1.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/48


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta' April 2009

li tikkompleta r-rekwiżiti tekniċi għall-karatterizzazzjoni tal-iskart stabbiliti mid-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 3013)

(2009/360/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġjar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (1), u b’mod partikolari, il-punt (a) tal-Artikolu 22(1) tagħha,

Billi:

(1)

id-Direttiva 2006/21/KE tipprovdi għall-karatterizzazzjoni tal-iskart bħala parti mill-pjan ta’ ġestjoni tal-iskart, li għandu jitfassal mill-operaturi tal-industriji ta’ estrazzjoni u jiġi approvat mill-awtorità kompetenti. L-Anness II ta’ dik id-Direttiva jipprovdi lista ta’ ċerti aspetti li għandhom jiġu inklużi fil-karatterizzazzjoni tal-iskart.

(2)

L-għan tal-karatterizzazzjoni tal-iskart mill-estrazzjoni huwa li jinkiseb it-tagħrif rilevanti dwar l-iskart li għandu jiġi mmaniġġjat għall-finijiet ta’ valutazzjoni u monitoraġġ tal-proprjetajiet, l-imġiba u l-karatteristiċi tiegħu u b’hekk jiġi żgurat li jkun qed isir ġestjoni skont il-kundizzjonijiet li jirrispettaw l-ambjent fil-medda t-twila. Barra minn hekk, il-karatterizzazzjoni ta’ estrazzjoni mill-iskart għandha tiffaċilità d-determinazzjoni tal-għażliet għall-ġestjoni ta’ skart tali u l-miżuri tal-mitigazzjoni relatati sabiex tiġi mħarsa s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

(3)

It-tagħrif u d-dejta meħtieġa għall-karaterizzazzjoni tal-iskart mill-estrazzjoni għandhom jinġabru abbażi tat-tagħrif rilevanti eżistenti u xieraq jew, jekk meħtieġ, permezz tat-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar. Għandu jiġi żgurat li t-tagħrif u d-dejta għall-karatterizzazzjoni tal-iskart ikunu xierqa, u ta’ kwalità adegwata u rappreżentattiva tal-iskart. Dan it-tagħrif għandu jkun iġġustifikat kif jixraq fil-pjan ta’ ġestjoni tal-iskart għas-sodisfazzjoni sħiħa tal-awtorità kompetenti.

(4)

Il-livell ta’ dettall tat-tagħrif li għandu jinġabar u l-ħtigijiet tat-teħid ta’ kampjuni u tal-ittestjar għandhom jiġu adattati għat-tip ta’ skart, ir-riskji potenzjali għall-ambjent, u l-faċilità maħsuba tal-iskart. Mil-lat tekniku, għandu jkun possibbli li jiġi adottat approċċ iterattiv biex tiġi żgurata karatterizzazzjoni tal-iskart xierqa.

(5)

Mil-lat tekniku, ikun xieraq li jiġi eżentat skart iddefinit bħala inert skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/359/KE (2) mill-parti tal-ittestjar ġeokimiku.

(6)

Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilita mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-karatterizzazzjoni tal-iskart

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-karatterizzazzjoni tal-iskart li ssir mill-operaturi fl-industriji tal-estrazzjoni tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-karatterizzazzjoni tal-iskart għandha tkopri l-kategoriji ta’ tagħrif li ġejjin kif speċifikati fl-Anness:

(a)

it-tagħrif ta’ sfond;

(b)

l-isfond ġeoloġiku tad-depożitu li se jiġi sfruttat;

(c)

in-natura tal-iskart u t-trattament ippjanat għalih;

(d)

l-imġiba ġeoteknika tal-iskart;

(e)

il-karatteristiċi u l-imġiba ġeokimika tal-iskart.

3.   Il-kriterji biex jiġi ddefinit l-iskart inert stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/359/KE għandhom jitqiesu għall-iskop ta’ valutazzjoni tal-imġiba ġeokimika tal-iskart. Meta, abbażi ta’ dawk il-kriterji, l-iskart jiġi kkunsidrat li huwa “inert”, jiġi suġġett għall-parti rilevanti tal-ittestjar ġeokimiku msemmi f’punt 5 tal-Anness.

Artikolu 2

Il-ġbir u l-iskambju ta’ tagħrif.

1.   It-tagħrif u d-dejta meħtieġa għall-karatterizzazzjoni tal-iskart għandhom jiinġabru fl-ordni stabbilita f’paragrifi 2 sa 5.

4.   Għandhom jintużaw l-investigazzjonijiet u l-istudji eżistenti, inklużi l-permessi, l-istħarriġ ġeoloġiku, is-siti simili, il-listi ta’ skart inert, l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni, l-istandards Ewropej jew dawk nazzjonali għal materjal simili eżistenti, u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fl-Anness.

5.   Il-kwalità u r-rappreżentanza tat-tagħrif kollu għandhom jiġu evalwati u għandu jiġi identifikat it-tagħrif nieqes possibbli.

6.   Meta jkun hemm nuqqas ta’ tagħrif li huwa meħtieġ għall-karatterizzazzjoni, għandu jitfassal pjan għat-teħid ta’ kampjuni konformi mal-istandard EN 14899 u għandhom jittieħdu l-kampjuni skont dak il-pjan tat-teħid ta’ kampjuni. Il-pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni għandhom jiġu bbażati skont it-tagħrif identifikat bħala meħtieġ, li jinkludi:

(a)

l-għan tal-ġbir tad-dejta

(f)

il-programm tal-ittestjar u r-rekwiżiti għat-teħid ta’ kampjuni,

(g)

is-sitwazzjonijiet ta’ teħid ta’ kampjuni, jinkludu t-teħid ta’ kampjuni minn kampjuni ta’ tħaffir, wiċċ tat-tħaffir, konvejer belt, munzell, għadira, jew sitwazzjoni oħra rilevanti.

(h)

il-proċeduri u r-rakkomandazzjonijiet għall-għadd ta’ kampjuni, id-daqs, il-massa, id-deskrizzjoni u t-trattament.

L-affidabbiltà u l-kwalità tar-riżultati tat-teħid ta’ kampjuni għandhom jiġu evalwati.

7.   Ir-riżultati tal-proċess ta’ karatterizzazzjoni għandhom jiġu evalwati. Fejn meħtieġ, għandu jinġabar tagħrif addizzjonali billi tintuża l-istess metodoloġija. Ir-riżultat finali għandu jiddaħħal fil-pjan tal-immaniġġar ta’ skart.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 30 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15

(2)  Ara paġna 46 ta' dan il-Ġurnal uffiċjali.

(3)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.


ANNESS

IR-REKWIŻITI TEKNIĊI GĦALL-KARATTERIZZAZZJONI TA’ SKART

1.   It-tagħrif tal-isfond

Ir-reviżjoni u t-tagħrif tal-isfond ġenerali u l-objettivi tal-operazzjoni tal-estrazzjoni.

Il-ġabra tat-tagħrif ġenerali dwar:

l-attività ta’ tiftix, ta’ estrazzjoni, jew tal-ipproċessar;

it-tip u d-deskrizzjoni tal-metodu tal-estrazzjoni u l-proċess applikat;

in-natura tal-prodott maħsub.

2.   L-isfond ġeoloġiku tad-depożitu li se jiġi sfruttat

L-identifikazzjoni tal-unitajiet ta’ skart li se jiġu esposti permezz tal-estrazzjoni u l-ipproċessar billi jiġi provdut it-tagħrif rilevanti dwar:

in-natura tat-tip ta’ blat fil-madwar, il-kimika u l-mineraloġija tagħhom, inklużi t-tibdil idrotermiku tal-blat mineralizzat u blat b’livell baxx ta’ minerali;

in-natura tad-depożitu, inkluż il-blat mineralizzat jew il-mineralizzazzjoni li twassal għal formazzjoni ta’ blat;

it-tipoloġija tal-mineralizzazzjoni, il-kimika u l-mineraloġija tagħhom, inklużi l-propjetajiet fiżiċi bħad-densità, il-porożità, id-distribuzzjoni tad-daqs ta’ partiċelli, il-kontenut tal-ilma, li jkopri l-minerali maħduma, il-minerali bla valur, il-minerali idrotermiċi li jkunu għadhom kif ifformaw.

id-daqs u l-ġeometrija tad-depożitu;

il-bidla minħabba l-kxif għall-elementi u l-bidla fis-superġene mil-lat kimiku u mineraloġiku.

3.   L-iskart u t-trattament ippjanat għalih.

Id-deskrizzjoni tan-natura tal-iskart kollu li jseħħ f’kull operazzjoni ta’ tiftix, estrazzjoni u pproċessar, inkluż is-saff ta’ fuq is-saff tat-tħaffir, l-iskart tal-ġebla u l-fdalijiet imwarrba, billi jiġi provdut tagħrif dwar l-elementi li ġejjin:

l-oriġini tal-iskart fis-sit ta’ estrazzjoni u l-proċess li qed jiġġenera dak l-iskart bħat-tiftix, l-estrazzjoni, it-tħin, il-konċentrazzjoni;

il-kwalità tal-iskart;

deskrizzjoni tas-sistema ta’ trasport tal-iskart;

id-deskrizzjoni tas-sustanzi kimiċi li se jintużaw matul it-trattament;

il-klassifikazzjoni tal-iskart skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE (1), inklużi l-proprjetajiet perikolużi;

it-tip ta’ faċilità maħsuba tal-iskart, il-forma finali ta’ esponiment tal-iskart u l-metodu ta’ depożitar tal-iskart fil-faċilità.

4.   L-imġiba ġeoteknika tal-iskart

L-identifikazzjoni tal-parametri xierqa għall-valutazzjoni tal-karatteristiċi intrinsiċi fiżiċi tal-iskart meta titqies it-tip ta’ faċilità tal-iskart.

Il-parametri rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati huma: il-granulometrija, il-plastiċità, id-densità u l-kontenut tal-ilma, il-livell ta’ kompattazzjoni, is-saħħa kontra t-tiċrit (shear strength) u l-angolu ta’ frizzjoni, il-proporzjon ta’ permeabbiltà u tal-vojta, il-kompressibbiltà u l-konsolidazzjoni.

5.   Il-karatteristiċi u l-imġiba ġeokimika tal-iskart.

L-ispeċifikazzjoni tal-karatteristiċi kimiki u mineraloġiċi tal-iskart, u ta’ kwalunkwe additivi jew residwi li jibqgħu fl-iskart.

It-tbassir tal-kimika tad-dranaġġ wara ċertu żmien għal kull tip ta’ skart, waqt li jitqies it-trattament ippjanat, b’mod partikolari:

l-evalwazzjoni tal-metalli, il-lissija tal-ossanioni u tal-melħ wara ċertu żmien permezz ta’ test ta’ lissa għad-dipendenza tal-pH, u/jew test ta’ “percolation” tisfija u/jew rilaxx li jiddependi fuq iż-żmien u/jew ittestjar xieraq;

għandhom isiru testijiet statiċi jew kinetiċi għal skart li jkun fih is-sulfid sabiex jiġi ddeterminat id-dranaġġ ta’ ġebel aċiduż u l-lissijar ta’ metalli maż-żmien.


(1)  ĠU L 226, 6.9.2000, p 3.