29.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/10


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Mejju 2009

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

(2009/408/KE)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikulari l-punt 28 tagħha,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-“Fond”) twaqqaf sabiex jagħti appoġġ akbar lill-ħaddiema li jkunu batew il-konsegwensi ta’ bidliet strutturali kbar fil-mod ta’ kif isir il-kummerċ dinji kif ukoll biex jassisti l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond fi ħdan il-limitu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(3)

Spanja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, fir-rigward tas-sensji fis-settur tal-vetturi, fid-29 ta’ Diċembru 2008. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta’ EUR 2 694 300.

(4)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta’ EUR 690 000 mill-Fond għall-assistenza teknika skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

(5)

Għalhekk, il-Fond għandu jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni li Spanja ressqet kif ukoll biex jindirizza l-ħtieġa għal assistenza teknika,

IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 3 384 300 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ ħlas.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu, is-6 ta’ Mejju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. KOHOUT


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.