3.4.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 91/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta’ April 2009
li temenda d-Deċiżjoni 2000/96/KE rigward in-netwerks ta’ sorveljanza dedikati għall-mard li jittieħed
(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 2351)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/312/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 1998 dwar l-istabbiliment ta’ network għas-sorveljanza epidemoloġika u kontroll ta’ mard li jinxtered fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(c) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/96/KE tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar mard li jittieħed li għandu jiġi kopert b’mod progressiv fin-network tal-Komunità taħt id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi lista ta’ ċertu mard li jittieħed u kwistjonijiet speċjali dwar is-saħħa għal finijiet ta’ sorveljanza epidemjoloġika. L-għan prinċipali għall-iżvilupp fil-livell Komunitarju ta’ netwerk ta’ din ix-xorta għas-sorveljanza u l-kontroll ta’ mard li jittieħed kien li tinġabar u li tiġi kkoordinata l-informazzjoni min-netwerk ta’ monitoraġġ fl-Istati Membri rigward is-saħħa pubblika. |
(2) |
L-istess bħal meta kienet adottata d-Deċiżjoni 2000/96/KE mhux il-mard kollu li jittieħed jew il-kwistjonijiet speċjali dwar is-saħħa magħżula għas-sorveljanza epidemjoloġika setgħu jiġu koperti min-netwerk Komunitarju, ċerti netwerks dedikati għas-sorveljanza ġew identifikati bħala dawk li setgħu diġà jiġu stabbiliti. |
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/542/KE tas-17 ta’ Lulju 2003 temenda d-Deċiżjoni 2000/96/KE rigward l-operat tan-networks ta’ sorveljanza dedikata (3), fost affarijiet oħra tispeċifika l-mard li jittieħed u l-kwistjonijiet speċjali dwar is-saħħa li f’dak iż-żmien ġew stabbiliti għalihom netwerks dedikati għas-sorveljanza. |
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (4) (ECDC) jiddefinixxi n-netwerks dedikati għas-sorveljanza (DSN) bħala kull netwerk speċifiku dwar il-mard jew kwistjonijiet speċjali dwar is-saħħa għas-sorveljanza epidemjoloġika bejn l-istrutturi akkreditati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. |
(5) |
L-Artikolu 3(2) il-punt (d) tar-Regolament (KE) Nru 851/2004, jafda lill-ECDC bil-missjoni li jikkoordina n-netwerk Ewropew tal-entitajiet li joperaw fl-oqsma tal-missjoni tiegħu, inklużi n-netwerks maħluqin minn attivitajiet ta’ saħħa pubblika appoġġati mill-Kummissjoni u li joperaw id-DSN. |
(6) |
L-ECDC attwalment jissorvelja l-importanza relattiva tal-mard u ta’ kwistjonijiet speċjali dwar is-saħħa u meta meħtieġ mis-sitwazzjoni epidemjoloġika jissuġġerixxi biex tiġi emendata l-lista tal-mard li jittieħed li trid tkun koperta b’mod progressiv min-netwerk Komunitarju; barra minn hekk kull marda ġdida inkluża fid-Deċiżjoni 2000/96/KE hi immedjatament koperta bis-sorveljanza epidemjoloġika tal-ECDC. |
(7) |
Billi l-maġġoranza l-kbira tal-mard u tal-kwistjonijiet dwar is-saħħa elenkati fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2000/96/KE issa hi koperta bl-attivitajiet tal-ECDC, ma għadux meħtieġ li jiġu enfasizzati f’dan l-Anness, permezz ta’ asteriski, dawk in-netwerks li diġà huma stabbiliti. |
(8) |
Id-Deċiżjoni 2000/96/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan. |
(9) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2000/96/KE hi emendata kif ġej:
(1) |
Fl-Artikolu 4(2) jitħassar l-ewwel subparagrafu. |
(2) |
L-Anness I hu emendat kif preskritt fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 2 ta’ April 2009.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1.
(3) ĠU L 185, 24.7.2003, p. 55.
(4) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.
ANNESS
L-Anness I għad-Deċiżjoni 2000/96/KE hu sostitwit b’dan li ġej:
“ANNESS I
1. IL-MARD LI JITTIEĦED U L-KWISTJONIJIET SPEĊJALI DWAR IS-SAĦĦA KOPERTI MIN-NETWERK KOMUNITARJU KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 1
1.1. |
Rigward il-mard li jittieħed u l-kwistjonijiet speċjali dwar is-saħħa elenkati f’dan l-Anness, is-sorveljanza epidemjoloġika fin-netwerk Komunitarju trid titwettaq bil-ġbir u l-analiżi standardizzati tal-informazzjoni b’mod li jrid jiġi stabbilit għal kull marda li tittieħed u kwistjoni speċjali dwar is-saħħa meta jiġu stabbiliti n-netwerks speċifiċi għas-sorveljanza. |
2. IL-MARD
2.1. Il-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim
Id-difterite
L-infezzjonijiet b’haemophilus influenza grupp B
L-influwenza
Il-ħosba
Il-gattone
Is-sogħla konvulsiva
Il-poljomjelite
Il-ħosba Ġermaniża
Il-ġidri
It-tetanu
2.2. Il-mard trażmess sesswalment
L-infezzjonijiet bil-klamidja
L-infezzjonijiet bil-gonokokku
L-infezzjoni bl-HIV
Is-sifilide
2.3. L-epatite virali
L-epatite A
L-epatite B
L-epatite C
2.4. Il-mard li jinġarr mill-ikel u mill-ilma u l-mard ta’ oriġini ambjentali
L-antraċe
Il-botuliżmu
Il-kampilobatterjosi
Il-kriptosporidjosi
Il-ġardjasi
L-infezzjoni bl-E. coli enteroemorraġika
Il-leptospirosi
Il-listerjosi
Is-salmonellosi
Ix-xiġellosi
It-tossoplasmosi
It-trikinosi
Il-jersinosi
2.5. Mard ieħor
2.5.1. Il-mard trażmess minn aġenti mhux konvenzjonali
L-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli, il-marda varjanti ta’ Creutzfeld-Jakob
2.5.2. Il-mard li jinġarr mill-arja
Il-leġjonellosi
Il-mard minn meninġokokkoli
L-Infezzjonijiet pnewmokoċċi
It-tuberkulosi
Is-Sindromu Respiratorju Akut Gravi (SARS)
2.5.3. Iż-żoonosijiet (għajr dawk elenkati fit-2.4)
Il-bruċellosi
L-echinococcosis
Ir-rabja
Id-deni-Q
It-tularemja
L-influwenza avjarja fil-bniedem
L-infezzjoni virali tal-Punent tan-Nil
2.5.4. Il-Mard serju importat
Il-kolera
Il-malarja
Il-pesta
Id-deni emoraġijaku virali
3. KWISTJONIJIET SPEĊJALI DWAR IS-SAĦĦA
3.1. |
L-infezzjonijiet nosokomjali |
3.2. |
Ir-reżistenza antimikrobjali” |