1.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/58


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta' April 2009

li temenda d-Deċiżjoni 2002/253/KE li tistabbilixxi d-definizzjonijiet ta’ każ għar-rappurtaġġ ta’ mard li jinxtered fin-netwerk tal-Komunità permezz tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 3517)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/363/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 1998 dwar l-istabbiliment ta’ netwerk għas-sorveljanza epidemoloġika u kontroll ta’ mard li jinxtered fil-Komunità (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 3(c) tagħha,

Billi:

(1)

Skont il-punt 2.1 tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/96/KE tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar mard li jittieħed li għandu jiġi kopert b’mod progressiv fin-netwerk tal-Komunità taħt id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), “mard li jista’ jiġi evitat b’tilqim”, jinkludi “influwenza”, huma koperti mis-sorveljanza epidemjoloġika fin-netwerk tal-Komunità skont id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE.

(2)

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/253/KE tad-19 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi d-definizzjonijiet tal-każ għar-rappurtaġġ ta’ mard li jinxtered fin-netwerk tal-Komunità permezz tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), id-definizzjonijiet tal-każ imniżżla fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni għandhom ikunu aġġornati sa fejn meħtieġ fuq il-bażi tal-aħħar dejta xjentifika.

(3)

Diversi każijiet ta’ vajrus ġdid tal-influwenza kienu rrappurtati fl-Amerika ta’ Fuq u aktar riċenti f’diversi Stati Membri. Dan il-vajrus huwa wieħed mill-forom multipli li jista’ jieħu l-marda “influwenza”, elenkata fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/96/KE. Iżda, meta minħabba li dan il-vajrus il-ġdid qed ikun ta’ riskju ta’ influwenza pandemika u jitlob koordinazzjoni immedjata bejn il-Komunità u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, huwa meħtieġ li tkun ipprovduta definizzjoni speċifika tal-każ li tagħmel differenza minn dik tad-definizzjoni aktar ġenerali tal-każ tal-influwenza, li tgħin lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex jikkomunikaw informazzjoni rilevanti lin-netwerk tal-Komunità skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE.

(4)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (4) (ECDC), l-ECDC ipprovda, wara talba mill-Kummissjoni, dokument tekniku dwar id-definizzjoni tal-każ għal din il-marda li tinxtered li jassisti lill-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-iżviluppi ta’ strateġiji ta’ intervent fil-qasam tas-sorveljanza u r-reazzjoni. Id-definizzjonijiet tal-każ elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2002/253/KE għandhom ikunu aġġornati fuq il-bażi ta’ din il-kontribuzzjoni.

(5)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2002/253/KE qed jiġi konkluż permezz tad-definizzjoni addizzjonali tal-każ li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni attwali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 30 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 28, 3.2.2000, p. 50.

(3)  ĠU L 86, 3.4.2002, p. 44.

(4)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS

Jiddaħħal il-kliem li ġej fl-Anness tad-Deċiżjoni 2002/253/KE.

“IL-VAJRUS IL-ĠDID A(H1N1) TAL-INFLUWENZA (DAK IMSEJJAĦ BĦALA IL-VAJRUS IL-ĠDID TAL-INFLUWENZA A(H1N1) U L-VAJRUS TAL-INFLUWENZA MESSIKAN) (1)

Il-kriterji kliniċi

Kull persuna li għandha kriterju minn dawn it-tlieta li ġejjin:

Deni ta’ aktar minn 38 °C KIF UKOLL sinjali u sintomi ta’ infezzjoni respiratorja akuta,

Pulmonite (marda respiratorja serja),

Mewt minn marda respiratorja akuta inspjegabbli.

Il-kriterji tal-laboratorju

Mill-inqas waħda mit-testijiet li ġejjin:

RT-PCR,

Kultura virali (li tirrikjedi faċilitajiet BSL 3),

Żieda b’erba’ darbiet fl-antikorpi speċifiċi li kapaċi jinnewtralizzaw il-vajrus il-ġdid tal-influwenza A(H1N1) (timplika l-ħtieġa ta’ serums f’koppja, minn marda ta’ fażi akuta u mbagħad fl-istadju ta’ konvalexxenza minimu ta’ għaxart ijiem sa 14-il jum wara).

Il-kriterji epidemjoloġiċi

Mill-inqas wieħed minn dawn il-kriterji fis-sebat ijiem qabel ma bdiet il-marda:

Persuna li kienet f’kuntatt qrib ma’ każ konfermat ta’ infezzjoni tal-vajrus il-ġdid tal-influwenza A(H1N1) meta l-każ kien marid,

Persuna li siefret lejn żona fejn hija dokumentata trażmissjoni sostnuta minn bniedem għall-ieħor tal-vajrus il-ġdid tal-influwenza A(H1N1),

Persuna li taħdem, f’laboratorju fejn jiġu ttestjati kampjuni tal-vajrus il-ġdid tal-influwenza A(H1N1).

Il-klassifika tal-każijiet

A.   Każ li qed jiġi investigat

Kull persuna li tilħaq il-kriterji kliniċi u epidemjoloġiċi.

B.   Każ probabbli

Kull persuna li tilħaq il-kriterji kliniċi KIF UKOLL epidemjoloġiċi KIF UKOLL b’riżultati tal-laboratorju li juru infezzjoni pożittiva ta’ influwenza A ta’ tip li ma jistax jingħatalu sottotip.

C.   Każ konfermat

Kull persuna li tilħaq il-kriterji tal-laboratorju għall-konferma.