11.6.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 148/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-10 ta’ Ġunju 2009
li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għall-applikazzjonijiet taċ-ċomb, il-kadmju u l-merkurju
(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4187)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/443/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju [perikolużi] fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(b) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2002/95/KE tesiġi li l-Kummissjoni tevalwa ċerti sustanzi perikolużi pprojbiti skont l-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva. |
(2) |
Ċerti materjali u komponenti li fihom iċ-ċomb u l-kadmju għandhom jkunu eżentati mill-projbizzjoni, minħabba li l-eliminazzjoni ta’ dawn is-sustanzi perikolużi f’dawk il-materjali u l-komponenti speċifiċi għadha teknikament u xjentifikament mhux prattikabbli. |
(3) |
Is-sostituzzjoni taċ-ċomb fl-istann li jintuża għall-istannjar ta’ wajers irqaq tar-ram ta’ dijametru ta’ 100 μm u inqas fit-trasformers tal-enerġija għadu mhuwiex prattikabbli. |
(4) |
Għad mhemmx disponibbli sostituzzjonijiet prattikabbli għaċ-ċomb fis-saff tal-kisi ta’ diodes ta’ vultaġġ għoli abbażi ta’ korp tal-ħġieġ tal-borat taż-żingu. |
(5) |
Is-sostituzzjoni tal-kadmju u tal-ossidu tal-kadmju f’pejsts ta’ saff oħxon użati fuq ossidu tal-berilju marbut mal-aluminju mhijiex prattikabbli attwalment. |
(6) |
Teknoloġiji ta’ sostituzzjoni biex jinbidlu ċirkwiti analogi tal-ipproċessar tal-ħoss sabiex jiġi evitat l-użu ta’ optocouplers abbażi tal-kadmju fl-applikazzjonijiet kollha ta’ awdjo professjonali għandhom isiru prattikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2009. |
(7) |
Is-sostituzzjoni ta’ merkurju użat bħala inibitur tat-textix fl-iskrins tal-plażma DC li jkun fihom sa massimu ta’ 30 mg għal kull skrin attwalment mhuwiex teknikament prattikabbli, iżda għandu jkun prattikabbli sal-1 ta’ Lulju 2010. |
(8) |
Għalhekk id-Direttiva 2002/95/KE għandha tiġi emendata skont dan. |
(9) |
Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/95/KE, il-Kummissjoni kkonsultat il-partijiet rilevanti. |
(10) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Ġunju 2009.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19.
(2) ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.
ANNESS
Fl-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE, għandhom jiżdiedu l-punti 33 sa 38 li ġejjin:
“33. |
Ċomb fl-istann li jintuża għall-istannjar ta’ wajers irqaq tar-ram ta’ dijametru ta’ 100 μm u inqas fit-transformers tal-enerġija. |
34. |
Ċomb fl-elementi ta’ potenzjometru trimmer abbażi taċ-ċermit. |
35. |
Kadmju f’fotoreżisturi għall-optocouplers applikati f’tagħmir ta’ awdjo professjonali sal-31 ta’ Diċembru 2009. |
36. |
Merkurju użat bħala inibitur tat-textix fl-iskrins tal-plażma DC li jkun fihom sa massimu ta’ 30 mg għal kull skrin sal-1 ta’ Lulju 2010. |
37. |
Ċomb fis-saff tal-kisi ta’ diodes ta’ vultaġġ għoli abbażi ta’ korp tal-ħġieġ tal-borat taż-żingu. |
38. |
Kadmju u ossidu tal-kadmju f’pejsts ta’ saff oħxon użati fuq ossidu tal-berilju marbut mal-aluminju.”. |