|
22.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 102/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-20 ta’ April 2009
dwar id-definizzjoni tal-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ faċilitajiet tal-iskart skont l-Anness III għad-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni
(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 2856)
(2009/337/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġjar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda id-Direttiva 2004/35/KE (1), u b’mod partikolari, il-punt (g) tal-Artikolu 22(1) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni komuni tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III għad-Direttiva 2006/21/KE, huwa meħtieġ li tiġi definita metodoloġija u, fejn possibli, li jiġu stabbiliti il-limiti tal-valuri, waqt li jitqiesu t-tipi differenti ta’ faċilitajiet ta’ skart, l-imġieba tagħhom fit-terminu ta’ żmien qasir u f’dak twil kif ukoll matul il-fażi ta’ operazzjoni. |
|
(2) |
Huwa xieraq mil-lat tekniku li l-faċilitajiet tal-iskart li jkollhom biss skart inerti jew ħamrija mhux imniġġsa jiġu eżentati mill-valutazzjoni tal-kriterji dwar il-preżenza ta’ sustanzi perikolużi jew skart perikoluż. |
|
(3) |
Il-periklu potenzjali li ġej minn faċilità tal-iskart jista’ jinbidel b’mod sinifikanti matul il-fażijiet operazzjonali u dawk ta’ għeluq tal-faċilità. B’hekk, huwa xieraq li ssir reviżjoni tal-klassifikazzjoni tal-faċilità kif meħtieġ u għall-inqas fl-aħħar tal-fażi operazzjonali. |
|
(4) |
Sabiex issir valutazzjoni tal-possibbiltà ta’ mewt u periklu għas-saħħa tal-bniedem f’każijiet ta’ nuqqas ta’ integrità strutturali, jew tħaddim inkorrett, ta’ faċilità, il-preżenza permanenti attwali tan-nies fiż-żoni potenzjalment affettwati għandha titqies meta ssir valutazzjoni sinifikanti ta’ possibbiltà ta’ mewt jew periklu għas-saħħa tal-bniedem. |
|
(5) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Faċilità tal-iskart għandha tiġi kklassifikata taħt il-Kategorija A skont l-ewwel inċiż tal-Anness III tad-Diretiva 2006/21/KE jekk il-konsegwenzi mbassra fit-terminu qasir jew fit-terminu twil ta’ falliment minħabba telf ta’ integrità, jew minħabba tħaddim inkorrett ta’ faċilità tal-iskart jistgħu jwasslu għal:
|
(a) |
possibbiltà mhux negliġibbli ta’ mewt; |
|
(b) |
perikli serji għas-saħħa tal-bniedem; |
|
(c) |
perikli serji għall-ambjent. |
2. Għall-għan tal-klassifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, iċ-ċiklu tal-ħajja kollha tal-faċilità, inkluża l-fażi ta’ wara l-għeluq, għandha titqies fil-valutazzjoni tal-periklu potenzjali tal-faċilità.
Artikolu 2
1. Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, l-integrità strutturali ta’ faċilità tal-iskart għandha tfisser il-kapaċità li żżomm l-iskart fil-konfini tal-faċilità bil-mod li hi tkun ġiet iddiżinjata għalih.
2. In-nuqqas ta’ integrità strutturali għandu jkopri l-mekkaniżmi possibbli kollha ta’ ħsara rilevanti għall-istrutturi tal-faċilità tal-iskart konċernata.
3. Il-valutazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ integrità strutturali għandha tinkludi l-impatt immedjat ta’ kwalunkwe materjal trasportat mill-faċilità bħala konsegwenza tal-ħsara u l-effetti fi żmien qasir u fit-tul li jirriżultaw minn dan.
Artikolu 3
1. Għall-għan ta’ din id-Deċiżjoni, it-tħaddim inkorrett tal-faċilità tal-iskart għandu jfisser kwalunkwe tħaddim li jista’ jwassal għal inċident kbir, inluż it-tħaddim ħażin tal-miżuri għall-protezjoni ambjentali u l-ippjanar difettuż jew mhux xieraq.
2. Il-valutazzjoni tar-rilaxx ta’ kontaminanti li jirriżultaw minn tħaddim inkorrett għandha tinkludi l-effetti tar-rilaxx ta’ kontaminanti kemm fit-terminu qasir kif ukoll fit-terminu twil. Dik il-valutazzjoni għandha tkopri kemm il-perjodu operazzjonali tal-faċilità kif ukoll il-perjodu fit-tul wara l-għeluq. Hi għandha tinkludi valutazzjoni tal-perikli potenzjali li ġejjin minn faċilitajiet li għandhom skart reattiv, irrelevanti jekk l-iskart ġiex ikklassifikat bħala perikoluż fid-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE (3) jew le.
Artikolu 4
1. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-konsegwenzi ta’ ħsara minħabba n-nuqqas ta’ integrità strutturali jew tħaddim inkorrett ta’ faċilità tal-iskart skont il-paragrafi 2, 3 u 4.
2. Il-possibilità ta’ mewt jew il-periklu għas-saħħa tal-bniedem għandha titqies negliġibbli jew mhux serja jekk in-nies apparti mill-ħaddiema li jħaddmu il-faċilità li jistgħu jiġu affettwati mhumiex mistennija li jkunu preżenti b’mod permanenti jew għal perjodi mtawwla fiż-żona potenzjalment affettwata. Il-ġrieħi li jwasslu għal diżabbilltà jew għal kundizzjonijiet mtawwla ta’ mard għandhom jitqiesu bħala perikoli serji għas-saħħa tal-bniedem.
3. Il-periklu potenzjali għall-ambjent għandu jitqies mhux serju jekk:
|
(a) |
l-intensità tas-saħħa tas-sors ta’ kontaminant potenzjali tkun qed tonqos b’mod sinifikanti fi żmien qasir; |
|
(b) |
il-ħsara ma twassalx għal xi ħsara ambjentali permanenti jew li ddum fit-tul; |
|
(c) |
l-ambjent affetwat jista’ jiġi restawrat permezz ta’ sforzi minuri ta’ tindif u restawr. |
4. Biex tiġi stabbilita l-possibbiltà ta’ mewt jew ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, l-evalwazzjonijiet speċifiċi tal-firxa tal-impatti potenzjali għandhom jitqiesu fil-kuntest ta’ katina ta’ sors-passaġġ-riċevitur.
Meta ma jkunx hemm passaġġ bejn is-sors u r-riċevitur, il-faċilità kkonċernata ma għandiex tiġi kklassifikata fil-Kategorija A abbażi tal-ħsara minħabba nuqqas ta’ integrità strutturali jew tħaddim inkorrett.
Artikolu 5
1. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ integrità strutturali ta’ digi, il-ħajjiet tal-bnedmin għandhom jitqiesu mhedda meta l-livelli tal-ilma jew tat-tajn huma mill-anqas 0,7 m 'l fuq mill-art jew fejn il-veloċità tal-ilma jew tat-taħlita jaqbżu 0,5 m/s.
2. Il-valutazzjoni tal-possibbiltà ta’ mewt jew ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem, għandha tinkludi għall-inqas il-fatturi li ġejjin:
|
(a) |
id-daqs u l-propjetajiet tal-faċilità inkluż l-ippjanar tagħha; |
|
(b) |
il-kwantità u l-kwalità fosthom il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tal-iskart fil-faċilità; |
|
(c) |
it-topografija tas-sit tal-fakultà, inklużi l-karatteristiċi tad-damper; |
|
(d) |
iż-żmien li tieħu mewġa b’potenzjal ta’ għargħar biex tasal fiż-żona fejn hemm in-nies; |
|
(e) |
il veloċità tal- propagazzjoni tal-mewġa tal-għargħar; |
|
(f) |
il-livell previst tal-ilma jew tat-tajn; |
|
(g) |
ir-rata li biha qed jogħlew il-livelli tal-ilma u tat-tajn; |
|
(h) |
kwalunkwe fatturi rilevanti speċifiċi għas-sit li jistgħu jinfluwenzaw il-possibbiltà ta’ mewt jew ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem. |
Artikolu 6
1. F’każ ta’ żerżiq ta’ munzell skart kwalunkwe moviment ta’ massa ta’ skart għandu jitqies bħala theddida possibbli għall-ħajja tal-bnedmin jekk hemm nies li joqgħodu f’dik il-medda li fiha qed tiċċaqlaq il-massa ta’ skart.
2. Il-valutazzjoni tal-possibbiltà ta’ mewt jew ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem, għandha tinkludi għall-inqas il-fatturi li ġejjin:
|
(a) |
id-daqs u l-proprjetajiet tal-faċilità inkluż l-ippjanar tagħha; |
|
(b) |
il-kwantità u l-kwalità fosthom il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tal-iskart fil-faċilità |
|
(c) |
l-angolu tal-inklinazzjoni tal-munzell; |
|
(d) |
il-possibbilta li jinġema ilma ta’ taħt l-art intern ġewwa l-munzell; |
|
(e) |
l-istabbiltà ta’ taħt l-art; |
|
(f) |
it-topografija; |
|
(g) |
il-viċinanza lejn nixxigħat, kostruzzjonijiet, bini; |
|
(h) |
xogħlijiet f’minjieri; |
|
(i) |
kwalunkwe fattur ieħor speċifiku għas-sit li jista’ jikkontribwixxi sinifikament għar-riskju kkawżat mill-istruttura. |
Artikolu 7
1. Il-limitu msemmi fit-tieni inċiż tal-Anness III tad-Direttiva 2006/21/KE għandu jiġi ddeterminat, bħala l-proporzjon tal-piż fuq il-bażi ta’ materja niexfa ta’:
|
(a) |
l-iskart kollu kklassifikat bħala perikoluż skont id-Direttiva 91/689/KEE u li mistenni jkun preżenti fil-faċilità fl-aħħar tal-perjodu ppjanat ta’ ħidma, u |
|
(b) |
l-iskart mistenni li jkun preżenti fil-faċilità fl-aħħar tal-perjodu ppjanat ta’ ħidma. |
2. Meta il-proporzjon imsemmi fil-paragrafu 1 jaqbeż il-50 %, il-faċilità għandha tiġi kklassifikata bħala Kategorija A.
3. Meta il-proporzjon imsemmi fil-paragrafu 1 ikun bejn il-5 % u l-50 %, il-faċilità għandha tiġi kklassifikata bħala Kategorija A.
Madankollu, dik il-faċilità ma tistax tiġi kklassifikata bħala Kategorija A meta jkun hemm ġustifikat abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju speċifika għas-sit, b’konċentrazzjoni speċifika dwar l-effetti tal-iskart perikoluż, imwettqa bħala parti mill-klassifikazzjoni abbażi tal-konsegwenzi ta’ ħsara minħabba nuqqas ta’ integrità jew tħaddim inkorretta, u turi li l-faċilità ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala Kategorija A abbażi tal-kontenuti ta’ skart perikoluż.
4. Meta il-proporzjon imsemmi fil-paragrafu (1) huwa inqas minn 5 %, imbagħad il-faċilità ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala Kategorija A abbażi tal-kontenuti ta’ skart perikoluż.
Artikolu 8
1. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk il-kriterju stabbilit fit-tielet inċiż tal-Anness III għad-Direttiva 2006/21/KE intlaħaqx skont il-konsiderazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3, u 4.
2. Għall-għadajjar ta’ fdalijiet ppjanati, se tintuża l-metodoloġija li ġejja:
|
(a) |
għandu jsir inventarju tas-sustanzi u l-preparazzjonijiet li jintużaw fl-ipproċċessar u li huma sussegwentement mormija mat-tajn tal-irdim fl-għadira ta’ fdalijiet;. |
|
(b) |
għal kull sustanza u preparazzjoni, għandhom jiġu stmati l-kwantitajiet annwali użati fil-proċess għal kull sena ta’ ħidma prevista; |
|
(c) |
għal kull sustanza u preparazzjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk hijiex sustanza jew preparazzjoni perikoluża fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (4) u tad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); |
|
(d) |
għal kull sena ta’ tħaddim previst, iż-żieda annwali fl-ilma maħżun (ΔQi) ġewwa l-għadira ta’ fdalijiet għandha tiġi kkalkulata f’kundizzjonijiet stabbli skont il-formula stabbilita fl-Aness I; |
|
(e) |
għal kull sustanza jew preparazzjoni perikoluża identifikata skont il-punt (c), il-konċentrazzjoni massima annwali (C max) fil-fażi akwea għandha tiġi stmata skont il-formula stabbilita fl-Anness II. |
Jekk, abbażi tal-istima tal-konċentrazzjoni massima annwali (C max), il-fażi akwea hija kkunsidrata li tkun “perikoluża” skont it-tifsira tad-Direttivi 1999/45/KE jew 67/548/KEE, il-faċilità għandha tiġi kklassifikata bħala faċilita ta’ Kategorija A.
3. Għat-tħaddim tal-għadajjar ta’ fdalijiet, il-klassifikazzjoni tal-faċilità għandha tkun ibbażata fuq il-metodoloġija stabbilita f’ paragrafu 2, jew fuq analiżi kimika diretta tal-ilma u s-solidi li jinstabu fil-faċilità. Jekk il-fażi akwea u l-kontenuti tagħha jkollhom jiġu kkunsidrati bħala preparazzjoni perikoluża skont it-tifsira tad-Direttiva 1999/45/KE jew 67/548/KEE, il-faċilità għandha tiġi kklassifikata bħala faċilità ta’ Kategorija A.
4. Għall-faċilitajiet ta’ lissija tal-munzell, meta l-metalli jiġu estratti minn mniezel permezz tat-tisfija ta’ soluzzjonijiet ta’ lissija, l-Istati Membri għandhom iwettqu testijiet għall-sustanzi perikolużi fil-mument tal-għeluq ibbażati fuq l-inventarju ta’ kimiki u konċentrazzjonijiet residwi ta’ dwan il-kimiki ta’ lissija fid-dranaġġ wara jkun ġie ffinalizzat il-ħasil. Jekk dawn il-lissati jkollhom jiġu kkunsidrati bħala preparazzjoni perikoluża skont it-tifsira tad-Direttiva 1999/45/KE jew 67/548/KEE, il-faċilità għandha tiġi kklassifikata bħala faċilità ta’ Kategorija A.
Artikolu 9
L-Artikolu 7 u 8 ta’ din id-Deċiżjoni ma għandhomx japplikaw għall-faċilitajiet bi skart inert jew ħamrija mhux imniġġsa biss.
Artikolu 10
Għandha ssir reviżjoni tal-klassifikazzjoni mill-awtorità kompetenti skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/21/KE meta ssir bidla sostanzjali fil-permess jew il-kundizzjonijiet ta’ tħaddim jinbidlu sinifikament.
Dik ir-reviżjoni għandha titwettaq mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ tħaddim tal-faċilità.
Artikolu 11
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 20 ta’ April 2009.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.
(2) ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.
ANNESS I
Il-formula għall-kalkoli tal-medja taż-żieda annwali fl-ilma maħżun ġewwa l-għadira ta’ fdalijiet ΔQ kif imsemmija fl-Artikolu 8 il-paragrafu 2
|
ΔQi |
= |
(ΔΜi/D)*P, fejn: |
|
ΔQi |
= |
iż-żieda annwali fl-ilma maħżun ġewwa l-għadira ta’ fdalijiet (m3/sena) matul is-sena “i” |
|
ΔΜi |
= |
il-massa annwali ta’ fdalijiet mormija fl-għadira (tunnellati ta’ piż niexef/sena) matul is-sena “i” |
|
D |
= |
il-medja tad-densità tal-kwantità niexfa ta’ fdalijiet iddepożitati (tunnellati/m3) |
|
P |
= |
il-porożità medja ta’ fdalijiet sedimentati (m3/m3) iddefiniti bħala proporzjon tal-volum ta’ spazji vojta mqabbla mal-volum totali ta’ fdalijiet sedimentati |
Jekk id-dejta eżatta mhijiex disponibbli, għandhom jintużaw il-valuri awtomatiċi ta’ 1,4 tunnellata/m3 għad-densità tal-kwantità niexfa u 0,5 m3/m3 għall-porożità.
ANNESS II
L-istima tal-konċentrazzjoni massima fil-fażi akwea C max kif imsemmija fl-Artikolu 8 il-paragrafu 2
C max = il-massimu tal-valur li ġej: Si/ΔQi, meta:
Si = il-massa annwali ta’ kull sustanza u preparazzjoni kif identifikata skont l-Artikolu 8(2)(c), mormija fl-għadira matul is-sena “i”