzju ta’ simulazzjoni: din l-attività timmira lejn l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Istati Partijiet biex jitnaqqsu r-riskji li armi kimiċi jinkisbu jew jintużaw għal finijiet terroristiċi. Dan ser jinkludi l-prevenzjoni ta’ aċċess possibbli minn terroristi għal materjal, tagħmir u tagħrif li jistgħu jintużaw fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ armi kimiċi. Ser jiġi żviluppat kunċett dettaljat tal-eżerċizzju ta’ simulazzjoni. Xenarju bażiku tal-eżerċizzju ser ikun attakk terroristiku f’impjant kimiku b’rilaxx ta’ sustanzi kimiċi tossiċi. L-eżerċizzju ta’ simulazzjoni ser jeżamina t-teħid ta’ deċiżjonijiet intergovernattivi, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-għoti ta’ assistenza bejn organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali rilevanti. L-eżerċizzju ta’ simulazzjoni ser jiġi ripetut f’reġjuni oħrajn fil-futur, abbażi tal-modulu żviluppat mis-Segretarjat Tekniku u l-Istati Partijiet. Din l-attività ser tinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ fergħat relatati fid-Diviżjoni Internazzjonali ta’ Koperazzjoni u Assistenza, id-Diviżjoni ta’ Verifika u d-Diviżjoni tal-Ispettorat. L-eżerċizzju ta’ simulazzjoni ser ikun organizzat mill-Uffiċċju ta’ Proġetti Speċjali.

Workshop Reġjonali: Il-Workshop Reġjonali huwa maħsub biex irawwem id-diskussjoni u l-analiżi ta’ diversi kwistjonijiet ta’ assistenza u dawk relatati mal-protezzjoni b’attenzjoni speċjali fuq oqsma bħad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Partijiet taħt l-Artikolu X tal-Konvenzjoni, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ programmi protettivi, l-analiżi ta’ dgħufijiet tal-Artikolu X u oqsma problematiċi, u ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ assistenza u protezzjoni fir-reġjun. L-Istati Partijiet ser jagħmlu preżentazzjonijiet sabiex jikkondividu esperjenzi u lezzjonijiet mitgħallma.

Proġett VIII: Programm tal-Afrika

Objettiv:

Tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Partijiet biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni u biex Stati mhux Parti jiġu mħeġġa jifhmu aħjar il-benefiċċji jekk jingħaqdu mal-Konvenzjoni u jkunu involuti aktar fl-attivitajiet tal-OPCW.

Fini:

—   Fini 1 - L-Istati Partijiet Afrikani jagħmlu progress lejn:

ir-rispett tar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni nazzjonali taħt l-Artikolu VII tal-Konvenzjoni;

il-konformità mad-dikjarazzjonijiet tagħhom u r-rekwiżiti tad-dikjarazzjonijiet ta’ spezzjoni taħt l-Artikolu VI tal-Konvenzjoni;

—   Fini 2

L-Istati Partijiet Afrikani jagħmlu progress lejn l-inklużjoni tal-Konvenzjoni fil-kurrikulum taċ-Ċentru Internazzjonali Kofi Annan ta’ Taħriġ għaż-Żamma tal-Paċi (KAIPTC).

—   Fini 3

Stati mhux Parti jiġu aktar involuti f’attivitajiet tal-OPCW u jżidu il-fehim tagħhom tal-Konvenzjoni u l-benefiċċji tagħha.

—   Fini 4

L-Istati Partijiet Afrikani b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi ta’ koperazzjoni internazzjonali għall-użu paċifiku tal-kimika.

L-Istati Partijiet Afrikani b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni jsaħħu l-kapaċità tal-laboratorji tagħhom li huma ffinanzjati pubblikament biex jimplimentaw il-Konvenzjoni fil-qasam tal-użu paċifiku tal-kimika.

—   Fini 5

L-Istati Partijiet Afrikani jsaħħu s-sensibilizzazzjoni tagħhom ta’ kemm hu importanti li jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-ħin u kompleti dwar programmi nazzjonali relatati ma’ finijiet protettivi;

L-Istati Partijiet Afrikani jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-OPCW biex tirrispondi għal talba għal assistenza;

L-Istati Partijiet Afrikani fir-reġjuni jew is-subreġjuni jkunu mħeġġa jrawmu kuntatti għall-ħolqien ta’ netwerks reġjonali biex itejbu r-rispons koordinat tagħhom għal emerġenza ta’ armi kimiċi.

Riżultati:

—   Riżultat 1

L-awtoritajiet nazzjonali jkunu tejbu l-kapaċità tagħhom fl-abbozzar ta’ leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali;

L-uffiċjali tad-dwana jkunu saħħew il-kapaċità tagħhom biex jidentifikaw sustanzi kimiċi rilevanti għall-Konvenzjoni u jippreżentaw trasferimenti preċiżi ta’ data dwar sustanzi kimiċi skedati lill-Awtoritajiet Nazzjonali;

L-awtoritajiet nazzjonali jkunu saħħew il-kapaċità tagħhom fit-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet fil-ħin, b’mod partikolari, f’forma elettronika;

L-uffiċjali tal-awtoritajiet Nazzjonali jkunu mħarġin biex jeskortaw l-iskwadri ta’ spezzjoni tal-OPCW.

—   Riżultat 2

Il-persunal tal-KAIPTC u l-parteċipanti tal-programmi taċ-Ċentru jkunu aktar familjari mal-Konvenzjoni.

—   Riżultat 3

L-Istati mhux Parti jkunu involuti aktar fl-attivitajiet tal-OPCW u jkunu kisbu fehim aħjar tal-benefiċċji jekk jingħaqdu mal-Konvenzjoni u jkunu involuti aktar fl-attivitajiet tal-OPCW.

—   Riżultat 4

Kapaċità akbar ta’ Stati Partijiet Afrikani b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni biex jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi ta’ koperazzjoni internazzjonali għall-użu paċifiku tal-kimika.

Livell ogħla ta’ kompetenza teknika f’laboratorji ffinanzjati pubblikament fi Stati Partijiet Afrikani b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni biex jiġu analizzati sustanzi kimiċi relatati mal-implimentazzjoni nazzjonali tal-Konvenzjoni u fl-applikazzjoni paċifiku ta’ kimika li tuża metodi analitiċi moderni speċjalment GC u GC/MS.

Kapaċità akbar ta’ Stati Partijiet Afrikani b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni biex jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi ta’ koperazzjoni internazzjonali għall-użu paċifiku ta’ sustanzi kimiċi.

Livelli mtejba ta’ kompetenza u fehim mill-persunal ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet industrijali u l-awtoritajiet nazzjonali/istituzzjonijiet governattivi ta’ Stati Partijiet Afrikani li l-ekonomiji tagħhom qed jiżviluppaw jew qegħdin fi transizzjoni rigward prattiċi tal-ġestjoni tas-sikurezza ta’ proċess f’intrapriżi kimiċi żgħar u ta’ daqs medju.

—   Riżultat 5

L-Istati Partijiet Afrikani jkunu konxji ta’ kemm hu importanti li jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-ħin u kompleti dwar programmi nazzjonali relatati ma’ finijiet protettivi.

L-Istati Partijiet Afrikani jkunu f’pożizzjoni aħjar biex joffru assistenza lill-OPCW fir-rispons għal talba għal assistenza.

L-Istati Partijiet Afrikani jkollhom kuntatti żviluppati li jistgħu jirriżultaw f’koperazzjoni futura fil-livell reġjonali għal rispons għal emerġenza ta’ armi kimiċi.

Attivitajiet:

Żjarat bilaterli ta’ assistenza teknika: ser jingħata appoġġ lil Stati Partijiet Afrikani permezz ta’ żjarat ta’ assistenza teknika li ser jitfasslu fuq bażi ta’ każ b’każ u jitwettqu biex tingħata assistenza ffukata fuq ir-rispett tar-rekwiżiti tar-rikjesti magħmulin mill-Istati Partijiet Afrikani. In-natura ta’ dan l-appoġġ ser tinkludi sforzi ta’ sensitizzazzjoni u komunikazzjoni permezz ta’ workshops ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali, korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzati, assistenza għall-abbozzar ta’ leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali u miżuri relatati, u s-suġġetti relatati mal-industrija fl-Artikolu VI.

Attività ta’ Komunikazzjoni - istituzzjoni akkademika u ta’ taħriġ - Ċentru Kofi Annan: il-persunal tal-OPCW ser iżur il-KAIPTC biex jagħmel preżentazzjonijiet dwar diversi aspetti tal-Konvenzjoni. Billi l-KAIPTC joffri firxa wiegħsa ta’ programmi ta’ taħriġ għall-uffiċjali tas-servizz kemm militari kif ukoll ċivili, li huma mistennijin jkollhom rwoli ta’ tfassil ta’ politika fil-gvern, din l-attività ta’ komunikazzjoni mis-Segretarjat Tekniku hija maħsuba biex tavvanza l-inklużjoni tal-Konvenzjoni fil-kurrikulu tal-KAIPT.

Taħriġ ta’ uffiċjali tad-Dwana dwar l-aspetti tekniċi tar-reġim ta’ trasferimenti tal-Konvenzjoni: ġie pprovdut appoġġ għall-uffiċjali tad-dwana taħt it-tliet Azzjonijiet Konġunti preċedenti. Abbażi ta’ esperjenza miksuba, ser issir komunikazzjoni ma’ uffiċjali tad-dwana permezz ta’ korsijiet ta’ taħriġ bil-ħsieb li jittejbu l-ġbir u t-trasmissjoni ta’ data dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ sustanzi kimiċi skedati lill-awtoritajiet nazzjonali. Il-korsijiet ta’ taħriġ reġjonali u subreġjonali li jitwettqu ser joffru dimostrazzjonijiet u eżerċizzji prattiċi u b’involviment dirett.

Komunikazzjoni ma’ Stati mhux Parti: ir-rappreżentanti ta’ Stati Afrikani mhux Parti li huma f’pożizzjoni li jinfluwenzaw perċezzjonijiet rigward l-adeżjoni/ir-ratifika u dawk involuti direttament fi kwistjonijiet ta’ rilevanza għall-Konvenzjoni, inkluż id-dwana, ser jiġu sponsorjati biex jattendu programmi differenti organizzati mill-Fergħa Internazzjonali ta’ Koperazzjoni. Dawn il-programmi ser jinkludu workshops reġjonali għall-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Partijiet u workshops reġjonali għall-awtoritajiet tad-Dwana. Fejn meħtieġ, il-membri tal-persunal tad-Diviżjoni tar-Relazzjonijiet Esterni tas-Segretarjat Tekniku ser jiġu sponsorjati wkoll biex jattendu dawn il-laqgħat sabiex iwettqu l-kuntatti u l-interazzjoni meħtieġa mal-parteċipanti sponsorjati mill-Istati mhux Parti.

Kors għall-iżvilupp ta’ kompetenzi analitiċi: Matul dan il-kors ta’ ġimgħatejn, il-parteċipanti ta’ Stati Afrikani ser jirċievu taħriġ teoretiku u esperjenza b’involviment dirett fil-kromatografija tal-gass u l-kromatografija tal-gass-spettrometrija tal-massa, filwaqt li jiġu koperti l-hardware, il-validazzjoni u l-ottimizzazzjoni ta’ sistema, u t-troubleshooting. Ser tingħata attenzjoni partikolari wkoll għat-tħejjija ta’ kampjuni ambjentali u għall-analiżi GC u GC/MS ta’ tali kampjuni għas-sustanzi kimiċi relatati mal-Konvenzjoni. Il-parteċipanti ser jirċievu wkoll taħriġ intensiv b’involviment dirett fit-tħejjija ta’ matriċi kampjuni differenti li għandhom jiġu analizzati bil-GC b’ditekters selettivi skont l-element u b’GC/MS f’impatt ta’ elektrons u f’modi ta’ ijonizzazzjoni kimika u ser issirilhom introduzzjoni għal firxa ta’ proċeduri ta’ estrazzjoni, tindif u derivatizzazzjoni. Il-kors ser jiġi implimentat bl-appoġġ ta’ VERIFIN / TU Delft jew istituzzjoni magħrufa simili magħżula bi proċess trasparenti.

Komunikazzjoni ta’ industriji - workshop dwar is-sikurezza ta’ proċess kimiku u s-CWC: Ser ikun hemm introduzzjoni dwar il-Konvenzjoni u l-programmi ta’ koperazzjoni internazzjonali implimentati segwenti għaliha. Matul dan il-workshop ser jiġu diskussi - fost oħrajn - l-aħjar prattiki tal-industrija u l-elementi tal-kunċett tal-ġestjoni tas-sikurezza ta’ proċess. Barra minn hekk f’dan il-workshop ser jiġu koperti: Ħarsa Ġenerali lejn l-Analiżi tal-Periklu ta’ Proċess (PHA) u l-Periklu u Operabbiltà (HAZOP), il-prinċipji ta’ fattur uman, il-ġestjoni ta’ bidla, il-parteċipazzjoni ta’ kultura/impjegat tas-sikurezza.

Workshop Reġjonali - l-Artikolu X u kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni reġjonali fil-qasam ta’ rispons ta’ assistenza u ta’ emerġenza: Il-workshop reġjonali huwa maħsub biex irawwem id-diskussjoni u l-analiżi ta’ diversi kwistjonijiet ta’ assistenza u dawk relatati mal-protezzjoni b’attenzjoni speċjali fuq oqsma bħad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Partijiet taħt l-Artikolu X tal-Konvenzjoni, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ programmi protettivi, l-analiżi ta’ dgħufijiet tal-Artikolu X u oqsma problematiċi, u ħarsa ġenerali tal-attivitajiet ta’ assistenza u protezzjoni fir-reġjun. L-Istati Partijiet ser jagħmlu preżentazzjonijiet sabiex jikkondividu esperjenzi u lezzjonijiet mitgħallma.