16.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/31


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Mejju 2009

dwar Pożizzjoni tal-Komunità fir-rigward ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE - Albanija li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu inklużi r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

(2009/463/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tagħha,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

L-Artikolu 116 tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra (2) (minn issa msejjaħ “il-Ftehim”) joħloq Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(2)

L-Artikolu 117(2) tal-Ftehim jipprovdi li l-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jistabilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu nnifsu.

(3)

L-Artikolu 120(1) tal-Ftehim jipprovdi li l-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fit-twettiq tad-doveri tiegħu għandu jkun mgħejun minn Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(4)

L-Artikolu 120 (2) u (3) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu, fir-regoli ta' proċedura tiegħu, jiddetermina d-dmirijiet tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u li l-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jiddelega kwalunkwe setgħa minn dawk li għandu lill-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Komunita fi ħdan il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-regoli ta' proċedura tal-imsemmi Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tad-delegazzjoni tas-setgħat tiegħu lill-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha tkun imsejsa fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Emendi minuri lil dan l-abbozz ta' deċiżjoni jistgħu jintlaqgħu mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KOHOUT

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 107, 28.4.2009, p. 165.

(2)  ĠU L 107, 28.4.2009, p. 166.


ANNESS

ID-DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUNSILL TA' STABILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE—ALBANIJA

ta' …

li tadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TA' STABILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija (1) (minn issa 'l quddiem “l-Albanija”), min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikoli 116 u 117 tiegħu,

Billi l-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2009,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jkun ippresedut b'mod li jalterna għal perjodi ta' tnax-il xahar minn rappreżentant tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, f'isem il-Komunitajiet u l-Istati Membri tagħhom, u minn rappreżentant tal-Gvern tal-Albanija. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2009.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' b'mod regolari darba fis-sena fuq livell ministerjali. Sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jsiru fuq talba ta' wieħed mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, kull sessjoni tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha ssir fil-post fejn is-soltu jsiru laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-data li jaqblu dwarha ż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bi qbil mal-President.

Artikolu 3

Rappreżentazzjoni

Il-membri tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jiġu rrappreżentati f'każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jixtieq li jiġi rrappreżentat b'dan il-mod, jeħtieġlu jinnotifika lill-President rigward l-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel il-laqgħa li fiha se jiġi rrapreżentat b'dan il-mod. Ir-rappreżentant ta' membru tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-membru.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jattendu fil-kumpanija ta' uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President għandu jkun informat bil-kompożizzjoni intiża tad-delegazzjoni ta' kull Parti. Rappreżentant tal-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jattendi l-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, bħala osservatur, meta fuq l-aġenda jidhru ħwejjeġ li jirrigwardaw lill-Bank. Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jistieden persuni li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

Artikolu 5

Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Missjoni tal-Albanija fi Brussell għandhom flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 6

Korrispondenza

Korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-indirizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ Segretarji għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tingħadda lill-President tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u, fejn xieraq, tkun imqassma lil membri oħra tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Korrispondenza li titqassam għandha tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri u l-Missjoni tal-Albanija fi Brussell.

Komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jintbagħtu miż-żewġ Segretarji lid-destinatarji u jitqassmu, fejn xieraq, lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-indirizzi murija fit-tieni paragrafu.

Artikolu 7

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni m'għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 8

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal l-aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tingħadda mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex jiżdiedu fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm l-ebda punti m'għandhom jitniżżlu fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' sostenn lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt ieħor barra minn dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' biss ikun inkluż fl-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet hekk jifthiemu.

2.   Il-President jista', bi qbil maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex iqis il-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

Artikolu 9

Minuti

Abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandu jitħejja miż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta' kull punt fl-aġenda:

id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni talab li jiddaħħlu,

id-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati.

L-abbozz tal-minuti għandu jkun ippreżentat għall-approvazzjoni lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Meta approvati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u ż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom jiġu ffajljati fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għandu jservi ta' depożitarju tad-dokumenti tal-Assoċjazzjoni. Kopja ċertifikata għandha tingħadda lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi ftehim komuni tal-Partijiet. Matul il-perjodu ta' bejn is-sessjonijiet, il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, fi ħdan is-sens tal-Artikolu 118 tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, għandhom ikunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti b'numru ta' serje, bid-data ta' meta ġew adottati u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jingħaddu lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6. Kull Parti tista' tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 11

Ilsna

L-ilsna uffiċjali tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-ilsna uffiċjali taż-żewġ Partijiet. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jsejjes id-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f'dawn l-ilsna.

Artikolu 12

Spejjeż

Kemm il-Komunitajiet, kif ukoll l-Albanija, għandhom joħorġu l-flus għall-ispejjeż li jġarrbu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm f'dak li għandu x'jaqsam ma' personal, spejjeż ta' vvjaġġar u għall-għixien ta' kuljum u ma' spejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni. Spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' servizzi ta' interpretar fil-laqgħat, traduzzjoni u riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Komunitajiet, bl-eċċezzjoni tal-ispiża li għandha x'taqsam mas-servizzi ta' interpretar jew traduzzjoni għal jew mill-Albaniż, li għandhom jitħallsu mill-Albanija. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandu jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 13

Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

1.   Bil-preżenti qed jiġi stabbilit Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jgħin lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-qadi ta' dmirijietu. Għandu jkun iffurmat minn rappreżentanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, min-naħa waħda, u rappreżentanti tal-Gvern tal-Albanija min-naħa l-oħra, normalment fil-livell ta' impjegati taċ-ċivil f'kariga għolja.

2.   Il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, iwettaq id-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fejn xieraq u, inġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta' assoċjazzjoni u t-tħaddim xieraq tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Għandu jqis kwalunkwe kwistjoni li tiġi rrinvijata lilu mill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista' tinqala' fl-andament tat-twettiq ta' kuljum tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta' deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

3.   F'każijiet fejn il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jirreferi għal obbligu li jikkonsulta jew il-possibbiltà ta' konsultazzjoni, din it-tip ta' konsultazzjoni tista' sseħħ fi ħdan il-Kumitat ta' Stabbilizzazjoni u Assoċjazzjoni. Il-konsultazzjoni tista' tissokta fil-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4.   Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi …

Għall-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-President

ANNESS

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jkun ippresedut b'mod li jalterna għal perjodi ta' 12-il xahar minn rappreżentant tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, f'isem il-Komunitajiet u l-Istati Membri tagħhom, u minn rappreżentant tal-Gvern tal-Albanija. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2009.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' meta jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-ftehim taż-żewġ Partijiet. Kull laqgħa tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha ssir fi żmien u f'post miftiehma miż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jissejħu mill-President.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President għandu jkun informat kif kull Parti tkun beħsiebha tifforma d-delegazzjoni tagħha.

Artikolu 4

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej flimkien ma' uffiċjal tal-Gvern tal-Albanija għandhom flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-komunikazzjonijiet kollha lil, u mingħand, il-President tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jingħaddu lis-Segretarji tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjażżjoni, kif ukoll lis-Segretarji u l-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 5

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni m'għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 6

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tingħadda mis-Segretarji tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex jiżdiedu fuq l-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm l-ebda punti m'għandhom jitniżżlu fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkun intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' sostenn lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jistieden esperti li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt ieħor barra minn dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' biss ikun inkluż fl-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet hekk jifthiemu.

2.   Il-President jista', bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġiet ta' każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

Għandhom jittieħdu minuti għal kull laqgħa li għandhom ikunu msejsa fuq sinteżi mill-President tal-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Meta jiġu approvati mill-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u s-Segretarji u jiġu ffajljati miż-żewġ Partijiet. Għandha tintbagħat kopja tal-minuti lil kull destinatarju msemmi fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jingħata s-setgħa mill-Kunsill ta' Stabbiliizzazzjoni u Assoċjazzjoni taħt l-Artikolu 120 tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet, dawn l-atti għandhom ikunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni”, segwiti b'numru ta' serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet għandhom isiru bi qbil komuni bejn il-Partijiet. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji u għandhom jingħaddu lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura. Kull Parti tista' tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' dan il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 9

Spejjeż

Kemm il-Komunitajiet kif ukoll l-Albanija għandhom joħorġu l-flus għall-ispejjeż li jġarrbu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm f''dak li għandu x'jaqsam ma' personal, spejjeż ta' vvjaġġar u għall-għixien ta' kuljum u ma' spejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni. Spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' servizzi ta' interpretar fil-laqgħat, traduzzjoni u riproduzzjoni ta' dokumenti għandhom jitħallsu mill-Komunitajiet, bl-eċċezzjoni tal-ispiża li għandha x'taqsam mas-servizzi ta' interpretar jew traduzzjoni għal jew mill-Albaniż, li għandhom jitħallsu mill-Albanija. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandu jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 10

Is-Sottokumitati u l-gruppi speċjali

Il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' joħloq sottokumitati jew gruppi speċjali sabiex jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u li għandhom jagħmlulu rapport wara l-laqgħat tagħhom. Il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jtemm kwalukwe sottokumitat jew grupp eżistenti, jistipula jew ibiddel it-termini ta' referenza tagħhom jew joħloq sottokumitati jew gruppi oħra sabiex jgħinuh fil-qadi ta' dmirijietu. Is-sottokumitati u gruppi ma għandu jkollhom l-ebda setgħa ta' teħid ta' deċiżjoni.


(1)  ĠU L 107, 28.4.2009, p. 166.