12.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/65


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Mejju 2009

dwar l-għażla ta’ operaturi ta’ sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 3746)

(2009/449/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern kompetittiv għas-servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) mal-Komunità kollha u sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkunu koperti, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 626/2008/KE toħloq proċedura tal-Komunità għall-għażla ta’ operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita li jużaw medda ta’ frekwenza ta’ 2 GHz skont id-Deċiżjoni 2007/98/KE (2), inkluż spektrum tar-radju minn 1 980 sa 2 010 MHz għal komunikazzjonijiet mid-Dinja għall-ispazju, u minn 2 170 sa 2 200 MHz għal komunikazzjonijiet mill-ispazju għad-Dinja.

(2)

Il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għall-applikazzjonijiet għal sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (2008/C 201/03) fis-7 ta’ Awwissu 2008 (3). Ġiet stabbilita d-data tas-7 ta’ Ottubru 2008 bħala d-data ta’ skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet.

(3)

Sa din id-data waslu applikazzjonijiet mingħand ICO Satellite Limited, Inmarsat Ventures Limited, Solaris Mobile Limited u TerreStar Europe Limited.

(4)

Fl-24 ta’ Ottubru 2008 intbagħtu rikjesti għal informazzjoni addizzjonali rigward l-issodisfar tar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà lil ICO Satellite Limited, Inmarsat Ventures Limited u TerreStar Europe Limited. Il-tliet applikanti rrispondew sas-7 ta’ Novembru 2008.

(5)

Bid-Deċiżjoni C(2008) 8123 tal-11 ta’ Diċembru 2008 dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet sottomessi b’risposta għas-sejħa għal applikazzjonijiet għal sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (2008/C 201/03) il-Kummissjoni ddeċidiet li l-erba’ applikazzjonijiet mressqa minn, rispettivament, ICO Satellite Limited, Inmarsat Ventures Limited, Solaris Mobile Limited u TerreStar Europe Limited huma ammissibbli. Id-Deċiżjoni kienet notifikata immedjatament lill-applikanti, u l-lista tal-applikanti ammissibbli ġiet ippubblikata fuq is-sit tal-Kummissjoni (4).

(6)

L-informazzjoni rigward it-twettiq tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn (Critical Design Review) kienet mogħtija, flimkien mal-applikazzjoni, minn ICO Satellite Limited, Inmarsat Ventures Limited u TerreStar Europe Limited mhux iktar minn 80 ġurnata tax-xogħol wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni tagħhom (sas-6 ta’ Frar 2009), skont l-Anness għad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE.

(7)

Barra minn hekk, korrispondenza li tinkludi l-addizzjonijiet għall-kontenut tekniku u operattiv tal-applikazzjoni ġiet pprovduta minn TerreStar Europe Limited u ICO Satellite Limited wara d-dati ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni u għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni rigward it-twettiq tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn, u għalhekk ma setgħitx tittieħed in konsiderazzjoni.

(8)

Fl-ewwel fażi tal-għażla l-Kummissjoni għandha teżamina, fi żmien 40 jum tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tal-lista tal-applikanti ammissibbli, jekk l-applikanti jkunux urew il-livell meħtieġ ta’ żvilupp tekniku u kummerċjali tas-sistemi rispettivi tagħhom tas-servizzi mobbli bis-satellita. Din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq it-twettiq sodisfaċenti tal-istadji wieħed sa ħamsa kif stipulat fl-Anness għad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE. Il-kredibbiltà tal-applikanti u l-vijabbiltà tas-sistemi proposti tas-servizzi mobbli permezz tas-satellita għandhom jiġu kkunsidrati matul l-ewwel fażi tal-għażla.

(9)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ għażla komparattiva, u partikolarment sabiex il-Kummissjoni tiġi assistita fil-preparazzjoni ta’ deċiżjonijiet konnessi mal-proċedura tal-għażla, ġie stabbilit Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet dwar il-proċedura ta’ għażla komparattiva għal sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS).

(10)

Għall-analiżi u l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet fl-ewwel fażi tal-għażla, il-Kummissjoni talbet il-parir u l-għajnuna ta’ esperti esterni, magħżula permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva fuq il-bażi tal-kompetenza esperta u l-livell għoli ta’ indipendenza u imparzjalità tagħhom.

(11)

Wara analiżi dettaljata u deliberazzjonijiet komprensivi fil-laqgħat, l-esperti pproduċew rapport konsolidat li jiġbor fih il-konklużjonijiet dwar twettiq ta’ stadji li ġie kkomunikat lill-Kummissjoni.

(12)

Il-konklużjonijiet tal-ewwel fażi ta’ evalwazzjoni mill-esperti esterni ġew diskussi mill-esperti tal-Istati Membri fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet dwar il-proċedura ta’ għażla komparattiva għal sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS). Ir-riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet ġie ppreżentat u diskuss fil-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet.

(13)

Il-Kummissjoni qieset ir-rapport konsolidat tal-esperti esterni kif ukoll l-opinjoni tal-esperti tal-Istati Membri, espress fil-Grupp ta’ Ħidma dwar il-proċedura ta’ għażla komparattiva għal sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) sabiex issir il-valutazzjoni fl-ewwel fażi tal-għażla.

(14)

Ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni huwa li Inmarsat Ventures Limited u Solaris Mobile Limited urew il-livell meħtieġ ta’ żvilupp tekniku u kummerċjali tas-sistemi mobbli tas-satellita rispettivi tagħhom u għandhom ikunu applikanti eleġibbli, filwaqt li ICO Satellite Limited u TerreStar Europe Limited ma wrewx il-livell meħtieġ ta’ żvilupp tekniku u kummerċjali tas-sistemi rispettivi tagħhom li jwasslu servizzi mobbli permezz tas-satellita u ma għandhomx ikunu applikanti eleġibbli.

(15)

L-ewwel stadju huwa s-“Sottomissjoni tar-rikjesta tal-Unjoni Internazzjonali ta’ Telekomunikazzjonijiet (ITU - International Telecommunications Union) għall-koordinazzjoni” li titlob lill-applikant jipprovdi evidenza ċara li l-amministrazzjoni responsabbli għat-talba lill-ITU għal sistema mobbli permezz tas-satellita sabiex tintuża għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji tal-Istati Membri tkun ippreżentat it-tagħrif rilevanti imsemmi fl-Appendiċi 4 tar-Regolamenti tar-Radju tal-ITU (ITU Radio Regulations). L-erba’ applikanti kollha kellhom evidenza ċara f’dan ir-rigward, li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra dan l-istadju bħala imwettaq b’mod sodisfaċenti mill-erba’ applikanti kollha.

(16)

It-tieni stadju huwa l-“Manifattura tas-Satellita” u titlob lill-applikant jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju għall-manifattura tas-satelliti meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji tal-Istati Membri. Id-dokument għandu jidentifika l-istadji ta’ kostruzzjoni li jwasslu għat-twettiq tal-manifattura tas-satelliti għall-proviżjoni ta’ MSS kummerċjali. Id-dokument għandu jkun iffirmat mill-applikant u mill-kumpanija li timmanifattura s-satellita. L-applikazzjonijiet ta’ Inmarsat Ventures Limited u Solaris Mobile Limited kienu sostnuti minn evidenza ċara f’dan ir-rigward, li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra dan l-istadju bħala imwettaq b’mod sodisfaċenti minn dawn l-applikanti.

(17)

It-tielet stadju huwa l-“Ftehim għall-varar tas-satellita” u titlob lill-applikant jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju għall-varar ta’ għadd minimu ta’ satelliti meħtieġa għall-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji tal-Istati Membri. Id-dokument għandu jagħti d-dati tal-varar u s-servizzi tal-varar, kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali relatati mal-indennizz. Id-dokument għandu jiġi ffirmat mill-operatur tas-sistema mobbli permezz tas-satellita u mill-kumpanija li tvara s-satelliti. L-erba’ applikazzjonijiet kollha kienu sostnuti minn evidenza ċara f’dan ir-rigward, li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra dan l-istadju bħala mwettaq b’mod sodisfaċenti mill-erba’ applikanti kollha.

(18)

Ir-raba’ stadju huwa ntitolat “Stazzjonijiet Gateway Terrestri” u jitlob lill-applikant jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju għall-kostruzzjoni u l-installazzjoni ta’ Stazzjonijiet Gateway Terrestri li għandhom ikunu wżati għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji tal-Istati Membri. L-erba’ applikazzjonijiet kollha kienu sostnuti minn evidenza ċara f’dan ir-rigward, li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra dan l-istadju bħala mwettaq b’mod sodisfaċenti mill-erba’ applikanti kollha.

(19)

Il-ħames stadju huwa ntitolat it-“Twettiq tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn”. Ir-Reviżjoni Kritika tad-Disinn hi mfissra bħala “il-fażi fil-proċess tal-implimentazzjoni ta’ vettura spazjali fejn tispiċċa l-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp, u tibda l-fażi tal-manifattura”. Dan l-istadju jeħtieġ li l-applikant jipprovdi evidenza ċara tat-twettiq, sa mhux aktar tard minn 80 jum wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn skont l-istadji ta’ kostruzzjoni indikati fil-ftehim dwar il-manifattura tas-satelliti. Id-dokument rilevanti għandu jiġi ffirmat mill-kumpanija li timmanifattura s-satelliti, u għandu jindika d-data tat-twettiq tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn. L-applikazzjonijiet ta’ ICO Satellite Limited, Inmarsat Ventures Limited u Solaris Mobile Limited kienu sostnuti minn evidenza ċara f’dan ir-rigward, li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra dan l-istadju bħala mwettaq b’mod sodisfaċenti minn dawn l-applikanti.

(20)

F’dak li jirrigwarda t-tieni stadju […] (*). […] (*) in-nuqqas ta’ evidenza kuntrattwali u aġġornata għall-istadji ta’ kostruzzjoni li jwassal għat-twettiq tal-manifattura tas-satelliti meħtieġa għall-proviżjoni ta’ MSS kummerċjali wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra, skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE, li dan l-istadju ma ġiex imwettaq b’mod sodisfaċenti minn ICO Satellite Limited

(21)

[…] (*) L-inkonsistenza bejn l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni u l-informazzjoni relattiva għar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn li ingħatat wara, u n-nuqqas ta’ evidenza ċara tat-twettiq tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn għas-satellita li għaliha jirreferi l-ftehim ta’ manifattura tas-satellita kif inkluż fl-applikazzjoni, wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra, skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE, li l-ħames stadju flimkien mat-tieni stadju ma ġiex imwettaq b’mod sodisfaċenti minn TerreStar Europe Limited.

(22)

Inmarsat Ventures Limited, fl-applikazzjoni tagħha, talbet 15 MHz spektrum għal kommunikazzjonjiet mid-Dinja għall-ispazju u 15 MHz spektrum għal komunikazzjonijiet mill-ispazju għad-Dinja. Solaris Mobile Limited, fl-applikazzjoni tagħha, talbet 15 MHz spektrum għal kommunikazzjonjiet mid-Dinja għall-ispazju u 15 MHz spektrum għal komunikazzjonijiet mill-ispazju għad-Dinja.

(23)

Peress li d-domanda totali għal spektrum tar-radju mitluba minn Inmarsat Ventures Limited u Solaris Mobile Limited mhijiex aktar mill-ammont ta’ spektrum tar-radju disponibbli msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE, iż-żewġ applikanti għandhom ikunu magħżula skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE.

(24)

Kwalunkwe deċiżjoni tal-għażla magħmula bħala riżultat tal-ewwel fażi tal-għażla għandha tidentifika l-frekwenzi rispettivi li kull applikant magħżul għandu jkun awtorizzat juża, f’kull Stat Membru, skont it-Titolu III tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE.

(25)

Il-frekwenzi għandhom jiġu identifikati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati. F’dan ir-rigward, għandu japplika l-prinċipju ta’ ġestjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju, kif imniżżla fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (5). Skont dan il-prinċipju it-30 MHz għal darbtejn għandhom jiġu maqsuma f’sub-meded kontigwi b’medda ta’ frekwenza ugwali kemm għal komunikazzjonijiet mid-Dinja għall-ispazju (il-konnessjoni axxendentali) u għal komunikazzjonijiet mill-ispazju għad-Dinja (il-konnessjoni dixxendentali) sabiex ikun hemm l-aktar użu effiċjenti tas-sub-meded. L-aktar par baxx ta’ sub-meded għandu jikkonsisti minn 1 980-1 995 MHz għal komunikazzjonijiet mid-Dinja għall-ispazju (il-konnessjoni axxendentali) u minn 2 170-2 185 MHz għal komunikazzjonijiet mill-ispazju għad-Dinja (il-konnessjoni dixxendentali); l-ogħla par ta’ sub-meded għandhom jikkonsistu minn 1 995-2 010 MHz għall-konnessjoni axxendentali u minn 2 185-2 200 MHz għall-konnessjoni dixxendentali. Kif meħtieġ f’Taqsima 4.4 tas-Sejħa għall-applikazzjonijiet 2008/C 201/03, il-Kummissjoni qieset il-preferenzi indikat mill-applikanti eleġibbli kif imniżżla fl-applikazzjonijiet tagħhom. […] (*).

(26)

Fi żmien 30 jum mill-pubblikazzjoni tal-applikanti magħżula, dawk l-applikanti li ma għandhomx l-intenzjoni li jużaw il-frekwenzi tar-radju, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni ta’ dan bil-miktub.

(27)

Skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti magħżula, b’konformità mal-qafas ta’ żmien u maż-żona ta’ servizz li l-applikanti magħżula jkunu kkommettew ruħhom għalihom, skont l-Artikolu 4(1)(c), u skont il-liġi nazzjonali u l-liġi Komunitarja, ikollhom id-dritt li jużaw il-frekwenza tar-radju speċifika identifikata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3) u d-dritt li joperaw sistema mobbli permezz tas-satellita. Huma għandhom jinfurmaw lill-applikanti magħżula dwar dawn id-drittijiet skont il-każ. Id-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tistipula wkoll li d-dritt għall-użu ta’ frekwenzi speċifiċi tar-radju għandu jingħata lill-applikanti magħżula mill-aktar fis possibli wara l-għażla tagħhom, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’Awtorizazzjoni) (6).

(28)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet mogħtija fit-2 ta’ April 2009,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

ICO Satellite Limited u TerreStar Europe Limited mhumiex applikanti eleġibbli bħala riżultat tal-ewwel fażi tal-għażla tal-proċedura ta’ għażla komparattiva prevista fit-Titolu II tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE.

Artikolu 2

Inmarsat Ventures Limited u Solaris Mobile Limited huma applikanti eleġibbli bħala riżultat tal-ewwel fażi tal-għażla tal-proċedura ta’ għażla komparattiva prevista fit-Titolu II tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE.

Peress li d-domanda totali għal spektrum tar-radju rikjesta mill-applikanti eleġibbli miżmuma bħala riżultat tal-ewwel fażi tal-għażla tal-proċedura ta’ għażla komparattiva prevista f’Titolu II tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE mhijiex iktar mill-ammont ta’ spektrum tar-radju disponibbli msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE, Inmarsat Ventures Limited u Solaris Mobile Limited huma magħżula.

Artikolu 3

Il-frekwenzi li kull applikant magħżul se jkun awtorizzat juża f’kull Stat Membru skont it-Titolu III tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE huma dawn:

(a)

Inmarsat Ventures Limited: minn 1 980 sa 1 995 MHz għal komunikazzjonijiet mid-Dinja għall-ispazju u minn 2 170 sa 2 185 MHz għal komunikazzjonijiet mill-ispazju għad-Dinja;

(b)

Solaris Mobile Limited: minn 1 995 sa 2 010 MHz għal komunikazzjonijiet mid-Dinja għall-ispazju u minn 2 185 sa 2 200 MHz għal komunikazzjonijiet mill-ispazju għad-Dinja.

Artikolu 4

L-għażla ta’ Inmarsat Ventures Limited u Solaris Mobile Limited u l-identifikazzjoni tal-frekwenzi rispettivi previsti fl-Artikoli 2 u 3 għall-applikanti magħżula hija b’kundizzjoni li ma tiġi pprovduta l-ebda informazzjoni bil-miktub, fi żmien 30 jum mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ applikanti magħżula mill-Kummissjoni, mill-applikanti magħżula rilevanti fis-sens li l-applikant ma għandux l-intenzjoni li juża l-frekwenzi tar-radju identifikati.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata:

(1)

lill-Istati Membri u

(2)

(a)

lil ICO Satellite Limited, 269 Argyll Avenue, Slough SL1 4HE, United Kingdom;

(b)

lil Inmarsat Ventures Limited, 99 City Road, London EC1Y 1AX, United Kingdom;

(ċ)

lil Solaris Mobile Limited, 30 Upper Pembroke Street, Dublin 2, Republic of Ireland;

(d)

lil TerreStar Europe Limited, c/o TerreStar Global Ltd., 2nd Floor, 145–157 St John Street, London EC1 V 4PY, United Kingdom.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 172, 2.7.2008, p. 15.

(2)  ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 216.

(3)  ĠU C 201, 7.8.2008, p. 4.

(4)  http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/current/pan_european/index_en.htm

(*)  Partijiet minn dan it-test tħallew barra biex jkun żgurat li l-informazzjoni konfidenzjali ma tinkixifx; dawn il-partijiet tqegħdu f’parenteżi kwadri u mmarkati b’asterisk.

(5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.