10.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/66


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta' Lulju 2009

li tirrikonoxxi fil-prinċipju l-kompletezza tal-fajl li tressaq għal investigazzjoni dettaljata bil-ħsieb tal-inklużjoni possibbli tal-BAS 650 F fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 5369)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/535/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u partikolarment l-Artikolu 6(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 91/414/KEE tipprevedi l-iżvilupp ta’ lista Komunitarja ta’ sustanzi attivi awtorizzati għall-inkorporazzjoni fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

(2)

Dokument għas-sustanza attiva BAS 650 F intbagħat minn BASF SE lill-awtoritajiet tal-Olanda fis-26 ta’ Settembru 2008 b’applikazzjoni biex tikseb l-inklużjoni tagħha fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE.

(3)

L-awtoritajiet Olandiżi indikaw lill-Kummissjoni li, fuq investigazzjoni preliminari, il-fajl għas-sustanza attiva kkonċernata jidher li jissodisfa r-rekwiżiti tad-dejta u l-informazzjoni stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 91/414/KEE. Il-fajl li tressaq jidher ukoll li jissodisfa r-rekwiżiti tad-dejta u l-informazzjoni stipulati fl-Anness III għad-Direttiva 91/414/KEE fir-rigward ta’ prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva kkonċernata. Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, il-fajl sussegwentement intbagħat mill-applikant rispettiv lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra, u tressaq quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

(4)

Permezz ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi kkonfermat b’mod formali fil-livell Komunitarju li l-fajl meqjus li jissodisfa fil-prinċipju r-rekwiżiti ta’ dejta u informazzjoni stipulati fl-Anness II u, għal mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva kkonċernata, ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness III għad-Direttiva 91/414/KEE.

(5)

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tkun ta’ ħsara għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob lill-applikant li jressaq dejta jew informazzjoni ulterjuri biex jiċċara ċerti punti fil-fajl.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Bla ħsara għall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 91/414/KEE, il-fajl li jikkonċerna s-sustanza attiva identifikata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, li tressaq lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bl-għan li tinkiseb l-inklużjoni ta’ dik is-sustanza fl-Anness I għal dik id-Direttiva, jissodisfa fil-prinċipju r-rekwiżiti ta’ dejta u informazzjoni stipulati fl-Anness II għal dik id-Direttiva.

Il-fajl jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti ta’ dejta u informazzjoni stabbiliti fl-Anness III għal dik id-Direttiva fir-rigward ta’ prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, filwaqt li jqis l-użi proposti.

Artikolu 2

L-Istat Membru relatur għandu jwettaq investigazzjoni ddettaljata għall-fajl imsemmi fl-Artikolu 1 u għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu flimkien ma’ rakkomandazzjoni dwar l-inklużjoni jew in-nuqqas ta’ inklużjoni fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE tas-sustanza attiva msemmija fl-Artikolu 1 u kwalunkwe kundizzjoni għal dik l-inklużjoni malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn perjodu ta’ sena mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.


ANNESS

SUSTANZA ATTIVA KKONĊERNATA MINN DIN ID-DEĊIŻJONI

Isem Komuni, Numru tal-Identifikazzjoni CIPAC

Applikant

Data tal-applikazzjoni

Stat Membru Relatur

Kodiċi tal-iżvilupp: BAS 650 F

Nru-CIPAC: għadu ma ngħatax

Isem komuni tal-ISO: għadu ma ngħatax

BASF SE

fis-26 ta’ Settembru 2008

NL