15.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/63


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Lulju 2009

għall-ħatra ta’ membru ta’ politika pubblika fuq il-Grupp Superviżorju tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju

(2009/549/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), kumitat tekniku dwar il-kontabbiltà għandu jipprovdi għajnuna u għarfien espert lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà. Ir-rwol ta’ dak il-kumitat tekniku dwar il-kontabbiltà jitwettaq mill-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG).

(2)

L-EFRAG twaqqaf fl-2001 minn organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw lill-emittenti, l-investituri u l-professjoni tal-kontabbiltà involuti fil-proċess ta’ rappurtar finanzjarju.

(3)

Wara r-riformi fl-istruttura ta’ governanza tal-EFRAG, il-Bord Superviżorju tal-EFRAG jinkludi erba’ membri ta’ politika pubblika speċifikament magħżula abbażi tal-esperjenza tagħhom fit-tfassil tal-politika pubblika fil-livell nazzjonali jew Ewropew. Skont it-Taqsima 3.2 tal-Appendiċi 1 għall-Istatuti tal-EFRAG bis-seħħ mill-11 ta’ Ġunju 2009, hija fir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li taħtar dawn il-membri ta’ politika pubblika. Il-membri tal-Bord Superviżorju tal-EFRAG jinħatru mill-Assemblea Ġenerali tal-EFRAG.

(4)

Wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet (2) il-Kummissjoni għażlet kandidat wieħed biex jinħatar bħala membru ta’ politika pubblika fuq il-Bord Superviżorju tal-EFRAG.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu uniku

Il-Kummissjoni bil-preżenti tinnomina lis-Sur Pedro SOLBES biex jinħatar bħala membru ta’ politika pubblika fuq il-Grupp Superviżorju tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU C 74, 28.3.2009, p. 61