29.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Mejju 2009

dwar l-adozzjoni ta’ programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

(2009/410/Euratom)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Proposta mill-Kummissjoni ppreżentata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku u Tekniku,

Billi:

(1)

Fil-qafas taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, ir-reattur ta’ fluss għoli li hemm f’Petten (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “HFR”), kien, u ser jibqa’ għal xi żmien, mezz importanti disponibbli għall-Komunità sabiex tagħti kontribut għax-xjenzi u għall-ittestjar tal-materjali, għall-mediċina nukleari u għar-riċerka dwar is-sikurezza fil-qasam tal-enerġija nukleari.

(2)

It-tħaddim tal-HFR kien appoġġat minn serje ta’ programmi supplimentari ta’ riċerka, l-aħħar wieħed fosthom, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/773/Euratom tas-26 ta’ Novembru 2007 dwar estensjoni ta’ sena għall-programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) skada fil-31 ta’ Diċembru 2007.

(3)

It-tħaddim tal-HFR kompla matul l-2008 mingħajr programm supplimentari ta’ riċerka, filwaqt li saru sforzi sabiex it-tħaddim u l-isfruttar tiegħu jkunu bbażati fuq reġim legali awtonomu u li jservi għal perijodu ta’ żmien itwal. Peress li dawk l-isforzi fallew, jeħtieġ li jkun previst appoġġ finanzjarju kontinwu taħt programm supplimentari ta’ riċerka ġdid.

(4)

Minħabba l-ħtieġa kontinwa tal-HFR bħala infrastruttura li ma tistax tiġi sostitwita għar-riċerka Komunitarja fl-oqsma tat-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari eżistenti, tas-saħħa inkluż l-iżvilupp ta’ iżotopi mediċi sabiex jitwieġbu mistoqsijiet ta’ riċerka medika, tal-fużjoni nukleari, tar-riċerka fundamentali u tat-taħriġ u l-ġestjoni tal-iskart inkluża l-possibbiltà li tiġi studjata l-imġiba tas-sikurezza tal-karburanti nukleari għall-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistemi ta’ reatturi, dan għandu jkompli jitħaddem taħt dan il-programm supplimentari ta’ riċerka sal-2011.

(5)

Minħabba l-interess partikolari tagħhom li l-HFR jibqa’ jitħaddem, il-Belġju, Franza u l-Olanda għandhom, hekk kif indikaw, jiffinanzjaw dan il-programm permezz ta’ kontributi finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala dħul assenjat.

(6)

Parti mill-kontributi taħt dan il-programm supplimentari għandhom ikopru wkoll in-nefqa li saret matul is-sena 2008,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-programm supplimentari ta’ riċerka dwar it-tħaddim tar-reattur ta’ fluss għoli li hemm f’Petten (HFR), (minn hawn ’il quddiem “il-programm”), li l-objettivi tiegħu huma stabbiliti fl-Anness I, huwa adottat għal perjodu ta’ tliet snin, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2009.

Artikolu 2

Il-kontribut finanzjarju stmat li hu meħtieġ biex jitwettaq il-programm jammonta għal EUR 34,992 miljun. Dan l-ammont huwa maqsum kif stabbilit fl-Anness II. Dan il-kontribut għandu jitqies bħala dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (2).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-programm. Għal dan il-għan, hija għandha tirrikorri għas-servizzi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

2.   Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandu jinżamm infurmat bl-implimentazzjoni tal-programm.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha kull sena, qabel il-15 ta’ Settembru, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magmula fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ŠEBESTA


(1)  ĠU L 312, 30.11.2007, p. 29.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


ANNESS I

OBJETTIVI XJENTIFIĊI U TEKNIĊI

L-objettivi prinċipali ta’ dan il-programm huma dawn li ġejjin:

(1)

Li jkun żgurat it-tħaddim sikur u affidabbli tar-reattur ta’ fluss għoli li hemm f’Petten (HFR), sabiex tkun garantita d-disponibbiltà tal-fluss tan-newtroni għall-finijiet ta’ esperimenti.

(2)

Li jitħalla jsir użu effiċjenti tal-HFR mill-istituti tar-riċerka f’firxa wiesgħa ta’ dixxiplini: it-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari eżistenti, is-saħħa inkluż l-iżvilupp ta’ iżotopi mediċi sabiex jitwieġbu mistoqsijiet ta’ riċerka medika, il-fużjoni nukleari, ir-riċerka fundamentali u t-taħriġ u l-ġestjoni tal-iskart inkluża l-possibbiltà li tiġi studjata l-imġiba tas-sikurezza tal-karburanti nukleari għall-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistemi tar-reatturi.


ANNESS II

TAQSIM TAL-KONTRIBUTI

Il-kontributi għall-programm ġejjin mill-Belġju, Franza u l-Olanda.

Dawn il-kontributi huma maqsuma kif ġej:

 

Il-Belġju: EUR 1,2 miljun

 

Franza: EUR 0,9 miljun

 

L-Olanda: EUR 32,892 miljun

 

Total: EUR 34,992 miljun.

Dawk il-kontributi għandhom isiru għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jiġu assenjati għal dan il-programm. Parti mill-kontributi taħt dan il-programm supplimentari jistgħu jkopru wkoll in-nefqa li saret għat-tħaddim tal-HFR matul is-sena 2008 f’konformità mal-programm ta’ ħidma li ser jiġi maqbul fost il-pajjiżi li qegħdin jikkontribwixxu u l-Kummissjoni.

Dawk il-kontributi huma fissi u ma jistgħux jiġu riveduti fir-rigward tal-varjazzjonijiet fl-ispejjeż tat-tħaddim u l-manutenzjoni.