14.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/39


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Awwissu 2008

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-ekotikketta Komunitarja għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 4453)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/544/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 dwar skema riveduta tal-għoti tal-ekotikketta Komunitarja (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 l-ekotikketta Komunitarja tista’ tingħata lil prodott li jkollu karatteristiċi li jippermettulu li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal titjib f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aspetti ambjentali ewlenin.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi li l-kriterji speċifiċi dwar l-ekotikketta, imsejsa fuq l-abbozz tal-kriterji żviluppat mill-Bord għall-Ittikkettjar Ekoloġiku tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu stabbiliti skont il-gruppi ta’ prodotti.

(3)

Huwa jipprovdi wkoll li r-reviżjoni tal-kriterji dwar l-ekotikketta, kif ukoll tar-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati magħhom, għandha sseħħ fi żmien xieraq qabel ma jintemm il-perjodu tal-validità tal-kriterji speċifiċi għal kull grupp ta’ prodotti kkonċernat.

(4)

B’segwitu għar-Regolament (KE) Nru 1980/2000, twettqet reviżjoni fil-ħin tal-kriterji ekoloġiċi, kif ukoll tar-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati li kienu ġew stabbliliti bid-Deċiżjoni 2002/739/KE tat-3 ta’ Settembru 2002 li tistabbilixxi kriterji ekoloġiċi riveduti għall-għoti tal-Ekotikketta Komunitarja għaż-żebgħa u verniċi ta’ ġewwa u li temenda d-Deċiżjoni 1999/10/KE (2). Dawn il-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati magħhom huma validi sat-28 ta’ Frar 2009.

(5)

Fil-kuntest ta’ din ir-reviżjoni, huwa xieraq li titbiddel it-tifsira tal-grupp ta’ prodotti u li jiġu stabbiliti kriterji ekoloġiċi ġodda, sabiex jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi u tas-suq.

(6)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2002/739/KE għandha tinbidel.

(7)

Il-kriterji ekoloġiċi, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati, għandhom ikunu validi għal erba’ snin mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

(8)

Għandu jitħalla perjodu tranżitorju għall-produtturi li l-prodotti tagħhom ikunu ngħataw l-ekotikketta għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa qabel 18.8.2008 jew li jkunu applikaw għaliha qabel 18.8.2008 sabiex ikollhom ħin biżżejjed biex jadattaw il-prodotti tagħhom sabiex jiġu f’konformità mal-kriterji u r-rekwiżiti riveduti. Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, sat-28 ta’ Frar 2009, il-produtturi għandhom jitħallew iressqu applikazzjonijiet magħmulin skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/739/KE jew skont il-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Wara din id-data, għandhom japplikaw biss il-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-grupp ta’ prodotti “iż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa” għandu jinkludi ż-żebgħa u l-verniċ dekorattiv ta’ ġewwa, il-likwidi li jlewnu l-injam u l-prodotti relatati, kif iddefiniti fil-paragrafu 2, maħsubin għall-użu mid-dilettanti (id-“do-it-yourself”) u mill-professjonisti, u li ġew żviluppati primarjament għall-użu fuq ġewwa u qed jitmexxew fis-suq bħala tali.

Dan jinkludi, fost l-oħrajn, il-kisi u ż-żebgħa tal-art; il-prodotti li jingħataw lewn ħafif mid-distributuri fuq talba tad-dekoraturi dilettanti jew professjonali; is-sistemi li jagħtu l-lewn; iż-żebgħa dekorattiva f’forma likwida jew bħala pejst li tista’ tkun ġiet ikkundizzjonata minn qabel, mogħtija lewn ħafif jew imħejjija mill-manifattur sabiex taqdi l-bżonnijiet tal-konsumaturi, inkluż iż-żebgħa tal-ewwel passata u ż-żebgħa ta’ taħt tat-tali sistemi ta’ prodotti.

2.   “Żebgħa” tfisser materjal għall-kisi, f’forma likwida jew bħala pejst jew trab, miżjud bil-pigment, u li meta jiġi applikat fuq wiċċ li jrid jinżebagħ, joħloq saff opak li jkollu karatteristiċi protettivi, dekorattivi jew karatteristiċi tekniċi speċifiċi.

“Verniċ” tfisser materjal għall-kisi trasparenti li meta jiġi applikat fuq wiċċ li jrid jinżebagħ joħloq saff trasparenti u solidu li jkollu karatteristiċi protettivi, dekorattivi jew karatteristiċi tekniċi speċifiċi.

“Iż-żebgħa u l-verniċ dekorattiv” tfisser żebgħa u verniċ li jiġu applikati fuq il-bini, it-tirqim u l-aċċessorji tiegħu, għal għanijiet dekorattivi u protettivi. Huma jiġu applikati fil-post. Filwaqt li l-għan prinċipali tagħhom huwa dekorattiv, fl-istess ħin huma jipprovdu wkoll il-protezzjoni.

“Il-likwidi li jlewnu l-injam” (il-“lasures”) tfisser kisjiet li jiffurmaw saff trasparenti jew semi-trasparenti, biex jiddekoraw u jipproteġu l-injam kontra l-effetti tat-temp, u li jippermettu ż-żamma tiegħu b’mod faċli.

“Sistemi li jagħtu l-lewn” huma metodu kif wieħed iħejji ż-żebgħa tal-kulur billi jħallat “bażi” ma’ lwien ħfief ikkuluriti.

3.   Il-grupp ta’ prodotti ma għandux jinkludi:

(a)

il-kisi ta’ kontra l-korrużjoni;

(b)

il-kisi ta’ kontra l-akkumulu ta’ depożitu ta’ materjali;

(c)

il-prodotti għall-konservazzjoni tal-injam;

(d)

il-kisi għall-użi industrijali u professjonali partikolari, inkluż il-kisi li jiflaħ għall-istrapazz (“heavy-duty”);

(e)

il-kisi tal-faċċati;

(f)

kwalunkwe prodott li ġie żviluppat primarjament għall-użu fuq barra u li jitmexxa fis-suq bħala tali.

Artikolu 2

1.   Sabiex jingħataw l-ekotikketta Komunitarja skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 u suġġetti għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, iż-żebgħa u l-verniċ għandhom jaqgħu fi ħdan il-grupp ta’ prodotti “iż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa”, kif iddefinit fl-Artikolu 1, u għandhom ikunu konformi mal-kriterji ekoloġiċi stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-kisi ta’ rendiment reattiv li jkun fih żewġ pakketti u jkun għal użu aħħari speċifiku għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

iż-żewġ komponenti tiegħu jridu, individwalment, ikunu konformi mal-kriterji ekoloġiċi mniżżlin fl-Anness (ħlief għall-kriterju għall-Komposti Organiċi Volatili);

(b)

irid ikun jinkludi tagħrif li jispjega li l-komponenti individwali ma għandhomx jintużaw b’mod separat jew jitħalltu ma’ prodotti oħrajn.

(c)

Madankollu, il-prodott aħħari li jkun lest għall-użu wkoll għandu jkun konformi mal-kriterji ekoloġiċi, inkluż mal-kriterju għall-Komposti Organiċi Volatili (il-VOC).

3.   Il-kisi li jkun immexxi fis-suq kemm għall-użu fuq barra kif ukoll għall-użu fuq ġewwa jrid ikun jissodisfa kemm il-kriterji għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa mniżżlin f’din id-Deċiżjoni kif ukoll il-kriterji għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ barra mniżżlin fid-Deċiżjoni 2009/543/KE (3).

Artikolu 3

Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta’ prodotti “iż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa”, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati, għandhom ikunu validi sa erba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Għal raġunijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi mogħti lill-grupp ta’ prodotti “iż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa” se jkun in-numru “07”.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni 2002/739/KE hija mħassra.

Artikolu 6

1.   L-ekotikketti li jkunu ngħataw qabel 18.8.2008 għal prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp ta’ prodotti “iż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa” jistgħu jibqgħu jintużaw sat-28 ta’ Frar 2009.

2.   F’każ ta’ applikazzjonijiet għall-għoti tal-ekotikketta għal prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp ta’ prodotti “iż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa” li jkunu tressqu qabel 18.8.2008 dawk il-prodotti għandhom jingħataw l-ekotikketta skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/739/KE. F’każijiet bħal dawn, l-ekotikketta tista’ tintuża sat-28 ta’ Frar 2009.

3.   L-applikazzjonijiet għall-għoti tal-ekotikketta għal prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp ta’ prodotti “iż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa” li jkunu tressqu wara 18.8.2008 iżda qabel l-1 ta’ Marzu 2009 jistgħu jkunu msejsa jew fuq il-kriterji mniżżlin fid-Deċiżjoni 2002/739/KE jewinkella fuq il-kriterji mniżżlin f’din id-Deċiżjoni.

F’każ ta’ applikazzjoni li tkun imsejsa fuq il-kriterji mniżżlin fid-Deċiżjoni 2002/739/KE, l-ekotikketta tista’ tintuża sat-28 ta’ Frar 2009.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, it-13 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kummissjoni

Olli REHN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 236, 4.9.2002, p. 4.

(3)  Ara paġna 27 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS

A.   IL-QAFAS

L-għanijiet tal-kriterji

Dawn il-kriterji għandhom l-għan partikolari li:

jkun hemm l-użu effiċjenti tal-prodotti u t-tnaqqis tal-iskart,

jkun hemm it-tnaqqis tar-riskji ambjentali u ta’ riskji oħrajn (bħalma hu l-ożonu troposferiku) billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-solventi,

jkun hemm it-tnaqqis ta’ żbokk ta’ sustanzi tossiċi jew ta’ sustanzi li jniġġsu b’xi mod ieħor fl-ilmijiet. Il-kriterji huma ffissati f’livelli li jippromwovu l-ittikkettjar tal-prodotti taż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa li għandhom impatt inqas fuq l-ambjent.

Ir-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f’kull kriterju.

Fejn l-applikant huwa mitlub jagħti dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti ta’ testijiet, jew evidenza oħra sabiex juri li hemm konformità mal-kriterji, huwa mifhum li dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew mill-fornitur/mill-fornituri tiegħu u/jew mill-fornitur/mill-fornituri tagħhom, eċċ., kif xieraq.

Fejn xieraq, metodi ta’ ttestjar minbarra dawk indikati għal kull kriterju jistgħu jintużaw jekk dawn huma aċċettati mill-korp kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni bħala ekwivalenti.

Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jeħtieġu dokumentazzjoni ta’ evidenza u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti.

Huwa rrakkomandat li l-korpi kompetenti jqisu l-implimentazzjoni ta’ skemi rikonoxxuti tal-ġestjoni ambjentali, bħall-iskema “EMAS” jew l-“EN ISO14001”, meta jkunu qed jivvalutaw l-applikazzjonijiet u jkunu qed jimmonitorjaw il-konformità mal-kriterji (Nota: mhux meħtieġ li wieħed jimplimenta dawn it-tipi ta’ skemi ta’ ġestjoni).

Fejn il-kriterji jirreferu għall-ingredjenti, dawn jinkludu s-sustanzi u l-preparazzjonijiet. It-tifsiriet tal-kliem “sustanzi” u “preparazzjonijiet” huma mogħtija fir-Regolament REACH (ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)).

Għal kull sustanza mdaħħla li tkun qed tintuża mill-applikant għandha tingħata l-formulazzjoni eżatta tal-prodott lill-korp kompetenti. Kwalunkwe sustanza, inkluż l-impuritajiet, li jkun hemm f’konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,01 % (m/m) għandha tiġi rrappurtata, sakemm ma tkunx speċifikata konċentrazzjoni iktar baxxa x’imkien ieħor fil-kriterji.

B.   IL-KRITERJI EKOLOĠIĊI

Il-kriterji kollha għandhom japplikaw għaż-żebgħa u l-verniċ fil-pakkett tagħhom, ħlief għall-kriterju nru 3 li għandu x’jaqsam mal-limiti tal-VOC. F’konformità mad-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-limiti tal-VOC għandhom x’jaqsmu mal-prodott li jkun lest għall-użu u b’hekk il-kontenut massimu tal-VOC għandu jiġi kkalkulat abbażi ta’ kwalunkwe żieda rrakkomandata bħas-sustanzi li jagħtu l-kulur u/jew li jrattbu ż-żebgħa. Għal dan il-kalkolu, se tkun meħtieġa d-dejta li tingħata mill-fornituri tal-materja prima f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut tas-solidi, il-kontenut tal-VOC u d-densità tal-prodott.

Il-kriterji nru 1 u 2 japplikaw biss għaż-żebgħa bajda u għaż-żebgħa ta’ kulur ċar (inkluż iż-żebgħa tal-aħħar passata, iż-żebgħa tal-ewwel passata, iż-żebgħa ta’ taħt, u/jew iż-żebgħa intermedjarja).

Għas-sistemi li jagħtu l-lewn, il-kriterji nru 1 u 2 japplikaw biss għall-bażi l-bajda (il-bażi li jkun fiha l-akbar ammont ta’ TiO2). F’każijiet fejn il-bażi l-bajda ma tkunx tista’ tilħaq ir-rekwiżit ta’ talanqas 8 m2 għal kull litru f’qawwa opaċizzanti ta’ 98 % skont il-kriterju nru 7(a), il-kriterji se jkunu ntlaħqu wara li jingħata lewn ħafif sabiex jiġi prodott il-kulur standard RAL 9010.

Il-kriterji nru 1 u 2 ma japplikawx għall-kisi trasparenti.

1.   Il-pigmenti l-bojod

Il-kontenut tal-pigment l-abjad (il-pigmenti l-bojod inorganiċi li jkollhom indiċi rifrattiv ogħla minn 1.8): Iż-żebgħa għandu jkollha kontenut ta’ pigment abjad daqs jew inqas minn 36 gm għal kull m2 ta’ saff niexef, b’opaċità ta’ 98 %. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-verniċ u għal-likwidi li jlewnu l-injam.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jew jipprovdi dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ użu jewinkella jipprovdi dokumentazzjoni li turi l-kontenut tal-pigmenti l-bojod u r-rata li biha dawn jixterdu, flimkien ma’ kalkolu ddettaljat li juri li hemm konformità ma’ dan il-kriterju.

2.   Id-diossidu tat-titanju

Id-diossidu tat-titanju: L-emissjonijiet u r-rimi tal-iskart mill-produzzjoni ta’ kwalunkwe pigment tad-diossidu tat-titanju li jkun intuża ma għandux jaqbeż il-livelli li ġejjin (kif meħudin mid-Dokument ta’ Referenza dwar l-Aqwa Teknoloġija Disponibbli għall-Manifattura ta’ Volumi Kbar ta’ Kimiċi Inorganiċi (BREF) (Awwissu 2007)):

l-emissjonijiet tal-SOx (espressi bħala SO2): 252 mg għal kull m2 ta’ saff niexef (opaċità ta’ 98 %),

l-iskart tas-sulfat: 18-il gm għal kull m2 ta’ saff niexef (opaċità ta’ 98 %),

l-iskart tal-klorur: 3,7, 6,4 u 11,9 gm għal kull m2 ta’ saff niexef (opaċità ta’ 98 %) rispettivament għar-rutil naturali, għar-rutil sintetiku u għall-fdalijiet tal-metall mhux maħdum.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jew jipprovdi dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ użu jewinkella jagħti dokumentazzjoni ta’ evidenza li turi l-livelli rispettivi tal-emissjonijiet u tar-rimi tal-iskart għal dawn il-parametri, il-kontenut tad-diossidu tat-titanju tal-prodott, ir-rata li biha dan jixtered, flimkien ma’ kalkoli ddettaljati li juru li hemm konformità ma’ dan il-kriterju.

3.   Il-komposti organiċi volatili (il-VOC)

Il-kontenut tal-komposti organiċi volatili (il-VOC) ma għandux jaqbeż il-livelli li ġejjin:

Il-Klassifika tal-Prodott (Id-Direttiva 2004/42/KE)

Il-limiti tal-VOC (gm/l inkluż l-ilma)

Iż-żebgħa matta ta’ ġewwa (għall-ħitan/għas-soqfa) (Lostru < 25 f’60 °)

15

Iż-żebgħa li tleqq ta’ ġewwa (għall-ħitan/għas-soqfa) (Lostru > 25 f’60 °)

60

Iż-żebgħa għat-tirqim ta’ ġewwa u għall-kisi fuq ġewwa għall-injam u l-metall inkluż iż-żebgħa ta’ taħt

90

Il-verniċ u l-likwidi li jlewnu l-injam għat-tirqim ta’ ġewwa, inklużi l-likwidi li jlewnu l-injam opaki

75

Il-likwidi li jlewnu l-injam ta’ ġewwa b’binja minima

75

Iż-żebgħa tal-ewwel passata

15

Iż-żebgħa tal-ewwel passata li tgħaqqad

15

Il-kisi ta’ rendiment li jkun fih pakkett wieħed

100

Il-kisi ta’ rendiment reattiv li jkun fih żewġ pakketti u jkun għal użu aħħari speċifiku eż. għall-art

100

Il-kisi b’effett dekorattiv

90

F’dan il-kuntest il-komposti organiċi volatili (il-VOC) ifissru kwalunkwe kompost organiku li jkollu temperatura tat-togħlija inizjali ta’ 250 °C jew inqas, imkejla fi pressjoni standard ta’ 101.3kPa kif iddefinita fid-Direttiva 2004/42/KE. Is-subkategoriji għaż-żebgħa u l-verniċ mogħtija fid-Direttiva huma użati sabiex jiġu ddefiniti l-limiti tal-VOC. Dawk il-kategoriji li huma rilevanti għall-kisi ta’ ġewwa biss huma murija hawnhekk.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju. L-applikant għandu jindika l-kontenut tal-VOC għall-prodotti kollha.

4.   L-idrokarboni aromatiċi volatili (VAH)

L-idrokarboni aromatiċi volatili (VAH) ma għandhomx jiżdiedu b’mod dirett mal-prodott qabel jew waqt li jkun qed jingħata lewn ħafif (fejn huwa applikabbli); madankollu, l-ingredjenti li jinkludu l-VAH jistgħu jiżdiedu sa ammont li permezz tiegħu l-kontenut tal-VAH fil-prodott aħħari ma jaqbiżx iż-0,1 % (m/m).

F’dan il-kuntest, l-idrokarboni aromatiċi volatili (VAH) ifissru kwalunkwe kompost organiku, kif iddefinit fid-Direttiva 2004/42/KE, li jkollu temperatura tat-togħlija inizjali ta’ 250 °C jew inqas, imkejla fi pressjoni standard ta’ 101,3kPa, u li jkollu talanqas nukleu wieħed aromatiku fil-formula strutturali żviluppata tiegħu.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju, li fiha jiddikjara li ma żdidux VAH ħlief fl-ingredjenti li kienu mmanifatturati minn qabel u, fejn applikabli, għandu jipprovdi dikjarazzjoni mill-fornituri tal-ingredjent li fiha jkun ikkonfermat il-kontenut tal-VAH tiegħu.

5.   Il-metalli tqal

Il-metalli tqal li ġejjin jew il-komposti tagħhom ma għandhomx jintużaw bħala ingredjenti fil-prodott jew fil-lewn ħafif (kif inhu applikabbli) (kemm bħala sustanza kif ukoll bħala parti minn kwalunkwe preparazzjoni użata): il-kadmju, iċ-ċomb, il-kromju VI, il-merkurju, l-arseniku, il-barju (ħlief is-sulfat tal-barju), is-silenju, l-antimonju.

Il-kobalt ukoll ma għandux jiżdied bħala ingredjent ħlief għall-imluħ tal-kobalt li jkunu użati bħala sustanza għat-tnixxif fiż-żebgħa alkidika. Dawn jistgħu jintużaw sa konċentrazzjoni li ma taqbiżx iż-0,05 % (m/m) fil-prodott aħħari, imkejla bħala metall tal-kobalt. Il-kobalt fil-pigmenti huwa wkoll eżenti minn dan ir-rekwiżit.

Huwa aċċettat li dawn l-ingredjenti jista’ jkollhom traċċi ta’ dawn il-metalli sa 0,01 % (m/m) li jiġu mill-impuritajiet fil-materja prima.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju, kif ukoll dikjarazzjonijiet mill-fornituri tal-ingredjenti (fejn applikabbli).

6.   Is-sustanzi perikolużi

(a)

Il-prodott: Il-prodott ma għandux ikun ikklassifikat bħala tossiku ħafna, tossiku, perikoluż għall-ambjent, karċinoġeniku, tossiku għar-riproduzzjoni, ta’ ħsara, korrużiv, mutaġeniku jew bħala irritant (fejn dan hu minħabba l-preżenza ta’ ingredjenti mmarkati R43 biss) f’konformità mad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), qabel jew wara li jingħata lewn ħafif (fejn applikabbli).

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ formola bid-dejta dwar is-sikurezza tal-materjali tal-prodott li tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tar-Regolament REACH.

(b)

L-ingredjenti (tossiċi ħafna, tossiċi, karċinoġeniċi, mutaġeniċi, tossiċi għar-riproduzzjoni): Ma jista’ jintuża l-ebda ingredjent, inkluż dawk użati meta jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli) li waqt li jkun qed jiġi applikat jissodisfa l-kriterji tal-klassifika ta’ kwalunkwe waħda mill-frażijiet ta’ riskju (jew kombinazzjonijiet tagħhom) li ġejjin:

R23 (tossiku jekk ikun hemm inalazzjoni)

R24 (tossiku jekk ikun hemm kuntatt mal-ġilda)

R25 (tossiku jekk jinbela’)

R26 (tossiku ħafna jekk ikun hemm inalazzjoni)

R27 (tossiku ħafna jekk ikun hemm kuntatt mal-ġilda)

R28 (tossiku ħafna jekk jinbela’)

R33 (periklu ta’ effetti kumulattivi)

R39 (periklu ta’ effetti serji ħafna li huma irriversibbli)

R40 (evidenza limitata ta’ effett karċinoġeniku)

R42 (jista’ jikkawża sensibilizzazzjoni jekk ikun hemm inalazzjoni)

R45 (jista’ jikkawża l-kanċer)

R46 (jista’ jikkawża ħsara ġenetika li tintiret)

R48 (periklu ta’ ħsara serja għas-saħħa jekk ikun hemm esponiment fit-tul)

R49 (jista’ jikkawża l-kanċer jekk ikun hemm inalazzjoni)

R60 (jista’ jnaqqas il-fertilità)

R61 (jista’ jikkawża ħsara lit-tarbija mhux imwielda)

R62 (riskju possibbli li tonqos il-fertilità)

R63 (riskju possibbli ta’ ħsara lit-tarbija mhux imwielda)

R68 (riskju possibbli ta’ effetti li huma irriversibbli)

kif inhu stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (4) jew fid-Direttiva 1999/45/KE. Madankollu, l-ingredjenti attivi użati bħala preżervattivi fil-formula u li huma mogħtija kwalunkwe waħda mill-frażijiet ta’ riskju R23, R24, R25, R26, R27, R28, R39, R40 jew R48 (jew kombinazzjonijiet tagħhom) jistgħu jintużaw sa limitu ta’ 0,1 % (m/m) tal-formulazzjoni totali taż-żebgħa.

B’mod alternattiv, tista’ titqies is-Sistema Globali Armonizzata ta’ klassifika (GHS) (5). F’dan il-każ ma għandhomx jintużaw l-ingredjenti, inkluż dawk użati meta jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli) li jkunu kklassifikati bil-mod li ġej (jew kombinazzjonijiet tagħhom):

Tossiċità Akuta (orali) – Il-Kategorija Nru I, II, III

Tossiċità Akuta (għall-ġilda) – Il-Kategorija Nru I, II, III

Tossiċità Akuta (inalazzjoni) – Il-Kategorija Nru I, II, III

Sensibilizzazzjoni Respiratorja - Il-Kategorija Nru I

Sustanzi Mutaġeniċi - Il-Kategorija Nru I, II

Sustanzi Karċinoġeniċi - Il-Kategorija Nru I, II

Sustanzi Tossiċi għar-Riproduzzjoni - Il-Kategorija Nru I, II

Tossiċità Sistemika li Tolqot Organu Speċifiku (esponiment ta’ darba) - Il-Kategorija Nru I, II

Tossiċità Sistemika li Tolqot Organu Speċifiku (esponiment ripetut) - Il-Kategorija Nru I, II

kif inhu stabbilit fl-ST/SG/AC.10/30 (6) u rivedut fl-ST/SG/AC.10/34/Add.3 dwar is-Sistema Globali Armonizzata dwar il-Klassifika u l-Ittikkettjar tal-Kimiki. Madankollu, ingredjenti attivi li jintużaw bħala preżervattivi fil-formula u li tingħatalhom kwalunkwe waħda mill-kategoriji tal-GHS li ġejjin, jistgħu jintużaw sa limitu ta’ 0,1 % (m/m) tal-formulazzjoni totali taż-żebgħa:

Tossiċità Akuta (orali, għall-ġilda, inalazzjoni) – I, II, III (orali u għall-ġilda biss);

Tossiċità Sistemika li Tolqot Organu Speċifiku (esponiment ta’ darba u/jew ripetut) - I, II (jew kombinazzjonijiet tagħhom) u;

Karċinoġeniċità tal-Kategorija Nru II.

Il-Metil Etil Ketoksim jista’ jintuża fiż-żebgħa alkidika sa limitu ta’ 0,3 % (m/m).

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ formola bid-dejta dwar is-sikurezza tal-materjali tal-prodott li tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tar-Regolament REACH.

(c)

L-ingredjenti (perikolużi għall-ambjent): L-ebda ingredjent, inkluż dawk użati meta jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli) li waqt li jkun qed jiġi applikat jissodisfa l-kriterji tal-klassifika ta’ kwalunkwe waħda mill-frażijiet ta’ riskju (jew kombinazzjonijiet tagħhom) li ġejjin, ma jista’ jaqbeż it-2 % (m/m):

N R50 (tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi),

(tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi, jista’ jikkawża effetti negattivi fit-tul fl-ambjent akkwatiku),

(tossiku għall-organiżmi akkwatiċi, jista’ jikkawża effetti negattivi fit-tul fl-ambjent akkwatiku),

(ta’ ħsara għall-organiżmi akkwatiċi, jista’ jikkawża effetti negattivi fit-tul fl-ambjent akkwatiku),

R51 (tossiku għall-organiżmi akkwatiċi),

R52 (ta’ ħsara għall-organiżmi akkwatiċi),

R53 (jista’ jikkawża effetti negattivi fit-tul fl-ambjent akkwatiku),

kif inhu stabbilit fid-Direttiva 67/548/KEE jew fid-Direttiva 1999/45/KE.

B’mod alternattiv, tista’ titqies is-Sistema Globali Armonizzata dwar il-klassifika (GHS) (7). F’dan il-każ l-ebda ingredjent, inkluż dawk użati meta jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli), li waqt li jkun qed jiġi applikat ikun ingħata jew jista’ jingħata kwalunkwe waħda mill-kategoriji li ġejjin, ma jista’ jaqbeż it-2 % (m/m):

Il-kategoriji tat-Tossiċità Akkwatika (u l-kombinazzjonijiet tagħhom):

Akuta Nru I, II, III

Kronika Nru I, II, III, IV

kif inhu stabbilit fl-ST/SG/AC.10/30 u rivedut fl-ST/SG/AC.10/34/Add.3 dwar is-Sistema Globali Armonizzata dwar il-Klassifika u l-Ittikkettjar tal-Kimiki.

F’kull każ, is-somma totali tal-ingredjenti kollha li, waqt li jkunu qed jiġu applikati, jkunu ngħataw jew jistgħu jingħataw kwalunkwe waħda minn dawn il-frażijiet ta’ riskju (jew kombinazzjonijiet tagħhom) jew kwalunkwe waħda minn dawn il-klassifiki tal-GHS, m’għandhiex taqbeż l-4 % (m/m).

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-ammonja u għall-alkil tal-ammonja.

Dan ir-rekwiżit ma jaffettwax l-obbligu li jiġi ssodisfat ir-rekwiżit imniżżel fil-kriterju 6(a) ta’ hawn fuq.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ formoli bid-dejta dwar il-lista tal-ingredjenti u dwar is-sikurezza tal-materjali ta’ kull ingredjent, li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Anness II tar-Regolament REACH.

(d)

L-alkilfenoletoksilati (APEOs): L-APEOs ma għandhomx jintużaw fil-prodott qabel jew waqt li jkun qed jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli).

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju.

(e)

Il-komposti tal-iżotijażolinon: Il-kontenut tal-komposti tal-iżotijażolinon fil-prodott ma għandhomx jaqbżu ż-0,05 % (m/m) qabel jew wara li jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli). Bl-istess mod, il-kontenut tat-taħlita ta’ 5-kloro-2-metil-2H-iżotijażol-3-on (KE Nru 247-500-7) u 2-metil-2H-iżotijażol-3-on (KE Nru 220-239-6) (3:1) ma għandux jaqbeż iż-0.0015 % (m/m).

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, li jindika l-ammonti (jekk ikunu ntużaw).

(f)

Is-sulfonati tal-alkil perfluworinati (PFAS), l-aċidi karboksiliċi perfluworinati (PFCA), inkluż l-Aċidu Perfluworooktanojku (PFOA) u s-sustanzi relatati li huma elenkati fil-listi tal-OECD msejħin “Il-listi preliminari tal-PFOS, PFAS, PFOA, PFCA, il-komposti relatati u l-kimiki li jistgħu jiddegradaw f’PFCA (kif riveduti fl-2007)” mhumiex permessi fil-prodott. Il-lista tal-OECD qed tingħata fl-Anness ta’ dan id-dokument dwar il-kriterji.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju.

(g)

Il-formaldeide: Ma għandhomx jiżdiedu formaldeidi liberi. Donaturi tal-formaldeide jistgħu jiżdiedu biss f’tali kwantitajiet li jiżguraw li l-kontenut aħħari tal-formaldeidi liberi li jirriżultaw wara li jingħata lewn ħafif (jekk ikun applikabbli) ma jaqbiżx iż-0,001 % (m/m).

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju. Barra minn hekk, l-applikant għandu jipprovdi r-riżultati ta’ testijiet mogħtija mill-fornituri tal-materja prima li jkunu użaw il-metodu ta’ ttestjar VdL-RL 03 (il-Linja ta’ gwida nru 3 tal-VdL) “Il-konċentrazzjoni tal-formaldeide fil-bott iddeterminata permezz tal-metodu tal-aċetil-aċeton” kif ukoll il-kalkoli li jorbtu d-dejta minn dawn it-testijiet mal-prodott aħħari sabiex juru li l-konċentrazzjoni aħħarija massima possibbli tal-formaldeide rrilaxxat minn sustanzi li jirrilaxxaw il-formaldeide mhix ogħla minn 0,001 % (m/m). B’mod alternattiv, il-formaldeide li ġej mid-donaturi tal-formaldeide jista’ jitkejjel fil-prodott aħħari bl-użu ta’ standard ibbażat fuq il-kromatografija f’fażi likwida, b’rendiment għoli.

(h)

Is-Solventi Organiċi Aloġenati: Minkejja l-kriterji nri 6a, 6b u 6c, qabel jew waqt li jkun qed jingħata lewn ħafif (fejn huwa applikabbli), fil-prodott jistgħu jintużaw biss il-komposti aloġenati li waqt li jkunu qed jiġu applikati, jkunu ġew ivvalutati għar-riskju u ma jkunux ġew ikklassifikati bil-frażijiet ta’ riskju (jew kombinazzjonijiet tagħhom): R26/27, R45, R48/20/22, R50, R51, R52, R53, R50/53, R51/53, R52/53 u R59 f’konformità mad-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju.

(i)

Il-ftalati: Minkejja l-kriterji nri 6a, 6b u 6c, qabel jew waqt li jkun qed jingħata lewn ħafif (fejn huwa applikabbli), fil-prodott jistgħu jintużaw biss il-ftalati li waqt li jkunu qed jiġu applikati, ikunu ġew ivvalutati għar-riskju u ma jkunux ġew ikklassifikati bil-frażijiet ta’ riskju (jew kombinazzjonijiet tagħhom): R60, R61, R62, R50, R51, R52, R53, R50/53, R51/53, u R52/53, f’konformità mad-Direttiva 67/548/KEE u l-emendi tagħha. Barra minn hekk, id-DNOP (ftalat tad-di-n-oktil), id-DINP (ftalat tad-di-iżononil), u d-DIDP (ftalat tad-di-iżodekil) mhumiex permessi fil-prodott.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju.

7.   Kemm hu tajjeb għall-użu

(a)

Ir-rata ta’ tixrid: Iż-żebgħa l-bajda u ż-żebgħa ta’ kulur ċar (inkluż iż-żebgħa tal-aħħar passata, iż-żebgħa tal-ewwel passata, iż-żebgħa ta’ taħt, u/jew iż-żebgħa intermedjarja) għandu jkollhom rata ta’ tixrid (f’qawwa opaċizzanti ta’ 98 %) ta’ mill-inqas 8 m2 għal kull litru tal-prodott.

Għas-sistemi li jagħtu l-lewn, dan il-kriterju japplika biss għall-bażi l-bajda (il-bażi li jkun fiha l-akbar ammont ta’ TiO2). F’każijiet fejn il-bażi l-bajda ma tkunx tista’ tilħaq ir-rekwiżit ta’ mill-inqas 8 m2 għal kull litru f’qawwa opaċizzanti ta’ 98 %, il-kriterju se jkun intlaħaq wara li jingħata lewn ħafif lill-bażi l-bajda sabiex jiġi prodott il-kulur standard RAL 9010. Dan il-kriterju ma għandux japplika għall-bażijiet l-oħrajn kollha użati fil-manifattura ta’ prodotti li jkunu ngħataw lewn ħafif – dawn huma bażijiet li b’mod ġenerali jkun fihom inqas TiO2, u li ma jkunux jistgħu jilħqu r-rekwiżit ta’ mill-inqas 8 m2 għal kull litru tal-prodott f’qawwa opaċizzanti ta’ 98 %. Għaż-żebgħa li tkun parti minn sistema li tagħti l-lewn, l-applikant għandu javża lill-utent aħħari fuq il-pakkett tal-prodott u/jew fuq il-POS dwar liema kulur jew liema żebgħa tal-ewwel passata/żebgħa ta’ taħt (jekk possibbli li tkun ingħatat l-Ekotikketta Komunitarja) għandu jintuża bħala l-kisi tal-bażi qabel ma jiġi applikat il-kulur iktar skur.

Iż-żebgħa tal-ewwel passata li jkollha karatteristiċi speċifiċi sabiex tibblokka/tissiġilla u tippenetra/tgħaqqad u ż-żebgħa tal-ewwel passata li jkollha karatteristiċi speċjali ta’ adeżjoni mal-uċuħ tal-aluminju u l-uċuħ iggalvanizzati għandu jkollha rata ta’ tixrid (f’qawwa opaċizzanti ta’ 98 %) ta’ mill-inqas 6 m2 għal kull litru tal-prodott.

Il-kisi dekorattiv magħqud (żebgħa li hi ddiżinjata speċjalment sabiex toħloq effett dekorattiv tridimensjonali u li għalhekk hija kkaratterizzata minn kisja magħquda ħafna) għandu, b’mod alternattiv, ikollu saħħa ta’ tixrid ta’ 1 m2 għal kull kilogramm tal-prodott.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-verniċ, għal-likwidi li jlewnu l-injam, għall-kisi tal-art, għaż-żebgħa tal-art, għaż-żebgħa ta’ taħt, għaż-żebgħa ta’ adeżjoni tal-ewwel passata, jew għal kwalunkwe kisi trasparenti ieħor.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodu ISO 6504/1 (Iż-żebgħa u l-verniċ – id-determinazzjoni tal-qawwa opaċizzanti – Il-Parti nru 1: il-metodu Kubelka-Munk għaż-żebgħa l-bajda u ż-żebgħa ta’ kulur ċar) jew 6504/3 (Il-Parti nru 3: id-determinazzjoni tal-proporzjon tal-kuntrast (l-opaċità) għaż-żebgħa ta’ kulur ċar f’rata fissa ta’ tixrid), jew bil-metodu NF T 30 073 (jew ekwivalenti) għal żebgħa ddiżinjata speċjalment sabiex toħloq effett dekorattiv tridimensjonali u kkaratterizzata minn kisja magħquda ħafna. Għall-bażijiet użati fil-manifattura ta’ prodotti li jkunu ngħataw lewn ħafif li ma jkunux evalwati skont ir-rekwiżiti msemmijin hawn fuq, l-applikant għandu juri evidenza dwar kif l-utent aħħari se jkun avżat biex juża żebgħa tal-ewwel passata u/jew żebgħa ta’ taħt griża (jew ta’ kulur ieħor rilevanti) qabel ma juża l-prodott.

(b)

Ir-reżistenza għall-għorik waqt il-ħasil: Iż-żebgħa għall-ħitan (skont l-EN 13300) li għaliha jkun qed jingħad li tista’ tinħasel, titnaddaf jew tingħorok (kemm jekk fuq il-prodott kif ukoll f’materjal relatat mat-tmexxija tiegħu fis-suq), għandu jkollha reżistenza għall-għorik waqt il-ħasil kif imkejla bl-EN 13300 u bl-EN ISO 11998 tal-klassi nru 2 jew aħjar (mingħajr ma taqbeż l-20 mikron wara 200 ċiklu).

Minħabba l-firxa potenzjali wiesgħa ta’ kuluri possibbli għal ilwien ħfief, dan il-kriterju se jkun illimitat għall-ittestjar tal-bażijiet għall-għoti ta’ lewn ħafif.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test skont l-EN 13300 magħmul bil-metodu EN ISO 11198 (Test għat-tnaddif u għar-reżistenza għall-għorik) u, fil-każ taż-żebgħa għas-soqfa, evidenza (fuq il-pakkett tal-prodott jew fuq il-materjal relatat mat-tmexxija fis-suq) li l-utent aħħari ġie mgħarraf li l-prodott ma ġiex ittestjat għar-reżistenza għall-għorik waqt il-ħasil.

(c)

Ir-reżistenza għall-ilma: Il-verniċ, il-kisi u ż-żebgħa tal-art għandu jkollhom reżistenza għall-ilma, kif iddeterminat bl-ISO 2812-3, hekk li wara li jkunu esposti għalih għal 24 siegħa u jkollhom 16-il siegħa biex jinxfu, ma jkollhom l-ebda tibdil fil-lostru jew fil-kulur.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodu ISO 2812-3 (Iż-żebgħa u l-verniċ – id-determinazzjoni tar-reżistenza għal-likwidi – Il-Parti nru 3: Metodu li juża midjum assorbenti).

(d)

L-adeżjoni: Il-kisi tal-art, iż-żebgħa tal-art u ż-żebgħa ta’ taħt tal-art, tal-metall u tal-injam għandhom iġibu marka ta’ mill-inqas 2 fit-test EN 2409 għall-adeżjoni. F’każ fejn is-saħħa tal-koeżjoni tal-wiċċ li jrid jinżebagħ tkun inqas mis-saħħa ta’ adeżjoni taż-żebgħa, iż-żebgħa tal-ewwel passata tal-bini, miżjuda bil-pigment, għandha tgħaddi mit-test tal-qligħ (“pull-off”) EN 24624 (ISO 4624), mill-bqija l-adeżjoni taż-żebgħa trid tkun ogħla mill-valur ta’ 1,5MPa li fih prodott ikun għadda mit-test.

Iż-żebgħa trasparenti tal-ewwel passata mhix inkluża f’dan ir-rekwiżit.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodu EN ISO 2409 jew EN 24624 (ISO 4624), kif applikabbli.

(e)

Il-brix: Il-kisi u ż-żebgħa tal-art għandu jkollhom reżistenza għall-brix li ma taqbiżx is-70 mg ta’ telf tal-piż wara 1 000 ċiklu ta’ ttestjar b’piż ta’ 1 000 gm u rota tas-CS10 skont l-EN ISO 7784-2:2006.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test magħmul bil-metodu EN ISO 7784-2:2006 li juri l-konformità ma’ dan il-kriterju.

8.   Tagħrif għall-konsumatur

It-tagħrif ta’ hawn taħt għandu jintwera fuq il-pakkett jew ikun mehmuż mal-pakkett:

l-użu, il-wiċċ li jrid jinżebagħ u l-kundizzjonijiet għall-użu li l-prodott ikun maħsub għalihom. Dan għandu jinkludi pariri dwar il-ħidma preparatorja eċċ., bħalma huma l-preparazzjoni korretta tal-wiċċ li jrid jinżebagħ, pariri fuq kif għandu jintuża fuq ġewwa (fejn xieraq), jew it-temperatura;

rakkomandazzjonijiet ta’ kif għandhom jitnaddfu l-għodda u l-ġestjoni xierqa tal-iskart (sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma). Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu adattati għat-tip ta’ prodott ikkonċernat u għall-qasam tal-applikazzjoni kkonċernat u jistgħu jinkludu stampi li jispjegaw l-użu fejn xieraq;

rakkomandazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ ħażna tal-prodott wara li jinfetaħ (sabiex jiġi llimitat l-iskart solidu), inklużi pariri fuq is-sikurezza fejn xieraq;

għall-kisi iktar skur li għalih ma japplikax il-kriterju 7(a), għandu jingħata parir dwar l-użu taż-żebgħa tal-ewwel passata jew taż-żebgħa tal-bażi l-korretta (jekk possibbli li tkun ingħatat l-Ekotikketta Komunitarja);

għall-kisi dekorattiv magħqud, test li jgħarraf li din hija żebgħa li hija ddiżinjata speċjalment sabiex toħloq effett dekorattiv tridimensjonali;

test li jagħti parir li ż-żebgħa li ma tintużax teħtieġ ġestjoni speċjalizzata sabiex tintrema b’mod sikur fl-ambjent u li għaldaqstant m’għandhiex tintrema mal-iskart domestiku. Għandu jintalab parir dwar ir-rimi u l-ġbir mill-awtorità lokali,

rakkomandazzjonijiet dwar miżuri preventivi ta’ protezzjoni għal min ikun qed jiżbogħ. It-test li ġej (jew test ekwivalenti) għandu jintwera fuq il-pakkett jew ikun mehmuż mal-pakkett:

“Għal aktar tagħrif dwar ir-raġuni għaliex dan il-prodott ingħata l-Fjura, jekk jogħġbok żur is-sit tal-Internet li ġej: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel.”

Il-valutazzjoni u l-verifika: Għandu jingħata kampjun tal-pakkett tal-prodott mal-applikazzjoni meta din titressaq, flimkien ma’ dikjarazzjoni korrispondenti dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju, kif xieraq.

9.   It-tagħrif li jidher fuq l-ekotikketta

Il-kaxxa nru 2 tal-ekotikketta għandu jkollha l-kliem li ġej:

rendiment tajjeb għall-użu fuq ġewwa

is-sustanzi perikolużi huma ristretti

kontenut baxx ta’ solventi.

Il-valutazzjoni u l-verifika: L-applikant għandu jagħti kampjun tal-pakkett tal-prodott li juri t-tikketta, flimkien ma’ dikjarazzjoni dwar il-konformità ma’ dan il-kriterju.


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 87.

(3)  ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.

(4)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

(5)  Fis-27 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-ippakkjar tas-sustanzi u t-taħlitiet, u li jemenda d-Direttiva 67/548/KEE u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006” (COM(2007) 355 finali). Għal aktar tagħrif dwar kif is-sistema eżistenti u l-GHS jikkoinċidu f’ċerti partijiet irreferi għall-Anness VII fil-Volum III tal-proposta li ġiet adottata: http://ec.europa.eu/enterprise/reach/docs/ghs/ghs_prop_vol_iii_en.pdf

(6)  Il-Kumitat ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasport ta’ Prodotti Perikolużi u dwar is-Sistema Globali Armonizzata dwar il-Klassifika u l-Ittikkettjar tal-Kimiki: http://www.unece.org/trans/main/dgdb/dgcomm/ac10rep.html

(7)  Ara nota 5 ta’ qiegħ il-paġna.