26.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Marzu 2009

li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni marbut mal-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 2032)

(2009/296/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika tas-Sajd Komuni (1), u partikolarment l-Artikolu 34c(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn fl-Atlantiku (ICCAT) fl-2006 adottat pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran (Rakkomandazzjoni 06-05), li daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Ġunju 2007. Dak il-Pjan ta’ Rkupru ġie traspost fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea (KE) fuq bażi temporanja permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 643/2007 (2) u fuq bażi permanenti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1559/2007 (3)

(2)

Ir-Rakkomandazzjoni 08-05 tal-ICCAT adottata fl-24 ta’ Novembru 2008 u li temenda r-Rakkomadazzjoni 06-05 biex jiġi stabbilit pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran fiha tibdiliet importanti. Dawn it-tibdiliet ġew imdaħħla fil-proposta għat-traspożizzjoni tar-Rakkomandazzjoni 08-05 fil-liġi Komunitarja, li tressqet mill-Kummissjoni quddiem il-Kunsill u l-Parlament.

(3)

Sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-pjan multiannwali tal-irkupru, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni li jinvolvi lill-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, Malta u l-Portugall, bil-għan li jiġi ggarantit livell xieraq ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd b’rabta mal-irkupru tal-istokkijiet tat-tonn.

(4)

Dak il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkun stabbilit għall-perjodu mill-15 ta’ Marzu 2009 sal-15 ta’ Marzu 2011. Ir-riżultati miksuba bl-applikazzjoni tal-programm speċifiku tal-kontroll u l-ispezzjoni għandhom jiġu evalwati perjodikament f’kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati.

(5)

Sabiex jiġu armonizzati l-kontroll u l-ispezzjoni tas-sajd tat-tonn fuq il-livell Komunitarju, huwa xieraq li jitħejjew regoli komuni għall-attivitajiet tal-kontroll u l-ispezzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, u li l-Istati Membri jadottaw programmi nazzjonali ta’ kontroll ekwivalenti għal dawn ir-regoli komuni. Għal dak il-għan, għandhom jiġu stabbiliti punti ta’ riferiment għall-intensità tal-attivitajiet tal-kontroll u l-ispezzjoni, kif ukoll il-prijoritajiet u l-proċeduri għall-kontroll u l-ispezzjoni.

(6)

Sabiex jiġi żgurat is-segwiment tal-ksur skont l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni tas-Sajd (4), għandu jitwaqqaf qafas li fi ħdanu l-awtoritajiet kollha kkonċernati jistgħu jitolbu għajnuna reċiproka u jaqsmu informazzjoni rilevanti skont l-Artikolu 34a u 34b tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

(7)

Għandhom jitwettqu attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza skont il-pjanijiet ta’ mobbilizzazzjoni konġunta stabbiliti mill-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (CFCA) stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (5).

(8)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni ġew stabbiliti flimkien mal-Istati Membri kkonċernati.

(9)

Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma skont il-fehma tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata tal-pjan multiannwali tal-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u l-Mediterran adottat mill-ICCAT fl-24 ta’ Novembru 2008.

Artikolu 2

Ambitu

1.   Il-programm speċifiku tal-kontroll u l-ispezzjoni marbut mat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u l-Baħar Mediterran għandu jkopri:

(a)

l-attivitajiet kollha tas-sajd mill-bastimenti, in-nases u l-farms;

(b)

l-operazzjonijiet kollha tal-qbid, il-ħatt, it-trasferimenti, it-trażbord u t-tqegħid fil-gaġeġ;

(ċ)

l-attivitajiet kollha relatati tal-farms u l-impriżi involuti fiż-żamma fil-gaġeġ, it-tismin, l-produzzjoni jew l-ipproċessar tat-tonn u/jew il-kummerċ ta’ prodotti tat-tonn, fosthom l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid, it-trasport u l-ħażna;

(d)

l-implimentazzjoni tal-pjanijiet multiannwali tas-sajd;

(e)

l-probizzjoni tal-użu ta’ inġenji tal-arju u ħelikopters tat-tiftix;

(f)

is-sajd sportiv u rikreazzjonali;

(g)

l-implimentazzjoni tal-Iskema tal-ICCAT dwar l-Ispezzjonijiet Internazzjonali Konġunti;

(h)

il-monitoraġġ u s-segwitu tal-operazzjoni konġunti tas-sajd;

(i)

l-implimentazzjoni tal-miżuri dwar il-kapaċitajiet tas-sajd u l-produzzjoni;

(j)

l-implimentazzjoni tal-programmi tal-osservazzjoni mill-Istati Membri u l-programm tal-ICCAT tal-osservazzjoni reġjonali;

(k)

l-implimentazzjoni tar-regoli dwar ir-resiġistrazzjoni tal-bastimenti tal-qbid awtorizzati u ta’ bastimenti tas-sajd oħra.

2.   Il-programm speċifiku tal-kontroll u l-ispezzjoni għandu japplika mill-15 ta’ Marzu 2009 sal-15 ta’ Marzu 2011.

Artikolu 3

Programmi nazzjonali tal-kontroll

1.   Il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, Malta u l-Portugall għandhom jistabbilixxu programmi nazzjonali tal-kontroll, skont ir-regoli komuni stabbiliti fl-Anness I, fir-rigward tal-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 2.

2.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Marzu 2009 u 2010 il-programmi nazzjonali tal-kontroll u l-iskedi annwali tal-implimentazzjoni tagħhom.

3.   Il-programmi nazzjonali tal-kontroll għandhom ikun fihom id-dejta kollha elenkata fl-Anness II. L-iskedi tal-implimentazzjoni annwali għandhom jinkludu d-dettalji fir-rigward tar-riżorsi umani u l-materjali allokati u ż-żoni fejn ser jintużaw dawk ir-riżorsi.

Artikolu 4

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

L-Istati Membri kollha għandhom jikkooperaw mal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 3(1) għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku tal-kontroll u l-ispezzjoni.

Artikolu 5

Spezzjonijiet mill-Kummissjoni

1.   L-ispetturi Komunitarji jistgħu jwettqu spezzjonijiet mingħajr l-għajnuna ta’ spetturi mill-Istati Membri kkonċernati, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tipprovdi lill-ispetturi tal-Kummissjoni l-għajnuna meħtieġa biex iwettqu l-ispezzjonijiet previsti fil-paragrafu 1.

3.   L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom jivverifikaw is-sejbiet tagħhom mal-ispetturi tal-Istat Membru kkonċernat. Għal dak il-għan, għandhom jiltaqgħu wara kull waħda miż-żjarat tagħhom ta’ spezzjoni mal-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat sabiex jinfurmawhom dwar is-sejbiet li jkunu għamlu.

Artikolu 6

Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza

1.   L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom iwettqu attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza skont il-Pjan ta’ Eżerċizzju Konġunt stabbilit mill-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 768/2005. It-twettiq ta’ spezzjoni għandu jkun skont id-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni 08-05 tal-Iskema tal-Ispezzjonijiet Internazzjonali Konġunti u l-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Għal dak il-għan, l-Istat Membru kkonċernat għandu:

(a)

jiżgura li l-ispetturi minn Stati Membri oħra kkonċernati jkunu mistiedna jieħdu sehem fi spezzjonijiet konġunti u attivitajiet ta’ sorveljanza;

(b)

jistabbilixxi proċeduri operattivi konġunti applikabbli għall-inġenji tagħhom ta’ sorveljanza.

Artikolu 7

Attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni mill-Istati Membri

Stat Membru li jkun bi ħsiebu jissorvelja u jispezzjona bastimenti tas-sajd fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, fil-qafas tal-Pjan ta’ Eżerċizzju Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-punt ta’ kuntatt tal-Istat Membru kostali kkonċernat, imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1042/2006 (6), u lill-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd. Din in-notifika għandha jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip, l-isem u l-kodiċi tar-radju tal-bastimenti tal-ispezzjoni u tal-inġenji tal-ajru tal-ispezzjoni skont il-lista msemmija fl-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(b)

iż-żoni, kif imsemmija fl-Artikolu 1, fejn ikunu ser jitwettqu s-sorveljanza u l-ispezzjoni;

(ċ)

it-tul taż-żmien tal-attivitajiet tas-sorveljanza u l-ispezzjoni.

Artikolu 8

Ksur

1.   L-Istati Membri li l-ispetturi tagħhom jiskopru kwalunkwe ksur waqt spezzjoni tal-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 2, għandhom jinfurmaw lill-Istati li ġejjin dwar id-data tal-ispezzjoni u d-dettalji tal-ksur:

(a)

l-Istat Membru tal-bandiera rilevanti u/jew il-Parti Kontraenti tal-ICCAT u, fejn xieraq;

(b)

l-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-istallazzjoni tal-farm jew l-impriża involuta fl-ipproċessar u/jew il-kummerċ tal-prodotti tat-tonn.

2.   Meta l-Istat Membru li l-ispetturi tiegħu skoprew il-ksur ma jiħux azzjoni ulterjuri, l-Istati Membri mgħarrfa skont il-paragrafu 1 għandhom jieħdu azzjoni xierqa fil-pront biex jilqgħu u jikkunsidraw il-provi tal-ksur. Għandhom iwettqu kwalunkwe investigazzjoni ulterjuri kif meħtieġ biex jiġi segwit il-ksur.

3.   L-Istati Membri li l-ispetturi tagħhom josservaw attività jew kundizzjoni li tista’ tikkostitwixxi ksur serju, kif definit fir-Rakkomandazzjoni 08-05, għandhom minnufih jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, direttament kif ukoll permezz tas-Segretarjat tal-ICCAT u l-Kummissjoni.

4.   F’każ li ksur serju, kif definit fir-Rakkomandazzjoni 08-05, jiġi skopert abbord bastiment tas-sajd Komunitarju, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li, wara l-ispezzjoni, il-bastiment tas-sajd bil-bandiera tiegħu jieqaf mill-attivitajiet kollha tas-sajd. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jitlob lill-bastiment tas-sajd biex jipproċedi immedjatament lejn port deżinjat mill-Istat Membru u fejn għandha tinbeda investigazzjoni. Jekk il-bastiment tas-sajd ma jissejjaħx fil-port, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jagħti ġustifikazzjoni xierqa lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lis-Segretarjat Eżekuttiv tal-ICCAT, li għandu jpoġġiha għad-dispożizzjoni tal-Partijiet Kontraenti l-oħra.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li, jekk il-prosekuzzjoni ta’ ksur tiġi trasferita lill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 31(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, is-sigurtà u l-kontinwità ta’ kwalunkwe evidenza tal-ksur ċċitat mill-ispetturi tiegħu tkun garantita f’kull każ.

Artikolu 9

Informazzjoni

1.   L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa tmiem kull xahar, l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta’ dak ix-xahar:

(a)

l-attivitajiet ta’ spezzjoni u kontroll imwettqa;

(b)

il-ksur kollu, fosthom għal kull ksur, l-identifikazzjoni ta’:

(i)

il-bastiment tas-sajd (isem, bandiera u kodiċi ta’ identifikazzjoni esterna), in-nassa, il-farm jew l-impriża involuta fl-ipproċessar u/jew il-kummerċ tal-prodotti tat-tonn ikkonċernati,

(ii)

id-data, il-ħin u l-post tal-ispezzjoni u

(iii)

in-natura tal-ksur;

(ċ)

il-qagħda attwali tas-segwiment tal-ksur li nstab;

(d)

kwalunkwe azzjoni rilevanti ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

2.   Ksur għandu jibqa’ jitniżżel fuq kull rapport sussegwenti sakemm l-azzjoni tiġi konkluża skont il-liġijiet tal-Istat Membru kkonċernat. Kull rapport sussegwenti għandu:

(a)

jindika l-istatus attwali tal-każ (eż. kawża pendenti, taħt appell, għadu jiġi investigat) u

(b)

deskrizzjoni f’termini speċifiċi ta’ kwalunkwe penali imposta (eż. livelli ta’ multi, valur tal-ħut u/jew irkaptu kkonfiskat, jekk twasslitx twissija bil-miktub).

3.   Jekk spettur tal-Kummissjoni jsib ksur abbord ta’ bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera għandhom jinfurmaw mingħajr dawmien lil dak l-ispettur tal-Kummisjoni bis-segwitu li ngħata lill-ksur.

4.   Ir-rapporti għandhom jinkludu spjegazzjoni jekk ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni.

Artikolu 10

Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tlaqqa’ darba fis-sena, fil-bidu ta’ Settembru laqgħa tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura biex tiġi evalwata l-konformità ma’ u r-riżultati tal-programm speċifiku tal-kontroll u l-ispezzjoni bi ħsieb li jiġi mħejji r-rapport li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tippreżenta lis-Segretarjat tal-ICCAT fil-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena.

Artikolu 11

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 25 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1.

(2)   ĠU L 151, 13.6.2007, p. 1.

(3)   ĠU L 340, 22.12.2007, p. 8.

(4)   ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(5)   ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1; MT: ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 36.

(6)   ĠU L 187, 8.7.2006, p. 14.


ANNESS I

REGOLI KOMUNI GĦALL-PROGRAMMI NAZZJONALI TAL-KONTROLL, KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3 (1)

Għanijiet

1

L-għan ġenerali tal-programmi nazzjonali tal-kontroll għandu jkun il-verifika tal-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli li tirrigwarda:

(a)

il-monitoraġġ tal-operazzjonijiet tat-tqegħid fil-gaġeġ li jseħħu fl-ilmijiet Komunitarji;

(b)

monitoraġġ sħiħ tal-operazzjonjiet tat-trasferiment;

(ċ)

monitoraġġ sħiħ tal-operazzjonijiet konġunti tas-sajd;

(d)

restrizzjonijiet kwantitattivi dwar il-qabdiet u kwalunkwe kundizzjoni speċifika assoċjata magħhom, inkluż il-monitoraġġ tal-użu tal-kwota;

(e)

pjanijiet annwali tas-sajd;

(f)

id-dokumenti kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli għat-tonn, b’mod partikolari li jivverifikaw l-affidabbiltà tal-informazzjoni rreġistrata;

(g)

miżuri speċifiċi tekniċi u kundizzjonijiet għas-sajd għat-tonn kif ipprovdut fir-Rakkomandazzjoni 08-05, speċifikament l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-daqs minimu u l-kundizzjonijiet assoċjati;

2

L-għan speċifiku tal-programmi nazzjonali tal-kontroll għandu ikun l-ksib tal-implimentazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet kollha tal-pjan tal-irkupru għat-tonn stabbilit bir-Rakkomadazzjoni 08-05.

Strateġija

Il-programm tal-kontroll nazzjonali għandu jikkonċentra fuq il-kontroll u l-ispezzjoni tas-sajd u tal-attivitajiet kollha relatati minn kwalunkwe bastiment tas-sajd, nassa, farm u impriża involuti fl-ipproċessar u/jew kummerċ fil-prodotti tat-tonn.

L-ispezzjonijiet tat-trasport u tal-kummerċjalizzazzjoni tat-tonn għandhom jintużaw bħala mekkaniżmu komplementari ta’ kontroverifika biex tiġi ttestjata l-effiċjenza tal-kontroll u tal-ispezzjoni.

1.1.   Prijoritajiet

Kategoriji ta’ rkaptu differenti għandhom ikunu soġġetti għal livelli differenti ta’ prijoritizzazzjoni, skont il-pjan annwali tas-sajd. Minħabba f’hekk, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi prijoritajiet speċifiċi.

1.2.   Punti ta’ referenza fil-mira

Sal-15 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-iskedi tagħhom tal-ispezzjoni li jqisu l-punti ta’ referenza li ġejjin:

Post ta’ Spezzjoni

Punt ta’ referenza

Attivitajiet tat-tqegħid fil-gaġeġ (inkluż il-qbid)

Kwalunkwe operazzjoni ta’ trasferiment f’farm għandha tkun awtorizzata mill-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tal-qbid.

L-operazzjonijiet kollha ta’ tqegħid fil-gaġeġ u l-proċessi ta’ qbid għandhom jiġu spezzjonati.

L-operazzjonijiet kollha ta’ tqegħid fil-gaġeġ għandhom jiġi rreġistrati fuq vidjow.

Spezzjoni fuq il-baħar

Punt ta’ referenza, li għandu jiġi stabbilit wara analiżi dettaljata tal-attività tas-sajd f’kull żona. Il-punti ta’ referenza għandhom jirreferu għall-għadd ta’ jiem ta’ għassa fuq il-baħar fiż-żona speċifika għall-irkupru tat-tonn u għandhom jirreferu wkoll għall-għadd ta’ jiem ta’ għassa b’indikazzjoni tal-istaġun tas-sajd u t-tip ta’ attività tas-sajd fil-mira.

Operazzjoni ta’ trasferiment

L-operazzjonijiet kollha ta’ trasferiment għandhom ikunu ġew awtorizzati minn qabel mill-Istat Membru tal-bandiera abbażi ta’ notifika minn qabel.

Dikjarazzjoni ta’ trasferiment għandha tintbagħat wara kull operazzjoni ta’ trasferiment.

L-operazzjonijiet kollha ta’ trasferiment għandhom jiġu rreġistrati fuq vidjow.

Trażbord

Il-bastimenti kollha tas-sajd li jidħlu f’port deżinjat bil-għan li jwettqu operazzjonijiet ta’ trażbord li jinvolvu t-tonn għandhom jiġu kkontrollati. Għandhom isiru verifiki aleatorji f’portijiet mhux deżinjati.

Il-bastiment kollha tal-ipproċessar għandhom jiġi spezzjonati mal-wasla qabel jibdew l-operazzjonijiet ta’ trażbord, kif ukoll qabel it-tluq wara l-operazzjonijiet tat-trażbord.

Operazzjonijiet konġunti tas-sajd

L-operazzjonjiet konġunti kollha tas-sajd għandhom ikunu ġew awtorizzati minn qabel mill-Istati tal-bandiera.

L-Istati Membri għandhom imbagħad jistabbilixxu u jżommu reġistrazzjoni tal-operazzjonijiet konġunti kollha tas-sajd awtorizzati minnhom.

Sorveljanza mill-ajru

Punt ta’ referenza flessibbli, li għandu jiġi stabbilit wara analiżi dettaljata tal-attività tas-sajd imwettqa f’kull żona, filwaqt li jitqiesu r-riżorsi disponibbli għall-Istati Membri.

Ħatt

Il-bastimenti kollha li jidħlu f’port deżinjat bil-għan li jħottu t-tonn għandhom jiġu spezzjonati.

Għandhom isiru verifiki aleatorji f’portijiet mhux deżinjati.

Kummerċjalizzazzjoni

Punt ta’ referenza, li għandu jiġi stabbilit wara analiżi dettaljata tal-attività ta’ kummerċjalizzazzjoni li twettqet.

Sajd sportiv u rikreattiv

Punt ta’ referenza, li għandu jiġi stabbilit wara analiżi dettaljata tal-attivitajiet tas-sajd sportiv u rikreattiv li twettqu.

Kompiti ta’ spezzjoni

1.3.   Kompiti ġenerali ta’ spezzjoni

Għandu jitħejja rapport ta’ spezzjoni għal kull kontroll u spezzjoni, fil-format mehmuż ma’ dan l-anness. L-ispetturi għandhom, fi kwalunkwe każ, jivverifikaw u jirreġistraw fir-rapport tagħhom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dettalji tal-identità tal-persuni responsabbli, kif ukoll dawk tal-bastiment, persunal tal-farm, eċċ. involuti fl-attivitajiet spezzjonati;

(b)

l-awtorizzazzjonijiet, il-liċenzji u l-permessi speċjali tas-sajd;

(ċ)

dokumentazzjoni rilevanti dwar il-bastimenti, bħal ġurnali ta’ abbord, dikjarazzjonijiet ta’ trasferiment u trażbord, T2M, dokumenti tal-ICCAT dwar l-qabda tan-tonn, ċertifikati tal-esportazzjoni mill-ġdid u dokumentazzjoni oħra eżaminata għall-iskopijiet ta’ kontroll u spezzjoni;

(d)

osservazzjoni dettaljata tad-daqsijiet ta’ tonn maqbuda, maqbud b’nases, ittrasferiti, ittrażbordati, imħatta l-art, ittrasportati, prodotti, ipproċessati jew ikkummerċjalizzati fil-kuntest tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-pjan tal-irkupru;

(e)

il-qabdiet inċidentali tat-tonn li jinżammu abbord il-bastimenti li ma jkunux attivament qed jistadu għat-tonn.

L-informazzjoni dwar is-sejbiet rilevanti kollha mill-ispezzjoni fuq il-baħar, mis-sorveljanza mill-ajru, f’portijiet, f’nases, farms jew f’kwalunkwe impriza oħra kkonċernata għandha titniżżel fir-rapporti tal-ispezzjoni.

Dawk is-sejbiet għandhom jitqabblu mal-informazzjoni magħmula disponibbli għall-ispetturi minn awtoritajiet kompetenti oħra, fosthom l-informazzjoni u l-listi tal-bastimenti awtorizzati mis-Sistema ta’ Sorveljanza tal-Bastimenti (SSB), ir-rapporti tal-osservaturi u r-reġistrazzjonijiet fuq il-vidjow.

1.4.   Kompiti ta’ spezzjoni għas-sorveljanza mill-ajru

L-ispetturi għandhom jirrappurtaw dwar id-dejta tas-sorveljanza għal finijiet ta’ kontroverifika, u b’mod partikolari jivverifikaw avvistamenti ta’ bastimenti tas-sajd mal-listi tal-VMS u tal-bastimenti awtorizzati;

L-ispetturi għandhom ifittxu u jirrappurtaw dwar l-attivitajiet ta’ sajd IUU u dwar l-użu ta’ inġenjij tal-ajru jew ħelikopters tat-tiftix;

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għal żoni magħluqa, għall-perjodi tal-istaġuni tas-sajd u għall-attivitajiet tal-flotot li għalihom japplikaw xi derogi.

1.5.   Kompiti ta’ spezzjoni fuq il-baħar

Meta ħut mejjet jittella’ abbord il-bastiment tal-qbid, inkella jkun preżenti fuq bastiment tal-ipproċessar jew tat-trasport, l-ispetturi għandhom dejjem jivverifikaw il-kwantitajiet ta’ ħut miżmuma abbord u jqabbluhom mal-kwantitajiet irreġistrati fid-dokumentazzjoni rilevanti miżmuma abbord;

Meta ħut ħaj ikun qed jiġi ttrasferit minn bastimenti tal-qbid għal bastimenti tal-gaġeġ/tal-irmonk jew minn bastimenti tal-gaġeġ/tal-irmonk lejn stallazzjonijiet tal-farms, l-ispetturi għandhom jippruvaw jidentifikaw il-mezzi użati mill-partijiet involuti biex jistmaw il-kwantitajiet ta’ tonn ħaj ittrasferit. Meta jkun disponibbli vidjow, l-ispetturi għandhom jingħataw aċċess għalih u jivverifikaw il-kwantitajiet ittrasferiti, kif osservat fil-vidjow;

L-ispetturi għandhom jivverifikaw sistematikament:

(a)

li l-bastimenti tas-sajd huma awtorizzati joperaw (immarkar, identità, liċenzja, permessi speċjali, awtorizzazjoni u listi tal-ICCAT),

(b)

li l-informazzjoni rilevanti tkun preżenti abbord u kkompletata kif xieraq u rraportata (ġurnali ta’ abbord, dokumenti tal-qbid tat-tonn, dikjarazzjoni ICCAT tat-trasferiment u dikjarazzjoni tat-trażbord),

(ċ)

li l-bastimenti tas-sajd ikunu mgħammra b’Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) li tkun taħdem,

(d)

li l-bastimenti tas-sajd mhumiex joperaw f’żoni magħluqa u qed jirrispettaw l-għeluq tal-istaġun tas-sajd,

(e)

ir-rispett tal-limitazzjonijiet tal-kwoti u tal-qabdiet inċidentali,

(f)

il-kompożizzjoni tal-qabdiet f’termini tad-daqs tat-tonn abbord,

(g)

il-kwantitajiet fiżiċi ta’ tonn abbord u l-preżentazzjoni tagħhom,

(h)

l-irkaptu tas-sajd abbord;

(i)

il-preżenza ta’ osservatur fejn rilevanti.

L-ispetturi għandhom ifittxu u jirrappurtaw dwar attivitajiet ta’ sajd IUU, u dwar l-użu ta’ inġenji tal-ajru jew ħelikopters ta’ tiftix.

1.6.   Kompiti ta’ spezzjoni waqt operazzjonijiet ta’ trasferiment

L-ispetturi għandhom jivverifikaw sistematikament:

(a)

li l-kaptan tal-bastiment tal-qbid bagħat notifika minn qabel, iffirmata mill-osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord, lill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera;

(b)

il-kaptan tal-bastiment tal-qbid irċieva awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tiegħu;

(ċ)

li l-kaptani tal-bastimenti tal-qbid lestew u ttrażmettew lill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tagħhom id-dikjarazzjoni ICCAT tat-trasferiment kif mehmuż (l-Anness 3) mar-Rakkomdazzjoni 08-05;

(d)

id-dikjarazzjoni tat-trasferiment ġiet ivverifikata mill-osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord il-bastiment tal-qbid u trażmessa lill-kaptan tal-bastiment tal-irmonk (tug);

(e)

li il-kaptan tal-bastiment tat-tug żgura l-monitoraġġ tal-attivitajiet kollha tat-trasferiment b’kamera tal-vidjow fl-ilma.

1.7.   Kompiti ta’ spezzjoni waqt operazzjonijiet konġunti tas-sajd

L-ispetturi għandhom jivverifikaw sistematikament:

(a)

li l-informazzjoni rilevanti dwar l-operazzjonijiet konġunti tas-sajd tiġi rrapurtata kif xieraq fil-ġurnal tas-sajd;

(b)

li l-bastimenti tas-sajd tkun ingħatatilhom awtorizzazzjoni għall-operazzjoni konġunta tas-sajd mill-Istat tal-bandiera tagħhom bl-użu tal-mudell fl-Anness 6 għar-Rakkomandazzjoni 08-05;

(ċ)

il-preżenza ta’ osservatur matul l-operazzjoni konġunta tas-sajd.

1.8.   Kompiti ta’ spezzjoni mal-ħatt l-art

L-ispetturi għandhom jivverifikaw sistematikament:

(a)

li l-bastimenti tas-sajd jkunu awtorizzati joperaw (immarkar, identità, liċenzja, permessi speċjali, awtorizzazzjoni u listi tal-ICCAT);

(b)

li l-prenotifika tal-wasla għall-ħatt l-art tkun intbagħtet u li kien fiha l-informazzjoni korretta dwar il-qabda abbord;

(ċ)

li l-bastimenti tas-sajd jkunu mgħammra b’Sistema ta’ Sorveljanza tal-Bastimenti (VMS);

(d)

għal bastimenti tas-sajd, li l-informazzjoni rilevanti tkun preżenti abbord u kkompletata kif xieraq u rraportata (ġurnali ta’ abbord, dokumenti tal-qbid tat-tonn, ċertifikat tal-esportazzjoni mill-ġdid, dikjarazzjoni ICCAT tat-trasferiment u dikjarazzjoni tat-trażbord);

(e)

il-kwantitajiet fiżiċi ta’ tonn abbord, u l-preżentazzjoni tagħhom;

(f)

il-kompożizzjoni tal-qabdiet f’termini ta’ daqs ta’ tonn abbord (qbid inċidentali u r-regoli dwar id-daqs minimu);

(g)

l-irkaptu tas-sajd abbord;

(h)

fil-każ ta’ ħatt l-art ta’ prodotti pproċessati, l-użu tal-fatturi ta’ konverżjoni tal-ICCAT biex jiġi kkalkolat il-piż gross ekwivalenti tat-tonn ipproċessat;

(i)

li t-tonn offert għall-bejgħ bl-imnut lill-konsumatur finali, mill-bastimenti tas-sajd fil-Lvant tal-Atlantiku, jkun immarkat jew ittikkettat korettament;

(j)

li t-tonn li jinħatt l-art mill-dgħajjes tas-sajd bil-qasba fil-Lvant tal-Atlantiku jkunu ttegjati korrettament minn denbhom.

1.9.   Kompiti ta’ spezzjoni matul it-trażbord

L-ispetturi għandhom jivverifikaw sistematikament:

(a)

li l-bastimenti tas-sajd huma awtorizzati joperaw (immarkar, identità, liċenzja, permessi speċjali, awtorizzazzjoni u listi tal-ICCAT);

(b)

li l-prenotifika tal-wasla fil-port tkun intbagħtet u kien fiha l-informazzjoni korretta dwar it-trażbord;

(ċ)

li l-bastimenti tal-qbid li jixtiequ jittrażbordaw ikunu rċevew awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat tal-bandiera tagħhom;

(d)

li l-kwantitajiet prenotifikati għat-trażbord huma vverifikati;

(e)

li d-dokumentazzjoni rilevanti tkun abbord u kkompletata kif jixraq, fosthom id-dikjarazzjoni tat-trażbord, id-dokumenti rilevanti T2M u tal-ICCAT tal-qbid tat-tonn u ċ-ċertifikat tal-esportazzjoni mill-ġdid;

(f)

fil-każ ta’ prodotti pproċessati, l-użu tal-fatturi tal-ICCAT ta’ konverżjoni biex jiġi kkalkolat il-piż gross ekwivalenti tat-tonn ipproċessat.

1.10.   Kompiti ta’ spezzjoni fuq installazzjonijiet tal-farms

L-ispetturi għandhom jivverifikaw sistematikament:

(a)

li d-dokumentazzjoni hija preżenti u kkompletata u rraportata kif xieraq u rraportata (dokumenti tal-qbid tat-tonn, ċertifikat tal-esportazzjoni mill-ġdidi, dikjarazzjoni tat-trasferiment, dikjarazzjoni tal-qbid mill-gaġeġ u dikjarazzjoni tat-trażbord);

(b)

li l-operazzjoni tat-trasferiment kienet awtorizzata minn qabel mill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tal-qbid;

(ċ)

li osservatur kien dejjem preżenti matul it-trasferimenti u l-qabdiet mill-gaġeġ tat-tonn, u vvalida d-dikjarazzjonijiet tat-tqegħid fil-gaġeġ;

(d)

li l-attivitajiet kollha tat-trasferimenti mill-gaġeġ għall-farm ġew is-sorveljati minn vidjow kamera fl-ilma, sakemm il-gaġeġ ma jkunux direttament imwaħħla mas-sistema tal-irmiġġ.

1.11.   Kompiti ta’ spezzjoni marbuta mat-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni

L-ispetturi għandhom jivverifikaw sistematikament:

(a)

fir-rigward tat-trasport, b’mod partikolari d-dokumenti rilevanti ta’ akkumpanjament u jivverifikawhom mal-kwantitajiet fiżiċi ttrasportati;

(b)

fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni, li d-dokumentazzjoni rilevanti tkun preżenti u kkompletata kif jixraq, inklużi d-dokumenti rilevanti tal-qbid tat-tonn u ċ-ċertifikati tal-esportazzjoni mill-ġdid.

Rapport tal-Ispezzjoni

1.   Spettur

1.1.

Isem …

1.2.

Nazzjonalità …

1.3.

Numru tal-Karta tal-Identità tal-Ispettur/tip (ICCAT) …

2.   Tip ta’ Spezzjoni

Bastiment fil-baħar

Trażbord

Farm: trasferiti fi/qbid mill-gaġeġ

Nassa

Mal-ħatt

Sorveljanza mill-ajru

Trasport lejn l-art

Kummerċalizzazzjoni

3.   Bastiment li jġorr l-ispettur (fejn xieraq)

3.1.

Isem u Reġistrazzjoni …

3.2.

Bandiera …

4.   Bastiment/Farm/Nassa spezzjonat(a)

4.1.

Isem u Reġistrazzjoni …

4.2.

Bandiera/Stat Membru …

4.3.

Kaptan/Maniġer tal-Farm (Isem) …

4.4.

Sid/Kumpanija (Isem u indirizz) …

4.5.

Numru ICCAT tar-Reġistrazzjoni. …

5.   Pożizzjoni

5.1.

Kif iddeterminata mill-ispettur: Lat. Long.

5.2.

Iddeterminata mill-kaptan tal-bastiment tas-sajd: Lat. Long.

5.3.

Ħin (GMT) meta ġiet irreġistrata l-pożizzjoni:

6.   Data …

7.   Ħin

7.1.

Mal-wasla …

7.2.

Mat-tluq …

8.   Irkaptu tas-sajd abbord

Purse Seine

Qasab u xlief (Dgħajjes tas-sajd)

Bil-konz

Xolfa tat-trejjix

Oħrajn (speċifika)

9.   Speċijiet osservati abbord

10.   Dikjarazzjoni tar-ritratti meħuda b’deskrizzjoni tas-suġġetti

11.   Lista ta’ dokumenti spezzjonati u kkummenti

12.   Riżultati tal-ispezzjoni tal-ħut abbord

Speċijiet

 

 

 

 

Qabda totali (kg)

 

 

 

 

Tip ta’ prodott

 

 

 

 

Kampjun spezzjonat

 

 

 

 

% Taħt id-daqs minimu

 

 

 

 

13.   Kummenti tal-ispettur

14.   Kummenti tal-osservatur


ANNESS II

KONTENUTI TAL-PROGRAMMI NAZZJONALI TAL-KONTROLL KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3

Il-programmi nazzjonali tal-kontroll għandhom, fost l-oħrajn, jispeċifikaw:

Mezzi ta’ kontroll

—   Mezzi umani

L-għadd ta’ spetturi fuq l-art u fuq il-baħar u l-perjodi u ż-żoni minn fejn jistgħu jissejħu.

—   Mezzi tekniċi

L-għadd ta’ bastimenti u inġenji tal-ajru tas-sorveljanza, u l-perjodi u ż-żoni minn fejn jistgħu jissejħu.

—   Mezzi finanzjarji

L-allokazzjoni baġitarja għall-użu tar-riżorzi umani, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru tas-sorveljanza.

Għażla ta’ portijiet

Il-lista tal-portijiet u l-ħinijiet magħżula kif meħtieġ skont ir-Rakkomandazzjoni.

Pjanijiet annwali tas-sajd

Id-dettalji ta’ kwalunkwe sistema eżistenti għall-allokazzjoni tal-kwoti, sorveljanza kontroll tal-pjan tas-sajd.

Protokolli għal spezzjoni

Protokolli Dettaljati għall-attivitajiet kollha ta’ spezzjoni.

Linji gwida

Linji gwida tal-ispjegazzjoni għall-ispetturi, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u s-sajjieda.

Protokolli għal komunikazzjoni

Protokolli għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati mill-Istati Membri oħra biex ikunu responsabbli għall-programm speċifiku tal-kontroll u l-ispezzjoni tat-tonn.