28.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta' Settembru 2007

dwar għajnuna mill-istat mogħtija mill-Polonja bħala parti mill-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija u dwar l-għajnuna mill-istat li l-Polonja qed tippjana li tagħti dwar il-kumpens għat-terminazzjoni volontaria tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija

(notifikata bid-dokument numru C(2007) 4319)

(It-test Pollakk biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2009/287/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta' ittra datata l-1 ta' Marzu 2005, ref. WEH/1023/6-54/05, irreġistrata fit-3 ta' Marzu 2005 (SG/2005/A/226), il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE, b'abbozz dwar “ir-regoli li jirregolaw il-kopertura tal-ispejjeż li saru minn intrapriżi in konnessjoni mat-terminazzjoni bikrija tal-Ftehimiet tax-Xiri tal-Enerġija” (“l-Abbozz”).

(2)

Wara valutazzjoni preliminarja, il-Kummissjoni sabet li n-notifika ma kinitx kompleta u, permezz ta' ittra tas-27 ta' April 2005, talbet lill-Polonja tipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-miżura.

(3)

Permezz ta' ittra tal-1 ta' Ġunju 2005, irreġistrata fit-2 ta' Ġunju 2005, il-Polonja ssottomettiet xi ftit mill-informazzjoni addizzjonali mitluba; l-informazzjoni li kien għad fadal kienet ipprovduta b'ittra tal-24 ta' Ġunju 2005, irreġistrata fit-28 ta' Ġunju 2005.

(4)

Fit-28 u d-29 ta' Ġunju 2005, fuq talba tal-Polonja, ġiet organizzata laqgħa teknika biex tiġi diskussa n-notifika. Il-laqgħa identifikat l-aspetti li kien għad fadal li jiġu ċċarati bil-miktub mill-Polonja sabiex il-Kummissjoni jkollha informazzjoni komprensiva għall-valutazzjoni tagħha.

(5)

Fin-nuqqas ta' risposta komprensiva, il-Kummissjoni fakkret lill-awtoritajiet Pollakki permezz ta' ittra tat-28 ta' Lulju 2005 (D/55776) dwar il-kjarifiki mitluba fil-laqgħa tat-28 ta' Ġunju 2005 u talbet lill-Polonja tipprovdi l-informazzjoni mitluba.

(6)

Permezz ta' ittra tas-7 ta' Settembru 2005, irreġistrata fid-9 ta' Settembru 2005, il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni li x-xogħol dwar l-abbozz kien waqaf għaliex it-terminu parlamentari kien intemm.

(7)

Permezz ta' ittra tat-23 ta' Novembru 2005, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE fir-rigward tal-abbozz u fir-rigward tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (“PPAs” – Power Purchase Agreements) fis-settur Pollakk tal-elettriku.

(8)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(9)

Permezz ta' ittra tas-16 ta' Diċembru 2005 l-awtoritajiet Pollakki talbu li xi informazzjoni li kienet tinsab fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ma tiġix żvelata lill-partijiet terzi. Il-Kummissjoni rrispondiet għat-talba u, permezz ta' ittra tal-25 ta' Jannar 2006, ippreżentat il-proposta tagħha għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni, li ġiet aċċettata mill-awtoritajiet Pollakki permezz ta' e-Mail tas-16 ta' Frar 2006 irreġistrata fl-istess jum.

(10)

Il-Polonja pprovdiet lill-Kummissjoni l-ewwel parti tal-kummenti tagħha dwar il-bidu tal-proċedura fir-rigward tal-Abbozz dwar it-terminazzjoni bikrija tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija permezz ta' ittra datata 28 ta' Diċembru 2005, irreġistrata mill-Kummissjoni fl-4 ta' Jannar 2006, li ddeskriviet l-azzjoni meħuda biex jittaffew l-ansjetajiet espressi mill-Kummissjoni dwar l-Abbozz. It-tieni, wara risposta għal estensjoni tat-terminu li l-Kummissjoni aċċettat fit-12 ta' Jannar 2006, l-awtoritajiet Pollakki pprovdew il-kummenti tagħhom dwar il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-PPAs permezz ta' ittra datata 23 ta' Jannar 2006, irreġistrata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2006.

(11)

Bħala suppliment għall-ittra tagħhom tat-23 ta' Diċembru 2005, l-awtoritajiet Pollakki pprovdew, permezz ta' ittra tal-5 ta' April 2006, irreġistrata fis-6 ta' April 2006, deskrizzjoni ulterjuri dwar it-tibdil ippjanat għall-Abbozz dwar it-terminazzjoni bikrija tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija sabiex dan ikun skont ir-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat. L-annessi għal dik l-ittra ġew ipprovduti permezz ta' ittra tas-6 ta' April 2006, irreġistrata fl-10 ta' April 2006.

(12)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-partijiet interessati. Permezz ta' ittra datata 20 ta' Ġunju 2006 il-Kummissjoni bagħtet dawn il-kummenti lill-Polonja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi.

(13)

Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ġiet impunjata minn waħda mill-partijiet interessati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza permezz ta' applikazzjoni ppreżentata fit-12 ta' Mejju 2006 u ngħatat in-numru ta' riferenza T-142/06.

(14)

Wara talba mill-awtoritajiet Pollakki datata 7 ta' Lulju 2006, irreġistrata fit-12 ta' Lulju 2006, il-parti l-kbira tal-kummenti ġew tradotti fil-Pollakk u trażmessi lill-awtoritajiet Pollakki permezz ta' ittra tat-23 ta' Frar 2007. B'risposta għal dik l-ittra, permezz ta' ittra datata 12 ta' Marzu 2007, irreġistrata fl-istess jum, l-awtoritajiet Pollakk għarrfu lill-Kummissjoni li ma kienx għadu meħtieġ li jiġu tradotti l-kummenti li kien għad fadal.

(15)

L-awtoritajiet Pollakki wara ssottomettew opinjoni dwar il-kummenti tal-partijiet interessati permezz ta' ittra datata 28 ta' Marzu 2007, irreġistrata mill-Kummissjoni fl-istess jum.

(16)

B'risposta għall-ittra tal-Kummissjoni datata 28 ta' April 2006, l-awtoritajiet Pollakki ssottomettew informazzjoni addizzjonali dwar il-miżura permezz ta' ittra tas-6 ta' Ġunju 2006 irreġistrata fit-8 ta' Ġunju 2006. Permezz ta' ittra tat-13 ta' Lulju 2006, irreġistrata fis-17 ta' Lulju 2006, l-awtoritajiet Pollakki ssottomettew kopji tal-PPAs bl-annessi u l-appendiċijiet korrispondenti (total ta' 609 dokument) fil-forma stampata.

(17)

Permezz ta' ittra rreġistrata fl-4 ta' Mejju 2006 l-awtoritajiet Pollakki talbu interpretazzjoni ta' wieħed mill-punti tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-metodoloġija biex tiġi analizzata l-għajnuna mill-istat marbuta ma' spejjeż li mhumiex irkuprabbli (stranded costs) (“il-Metodoloġija tal-Ispejjeż li Mhumiex Irkuprabbli”) (3).

(18)

Permezz ta' ittra tas-27 ta' Settembru 2006 il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Pollakki lista ta' punti li kienu ta' importanza kruċjali għall-abbozzar tal-Abbozz dwar it-terminazzjoni bikrija tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija.

(19)

Verżjonijiet differenti tal-Abbozz dwar it-terminazzjoni bikrija tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija fl-istadji differenti tal-proċedura leġiżlattiva fil-Polonja ġew sottomessi permezz ta' ittri rreġistrati fis-17 ta' Awwissu 2006, tal-5 ta' Jannar 2007 u tat-28 ta' Mejju 2007 u permezz ta' e-Mail irreġistrata fid-29 ta' Jannar 2007 (verżjoni Ingliża tal-Abbozz).

(20)

Fil-kors tal-proċedura, il-Polonja pprovdiet informazzjoni addizzjonali dwar il-miżura permezz ta' ittri rreġistrati fil-31 ta' Jannar 2007 u fl-4 ta' April 2007, permezz ta' e-Mails datati 2, 4, 7 u 11 ta' Jannar 2007 u permezz ta' ittra rreġistrata fis-6 ta' Ġunju 2007.

(21)

Permezz ta' ittra bid-data tat-3 ta' April 2007 il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Pollakki dwar il-progress bix-xogħol leġiżlattiv fuq l-Abbozz dwar it-terminazzjoni bikrija tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija u dwar l-azzjoni meħuda mill-Polonja wara diskussjonijiet li kienu saru qabel mal-Kummissjoni.

(22)

Barra minn dan, fil-qafas tal-proċedura tal-investigazzjoni saru laqgħat mal-awtoritajiet Pollakki fil-5 ta' April 2006, fis-7 ta' Settembru 2006, fis-26 ta' Ottubru 2006, fit-2 ta' Frar 2007, fit-22 ta' Frar 2007, fis-26 ta' April 2007, fit-2 ta' Mejju 2007 u fl-14 ta' Mejju 2007.

(23)

Permezz ta' ittra tad-9 ta' Lulju 2007 il-Polonja ssottomettiet il-verżjoni finali tal- Abbozz dwar it-terminazzjoni bikrija tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija, li ġie adottat mill-Parlament Pollakk u daħal fis-seħħ fl-4 ta' Awwissu 2007. Fit-18 ta' Lulju 2007 il-Polonja ssottomettiet it-traduzzjoni Ingliża tal-Att u lista tat-tibdiliet li saru lill-Att mill-Kamra Superjuri tal-Parlament, is-Senat, flimkien ma' memorandum ta' spjegazzjoni.

2.   DESKRIZZJONI TAL-GĦAJNUNA

2.1.   Il-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija

(24)

F'nofs is-snin 90, il-gvern Pollakk iddeċieda li jibda programm maħsub li jimmodernizza s-settur tal-elettriku Pollakk u jġibu skont l-istandards tekniċi u ambjentali tal-Ewropa tal-Punent.

(25)

Sabiex jiġi implimentat dan il-programm, il-Polonja bdiet proċedura ta' sejħa għall-offerti bl-għan li tagħżel proġetti għall-impjanti ġodda jew modernizzati li jiġġeneraw l-elettriku. Dawn il-proġetti kienu se jingħataw PPAs għal żmien twil għall-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw. Id-deċiżjoni li tinbeda proċedura ta' sejħa għall-offerti ttieħdet mill-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija. Il-proċedura kienet organizzata taħt id-dikasteru tal-Ministru minn Polskie Sieci Elektroenergetyczne S.A. (“PSE”), l-operatur pubbliku Pollakk tan-netwerk tal-elettriku.

(26)

Id-dokumenti tekniċi u l-ispeċifikazzjonijiet għall-proċedura tas-sejħa għall-offerti ġew pubblikati f'Awissu u Settembru 1994. Id-dokument indikaw tliet għanijiet li kellhom jilħqu l-proġetti: il-ksib ta' elettriku rħis, iż-żamma ta' livell raġjonevoli ta' sigurtà ta' provvista u titjib tal-istandards ambjentali/prevenzjoni ta' deterjorazzjoni ambjentali, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tal-integrazzjoni bejn il-Polonja u l-Ewropa tal-Punent.

(27)

Intużaw bosta kriterji biex jiġu valutati l-offerti, inkluż: l-effiċjenza tal-proġett, il-volum tal-infiq kapitali, l-azzjoni pro-ambjentali u l-użu ta' teknoloġiji ppruvati u għejun sikuri tal-karburanti.

(28)

It-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti kien il-5 ta' Jannar 1995. Daħlu 44 offerta. L-offerti l-inqas attraenti ġew eliminati. Bdew negozjati diretti mal-offerenti li kien għad fadal. Dawn in-negozjati wasslu għall-konklużjoni ta' PPAs ma' bosta kumpaniji jew gruppi ta' kumpaniji.

(29)

Il-PPAs ġew iffirmati bejn l-1996 u l-1998, bl-eċċezzjoni ta' wieħed minn seba' PPAs mal-grupp Południowy Koncern Energetyczny S.A. (“PKE”), li ġie ffirmat fit-12 ta' April 1995, u l-PPA ma' Elektrownia Turów, li ġie ffirmat fis-26 ta' Awwissu 1994. Il-PPA ma' Elektrownia Turów ma kienx kopert mid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura (4) u għalhekk mhuwiex kopert minn din id-Deċiżjoni. Din it-tabella li ġejja telenka l-kumpaniji kkonċernati.

Tabella

PPAs fil-Polonja

Nru

Isem ir-reċipjent

1

BOT Górnictwo i Energetyka S.A.

2

Południowy Koncern Energetyczny S.A.

3

Elektrownia Kozienice S.A.

4

Zespół Elektrowni Dolna Odra S.A.

5

Zespół Elektrowni Pątnów-Adamów-Konin Pątnów II

6

Electrabel Połaniec S.A.

7

Elektrociepłownia Kraków S.A. (5)

8

Dalkia Poznań Zespół Elektrociepłowni S.A.

9

Elektrociepłownia Rzeszów S.A.

10

Elektrociepłownia Nowa Sarzyna Sp. z o.o.

11

Elektrociepłownia Lublin Wrotków Sp. z o.o.

12

Elektrociepłownia Chorzów “ELCHO” S.A.

13

Żarnowiecka Elektrownia Gazowa Sp. z o.o.

14

Elektrociepłownia Zielona Góra S.A.

(30)

It-terminu tal-PPAs ivarja minn 7 snin sa 20 sena, ikkalkolati mid-data li fiha tibda topera l-impjant tal-enerġija; il-parti kbira tagħhom ġew konklużi għal żmien itwal minn 15-il sena. L-aħħar PPA jiskadi fl-2027.

(31)

Il-PPAs kollha huma mirfudin mill-istess prinċipji bażiċi:

(a)

Il-ġeneraturi tal-enerġija jintrabtu li joholqu kapaċità ġdida, li jimmodernizzaw it-tagħmir u jipprovdu lil PSE b'volum minimu fiss ta' elettriku mill-impjant in kwistjoni;

(b)

PSE tintrabat li tixtri għall-inqas dak il-volum minimu fiss ta' elettriku;

(ċ)

Il-prezz tax-xiri tal-elettriku huwa bbażat fuq li l-ispejjeż jitgħaddew lill-konsumatur, il-ġeneraturi tal-enerġija jitolbu lill-PSE ammont ekwivalenti għall-ispejjeż kollha fissi u varjabbli tagħhom, flimkien ma' marġinu ta' qligħ.

Iżda, ladarba l-kontenut finali tal-PPAs huwa r-riżultat ta' sett individwali ta' negozjati għal kull proġett, mhumiex għal kollox identiċi u d-dettalji jistgħu jkunu differenti.

(32)

Xi PPAs ġew emendati, xi wħud minnhom bosta drabi, minn mindu ġew iffirmati. Dawn l-emendi biddlu xi aspetti tal-kuntratt, iżda l-prinċipji ewlenin deskritti hawn fuq dejjem ġew imħarsa.

2.2.   Abbozz dwar it-terminazzjoni bikrija tal-PPAs li dwaru ttieħdet id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura

(33)

L-Abbozz li dwaru ttieħdet id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura kien jipprovdi li l-ġeneraturi tal-enerġija elenkati fit-Tabella 1 jitterminaw volontarjament il-PPAs konklużi ma' PSE. Il-ġeneraturi tal-elettriku li jagħżlu li jidħlu fis-sistema jkunu intitolati għall-kumpens taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Abbozz.

(34)

Il-kumpens jista' jkopri d-differenza bejn l-ispejjeż mitluba mill-kumpanija sabiex twettaq PPA u s-sehem tad-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-elettriku li l-kumpanija tista' tuża biex tkopri dawn l-ispejjeż. Minn hawn 'il-quddiem id-differenza hija msemmija bħala “d-differenza li tista' tiġi kkumpensata”. Dawn l-ispejjeż jinkludu wkoll spejjeż direttament marbutin mat-terminazzjoni tal-PPA, bħal spejjeż assoċjati mal-ħlas bikri ta' self.

(35)

Il-kumpens jieħu l-forma ta' ħlas inizzjali, u mbagħad aġġustamenti annwali sal-2016 u aġġustament finali f'dik is-sena.

(36)

Il-ħlas inizzjali huwa daqs id-differenza li tista' tiġi kkumpensata mill-2006 sal-aktar kmieni bejn l-2025 jew is-sena meta l-PPA in kwistjoni oriġinarjament kellu jiskadi, fuq bażi ta' tendenzi previsti fil-prezzijiet u l-ishma tas-suq f'dak il-perjodu.

(37)

Matul il-perjodu mid-dħul fis-seħħ tal-Abbozz sal-2014, l-ammont tad-differenza li tista' tiġi kkumpensata jiġi kkalkulat mill-ġdid fuq bażi tad-data ekonomika attwali u mqabbla mal-ammont oriġinarjament ikkalkolat fuq il-bażi tal-previżjoni. Jekk il-valur attwali huwa differenti mill-previżjoni, isir aġġustament li jista' jkun pożittiv jew negattiv u jagħti lok jew għal ħlas ulterjuri lir-reċipjent jew għall-ħlas lura mir-reċipjent, skont ma jkun xieraq. Għal raġunijiet prattiċi, b'mod partikolari ż-żmien meħtieġ sabiex tinġabar id-data kollha, il-komputazzjoni tal-aġġustamenti attwalment isseħħ sentejn kalendarji wara s-sena li għaliha tirreferi d-data ekonomika.

(38)

Fl-2016 se tiġi stabbilita previżjoni ġdida għal tendenzi fil-prezzijiet u fl-ishma tas-suq li tkopri l-perjodu mill-2015 sal-ewwel fost l-2025 jew is-sena meta l-PPA in kwistjoni oriġinarjament kellu jiskadi (“il-perjodu li jifdal”). L-ammont tad-differenza li tista' tiġi kkumpensata tul il-medda tal-perjodu li jifdal, ikkalkolat fuq il-bażi ta' din il-previżjoni, se jiġi mqabbel mal-valur ikkalkolat meta tintuża l-previżjoni oriġinali. Jekk dawn l-ammonti huma differenti, isir aġġustament finali li jkopri l-perjodu kollu li jifdal. Bħall-aġġustamenti ta' qabel, l-aġġustament finali jista' jkun pożittiv jew negattiv u jagħti lok għal ħlas ulterjuri lir-reċipjent jew ħlas lura mir-reċipjent, kif xieraq.

(39)

Il-kumpens totali mħallas, inklużi l-aġġustamenti, ma jistax jeċċedi dan l-ammont massimu li ġej. L-ammont massimu huwa ddeterminat għall-kumpaniji individwali jew, fejn il-kumpaniji jappartjenu għal grupp wieħed, għall-grupp (6):

Tabella 2

Il-kumpens massimu pprovdut fil-pverżjoni tal-Abbozz analizzata fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura

(f'1000 PLN)

 

Isem ir-reċipjent

Kumpens massimu

1

BOT Górnictwo i Energetyka S.A.

7 554 899

2

Południowy Koncern Energetyczny S.A.

5 085 101

3

Elektrownia Kozienice S.A.

1 610 729

4

Zespół Elektrowni Dolna Odra S.A.

1 106 014

5

Zespół Elektrowni Pątnów-Adamów-Konin Pątnów II

2 173 335

6

Electrabel Połaniec S.A.

1 204 454

7

Elektrociepłownia Kraków S.A.

84 656

8

Dalkia Poznań Zespół Elektrociepłowni S.A.

132 773

9

Elektrociepłownia Rzeszów S.A.

302 684

10

Elektrociepłownia Nowa Sarzyna Sp. z o.o.

641 453

11

Elektrociepłownia Lublin Wrotków Sp. z o.o.

508 176

12

Elektrociepłownia Chorzów “ELCHO” S.A.

1 338 272

13

Żarnowiecka Elektrownia Gazowa Sp. z o.o.

1 013 081

14

Elektrociepłownia Zielona Góra S.A.

540 323

 

Total

22 755 627

Għajn: Deċiżjoni li tinbeda l-proċedura.

(40)

Dan l-ammont massimu huwa daqs id-differenza li tista' tiġi kkumpensata kif ikkalkolata mill-2006 sal-2025 fuq bażi tal-ipoteżi li l-prezzijiet fis-suq tal-elettriku se jiżdiedu regolarment iżda bil-mod minn livell aktar baxx minn dak preżenti sal-livelli rreġistrati fl-Ewropa tal-Punent. F'dan ix-xenarju, il-prezzijiet medji tal-elettriku jibdew madwar Eur 22/MWh fl-2006, jiżdiedu bil-mod għal Eur 30/MWh fl-2015, imbagħad jiżdiedu aktar malajr għal madwar Eur 40/MWh fl-2018 u jistabbilizzaw madwar dan l-ammont, b'xi ċaqlieq 'il fuq jew 'l isfel, sal-aħħar tal-perjodu ta' referenza fl-2025.

(41)

Il-kumpens jitħallas minn PSE jew minn sussidjarja li hija għal kollox proprjetà tal-istat, u ffinanzjat mill-introduzzjoni ta' imposta fuq il-konsumaturi proporjzonata għall-abbonament tagħhom għan-netwerk tal-elettriku. Sabiex jiġi ffinanzjat il-ħlas inizzjali kbir, PSE u/jew is-sussidjarja tagħhom se tissekuritizza d-dħul mill-imposta.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(42)

Fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura, bl-għan li tivvaluta l-Abbozz innotifikat, il-Kummissjoni eżaminat kemm l-element tal-għajnuna tal-istat tal-PPAs infishom kif ukoll l-element tal-għajnuna tal-istat tal-kumpens imħallas fil-każ tat-terminazzjoni tal-PPAs. Kif spjegat fil-punt 3 tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, dawn iż-żewġ miżuri kienu konnessi fil-qrib.

(43)

Id-dubji mqajma fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura huma mqassra fil-punti 3.1 u 3.2. hawn taħt. Għal valutazzjoni aktar dettaljata, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 3 tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura.

3.1.   Il-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija

(44)

Fl-analiżi preliminarja tagħha, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-PPAs x'aktarx kienu se jipprovdu vantaġġ kompetittiv lill-ġeneraturi tal-enerġija kuntraenti, li jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(45)

Il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li l-PPAs ma kinux jikkostitwixxu għajnuna eżistenti għaliex – fuq bażi tat-Trattat tal-Adeżjoni – ebda mill-PPAs ma kien eliġibbli għal waħda mit-tliet kategoriji ta' għajnuna li kienu meqjusa, sa mill-adeżjoni, bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 88(1) tat-Trattat KE. (7)

(46)

B'mod partikolari, l-ewwelnett, ebda mill-PPAs (ħlief dak iffirmat ma' Elektrociepłownia Turów) ma kien daħal fis-seħħ qabel l-10 ta' Diċembru 1994. It-tieni, il-Kummissjoni ma kinitx ġiet avżata dwar il-PPAs taħt l-hekk imsejħa “proċedura interim” u, it-tielet, ebda mill-PPAs ma kien indikat fuq il-lista tal-għajnuna eżistenti annessa mat-Trattat tal-Adeżjoni.

(47)

Il-Kummissjoni ddikjarat li, ladarba l-PPAs ma kinux ġew notifikati lilha skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE, ikkostitwew għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE. (8)

(48)

Il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li t-termini u l-kondizzjonijiet tal-PPAs qiegħdu lill-ġeneraturi tal-enerġija li kienu parti għal PPA f'sitwazzjoni ekonomika aktar vantaġġjuża minn ġeneraturi tal-enerġija oħrajn li ma kinux partijiet għal PPA u kumpaniji f'setturi oħrajn komparabbli fejn tali ftehimiet għal żmien twil lanqas ma kienu ġew offruti lill-parteċipanti fis-suq. Il-miżura għalhekk instabet, fuq bażi preliminarja, li tagħti vantaġġ selettiv lil dawk il-ġeneraturi tal-enerġija.

(49)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll li s-swieq tal-elettriku kienu nfetħu għall-kompetizzjoni u li l-elettriku kien ġie nnegozjat bejn l-Istati Membri għall-inqas mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku. (9) Il-miżuri li jiffarovixxu lill-kumpaniji fis-settur tal-enerġija fi Stat Membru wieħed għalhekk ġew meqjusa bħala li potenzjalment ifixklu r-rieda ta' kumpaniji minn Stati Membri oħrajn li jesportaw l-elettriku lil dak l-Istat Membru, jew jiffavorixxu l-esportazzjonijiet tal-elettriku lit-tieni grupp ta' Stati Membri.

(50)

Il-Kummissjoni esprimiet il-fehma wkoll li dan il-vantaġġ kien jimplika l-użu tar-riżorsi tal-istat, għaliex id-deċiżjoni li jiġu ffirmati l-PPAs kienet konsegwenza ta' politika tal-istat implimentata permezz tal-operatur tan-netwerk PSE, li kienet għal kollox proprjetà tal-istat. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (“Qorti tal-Ġustizzja”), meta kumpanija statali tuża l-fondi tagħha b'mod li jista' jitqies li jikkostitwixxi azzjoni tal-istat, allura dawn il-fondi għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE (10).

(51)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-PPAs x'aktarx kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-istat lill-ġeneraturi tal-enerġija fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

(52)

Il-Kummissjoni mbagħad iddikjarat li għandha tintuża l-Metodoloġija tal-Ispejjeż li Mhumiex Irkuprabbli biex tiġi analizzata l-għajnuna mill-istat li jirċievu l-ġeneraturi tal-enerġija. Fuq bażi tad-dokumenti fil-pussess tagħha dak il-ħin, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-PPAs mal-kriterji stabbiliti fil-Metodoloġija tal-Ispejjeż li Mhumiex Irkuprabbli.

(53)

L-ewwel, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk ir-regoli li jirregolaw PPA li għalaq parti sinjifikanti mis-suq setgħux jitqiesu kompatibbli mal-għanijiet fundamentali tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż li Mhumiex Irkuprabbli, jiġifieri biex jiżdied il-pass tal-liberalizzazzjoni tas-settur billi jingħata kumpens xieraq għall-entitajiet li qabel kellhom monopolju li jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta.

(54)

It-tieni, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-element tal-għajnuna mill-istat inkluż fil-PPAs ikunx kompatibbli mal-kriterji dettaljati tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż li Mhumiex Irkuprabbli fir-rigward tal-kalkolu tal-ispejjeż li mhumiex irkuprabbli eliġibbli u l-attribuzzjoni ta' kumpens xieraq.

3.2.   Il-kumpens fil-każ tat-terminazzjoni bikrija tal-PPAs

(55)

Fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura l-Kummissjoni użat l-istess raġunament bħal dak spjegat hawn fuq biex tiddetermina jekk il-PPAs kienx fihom elementi ta' għajnuna. Wara hija kkonkludiet, fuq bażi provviżorja, li l-elementi tal-għjanuna kienu wkoll preżenti fil-każijiet ta' kumpens għat-terminazzjoni bikrija tal-PPAs (11).

(56)

Imbagħad il-Kummissjoni analizzat il-kompatibbiltà tal-element tal-għjanuna tal-kumpens mal-kriterji stabbiliti fil-Metodoloġija tal-Ispejjeż li Mhumiex Irkuprabbli.

(57)

Il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-kumpens kienx kompatibbli mal-kriterji dettaljati tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż li Mhumiex Irkuprabbli fir-rigward tal-kalkolu tal-ispejjeż li mhumiex irkuprabbli eliġibbli u l-attribuzzjoni ta' kumpens xieraq.

4.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(58)

Wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, u fit-terminu rilevanti jew, f'xi każijiet, wara estensjoni tat-terminu mitlub mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn:

(a)

dawn il-ġeneraturi tal-elettriku li ġejjin: Elektrociepłownia Rzeszów S.A. (“Elektrociepłownia Rzeszów”), Electrabel SA u Electrabel Połaniec S.A. (kollettivament imsemmija bħala “Electrabel”), Zespół Elektrowni Pątnów – Adamów – Konin S.A. u Elektrownia Pątnów II Sp. z o.o. (kollettivament imsemmija bħala “PAK”), BOT Górnictwo i Energetyka S.A., BOT Elektrownia Opole S.A. u BOT Elektrownia Turów (kollettivament imsemmija bħala “BOT”), Elektrociepłownia Chorzów “ELCHO” Sp. z. o.o. Elektrociepłownia Kraków S.A (“ECK”)., Elektrociepłownia Zielona Góra S.A. (“ECZG”) u Elektrociepłownia Nowa Sarzyna Sp. z o.o. (“ENS”);

(b)

dawn l-istituzzjonijiet bankarji li ġejjin li pprovdew finanzjament lill-ġeneraturi tal-elettriku: Dresdner Bank AG Fergħa ta' Londra, Bank Pekao S.A., WestLB AG Fergħa ta' Londra (12) u WestLB AG (kollettivament imsemmija bħala “il-Banek”);

(ċ)

PSE.

(59)

Il-kummenti sottomessi lill-Kummissjoni mill-partijiet huma simili ħafna, xi kultant virtwalment identiċi. Għal dik ir-raġuni, minflok ma tiddeskrivi l-kummenti ta' kull parti interessata separatament, il-Kummissjoni ġabrithom f'kategoriji ġenerali (ara hawn taħt).

4.1.   Il-kummenti dwar il-PPAs

L-applikabbiltà wara l-adeżjoni  (13)

(60)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-PPAs m'għandhomx jitqiesu bħala li “għadhom jgħoddu wara l-adeżjoni” fis-sens tal-Anness IV, paragrafu 3, subparagrafu 1(c) tal-Att tal-Adeżjoni (14).

(61)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-miżuri li ġew stabbiliti skont il-liġi qabel l-adeżjoni m'għandhomx jiġu riveduti mill-Kummissjoni wara l-adeżjoni. Dan huwa skont il-prinċipju ġenerali ta' nuqqas ta' retroattività. Ir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat ma kellhomx jgħoddu sal-adeżjoni.

(62)

Il-partijiet interessati jirreferu għal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ta' qabel (15) fejn il-Kummissjoni ddikjarat li sistemi ta' għajnuna li, fil-perspettiva tagħhom, kienu simili għall-PPAs, ma kinux jgħoddu wara l-adeżjoni.

(63)

Fl-opinjoni tagħhom, kwalunkwe għajnuna taħt il-PPAs kienet tkun ingħatat qabel l-adeżjoni. Il-ħlasijiet annwali xorta kienu jridu jsiru iżda m'għandhomx jitqiesu bħala li jikkostitwixxu għajnuna ġdida.

(64)

Il-PPAs iffissaw il-volum ta' elettriku li għandu jinxtara minn PSE u l-prezz tax-xiri tal-elettriku fil-perjodu in kwistjoni. Fil-każ ta' għall-inqas xi affarijiet, il-prezzijiet ġew ikkalkolati b'tali mod li ma setgħux jeċċedu livell li kien ġie miftiehem qabel bejn il-partijiet jew il-varjazzjonijiet kienu jkunu limitati għal ammont raġonevoli meta mqabbel ma' prezzijiet tas-suq speċifiċi, jiġifieri l-istandard l-aktar oġġettiv possibbli. Il-prezzijiet attwali kultant kienu aktar baxxi, b'mod partikolari għaliex ir-regolatur Pollakk żamm kontroll indirett fuqhom. F'dan is-sens, l-espożizzjoni massima tal-istat kienet ukoll iddeterminata b'mod ċar mill-PPAs qabel l-adeżjoni.

L-għajnuna eżistenti  (16)

(65)

Il-partijiet interessati jargumentaw li, ukoll kieku wieħed kellu jammetti li l-PPAs jikkostitwixxu għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, din l-għajnuna mill-istat għandha titqies bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(66)

Il-partijiet interessati huma tal-fehma li deċiżjoni li tiddetermina jekk l-għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni u kontinwata wara l-adeżjoni għandhiex titqies “għajnuna ġdida” jew “għajnuna eżistenti” m'għandhiex tkun ibbażata biss fuq l-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni. Skond il-partijiet interessati, jekk din l-għajnuna ma tikkwalifikax bħala għajnuna eżistenti skont l-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 1(b)(ii) sa (v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(67)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jgħodd għall-PPAs, u li għalhekk il-PPAs jikkostitwixxu “għajnuna eżistenti”.

(68)

Il-partijiet interessati jiddikjaraw ukoll li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ma jgħoddx għall-PPAs għal tliet raġunijiet.

(69)

L-ewwel, fis-sentenza Alzetta Mauro  (17), il-Qorti ddeċidiet li l-għajnuna li kienet teżisti f'ċertu suq li għall-ewwel kien magħluq għall-kompetizzjoni qabel ma ġie lliberalizzat għandha titqies bħala għajnuna eżistenti mill-ħin tal-liberalizzazzjoni. Skond il-partijiet interessati, din is-sentenza hija bbażata direttament fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 88(1) tat-Trattat KE, u għalhekk tieħu preċedenza fuq ir-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(70)

It-tieni, fi kwalunkwe każ, minħabba li r-Regolament (KE) Nru 659/1999 kien għadu ma daħalx fis-seħħ meta s-suq tal-elettriku ġie liberalizzat taħt id-Direttiva 96/92/KE jew meta l-PPAs ġew iffirmati, kienu jgħoddu r-regoli stabbiliti fis-sentenza ta' Alzetta Mauro, u mhux ir-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(71)

It-tielet, tqabbil tal-kliem tal-kategoriji differenti fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 iwassal għall-konklużjoni li l-Artikolu 1(b)(v) jgħodd biss għall-iskemi tal-għajnuna mill-istat, ladarba l-għajnuna individwali ma ġietx imsemmija b'mod espliċitu.

(72)

B'sostenn ta' din il-kontenzjoni, il-partijiet interessati jindikaw ukoll li l-PPAs kienu ftehimiet ta' liġi privata u mhux miżuri tal-istat. Skond il-partijiet interessati, ikun riżultat pervers jekk kuntratt li huwa konkluż legalment u validament qabel l-adeżjoni tal-Polonja għall-UE u l-liberalizzazzjoni kellu jsir illegali wara l-adeżjoni. Il-partijiet interessati huma tal-fehma li din tkun interpretazzjoni espansiva u retroattiva tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat tat-Trattat KE li hija inkompatibbli mal-prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi.

L-Imputabbiltà tal-miżuri lill-istat

(73)

Il-banek issottomettew dawn il-kummenti li ġejjin.

(74)

Il-Banek jargumentaw li l-miżura ma tistax tiġi imputata lill-Istat, iżda lil PSE. Filwaqt li wieħed iżomm preżenti l-istat tas-settur Pollakk tal-elettriku meta l-PPAs ġew iffirmati, l-unika għażla ta' PSE kienet li tiffirma kuntratti għal perjodi twal. Dan kien ukoll ikun il-każ kieku PSE kienet operatur fis-suq li huwa proprjetà privata. Għalhekk kien fl-interess ta' kemm l-istat kif ukoll il-partijiet tal-ftehimiet li l-PPAs jiġu konklużi, minflok każ li l-istat jimponi deċiżjoni politika fuq PSE.

Il-vantaġġ ekonomiku  (18)

(75)

Il-parti l-kbira tal-partijiet interessati jargumentaw li l-PPAs ma jagħtu ebda vantaġġ ekonomiku.

(76)

Il-partijiet interessati jikkritikaw is-sejba preliminarja tal-Kummissjoni li l-prezzijiet stabbiliti taħt il-PPAs huma ogħla mill-prezzijiet bl-ingrossa fis-suq. Skond il-partijiet interessati, il-Kummissjoni m'għamlithiex ċara fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura liema suq u liema prezzijiet kienet tirreferi għalihom id-deċiżjoni. B'mod partikolari, il-Borża tal-Enerġija Pollakka ma nfetħitx sa Diċembru 1999, meta ħafna PPAs kienu diġà ġew konklużi. Fl-opinjoni tal-partijiet interessati, l-interkonnetturi bejn il-Polonja u pajjiżi oħrajn kienu mblukkati dak iż-żmien. Il-Kummissjoni għamlet riferenza żbaljata għal prezz irreġistrat fil-Greċja fl-2003, jiġifieri f'kuntest ġeografiku u temporali totalment differenti.

(77)

L-enerġija mibjugħa taħt il-PPAs ma tistax tkun imqabbla mal-enerġija mibjugħa barra mill-PPAs, ukoll fil-Polonja. tal-ewwel tirrispetta l-istandards ambjentali moderni, filwaqt li tal-aħħar hija prodotta minn unitajiet li inqas iħarsu l-ambjent, li “jwettqu dumping” (19) tal-kapaċità żejda tagħhom bi spejjeż marġinali, taħt bosta mekkaniżmi, li l-ebda minnhom ma jiżgura prezzijiet li jkopru kemm spejjeż fissi kif ukoll dawk varjabbli. Il-ġeneraturi tal-enerġija li joperaw barra mill-PPAs kien wkoll sussidjati u ma kinux meħtieġa li jimmodernizzaw it-tagħmir tagħhom, b'mod differenti mill-ġeneraturi tal-enerġija taħt il-PPAs. Fi kwalunkwe każ ma setgħux jipproduċu biżżejjed elettriku biex ikopru t-talba totali fil-Polonja, b'mod partikolari fl-1997-1998.

(78)

Skond il-partijiet interessati, il-PPAs għandhom jiġu analizzati fid-dawl taċ-ċirkostanzi prevalenti fil-ħin meta ġew konklużi, jiġifieri sistema ċentralizzata, irregolata tal-elettriku bi klijent uniku, minflok sistema liberalizzata b'suq bl-ingrossa.

(79)

Il-PPAs kienu l-uniku mod biex jiġu żgurati l-investimenti li kienu jilħqu r-rekwiżiti għas-settur tal-elettriku fil-Polonja (b'mod partikolari, il-modernizzazzjoni fis-suq kollu, ħarsien tal-ambjent u sigurtà tal-provvista). Il-Banek ħtieġu lill-PPAs biex iservu bħala garanzija għas-self tagħhom. L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat fisser li jitqiesu dawn ir-rekwiżiti, u l-uniku mod biex jintlaħqu kienu l-PPAs. Il-partijiet interessati jinnutaw li l-PPAs jimponu obbligi ta' investiment u ta' disponibbiltà fuq il-ġeneraturi tal-enerġija.

(80)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-imġieba ta' PSE meta ffirmat il-PPAs m'għandhiex tiġi analizzata f'termini jekk kisbitx profitti fuq ż-żmien twil iżda jekk kinitx tiżgura l-profitabbiltà tal-investimenti fit-tul u – minn perspettiva ta' operatur ta' netwerk – jekk żguratx is-sigurtà stabbli tal-provvista u wettqitx id-dmirijiet ġenerali tas-servizz pubbliku tagħħa. Il-partijiet interessati jiddikjaraw li l-PPAs ġew konklużi permezz ta' proċedura tas-sejħa għall-offerti trasparenti u miftuħa, li saret b'mod mhux diskriminatorju u wasslet għall-prezz l-aktar baxx possibbli. Skond il-partijiet interessati, isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dan fih innifsu huwa biżżejjed biex li jingħata vantaġġ ekonomiku jiġi eskluż (20). Qabel ma nbdiet il-proċedura għas-sejħa għall-offerti għall-PPAs, saret analiżi tal-ispejjeż l-aktar baxxi biex tiġi ddeterminata lista ta' prioritajiet ta' investiment fis-settur.

(81)

Il-partijiet interessati jargumentaw ukoll li ladarba PSE kienet qed topera f'sistema tal-elettriku rregolata, l-imġieba tagħha ma tistax tiġi mqabbla mal-imġieba ta' kumpaniji li joperaw taħt kondizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, l-imġieba ta' PSE għandha tiġi evalwata b'riferenza għal elementi oġġettivi u verifikabbli li, skont il-partijiet interessati, huma kkostitwiti mill-ispejjeż magħmula mill-ġeneraturi tal-enerġija (21). L-imġieba ta' PSE hija kompatibbli mal-prinċipju tal-investitur privat għaliex il-PPAs ma jkopru xejn ħlief spejjeż fissi u spejjeż varjabbli u marġinu raġonevoli ta' qliegħ.

(82)

Jingħad li hija prattika ġeneralment aċċettata li l-operaturi fis-settur jikkonkludu kuntratti għal żmien twil bħall-PPAs. Huwa argumentat li dan huwa forma normali ta' tqassim tar-riskju bejn il-ġeneratur tal-enerġija u x-xerrej. Id-dewmien twil ta' kuntratt m'għandux jitqies bħala vantaġġ fih innifsu. Il-partijiet interessati jikkwotaw għadd ta' eżempji: kuntratt bejn Electricité de France u Péchiney fi Franza, żewġ kuntratti bejn Redes Energéticas Nacionais u Turbogás u Electricidade De Portugal u Pego fil-Portugall, u kuntratti konklużi minn Northern Ireland Electricity fir-Renju Unit. Il-partijiet interessati jirreferu wkoll għal kuntratt “IASB”, iżda r-riferenzi provduti ma kinux korretti u l-Kummissjoni ma setgħetx issib id-dokument (22). Il-partijiet interessati jallegaw li l-Kummissjoni ma esprimietx riżervazzjonijiet dwar it-tul ta' dawn il-kuntratti, għalkemm ammonta għal mhux inqas minn 15-il sena. Il-partijiet interessati jiddikjaraw li l-kuntratti għal żmien twil huma wkoll prattika ġeneralment aċċettata fl-Istati Uniti, iżda ma jipprovdu ebda eżempju speċifiku.

(83)

Il-partijiet interessati jallegaw ukoll li l-PPAs ma jiggarantixxux dħul lura fuq investiment. PSE u l-awtoritajiet regolatorji żammew il-mezzi legali biex jillimitaw id-dħul lura fuq l-investiment. B'mod partikolari, l-awtoritajiet regolatorji jistgħu jirrevedu l-prezzijiet u jiċħdu l-imposti eċċessivi jew mhux ġustifikati. PSE mhux dejjem użat il-kapaċità sħiħa tal-impjanti tal-enerġija, u inkorporat il-kisbiet li rriżultaw minn titjib fl-effiċjenza meta kkalkolat il-prezzijiet tal-elettriku fil-kuntratti. Il-ġeneraturi tal-kuntratti jiffaċċjaw ukoll għadd ta' riskji relatati, per eżempju, mal-finanzjament, il-kostruzzjoni, l-operat u l-manutenzjoni.

(84)

Ladarba l-PPAs ma jipprovdu ebda vantaġġ ekonomiku, huwa argumentat, ma jikkostitwux għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

(85)

Il-partijiet interessati li huma proprjetà privata wkoll jargumentaw li, ukoll jekk il-PPAs kien fihom xi vantaġġ ekonomiku, il-valur ta' dan il-vantaġġ ekonomiku kien ikun rifless fil-prezz tal-bejgħ miftiehem fil-ħin tal-privatizzazzjoni tal-impjant tal-enerġija. Il-PPAs kienu meħtieġa sabiex issir il-privatizzazzjoni, u kienu wieħed mill-prekundizzjonijiet bażiċi tal-ftehimiet tal-privatizzazzjoni għal dawn l-impjanti. Il-partijiet interessati jargumentaw li, skont is-sentenzi ta' Banks  (23)Falck tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq jeskludu kwalunkwe element ta' vantaġġ ekonomiku mill-PPAs.

Servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali  (24)

(86)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-ġeneraturi tal-enerġija li huma partijiet għall-PPAs jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (“SGEIs” – services of general economic interest).

(87)

L-għajnuna mill-istat taħt il-PPAs, jekk hemm, tilħaq l-erba' kriterji kumulattivi stabbiliti mill-Qorti fis-sentenza tagħha fil-każ C-280/00 (“is-sentenza ta' Altmark”) (25).

(88)

L-ewwel, il-ġeneraturi tal-enerġija li huma partijiet għall-PPAs ikunu fdati li jipprovdu l-SGEIs. Dan isegwi mill-Artikolu 1(2) tal-Att Pollakk tal-1997 dwar l-Enerġija, li jgħid li l-istat għandu jiżgura provvista kontinwa u mingħajr interruzzjoni tal-enerġija lill-utenti b'mod li huwa teknikament u ekonomikament ġustifikabbli, filwaqt li jitqiesu kif xieraq ir-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent. Il-partijiet interessati wkoll iqisu d-diversifikazzjoni tal-karburanti u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu qrib iż-żoni urbali bħala SGEIs li huma marbutin li jiprpovdu. L-Istati Membri għandhom marġinu wiesa' ta' diskrezzjoni biex jiddeterminaw liema servizzi jikkostitwixxu SGEIs. B'mod aktar preċiż, id-Direttiva 96/92/KE tagħmilha possibbli li s-sigurtà tal-provvista titqies bħala SGEI, li huwa kkonfermat mill-prattika tal-Kummissjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-ħarsien tal-ambjent, inklużi l-effiċjenza tal-enerġija u l-ħarsien tal-klima, ukoll tqieset bħala SGEI fid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (26). Bħala tali, il-PPAs jitqiesu bħala strument legali użat mill-Istat biex jafda lill-ġeneraturi tal-enerġija bl-imsemmija SGEIs, kif ikkonfermat mill-kriterji tal-valutazzjoni tal-offerti.

(89)

It-tieni, il-PPAs, inklużi l-annessi, jistabbilixxu regoli preċiżi li jirregolaw il-kumpens għall-ispejjeż tal-SGEIs mill-bidu. Dan huwa parti min-negozjati għall-PPAs. Xi PPAs ġew emendati bosta drabi, ukoll wara l-adeżjoni tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea, iżda dan ma kellux impatt sinjifikanti fuq ir-regoli tal-kumpens jew l-ammonti involuti.

(90)

It-tielet, il-kumpens imħallas fuq bażi tal-PPAs ma jeċċedix l-ispejjeż tal-SGEIs provduti. Il-PPAs ikopru biss l-ispejjeż biex jiġi ġġenerat l-elettriku mixtri (eż., spejjeż tal-kostruzzjoni, spejjeż fissi u varjabbli tal-operat u tal-manutenzjoni, spejjeż ġenerali [overheads]) u marġinu raġonevoli ta' qligħ.

(91)

Ir-raba', l-SGEIs ġew fdati lil kumpaniji magħżula permezz ta' proċedura tas-sejħa għall-offerti miftuħa, kompetittiva u mhux diskriminatorja għall-konklużjoni tal-PPAs.

(92)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-partijiet interessati jikkonkludu li l-PPAs jilħqu l-erba' kriterji kumulattivi msemmija fis-sentenza ta' Altmark u għandhom jitqiesu bħala li ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

(93)

Il-partijiet interessati jargumentaw ukoll li wkoll jekk il-PPAs tqiesu li ma jilħqux l-erba' kriterji kumulattivi tas-sentenza ta' Altmark, xorta jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE.

(94)

Kif indikat fil-preambolu 88, il-PPAs fdaw lill-ġeneraturi tal-enerġija bl-SGEIs, li n-natura tagħhom hija stabbilita fil-liġi Pollakka. Il-PPAs jitqiesu bħala mezz neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-fornitura tal-SGEIs; inkella, ma kinux jistgħu jinstabu għejun xierqa ta' finanzjament għall-iżvilupp tal-impjanti. L-għajnuna taħt il-PPAs hija proporzjonata għall-għan li jinkisbu l-SGEIs ladarba ma tkoprix aktar mill-ispejjeż kollha tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, flimkien ma' marġinu raġonevoli ta' qligħ. Fil-qosor, minħabba l-għadd limitat ħafna ta' interkonnessjonijiet bejn in-netwerk tal-elettriku tal-Polonja u networks oħrajn tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea, l-għajnuna ma setgħetx taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ bejn l-Istati Membri sa grad li huwa kuntrarju għall-interess komuni.

Is-selettività  (27)

(95)

Il-partijiet interessati jqisu li s-sistema tal-PPAs ma tinkludix elementi ta' selettività.

(96)

Skond il-partijiet interessati, ma jistax jiġi awtomatikament assunt li miżura li tiffarovixxi biss settur wieħed tal-ekonomija hija selettiva. Il-partijiet interessati jargumentaw li l-Kummisjoni għandha dejjem tiddefinixxi s-suq rilevanti ġeografiku u tal-prodotti. Il-Kummissjoni mbagħad għandha tidentifika lill-kompetituri tar-reċipjenti tal-miżura tal-għajnuna f'dan is-suq sabiex tiddetermina jekk il-miżura hijiex selettiva. F'dan il-każ speċifiku, il-proċedura tas-sejħa għall-offerti biex jingħażlu l-partijiet tal-PPAs kienet miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, li jfisser li ma kienet involuta ebda selettività.

(97)

Il-partijiet interessati jargumentaw ukoll li l-miżuri li huma speċifiċi għas-settur jistgħu ma jkunux selettivi jekk huma purament ir-riżultat tal-forzi tas-suq. Il-miżuri eżaminati mill-Qorti fis-sentenza ta' Van der Kooy  (28) huma eżempju tipiku ta' miżuri mhux selettivi ta' dan it-tip.

(98)

Il-partijiet interessati jindikaw ukoll li d-deċiżjoni li jiġu konklużi l-PPAs ittieħdet mhux mill-istat iżda minn PSE. Il-kriterju tas-selettività għandu jiġi sostitwit mill-prinċipju tal-investitur privat.

It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri  (29)

(99)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-Kummissjoni jmissha eżaminat jekk il-PPAS fixklux il-kompetizzjoni jew affettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri fil-ħin meta ġew konklużi.

(100)

Il-PPAs ġew iffirmati fi żmien meta ma kien hemm ebda kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku Pollakk. Id-Direttiva 96/92/KE ma kinitx tgħodd għall-Polonja dak iż-żmien. Il-Polonja kienet għada fi stadju bikri ħafna tan-negozjati tagħha għall-isħubija tal-UE – lanqas kien hemm terminu definittiv għall-adeżjoni. Il-prezzijiet dak iż-żmien kienu għal kollox irregolati, inklużi l-prezzijiet għall-ġeneraturi tal-elettriku li ma kinux partijiet għall-PPAs. Għalhekk il-PPAs ma setgħux jitqiesu bħala li fixklu l-kompetizzjoni f'dak iż-żmien.

(101)

Il-partijiet interessati josservaw ukoll li l-Polonja ma kinitx Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien meta ġew iffirmati l-PPAs. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-konnessjoni bejn il-Polonja u l-qraba tagħha kienet limitata, u l-elettriku ġġenerat taħt il-PPAs kien aktar għali mill-elettriku ġġenerat barra mill-PPAs. Għalhekk ma jistax jiġi argumentat li l-PPAs affettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fiż-żmien meta ġew konklużi.

Il-kompatibbiltà fis-sens tal-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE  (30)

(102)

Il-partijiet interessati jargumentaw li, kieku l-PPAs kienu għajnuna mill-Istat, kienu jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE.

(103)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-PPAs ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuna għall-operat. L-għajnuna għall-operat (kuntrarjament għall-għajnuna għall-investiment) huwa “għajnuna li hija maħsuba li teħles lil intrapriża mill-ispejjeż li normalment ikollha tħallas fl-amministrazzjoni tagħha ta' kuljum jew fl-attivitajiet normali tagħha.” Il-ħlasijiet taħt il-PPAs ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu din l-għajnuna. Jikkostitwixxu l-prezz pagabbli għall-prodotti jew servizzi provduti taħt kuntratt ta' kummerċ. Barra minn dan, l-għan tal-PPAs huwa li jippermettu l-implimentazzjoni ta' proġett tal-investiment, li juri li huma miżuri għall-investiment (pjuttost milli għall-operat).

(104)

Il-partijiet interessati għandhom ukoll il-fehma li l-Kummissjoni għandha tagħraf l-eżistenza ta' ċirkostanzi eċċezzjonali li jistgħu jirriżultaw fl-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għall-operat f'dan il-każ. Għandu jitqies kif xieraq l-istat tas-settur tal-elettriku Pollakk fis-snin 90. Huwa ċar li l-Polonja tista' titqies bħala wieħed mir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE. Uħud mill-ġeneraturi tal-elettriku in kwistjoni kienu jinsabu f'oqsma fejn l-għeluq ikollu impatt sinjifikanti ħafna fuq il-komuntià sħiħa. Il-PPAs ukoll ippromwovew l-iżvilupp tas-settur tal-elettriku fil-Polonja u tal-ekonomija kollha, minħabba l-importanza ta' dan is-settur.

Il-kompatibbiltà fis-sens tal-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat KE  (31)

(105)

Il-partijiet interessati jargumentaw li, kieku l-PPAs kienu għajnuna mill-Istat, kienu jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat KE.

(106)

Skond il-partijiet interessati, meta l-PPAs ġew iffirmati l-istat tas-settur tal-elettriku Pollakk kien qed joħloq taħwid serju fl-ekonomija Pollakka. Huwa argumentat li l-PPAs kienu mod biex jiġi rrimedjat dan it-taħwid serju.

Il-kompatibbiltà fis-sens tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE  (32)

(107)

Il-partijiet interessati jargumentaw li, kieku l-PPAs kienu għajnuna mill-Istat, kienu jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE.

(108)

F'dak ir-rigward, il-partijiet interessati huma tal-fehma li l-PPAs m'għandhomx jiġu analizzat fid-dawl tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż li mhumiex irkuprabbli, għaliex ma kinux iddiżinjati li jikkumpensaw dawn l-ispejjeż. Minflok, il-PPAs għandhom jiġu analizzati direttament fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(c).

(109)

Il-partijiet interessati jallegaw li l-PPAs kienu ddiżinjati biex jippermettu l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija Pollakk billi jiġbdu l-investiment barrani f'impjanti tal-enerġija moderni, li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Għalhekk il-PPAs kienu maħsuba biex “jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' xi attivitajiet ekonomiċi.”

(110)

Il-partijiet interessati jallegaw ukoll li l-PPAs kellhom ftit impatt fuq il-kummerċ fl-elettriku bejn l-Istati Membri. Għal raġunijiet tekniċi, l-interkonnessjonijiet bejn il-Polonja u pajjiżi oħrajn kienu limitati. L-importazzjonijiet iffaċċjaw ostakoli tekniċi u diġà kien sar użu sħiħ mill-ambitu tal-esportazzjonijiet, sabiex ma jistax jiġi allegat li l-PPAs introduċew restrizzjonijiet f'dan il-qasam. Skond il-partijiet interessati, fir-rapport inizzjali tagħha dwar is-suq tal-enerġija (33), il-Kummissjoni ma identifikatx lill-PPAs bħala ostakolu għall-integrazzjoni tas-swieq Ewropej tal-enerġija. Il-partijiet interessati jikkonkludu li l-PPAs ma kellhom “ebda effett negattiv fuq il-kondizzjonijiet tan-negozju b'tali mod li kien kuntrarju għall-interess komuni.”

(111)

Il-partijiet interessati jargumentaw ukoll li l-PPAs kellhom jiġu analizzati fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien tal-ambjent (34), filwaqt li jiġi miftakar li l-PPAs kienu b'mod speċifiku diżinjati li jġibu lill-ġeneraturi tal-enerġija fil-Polonja skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (35).

Il-PPAs kellhom jiġu eżaminati taħt il-mekkaniżmu interim imsemmi fit-Trattat tal-Adeżjoni  (36)

(112)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-PPAs għandhom jiġu eżaminati taħt il-proċedura tal-għajnuna mill-istat Nru PL 1/03 (37), li nbdiet mill-Kummissjoni b'applikazzjoni tal-mekkaniżmu interim provdut fit-Trattat tal-Adeżjoni.

(113)

Il-Każ Nru PL 1/03 ittratta dwar in-notifika mill-Polonja tal-verżjoni inizzjali tal-abbozz għat-tħassir tal-PPAs. Il-partijiet interessati jqisu li, meta eżaminat in-notifika, il-Kummissjoni probabbilment laħqet l-istess konklużjoni dwar il-konnessjoni bejn il-PPAs u l-abbozz inizzjali bħal dwar il-konnessjoni bejn il-PPAs u l-Abbozz, jiġifieri li l-PPAs u l-abbozz huma “konnessi qrib.”

(114)

Skond il-partijiet interessati, il-konklużjoni loġika hija li l-Kummissjoni jmissha analizzat il-PPAs bl-istess proċedura li użat biex tanalizza l-abbozz inizzjali, jiġifieri l-proċedura Nru PL 1/03, kif għamlet fil-każ preżenti.

(115)

Il-partijiet interessati josservaw li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura tħassar ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-każ PL 1/03. Il-Kummissjoni ġġustifikat din id-deċiżjoni li tħassar għar-raġunijiet li l-Polonja kienet naqset milli timplimenta l-abbozz inizzjali qabel l-adeżjoni u li għalhekk il-proċeduri stabbiliti fit-Trattat tal-Adeżjoni ma kinux jgħoddu għalih. Il-partijiet interessati jargumentaw li dan jinjora r-relazzjoni intrinsika bejn l-abbozz inizzjali u l-PPAs. Kontra l-abbozz inizzjali, il-PPAs kienu jibqgħu fl-ambitu tal-proċeduri stabbiliti fit-Trattat tal-Adeżjoni. Il-Kummissjoni jmissha kompliet tanaliżża l-PPAs permezz tal-proċedura Nru PL 1/03, jiġifieri taħt il-proċeduri tat-Trattat tal-Adeżjoni, u ma jmisshiex bdiet proċedura ġdida taħt it-Trattat KE.

Iċ-ċaħda tad-drittijiet  (38)

(116)

Il-partijiet interessati jargumentaw li t-terminazzjoni tal-PPAs tfisser li huma mċaħħda mid-drittijiet tagħhom (39) (mingħajr kumpens xieraq) (40).

4.2.   Kummenti dwar l-Abbozz

(117)

ELCHO, il-Banek u PAK biss issottomettew kummenti dwar l-Abbozz.

(118)

Il-partijiet interessati jtennu l-fehma tagħhom li l-PPAs ma jikkostitwixxux vantaġġ ekonomiku (ara fuq). Jargumentaw li, għalhekk, il-ħlas tal-kumpens ekwu għat-terminazzjoni lanqas ma jista jikkostitwixxi vantaġġ. Il-partijiet interessati jirreferu għas-sentenza ta' Asteris  (41). Il-kumpens imħallas taħt l-abbozz, huma jargumentaw, huwa bħal danni kumpensatorji, u barra minn hekk huwa garantit taħt id-dritt internazzjonali privat u l-Artikolu 10 tat-Trattat Karta dwar l-Enerġija

(119)

Il-partijiet interessati jargumentaw ukoll li l-Abbozz ma jinvolvix riżorsi tal-istat sa fejn l-imposta parafiskali li se tiffinanzjah ma jgħaddix minn PSE, iżda biss minn operatur wieħed privat jew kumpanija waħda privata jew aktar.

(120)

Il-partijiet interessati jargumentaw ukoll li l-Abbozz jista' jitqies kompatibbli mat-Trattat KE fid-dawl tal-Artikoli 87(3)(a)-(c) u 86(2). F'dan ir-rigward, il-partijiet interessati qed jinvokaw l-istess argumenti bħal dawk użati meta ġiet diskussal-kompatibbiltà tal-PPAs ma' dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

(121)

Dwar il-kompatibbiltà tal-abbozz mal-Metodoloġija tal-Ispejjeż li mhumiex irkuprabbli, il-Banek jargumentaw li dan il-metodu ġie konċepit u adottat f'kuntest totalment differenti. L-għan tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż li mhumiex irkuprabbli kien li tirriżolvi l-problema dwar kif jinġabru lura l-ispejjeż li ma jitħallsux lura wara l-liberalizzazzjoni. B'kuntrast, l-abbozz qies iċ-ċirkostanzi li kienu prevalenti fil-Polonja meta ġew iffirmati l-PPAs. Il-Banek jikkritikaw il-fatt li, fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura, il-Kummissjoni kkwalifikat xi impjanti tal-enerġija fil-Polonja bħala “ineffiċjenti” u ppruvat tanalizza jekk l-Abbozz tal-Liġi kienx jirriżulta fiż-żamma tal-livell tad-dħul garantit qabel il-liberalizzazzjoni. Skond il-Banek, din il-loġika tirriżulta f'li kwalunkwe impjant tal-enerġija mibni qabel l-adeżjoni ta' Stat Membru ġdid għall-Unjoni Ewropea jitqies bħala ineffiċjenti, bil-konsegwenza li kwalunkwe kuntratt konkluż ma' dawn l-impjanti tal-enerġija jitqies awtomatikament bħala għajnuna mill-istat. Imbagħad dan iwassal għall-konklużjoni wiesgħa ħafna li l-kuntratti kollha jkollhom jiġu tterminati fid-data tal-adeżjoni u jiġu negozjati mill-ġdid. Dan ma jagħmel ebda sens legali jew ekonomiku. Il-Banek iżidu li l-Kummissjoni naqset li tipprovdi evidenza konvinċenti jew tanġibbli li l-impjanti tal-enerġija huma ineffiċjenti.

(122)

Fil-qosor, skont il-Banek, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni żbaljata bejn l-impjanti tal-enerġija li kienu tlestew, jew kważi tlestew, fil-ħin tal-adeżjoni, u l-oħrajn. Meta għamlet dan, il-Kummissjoni injorat il-fatt li l-kumpens għandu jitħallas b'riferenza għar-regoli stabbiliti tal-liġi domestika u dik internazzjonali. Skond il-Banek, il-prezz li parteċipant ġdid huwa ppreparat li jħallas biex jidħol fis-suq huwa irrilevanti għal dawn il-kalkoli.

5.   KUMMENTI MILL-POLONJA DWAR ID-DEĊIŻJONI LI TINBEDA L-PROĊEDURA

5.1.   Kummenti dwar il-PPAs

(123)

Il-Polonja hija tal-fehma li l-istat għandu d-dmir li jiżgura s-sigurtà tal-enerġija, li jinkludi li jiġu żgutati l-provvisti tal-enerġija, filwaqt li jagħti konsiderazzjoni xierqa lir-rekwiżiti ambjentali.

(124)

Il-Polonja targumenta li l-PPAs kienu l-uniku mod biex jitwettaq dan id-dmir fil-Polonja fiż-żmien meta ġew iffirmati l-ftehimiet. Kien meħtieġ investiment sinjifikanti biex jiġi mmodernizzat is-suq Pollakk tal-elettriku, u l-kumpaniji tal-enerġija nfishom kellhom riżorsi limitati ħafna. Il-Banek għamlu l-għotja tas-self kontinġenti fuq ċertu livell ta' dħul iggarantit għal perjodu speċifikat. Il-PPAs kienu meqjusa bħala garanzija kollaterali għal dan is-self.

(125)

PSE kienet l-unika entità li kienet kapaċi li timplimenta l-PPAs. Meta tiġi analizzata l-imġieba ta' din il-kumpanija, għandu jiġi miftakar li l-għan ewlieni tal-istat mhuwiex li jiġġenera qligħ iżda li jwettaq dmirijietu fl-interess ġenerali.

(126)

Il-Polonja targumenta li, ladarba l-PPAs ġew konklużi permezz ta' proċedura tas-sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, il-parteċipazzjoni tal-istat fihom għandha titqies bħal li tirrappreżenta l-prezz tas-suq għat-twettiq tad-dmir fl-interess pubbliku, li jwassal għall-konklużjoni li mhemm ebda element ta' għajnuna mill-istat involut. Dan huwa kompatibbli mal-kunċett tal-isħubija bejn il-privat u l-pubbliku, li tippromwovi l-Kummissjoni.

(127)

Skond il-Polonja, il-PPAs ġew konklużi taħt termini tas-suq u l-forma tagħhom irriflettiet b'mod partikolari t-termini ta' kreditu offruti mill-banek lill-ġeneraturi tal-enerġija.

(128)

Barra minn dan, il-Polonja targumenta li, ladarba l-kunċetti ta' SGEIs u tal-isħubija bejn il-privat u l-pubbliku dejjem jirreferu għal settur speċifiku, il-PPAs ma jistgħux jitqiesu bħala strumenti li huma speċifiċi għas-settur aktar min-normal.

(129)

Il-Polonja targumenta wkoll li, fil-każijiet fejn l-impjanti tal-enerġija ġew privatizzati, il-prezz tal-bejgħ qies il-valur tal-PPA. Għalhekk dan jeskludi kwalunkwe element ta' vantaġġ ekonomiku biex tiġi ddefinita l-għajnuna mill-istat.

(130)

Il-Polonja hija wkoll tal-fehma li l-PPAs ma jikkostitwixxux għajnuna li tibqa' tgħodd wara l-adeżjoni. Il-Polonja tqis lill-PPAs bħala għajnuna individwali, u tiddikjara li l-implimentazzjoni tagħhom, ukoll wara l-adeżjoni, ma hija xejn ħlief it-trasferiment tal-għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni. Il-PPAs ukoll jindikaw b'mod ċar il-massimu li għalih kien espost l-istat.

(131)

Il-Polonja tgħid li fl-opinjoni tagħha, il-Metodoloġija tal-Ispejjeż li Mhumiex Irkuprabbli ma tistax tiġi applikata għall-PPAs infishom. Tgħodd biss wara li l-PPAs ikunu ġew itterminati.

(132)

B'konklużjoni, l-awtoritajiet Pollakki jlumu d-dikjarazzjoni li l-PPAs jiggarantixxu prezz definittiv għall-elettriku tul perjodu speċifikat. Il-Polonja targumenta li minflok, il-PPAs jiżguraw li l-ispejjeż tal-ġenerazzjoni tal-elettriku huma koperti u jippermettu għal marġinu żgħir ta' qligħ sal-livell meħtieġ biex jitħallas lura d-dejn. Skond il-Polonja, skont il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq, il-prezz ta' prodott jew servizz għandu dejjem jirrifletti l-ispejjeż tal-kapital miksub biex jiġi ffinanzjat l-investiment.

5.2.   Kummenti dwar l-Abbozz

(133)

Il-Polonja rrispondiet għad-dubji tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz kif espressi fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura billi pproponiet verżjoni emendata tal-Abbozz. L-Abbozz daħal fis-seħħ fl-7 ta' Awwissu 2007 u għalhekk jissemma minn hawn 'il quddiem bħala “l-Att”.

(134)

Dwar l-għajnuna mill-istat, tingħata deskrizzjoni hawn taħt tal-punti li fihom il-verżjoni l-ġdida tal-Att huma differenti mill-verżjoni oriġinali kif deskritt fit-taqsima 2.2.

(135)

Il-lista ta' reċipjenti tal-għajnuna u l-ammont massimu tal-kumpens ġew emendati. Il-lista l-ġdida ta' kumpens għal spejjeż mhux irkuprabbli għar-reċipjenti potenzjali hija kif ġej:

Tabella 3

Il-livelli ta' kumpens fl-Att emendat

(f'1000 PLN)

Isem ir-reċipjent

Kumpens massimu

BOT Górnictwo i Energetyka S.A.

4 536 851

Południowy Koncern Energetyczny S.A.

1 479 745

Elektrownia Kozienice S.A.

623 612

Zespół Elektrowni Dolna Odra S.A.

633 496

Zespół Elektrowni Pątnów-Adamów-Konin Pątnów II

1 377 880

Elektrociepłownia Kraków S.A.

0

Elektrociepłownia Rzeszów S.A.

297 415

Elektrociepłownia Nowa Sarzyna Sp. z o.o.

777 535

Elektrociepłownia Lublin Wrotków Sp. z o.o.

425 263

Elektrociepłownia Chorzów “ELCHO” S.A.

888 581

Elektrociepłownia Zielona Góra S.A.

464 297

Elektrociepłownia Gorzów S.A.

72 755

Total

11 577 430

Għajn: Appendiċi 2 tal-Att kif sottomess mill-Polonja.

(136)

Meta mqabbel kontra l-lista fit-Tabella 2, il-lista emendata ta' reċipjenti:

(a)

M'għadhiex tinkludi lil Electrabel Połaniec S.A. u Dalkia Poznań Zespół Elektrociepłowni S.A., għaliex il-PPAs tagħhom skadew fil-frattemp;

(b)

m'għadhiex tinkludi lil Żarnowiecka Elektrownia Gazowa Sp. z o.o., għaliex il-PPA għal dan l-impjant tal-enerġija ġie tterminat qabel ma l-kostruzzjoni tal-impjant kienet tlestiet;

(ċ)

issa tinkludi lil Elektrociepłownia Gorzów S.A., li saret eliġibbli għall-ħlasijiet taħt l-Abbozz.

(137)

Elektrociepłownia Kraków S.A. baqgħet eliġibbli għall-ħlasijiet taħt l-Att, iżda b'livell massimu ta' kumpens ekwivalenti għal zero.

(138)

Ir-regoli ewlenin dwar il-kalkolu tal-ammont massimu tal-kumpens ta' spejjeż mhux irkuprabbli elenkati fit-Tabella 3 hawn fuq huma stabbiliti fl-Artikolu 27 tal-Att.

(139)

L-ammonti massimi ta' kumpens ġew ikkalkolati bħala d-differenza bejn:

(a)

spejjeż ta' investiment li ma ġewx deprezzati sa mill-2007 mhux koperti mill-għajnuna għall-invsetiment, u

(b)

il-parti tal-fluss tal-kontanti tagħha li l-kumpanija tkun tista' tuża biex tirkupra l-ispejjeż tal-investiment tagħha.

L-ispejjeż tal-investiment huma l-valur nett fuq il-kotba ta' assi fissi skont l-Artikolu 27(1) tal-Att. Spejjeż ta' investiment li ma ġewx deprezzati huma l-valur fuq il-kotba ta' assi fissi wara li jitnaqqas il-valur deprezzat tagħhom.

Wara jitnaqqsu dawn minn dan l-ammont:

il-valur fuq il-kotba residwu tal-impjant tal-enerġija fil-jum li fiha l-PPA kien oriġinarjament ippjanat li jintemm (jekk jgħodd) u

l-ammont totali tal-għotjiet u write-offs relatat mal-assi.

Dan l-ammont massimu ġie kkalkolat mill-2007 sa meta jiskadi l-PPA għal kull impjant tal-enerġija

(140)

Meta ġew ikkalkolati l-ammonti tal-kumpens, tqiesu biss dawk l-investimenti li kienu tlestew jew li kienu sa jitlestew sa mid-data tal-adeżjoni tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea. “L-investimenti li kienu se jitlestew” tfisser investimenti li kien aktar ekonomiku li jitlestew u jitħaddmu milli tieqaf il-kostruzzjoni. L-valutazzjoni saret għas-sitwazzjoni fid-data tal-adeżjoni tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea.

(141)

Il-varjazzjonijiet tal-kontanti fil-futur ġew ikkalkolati fuq il-bażi tal-istess tip ta' previżjonijiet tas-suq bħal dawk deskritti fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura. L-awtoritajiet Pollakki ssostanzjaw il-previżjonijiet tagħhom.

(142)

L-Att m'għadux jipprovdi għal ħlas inizzjali kbir; minflok, hemm ħlasijiet annwali b'sistema ta' ħlas bil-quddiem li, b'mod partikolari, iqisu d-dejn tal-ġeneratur tal-enerġija. Il-mekkaniżmu ddiżinjat li jadatta l-ammonti tal-kumpens għal tibdil attwali fil-prezzijiet tal-elettriku ġie estiż sa t-terminazzjoni ppjanata oriġinarjament ta' kull PPA. Jikkorrispondi għall-perjodu msemmi fil-preambolu 139 użat biex jiġi kkalkolat l-ammont massimu tal-kumpens għal kull kumpanija.

(143)

L-Att jgħid li r-reċipjenti tal-kumpens ma jirċevux għajnuna tas-salvataġġ jew għar-ristrutturar għal perjodu ta' għaxar snin wara l-aħħar ħlas ta' kumpens ta' spejjeż mhux irkuprabbli provdut mill-Att.

(144)

L-Att jipprovdi wkoll għal kategorija ġdida ta' spejjeż mhux irkuprabbli għall-ġeneraturi tal-enerġija elenkati fit-Tabella 3 li kkonkludew kuntratt ta' proviżjon ta' gass għal żmien twil li fih klawżola “take or pay” relatata mal-operat tal-impjanti taħt il-PPA tagħhom. Il-kuntratti “take or pay” għal żmien twil huma kuntratti li fihom ix-xerrej jintrabat li jieħu ċerta kwantità ta' gass għal kull sena tal-kuntratt bil-prezz stabbilit permezz ta' formula u jrid iħallas multa jekk jonqos li jixtri l-kwantità in kwistjoni.

(145)

Il-kumpens massimu għal dawn il-kategoriji ta' spejjeż mhux irkuprabbli huwa ekwivalenti għall-volum massimu ta' elettriku li l-ġeneratur in kwistjoni jista' jipprovdi mill-gass kuntrattat taħt il-kondizzjonijiet ta' “take or pay”, multiplikat bid-differenza stmata bejn il-prezz għal kull unità ta' enerġija ta' dan il-gass u l-prezz medju għal kull unità ta' enerġija tal-faħam meħtieġ biex jiġi prodott l-istess ammont ta' elettriku, u b'koeffiċjenti li jirrifletti l-proporzjon bejn l-ispiża medja għal kull unità ta' enerġija tal-gass użat mill-ġeneraturi li ma jużawx il-gass mill-faċilitajiet tal-gass Pollakki (jekk il-ġeneratur ikkonċernat ma jużax gass Pollakk).

(146)

Din it-tabella tindika l-ħlasijiet massimi għall-kumpens marbutin mal-kuntratti “take or pay” taħt l-Att:

Tabella 4

Il-kumpens massimu għal spejjeż mhux irkuprabbli marbutin mal-kuntratti “take or pay”

(f'1000 PLN)

Ġeneratur

Kumpens massimu

Elektrociepłownia Rzeszów S.A.

124 395

Elektrociepłownia Lublin Wrotków Sp. z o.o.

191 480

Elektrociepłownia Nowa Sarzyna Sp. z o.o.

340 655

Elektrociepłownia Zielona Góra S.A.

313 477

Elektrociepłownia Gorzów S.A.

35 273

Total

1 005 280

Għajn: Appendiċi 2 tal-Att kif sottomess mill-Polonja.

(147)

Ġie implimentat mekkaniżmu biex jiġi aġġornat il-kumpens attwali mogħti kull sena lil kull wieħed minn dawn il-ġeneraturi għall-ispejjeż mhux irkuprabbli marbutin mal-kuntratti “take or pay”.

(148)

Il-kumpens attwali fi kwalunkwe sena huwa kompost minn żewġ affarijiet:

(a)

L-ewwel, ammont ekwivalenti għall-kwantità attwali ta' elettriku prodott fi kwalunkwe sena mill-ġeneratur in kwistjoni mill-gass miksub taħt il-kuntratt “take or pay” tiegħu, multiplikat bid-differenza bejn il-prezz attwali għal kull unità ta' enerġija tal-gass mixtri taħt il-kuntratt “take or pay” u l-prezz medju attwali għal kull unità ta' enerġija tal-kwantità ta' faħam meħtieġ biex jiġi prodott l-istess ammont ta' elettriku f'dik is-sena, u titnaqqas id-differenza bejn il-prezz medju tal-bejgħ għal kull unità ta' enerġija tal-elettriku mitlub mill-ġeneratur ikkonċernat f'dik is-sena u l-prezz medju tal-bejgħ għal kull unità ta' enerġija tal-elettriku mitlub mill-ġeneraturi mmexxija mill-faħam dik is-sena (meta din id-differenza hija negattiva ma titqiesx fil-kalkoli). Il-koeffiċjenti li jirrefletti l-proporzjon bejn il-prezz medju għal kull unità ta' enerġija tal-gass mill-faċilitajiet tal-gass Pollakki u l-prezz medju għal kull unità ta' enerġija tal-gass użat mill-ġeneraturi li ma jużawx il-gass mill-faċilitajiet tal-gass Pollakki (jekk il-ġeneratur ikkonċernat ma jużax il-gass Pollakk) hija wkoll applikata;

(b)

It-tieni, ammont ekwivalenti għall-multi attwali mħallsin mill-ġeneratur in kwistjoni f'dik is-sena għall-gass ikkuntrattat taħt id-dispożizzjonijiet “take or pay” u mhux meħud.

(149)

Għal kull ġeneratur tal-enerġija, is-somma tal-kumpens attwali kif ikkalkolat skont il-metodoloġija stabbilita fil-preambolu 148 ma tistax teċċedi l-ammont massimu tal-kumpens provdut fit-Tabella 4. Il-pagamenti kollha għall-kumpens tal-ispejjeż mhux irkuprabbli marbutin mal-kuntratti “take or pay” jieqfu meta jiġi eċċedut dan il-massimu. Fi kwalunkwe każ, il-pagamenti jieqfu mhux aktar tard meta l-PPA itterminat oriġinarjament kellu jiskadi.

(150)

Id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq jgħoddu biss għal kwantitajiet tal-gass miksuba taħt kuntratti “take or pay” li kienu diġà ġew konklużi fil-ħin tal-adeżjoni tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea. Kwantitajiet addizzjonali ta' gass kuntrattati taħt id-dispożizzjonijiet “take or pay” mill-istess ġeneratur tal-enerġija wara l-adeżjoni ma jikkwalifikawx għall-kumpens. Barra minn dan, jekk il-kwantità tal-gass miksub taħt id-dispożizzjonijiet “take or pay” titnaqqas wara l-adeżjoni, dan it-tnaqqis huwa rifless fil-ħlasijiet tal-kumpens.

6.   IR-RISPOSTA MILL-POLONJA DWAR IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(151)

Il-Polonja hija tal-fehma li l-PPAs m'għandhomx jtiqiesu bħala għajnuna mill-istat mill-Kummissjoni. Iżda, kieku kellhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu għajnuna mill-istat, għandhom jitqiesu bħala għajnuna mhux applikabbli wara l-adeżjoni.

(152)

Il-Polonja tinnota li l-eżenzjoni mill-obbligu li tissottometti t-tariffi lill-President tal-Uffiċċju għar-Regolamentar tal-Enerġija għall-approvazzjoni kienet intiża biex tħeġġeġ lill-ġeneraturi tal-enerġija jġibu ruħhom bħal operaturi tas-suq u jillimitaw l-ispejjeż tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.

(153)

Il-Polonja tenfasizza li l-konklużjoni tal-PPAs kienet preċeduta minn proċedura tas-sejħa għall-offerti li kienet miftuħa u mhux diskriminatorja u indirizzata lill-ġeneraturi kollha (pubbliċi u privati ndaqs). Il-Kummissjoni hija wkoll mitluba tosserva li xi PPAs kienu marbutin mal-privatizzazzjoni u li l-prezz tal-intrapriża privatizzata rrefletta l-fatt li kien ġie konkluż PPA.

(154)

Jekk il-Kummisjoni tqis li l-PPAs jikkostitwixxu għajnuna mill-istat, il-Polonja tqis li l-għajnuna m'għandhiex tiġi kkwalifikata bħala għajnuna għall-operat, għaliex fil-prattika kienet marbuta mat-twettiq ta' dmirijiet pubbliċi li kienu inkarigati bihom il-ġeneraturi tal-enerġija. Il-PPAs kienu ddiżinjati biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista.

(155)

Il-Polonja reġgħet tenniet il-fehma tagħha li l-PPAs m'għandhomx jiġu evalwati fid-dawl tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż mhux Irkuprabbli; il-Metodoloġija għandha tintuża biss għal spejjeż li jirriżultaw meta Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi u l-garanziji tiegħu vis-à-vis il-ġeneraturi.

7.   L-VALUTAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

(156)

Kif imsemmi fil-preambolu 133, l-awtoritajiet Pollakki ssottomettew l-Att lill-Kummissjoni bħala parti minn din il-proċedura sabiex jiġi evalwat taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-istat. L-Att jipprovdi għall-kumpens marbut mat-terminazzjoni bikrija tal-PPAs u għalhekk ma jistax jiġi dissoċjat mill-PPAs infishom. Fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-elementi possibbli tal-għajnuna mill-istat u l-kompatibbiltà tal-PPAs mal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-istat. Il-PPAs għadhom fis-seħħ fid-data ta' din id-Deċiżjoni. Għalhekk il-Kummissjoni għandha dmir tevalwa l-PPAs elenkati fl-Appendiċi 1 tal-Att.

7.1.   Dwar il-PPAs

7.1.1.   L-eżistenza tal-għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE

(157)

Hawn taħt il-Kummissjoni tanalizza kull wieħed mill-erba' kriterji kumulattivi li jiffurmaw id-definizzjoni tal-għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE: l-involviment tar-riżorsi tal-istat, l-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku, is-selettività ta' vantaġġ u l-impatt fuq il-kummerċ.

(158)

Huwa importanti li din l-analiżi tiddetermina l-ħin li fihom huma eżaminati dawn il-kriterji u li, bħala riżultat, se jitqiesu għall-valutazzjoni tal-għajnuna tal-istat tal-PPAs.

(159)

Fil-kummenti tagħhom, il-partijiet interessati argumentaw (b'referenza għal bosta kriterji tal-valutazzjoni) li l-Kummissjoni għandha tqis biss is-sitwazzjoni prevalenti fil-ħin meta ġew iffirmati l-PPAs. Is-sejbiet ta' din l-analiżi mbagħad jestendu għat-terminu sħiħ ta' kull PPA, għall-inqas sakemm ġie sostanzjalment emendat.

(160)

Huwa veru li, meta ssir analiżi biex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-għajnuna f'każ speċifiku, il-Kummissjoni għandha teżamina s-sitwazzjoni prevalenti fil-ħin meta daħlet fis-seħħ il-miżura.

(161)

Iżda, dak ma jfissirx li l-valutazzjoni tal-erba' kriterji fid-definizzjoni tal-għajnuna mill-istat għandha tkun limitata għall-ħin preċiż li fih ingħatat l-għajnuna. Jekk, mill-bidu, l-għajnuna ngħatat għal terminu twil fil-forma ta' ħlasijiet suċċessivi – minflok ħlas ta' darba – il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk intlaħqux il-kriterji tul it-terminu ppjanat sħiħ tal-miżura.

(162)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni laħqet il-konklużjoni li s-sejbiet tal-valutazzjoni kienu identiċi irrispettivament minn jekk il-PPAs tqisux li jikkostitwixxu għajnuna mill-istat meta ġew konklużi. Jekk l-Kummissjoni kellha tieħu l-pożizzjoni li l-erba' kriterji għall-għajnuna kienu preżenti meta ġew konklużi l-PPAs, il-miżura għandha tiġi evalwata skont it-Trattat tal-Adeżjoni. B'riżultat ta' din l-valutazzjoni (il-punt 7.1.2 hawn taħt), il-miżura tikkostitwixxi għajnuna ġdida sa mill-1 ta' Mejju 2004 u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni għandha tiġi evalwata minn dik id-data. Iżda jekk jiġi konkluż li l-PPAs ma kkostitwewx għajnuna mill-istat meta ġew iffirmati, il-Kummissjoni hija tal-fehma li saru għajnuna mill-istat fil-ħin tal-adeżjoni – mhux aktar tard mid-data tal-adeżjoni tal-Polonja għall-UE (il-punt 7.1.2 hawn taħt). Fuq il-bażi tat-Trattat tal-Adeżjoni u skont il-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-istat ġdida sa mill-1 ta' Mejju 2004 u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni għandha tiġi evalwata minn dik id-data (il-punt 7.1.2 hawn taħt).

(163)

Għalhekk il-Kummissjoni qed tevalwa jekk, sa mid-data meta l-Polonja aċċediet għall-Unjoni Ewropea u minn dik id-data, il-miżura tilħaqx il-kriterji kollha għall-eżistenza tal-għajnuna mill-istat.

(164)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tixtieq tirrispondi għall-kummenti li ssottomettew il-partijiet interessati fis-sens li l-kuntratti tal-liġi privata ma jistgħux awtomatikament isiru nulli b'riżultat tal-adeżjoni u l-liberalizzazzjoni, għaliex dan ir-riżultat, skont il-partijiet interessati, imur kontra l-prinċipji taċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi.

(165)

Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument. Il-Ftehim tal-Ewropa li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Polonja, min-naħa l-oħra, li pprepara t-triq għall-adeżjoni, ġie ffirmat fis-16 ta' Diċembru 1991. Fil-ħin meta l-partijiet ikkonkludew dawn il-ftehimiet, kien ċar li l-Polonja kienet se taderixxi għall-UE u, għall-parti kbira minnhom, kien ukoll ċar li dan kien isir qabel id-data tat-tmiem tal-PPA.

(166)

Ir-Repubblika tal-Polonja ffirmat it-Trattat tal-Adeżjoni fis-16 ta' April 2003. It-Trattat tal-Adeżjoni daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2004. Mid-data tal-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u dawk ta' leeġiżlazzjoni sekonndarja saru jorbtu fil-Polonja, skont l-Artikolu 2 tal-Att tal-Adeżjoni. (42) B'konsegwenza, l-hekk imsejjaħ acquis communautaire jgħodd għar-relazzjonijiiet kuntrattwali kollha fl-Istati Membri l-ġodda, u kwalunkwe eċċezzjoni għal din ir-regola tista' tirriżulta biss mit-Trattat tal-Adeżjoni nnifsu. L-Att tal-Adeżjoni anness mat-Trattat u l-Annessi tiegħu ma jipprovdi għal ebda eċċezzjoni taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat li teżenta lill-PPAs jew lis-settur tal-enerġija b'mod ġenerali mill-applikazzjoni diretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l–għajnuna mill-istat.

(167)

Il-Kummissjoni għandha dmir li tapplika l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għall-Polonja bl-istess mod bħalma tagħmel għall-Istati Membri l-oħrajn kollha dwar is-settur tal-enerġija u s-setturi l-oħrajn kollha tal-ekonomija Pollakka. Il-Kummissjoni tosserva li l-forma tal-għajnuna (kuntratt tal-liġi privata bħal fil-każ tal-PPAs) mhijiex rilevanti mill-perspettiva tal-għajnuna mill-istat; huwa biss l-effett tal-miżura li huwa rilevanti għall-analiżi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għalhekk ma sabet ebda argument validu fil-kummenti tal-partijiet interessati li jispjega għaliex dina l-proċedura hija inkompatibbli mal-prinċipji taċ-ċertezza legali jew tal-aspettattivi leġittimi.

Ir-riżorsi tal-istat u l-imputabbiltà għall-istat.

(168)

Il-garanzija tal-profitabbiltà, li hija l-bażi għall-PPAs, timmanifesta ruħha fil-prattika fl-obbligu li PSE tixtri l-elettriku bi prezz li kopri l-ispejjeż tal-investiment u l-operat u ċertu marġinu ta' qligħ. Il-prezz tax-xiri jitħallas kollu minn PSE, kumpanija li hija għal kollox proprjetà ta' u kkontrollata mit-Teżor.

(169)

Il-partijiet interessati argumentaw li d-deċiżjoni li jiġu konklużi l-PPAs saret minn PSE.

(170)

Sa fejn huma kkonċernati r-riżorsi tal-istat, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll l-applikazzjoni tas-sentenza ta' PreussenElektra  (43), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat mekkaniżmu li bih il-kumpaniji li huma proprjetà privata kienu obbligati mill-istat jixtru l-elettriku minn produtturi speċifiċi bi prezz iffissat mill-istat li kien ogħla mill-prezz tas-suq. Il-Qorti ddeċidiet li, f'dan il-każ, ma kien hemm ebda trasferiment ta' riżorsi pubbliċi, u għalhekk ma kien hemm ebda għajnuna mill-istat.

(171)

Is-sitwazzjoni Pollakka hija differenti b'mod sinjifikanti mis-sistema eżaminata mill-Qorti fl-imsemmija sentenza. B'mod partikolari, id-differenza tinsab fl-istruttura tal-proprjetà tal-kumpaniji li għalihom jgħodd l-obbligu li jixtru l-elettriku.

(172)

Fil-każ ta' PreussenElektra, il-kumpanija li l-Istat irrikjeda li jixtri l-elettriku kienet ta' proprjetà privata, filwaqt li PSE hija għal kollox proprjetà ta' u kkontrollata mill-istat. PSE hija taħt il-kontroll tal-istat skont id-definizzjoni stabbilita fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja f'xi intrapriżi (44). Ir-riżorsi wżati għalhekk jappartjenu għal kumpanija għal kollox statali.

(173)

Fil-każ ta' PreussenElektra, meta l-fondi huma ttraċċjati mir-reċipjent lura lill-għajn, jirriżulta li fl-ebda ħin ma kienu taħt il-kontroll dirett jew indirett tal-istat.

(174)

B'kuntrast mas-sitwazzjoni deskritta fis-sentenza ta' PreussenElektra, fil-każ Pollakk il-fondi huma taħt il-kontroll tal-istat għaliex huma ttrasferiti għal kumpanija pubblika (ċjoè PSE) u għalhekk jitqiesu bħala riżorsi tal-istat.

(175)

Fuq bażi tas-sentenza tal-miżura u fid-dawl tas-sentenza msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-PPAs ma jinkludux riżorsi tal-istat.

(176)

Dwar l-imputabbiltà, fis-sentenza ta' Stardust  (45), il-Qorti ddikjarat li r-riżorsi allokati għall-kumpaniji li huma taħt il-kontroll tal-istat huma riżorsi tal-istat. Madankollu l-Qorti żiedet li huwa wkoll meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-użu ta' dawn ir-riżorsi huwiex imputabbli għall-istat b'mod konkret.

(177)

Skond is-sentenza ta' Stardust tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta kumpanija statali tuża l-fondi tagħha b'mod li huwa imputabbli għall-istat, dawn il-fondi għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

(178)

Jidher ċar mill-kummenti sottomessi mill-Polonja u mill-partijiet interessati li d-deċiżjoni li jinbeda programm biex jinġibdu l-investituri lejn is-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija kienet diżinjata biex tippromwovi l-modernizzazzjoni tas-suq, jiġu aġġornati l-impjanti tal-enerġija sabiex jinġiebu skont l-istandards tal-UE u jiġi żgurat li l-provvisti tal-enerġija ikopru t-talba bis-sħiħ. Dan juri li l-PPAs ġew konklużi minn PSE mhux għal għanijiet kummerċjali iżda, kif rikonoxxut mill-awtoritajiet Pollakki nfishom, sabiex jiġu implimentati għadd ta' għanijiet importanti ta' politika.

(179)

Il-kontroll tal-istat fuq l-għotja tal-PPAs huwa ppruvat mill-fatt li l-istediniet li jiġu sottomessi l-offerti ntbagħtu lill-parteċipanti mill-Ministeru Pollakk tal-Industrija u l-Kummerċ. Barra minn dan, skont il-Kodiċi Kummerċjali Pollakk, il-Ministru tat-Teżor għandu l-awtorità sħiħa tal-Assemblea Ġenerali tal-Azzjonisti.

(180)

Il-prinċipju ewlieni li jirfed il-prezzijiet provduti fil-PPAs kien li għandhom ikopru l-ispejjeż tal-investiment u tal-operat u jiżguraw marġinu ta' qligħ. Dan il-qafas huwa ddiżinjat li jiżgura l-investimenti meħtieġa u wkoll jirrifletti deċiżjoni mill-awtoritajiet tal-istat implimentata permezz ta' PSE.

(181)

Fid-dawl tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li dawn l-elementi ta' hawn fuq jikkostitwixxu sett ta' indikaturi li, skont il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ta' Stardust, iwasslu għall-konklużjoni li l-użu tal-fondi ta' PSE fil-PPAs huwa imputabbli għall-istat u li għalhekk, minħabba l-argumenti stabbiliti, il-PPAs għandhom jitqiesu, għall-għanijiet tal-valutazzjoni, bħala li huma finanzjati mir-riżorsi tal-istat.

(182)

Jidher ċar għall-Kummissjoni li l-istat kien involut fil-konklużjoni tal-PPAs u fid-definizzjoni tar-regoli bażiċi dwar dawn il-ftehimiet.

Il-vantaġġ ekonomiku

(183)

Il-forma legali ta' PPA hija kuntratt konkluż bejn żewġ partijiet: PSE u l-ġeneraturi tal-enerġija. Kif spjegat fil-preambolu 172, PSE hija kumpanija għal kollox proprjetà tal-istat.

(184)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-PPAs jipprovdux vantaġġ ekonomiku lill-ġeneraturi tal-enerġija, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk, permezz tal-PPAs, il-ġeneraturi jiksbux vantaġġi ekonomiċi li ma jiksbux mis-suq.

(185)

Il-PPAs jipprovdu lill-ġeneraturi eliġibbli b'vantaġġ jekk il-partijiet għal dawn il-ftehimiet jitqiegħdu f'pożizzjoni ekonomika aħjar minn kumpaniji oħrajn.

(186)

Għalkemm id-dettalji tal-PPAs individwali jistgħu jvarjaw, il-PPAs kollha huma strutturati madwar prinċipju ewlieni invarjabbli: ix-xiri obbligatorju minn PSE tal-parti l-kbira (kultant l-ammont kollu) tal-elettriku ġġenerat mill-kumpaniji kkonċernati, bi prezz rivedut perjodikament skont il-prinċipju li l-ispejjeż totali (fissi u varjabbli) tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, flimkien ma' marġinu ta' qligħ, jitgħaddew lill-konsumatur.

(187)

Ir-regolatur tal-elettriku Pollakk, URE, indirettament għandu d-dritt li jivverifika jekk l-ispejjeż mitluba lil PSE humiex iġġustifikati u raġonevoli, iżda fil-prattika URE juża dan il-poter biss biex jivverifika li l-ispejjeż kienu tassew marbuta mal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Barra minn dan, il-verifiki ta' URE huma indiretti biss, ladarba l-għan tagħhom huwa li tiġi vverifikata l-istruttura tal-ispejjeż ta' PSE bl-għan li jiġi ddefinit id-dhul ta' PSE minn klijenti li huma marbutin. Fiċ-ċirkostanza improbabbli li xi wħud mill-ispejjeż relatati mal-PPAs mitluba lil PSE jitqiesu minn URE li mhumiex ġustifikabbli, jista' biss jipprojbixxi lil PSE milli tgħaddi dawn l-ispejjeż lill-klijenti li huma marbutin. Dan jista' jagħmilha aktar diffiċli biex PSE twettaq l-obbligi tagħha taħt il-PPAs, iżda ma jfissirx li jkunu legalment annullati.

(188)

Il-prinċipju ewlieni deskritt hawn fuq huwa applikat għat-terminu sħiħ tal-PPA, li jdum minn 7 snin sa 20 sena mill-bidu tal-operat tal-impjanti, jiġifieri bejn 10 snin u 31 sena wara l-konklużjoni tal-PPAs u, fil-parti l-kbira tal-każijiet, aktar minn 15-il sena.

(189)

Dan ifisser li, matul dan il-perjodu, ir-riskju kummerċjali assoċjat mal-operat tal-impjanti tal-enerġija jaqa' fuq ix-xerrej tal-elettriku, jiġifieri PSE. Dan jinkludi r-riskju assoċjat mal-varjazzjonijiet fl-ispejjeż tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u, b'mod partikolari, l-ispejjeż tal-karburanti, ir-riskju assoċjat mal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-elettriku għall-utent aħħari, u r-riskju assoċjat mal-varjazzjonijiet fit-talba għall-elettriku mill-konsumatur. Dawn huma r-riskji tipiċi li kwalunkwe ġeneratur tal-enerġija mingħajr PPA jerfa' huwa nnifsu.

(190)

Dan ifisser li l-impjanti tal-enerġija li kkonkludew PPAs (kemm-il darba huma ġestiti tajjeb minn perspettiva teknika) iggarantixxew profitti li jestendu fuq perjodu sinjifikanti ħafna ekwivalenti għal-ħajja mistennija tipika tal-assi kkonċernati jew id-deprezzament tagħhom. Aktar ma jkun twil il-perjodu, akbar ikun il-valur tal-garanzija, għaliex tipproteġi kontra risjku li l-okkorrenza tiegħu huwa dejjem aktar imprevedibbli.

(191)

Il-Kummissjoni tqis li din il-garanzija, li hija l-qalba tal-PPAs, tqiegħed lill-benefiċjarji f'sitwazzjoni ekonomika aħjar minn kumpaniji oħrajn fis-suq u għalhekk tipprovdi vantaġġ lill-impjanti tal-enerġija rilevanti.

(192)

Skond kemm l-awtoritajiet Pollakki kif ukoll il-partijiet interessati, il-banek ħtieġu li l-PPAs jiġu ffirmati bħala prekondizzjoni biex jagħtu self biex jiffinanzjaw l-assi. Electrabel tiddikjara li “L-istituzzjonijiet finanzjarji ma kinux lesti li jiffinanzjaw investimenti ġodda fis-settur tal-enerġija Pollakk mingħajr ma jibbenefikaw minn garanzija speċjali li s-sellief kien se jikseb dħul partikolari matul il-ħlas lura tas-self (46).” Isegwi minn dawn ir-rekwiżiti min-naħa tal-banek li l-garanziji mogħtija bħala parti mill-PPAS kellhom valur pożittiv fis-suq. Il-qbil tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jiffinanzjaw l-investimenti kien għalhekk jiddependi fuq il-PPA.

(193)

Isegwi mill-konsiderazzjonijiet ta' hawn fuq li l-PPAs mhumiex forma tradizzjonali ta' garanzija iżda sempliċement jipprovdu għall-ħlas minn PSE, proprjetà tal-Istat u kkontrollata mill-Istat tal-ispejjeż tal-investiment u l-ispejjeż l-aktar importanti (jekk mhux kollha) tal-operat tal-impjanti tal-enerġija li huma partijiet għall-ftehimiet. Fil-prattika, din il-“garanzija” tfisser li, fi żmien madwar daqs il-perjodu sħiħ tad-deprezzament jew ħajja ppjanata tal-impjant, u irrispettivament minn kwalunkwe tibdil fil-kondizzjonijiet tas-suq, PSE tixtri kwantità fissa ta' elettriku bi prezz li għandu jiżgura l-vijabbiltà tal-impjant tal-enerġija.

(194)

Bl-għan li tiddetermina jekk jeżistix vantaġġ, il-Kummissjoni tanalizza bosta aspetti oħrajn f'dawn il-paragrafi li ġejjin.

(195)

L-ewwel, il-Kummissjoni tosserva li fil-Polonja l-PPAs ġew konklużi biss ma' ġeneraturi tal-enerġija magħżula. Fil-ħin meta ġew konklużi, kien hemm ġeneraturi tal-enerġija oħrajn li ma bbenefikawx mir-regoli tal-PPAs. Aktar ġew stabbiliti fis-snin ta' wara, u qed isiru investimenti ġodda mingħajr l-appoġġ tal-PPAs.

(196)

Fl-ewwel snin tal-PPAs, il-ġeneraturi tal-enerġija mingħajr PPA setgħu jbiegħu l-elettriku tagħhom bi prezzijiet ikkontrollati mill-Istat permezz ta' URE. Fit-28 ta' Ġunju 2001 bdiet issir eliminazzjoni ta' dan il-mekkaniżmu u dawn il-ġeneraturi tal-enerġija bdew ibiegħu l-elettriku tagħhom bi prezzijiet ħelsin u bbażati fuq is-suq.

(197)

Kif indikaw il-partijiet, l-ebda minn dawn il-mekkaniżmu (ikkontrollati permezz tal-prezz mill-istat jew prezz ħieles ibbażat fuq is-suq) ma ppermetta lill-ġeneraturi mingħajr PPAs ikopru l-ispejjeż kollha tagħhom. Ibiegħu l-elettriku tagħhom bi prezz li jikkorrispondi għall-ispejjeż marġinali, jiġifieri prezz li jiżgura biss li l-ispejjeż varjabbli tagħhom huma koperti.

(198)

Il-partijiet interessati ssuġġerew li l-elettriku prodott mill-ġeneraturi tal-enerġija mingħajr PPAs jagħmel aktar ħsara lill-ambjent mill-elettriku ġġenerat mill-benefiċjarji tal-PPAs, u li dan jiġġustifika li tal-ewwel jirċievu prezzijiet aktar baxx għall-elettriku tagħhom. Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument. L-ewwel, mhuwiex ċert li l-impjanti kollha tal-enerġija mingħajr PPAs jiġġeneraw elettriku “maħmuġ”. L-impjanti l-aktar ġodda fil-Polonja (mingħajr PPAs) jipproduċu l-elettriku bl-użu ta' teknoloġija skont is-sengħa u l-art. Barra minn dan, mhemm ebda raġuni ekonomika għaliex l-elettriku li jagħmel aktar ħsara għall-ambjent ikollu valur fis-suq inqas mill-elettriku li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent. L-elettriku prodott huwa għal kollox sostitwibbli (lanqas ma huwa possibbli li ssir distinzjoni fiżika bejn iż-żewġ tipi), u l-valur tiegħu għas-settur huwa eżattament indaqs (47).

(199)

Il-Borża tal-Enerġija Pollakka bdiet topera fl-1999. Mill-2001, il-prezz medju tal-elettriku fuq il-Borża tal-Enerġija Pollakka baqa' stabbli u varja ġewwa firxa ta' 110 sa 125 PLN/MWh (48). Fl-2004, il-prezz medju fis-suq varja b'madwar 115 PLN/MWh; fl-2005 madwar 115 – 120 PLN/MWh; fl-2006 kien pjuttost stabbli madwar 125 u fl-2007 (sal-31 ta' Lulju 2007) varja bejn 110 u 122 PLN/MWh. B'paragun, l-informazzjoni li pprovdiet il-Polonja ppermettiet il-Kummissjoni tevalwa l-ispejjeż kollha li saru fl-2005 mill-impjanti tal-enerġija li kienu intitolati għall-kumpens taħt l-Att kif ġej:

Tabella 5

L-ispejjeż totali stmati tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-impjanti tal-enerġija li kkonkludew PPAs fl-2005

Ġeneratur

Spejjeż medji tal-ġenerazzjoni fl-2005 (PLN/MWh)

Elektrownia Opole (part of BOT)

[…] (*)

Elektrownia Turów (part of BOT)

(…)

Południowy Koncern Energetyczny S.A.

(…)

Elektrownia Kozienice S.A.

(…)

Zespół Elektrowni Dolna Odra S.A.

(…)

Pątnów II

(…)

Elektrociepłownia Kraków S.A.

(…)

Elektrociepłownia Rzeszów S.A.

(…)

Elektrociepłownia Nowa Sarzyna Sp. z o.o.

(…)

Elektrociepłownia Lublin Wrotków Sp. z o.o.

(…)

Elektrociepłownia Chorzów “ELCHO” S.A.

(…)

Elektrociepłownia Zielona Góra S.A.

(…)

Prezz medju fuq il-Borża tal-Enerġija Pollakka

115-120 PLN/MWh

(200)

Il-figuri fit-Tabella 5 hawn fuq juru kemm x'aktarx il-prezzijiet tas-suq – jiġifieri l-prezz li l-ġeneraturi mingħajr PPAs jitħallsu għall-elettriku tagħhom fis-suq – ma jkunux biżżejjed biex jipprovdu l-istess tip ta' garanzija ta' qligħ bħal dik offruta mill-PPAs.

(201)

L-eżempju tal-Borża tal-Enerġija Pollakka mhuwiex wieħed iżolat. Stati Membri oħrajn illiberalizzaw ukoll is-swieq tal-elettriku tagħhom u stabbilew skambji tal-enerġija li fihom ix-xerrejja u l-bejjiegħa jinnegozjaw l-elettriku taħt kondizzjonijiet tas-suq.

(202)

Fl-Inkjesta Settorali tagħha dwar is-swieq tal-elettriku fl-Ewropa (49), il-Kummissjoni eżaminat fid-dettall il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ fl-elettriku fis-swieq tal-ingrossa Ewropej. Id-data miġbura bħala parti minn din l-inkjesta turi li l-ebda suq liberalizzat ma jipprovdi garanzija lill-ġeneraturi li se jkopru l-ispejjeż kollha tagħhom fit-terminu twil. Fil-fatt, il-parti l-kbira tat-tranżazzjonijiet isiru fi żmien tliet snin.

(203)

Il-kummerċ fl-elettriku fuq il-boroż tal-enerġija dejjem ikun ibbażat fuq prezzijiet marġinali, li jiggarantixxu biss li l-ispejjeż marġinali fiż-żmien qasir huma koperti (50). Barra minn dan, il-perjodu ta' żmien għall-kuntratti fuq dawn is-swieq huwa iqsar milli għall-PPAs. Per eżempju, bħalissal-itwal kuntratti ġew konklużi għal: erba' snin f'NordPool (pajjiżi Skandinavi), tliet snin f'Powernext (Franza), ħames snin f'UKPX (Renju Unit) u sitt snin f'EEX (Ġermanja). Fuq xi boroż, bħal OMEL fi Spanja, ma ġew konklużi ebda kuntratti bil-quddiem. Sa mill-1 ta' April 2006 ma ġew konklużi ebda kuntratti bil-quddiem fuq il-Borża tal-Enerġija Pollakka wkoll.

(204)

Fis-swieq liberalizzati, l-elettriku jista' wkoll jiġi nnegozjat permezz ta' kuntratti bilaterali (suq “over the counter” jew OTC). Inkjesta dwar l-enerġija wriet li minħabba l-possibbiltà tal-arbitraġġ bejn il-boroż tal-enerġija u l-kuntratti bilaterali, il-kondizzjonijiet tal-kummerċ (b'mod partikolari l-prezzijiet u t-terminu tal-kuntratti) fis-suq OTC huma simili għal dawk prevalenti fil-boroż tal-enerġija.

(205)

Fil-PPAs, PSE intrabtet li tixtri volum minimu fiss ta' elettriku mill-ġeneraturi tal-enerġija bi prezz li jkopri l-ispejjeż kollha tagħhom sal-2007 għall-iqsar PPAs u sal-2027 għall-itwal PPAs.

(206)

Din id-deċiżjoni kienet imposta fuq PSE mill-Gvern Pollakk. Kif tindika ELCHO fil-kummenti tagħha, “il-Ministru Pollakk għall-Kummerċ u l-Industrija implimenta l-għanijiet politiċi li jiżgura s-sigurtà tal-provvista u jtejjeb l-istandards ambjentali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija permezz ta' PSE (51).”

(207)

Il-fatt li l-Gvern Pollakk kien iddeċieda minflok PSE li l-investimenti l-ġodda kienu se jsiru u kienu se jibbenefikaw mill-PPAs juri ċar li din id-deċiżjoni kienet l-aktar ibbażata fuq kriterji minflok konsiderazzjonijiet oħrajn tal-investituri fis-suq.

(208)

Hemm żewġ raġunijiet ewlenin għaliex PSE ma kienx ikollha interess ekonomiku li tieħu din id-deċiżjoni mingħajr l-appoġġ tal-gvern.

(209)

L-ewwel, PSE xtrat kwantità ta' enerġija li diġà kienet taf li setgħet tkun żejda għall-bżonnijiet tagħha.

(210)

Billi tat il-PPAs, PSE intrabtet li tixtra kwantità fissa u sinjifikanti ta' elettriku (madwar 50 % tal-produzzjoni tal-elettriku fil-Polonja fl-2005 (52), u sa 70 % fil-perjodu in kwistjoni).

(211)

Fil-bidu nett (l-ewwel ftit snin tal-PPAs) PSE kienet l-uniku provditur fis-sistema tal-elettriku Pollakka, biex setgħet tbiegħ dan l-elettriku kollu lill-konsumaturi tagħha kollha. Iżda, mill-bidu nett, kien ċar li PSE dalwaqt kienet se tieqaf tkun l-uniku provditur tal-elettriku fil-Polonja. Il-PPAs ġew iffirmati bejn l-1996 u l-1998, ħlief wieħed mis-sitt PPAs ta' PKE, li ġie ffirmat fit-12 ta' April 1995. Kien diġà ċar f'dak il-ħin li l-Polonja x'aktarx kienet se taderixxi għall-Unjoni matul il-ħajja tal-parti l-kbira tal-PPAs jekk mhux kollha (fir-realtà, l-adeżjoni seħħet qabel it-tmiem tal-ewwel wieħed u 23 sena qabel it-tmiem tal-aħħar wieħed). B'mod partikolari, matul il-proċess ta' qabel l-adeżjoni, f'Diċembru 1991, il-gvern Pollakk kien iffirma l-Ftehim tal-Ewropa li kkostitwixxa sħubija ta' assoċjazzjoni bejn il-KE u r-Repubblika tal-Polonja. Aktar tard, fl-1994, il-Polonja ressqet l-applikazzjoni uffiċjali tagħha għall-isħubija tal-UE. In-negozjati dwar l-adeżjoni bdew fl-1998 u ntemmu fl-2002 meta l-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen sab li l-Polonja laħqet il-kriterji tal-adeżjoni.

(212)

Fil-fatt, il-partijiet interessati wkoll indikaw li wieħed mill-għanijiet tal-PPAs kien li jiżgura li l-ġeneraturi tal-enerġija Pollakki jħarsu xi direttivi tal-UE dwar it-tniġġiż tal-arja u, b'mod partikolari, id-direttivi dwar l-emissjonijiet ta' impjanti kbar tal-kombustjoni (53) li huwa prova oħra li dawn il-partijiet kienu konxji li l-Polonja dalwaqt kienet se taderixxi għall-Unjoni Ewropea.

(213)

Kien magħruf li l-adeżjoni tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea kienet timplika l-integrazzjoni fis-suq intern tal-elettriku, li l-liberalizzazzjoni tiegħu bdiet bl-adozzjoni tad-Direttiva 96/92/KE (54). Dan fisser il-ftuħ tas-suq lil provdituri oħrajn li jikkompetu ma' PSE, u, għalhekk, li PSE tista' ma teħtieġx l-elettriku kollu provdut fil-PPAs fid-dawl tat-tibdiliet fis-suq tal-elettriku.

(214)

Il-pjanijiet tal-liberalizzazzjoni kienu implimentati malajr ħafna fil-Polonja, u l-ewwel klijenti bbenefikaw mill-ftħu tas-suq fl-1999. Il-Borża tal-Enerġija Pollakk fetaħ fl-istess sena. Sar aktar tibdil meta d-Direttiva 2003/54/KE ġiet adottata fis-26 ta' Ġunju 2003. Din id-Direttiva tipprovdi għal-liberalizzazzjoni tas-suq għall-konsumaturi professjonali kollha sal-1 ta' Lulju 2004 u għall-konsumaturi kollha sal-1 ta' Lulju 2007, u b'hekk bil-mod jitnaqqas is-sehem tas-suq marbut ta' PSE għal żero.

(215)

It-tieni, ukoll għas-sehem ta' elettriku li PSE attwalment kellha bżonn, ma kien jagħmel ebda sens li PSE, bħala xerrej, tintrabat li tħallas lill-impjanti tal-enerġija l-ispejjeż kollha li jiġġeneraw l-enerġija, flimkien ma' marġinu ta' qligħ stabbilit tant żmien 'il quddiem għalkemm kien diġà magħruf li l-liberalizzazzjoni kienet se tippermettiha li tagħżel bejn teknoloġiji u prezzijiet differenti, inkluż dawk offruti minn parteċipanti ġodda fis-suq bl-użu ta' teknoloġiji aktar effiċjenti.

(216)

Ix-xerrejja għandhom interess li jikkonkludu kuntratti fit-tul biss jekk dawn il-kuntratti jipprovduhom xi protezzjoni kontra l-varjazzjonijiet fis-suq tal-elettriku, u b'mod partikolari kontra tibdiliet marbuta ma' flussi fl-ispejjeż tal-karburanti. Għalhekk xerrej għandu jkollu interess ekonomiku f'kuntratt fit-tul ta' dan it-tip biss jekk il-bejjiegħ offra li jieħu parti mir-riskju assoċjat mal-varjazzjonijiet fl-ispejjeż tal-karburanti jew jekk it-teknoloġija tal-ġenerazzjoni żgurat spejjeż tal-karburanti stabbli, bħalma huwa l-każ bl-impjanti tal-idroenerġija u, f'xi kondizzjonijiet, l-impjanti nukleari.

(217)

Din il-loġika ekonomika hija kkonfermata mill-fatt li ma jidhirx li hemm eżempju ta' xerrejja privati li jieħdu kuntratti fit-tul mingħajr l-intervent tal-istat ma' impjanti li jużaw karburanti tal-fossili u li jkopru l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-istess tul ta' żmien bħall-PPAs (aktar minn 10 snin). Il-Kummissjoni ma sabet xejn fl-inkjesta fis-settur tal-enerġija, u, minkejja l-pretensjonijiet tagħhom bil-kuntrarju, ebda mill-partijiet interessati ma ssottomettiet eżempju ta' kuntratt bħal dan lill-Kummissjoni, minkejja li wħud minnhom jappartjenu għal gruppi kbar ħafna b'attivitajiet f'bosta pajjiżi.

(218)

L-uniċi eżempji li jikkwotaw il-partijiet interessati mhumiex xierqa għar-raġunijiet indikati hawn taħt:

(a)

Il-kuntratti fil-Portugall bejn Redes Energéticas Nacionais min-naħa l-waħda u Turbogás, Electricidade De Portugal and Pego min-naħa l-oħra, ġew konklużi minn kumpanija statali (Redes Energéticas Nacionais). Għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni ma qisitx dawn il-kuntratti bħala kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, minkejja li l-partijiet interessati ppruvaw jippruvaw li kienu kompatibbli. Il-Kummissjoni ħarġet biss deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 81 tat-Trattat KE. F'deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-istat dwar it-tħassir obbligatorju mill-Portugall ta' dawn il-kuntratti u l-għotja ta' kumpens għat-tħassir, il-Kummissjoni osservat li kkostitwixxew vantaġġ għall-ġeneraturi tal-enerġija (55);

(b)

Il-kuntratti konklużi minn Northern Ireland Electricity fir-Renju Unit ingħataw f'ħin meta Northern Ireland Electricity kienet għadha kumpanija statali, fuq talba tal-istat. Northern Ireland Electricity imbagħad ġiet privatizzata u l-Gvern tar-Renju Unit kellu jimplimenta skema ta' appoġġ biex jikkumpensa lil Northern Ireland Electricity għall-oneru mhux ekonomiku assoċjat ma' dawn il-kuntratti;

(ċ)

Il-kuntratt bejn Electricité de France u Péchiney fi Franza ikopri biss l-ispejjeż varjabbli tal-impjant nukleari ta' Electricité de France. Ħafna kutnratti oħrajn ta' dak it-tip ġew konklużi fi Franza fis-snin 90. Huma kollha bbażati fuq il-prinċipju li l-ġeneratur jintrabat li jikkonsenja l-elettriku lix-xerrej fuq terminu twil bi prezz li jkopri biss l-ispejjeż marġinali tagħha.

(219)

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tosserva li, minkejja d-dikjarazzjonijiet kuntrarji tal-partijiet interessati, mhuwiex veru li l-fatt li l-PPAs ġew konklużi wara proċedura kompetittiva huwa biżżejjed biex huma jitqiesu li ma jikkostitwixxux għajnuna. Dan ir-raġunament jgħodd meta Stat Membru jixtri prodotti jew servizzi għall-użu tiegħu stess. Fil-każ in kwistjoni, l-għan tal-proċedura kompetittiva kien li jservi l-għanijiet politiċi bħall-promozzjoni tal-investiment barrani fil-Polonja, il-ħarsien tal-ambjent u t-titjib fis-sigurtà tal-proviżjon, minflok biex jinxtraw prodotti u servizzi meħtieġa mill-istat. F'dawn il-każijiet, il-fatt li ġiet segwita proċedura kompetittiva jista' jwassal biss għall-konklużjoni li għajnuna hija limitata għall-minimu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet politiċi; mhuwiex biżżejjed li tiġi eskluża l-preżenza tal-għajnuna mill-istat.

(220)

Il-ġeneraturi tal-enerġija li jappartjenu għal gruppi li huma proprjetà privata argumentaw li kwalunkwe għajnuna mill-istat taħt il-PPAs kienet tiġi emliminata mill-proċess tal-privatizzazzjoni għaliex il-prezz imħallas mill-kumpaniji li xtraw l-impjanti tal-enerġija kienu jqisu l-valur tal-PPAs.

(221)

Il-Kummissjoni tqis li dan ir-raġunament ma jgħoddx fil-każ preżenti. Fil-każ in kwistjoni, il-privatizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija ħadet il-forma ta' negozji tal-azzjonijiet.

(222)

Il-Qorti tal-Ġustizzja analiżżat kif tibdil fil-proprjetarji ta' kumpanija matul negozjat tal-azzjonijiet jaffettwa l-eżistenza tal-għajnuna u r-reċipjent tal-għajnuna mogħtija lill-kumpanija. Hija ddeċidiet li l-għajnuna illegali tibqa', u tibqa' mal-kumpanija li bbenefikat mill-għajnuna, minkejja t-tibdil fil-proprjetarji tagħha (56). It-trasferiment tal-azzjonijiet bil-prezz tas-suq sempliċement jiżgura li lanqas ix-xerrej ma bbenefika mill-għajnuna mill-istat.

(223)

Fil-każ in kwistjoni, dan ifisser li t-tibdil fil-proprjetà tal-impjanti tal-enerġija li bbenefikaw mill-PPAs ma biddilx il-fatt li l-PPAs jikkostitwixxu għajnuna mill-istat lil dawn l-impjanti tal-enerġija. Fir-realtà, l-impjanti tal-enerġija bbenefikaw mill-vantaġġi li jinstabu fil-PPAs, irrispettivament mill-istruttura tal-proprjetà tagħhom.

(224)

Dawn l-elementi kollha msemmija hawn fuq tal-vantaġġ ekonomiku u l-argumenti żviluppati hawn fuq jikkonċernaw il-ħin tal-adeżjoni tal-Polonja għall-UE u jibqgħu jgħoddu sad-data ta' din id-Deċiżjoni (fil-każ tal-PPAs li tterminaw qabel id-data ta' din id-Deċiżjoni, sad-data meta ntemmu).

(225)

Minħabba dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-PPAs jipprovdu vantaġġ lill-benefiċjarji.

7.1.2.   Servizz ta' interess ekonomiku ġenerali

(226)

Il-partijiet interessati argumentaw li l-PPAs għandhom jitqiesu bħala li jimplimentaw l-SGEIs għall-iskopijiet li jiżguraw il-provvisti tal-elettriku u l-ħarsien tal-ambjent. Jingħad li jilħqu l-kriterji stabbiliti fis-sentenza ta' Altmark, li jfisser li ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

(227)

Il-Kummissjoni analizzat dawn l-argumenti u ma tistax taqbel magħhom għal dawn ir-raġunijiet:

(228)

L-Istati Membri għandhom marġinu ta' diskrezzjoni wiesa' biex jiddefinixxu l-ambitu tal-SGEIs. Iżda, l-eżistenza ta' dan il-marġinu ta' diskrezzjoni wiesa' ma jfissirx li kwalunkwe intervent mill-istat b'motivazzjoni politika jista' jiġi kkaratterizzat bħala SGEI. Per eżempju, fis-sentenza ta' Merci convenzionali porto di Genova  (57), il-Qorti ċaħdet l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE għaliex “ma jidhirx […] li x-xogħol [fil-baċiri] huwa ta' interess ekonomiku ġenerali li juri karatteristiċi speċjali meta mqabbel mal-interess ekonomiku ġenerali ta' attivitajiet ekonomiċi oħrajn.” Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-marġinu wiesa' ta' diskrezzjoni tal-Istati Membri fid-definizzjoni tal-ambitu tal-SGEIs huwa llimitat fl-oqsma fejn teżisti l-leġiżlazzjoni Komunitarja.

(229)

Il-partijiet interessati invokaw il-ħarsien tal-ambjent bħala wieħed mill-SGEIs li għandhom jimplimentaw il-PPAs. Aktar preċiżament, il-PPAs kellhom jappoġġjaw investiment diżinjat li jippermetti lill-impjanti Pollakki jadattaw għall-istandards ambjentali tal-UE.

(230)

Il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżit li jintlaħqu l-istandards ambjentali ma juri ebda karatteristiċi speċjali meta mqabbel mal-limitazzjonijiet imposti fuq il-kumpaniji kollha attivi f'settur industrijali. Barra minn dan, li wieħed iqis it-twettiq tal-istandards ambjentali bħala SGEI imur direttament kontra l-prinċipju ta' min iniġġeż iħallas, li huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-liġi ambjentali Komunitarja, miktuba fil-leġiżlazzjoni primarja mill-Artikolu 174(2) tat-Trattat KE.

(231)

Il-Kummissjoni tinnota l-argument tal-partijiet interessati li l-ħarsien tal-ambjent huwa kkwotat bħala wieħed mill-oqsma possibbli għall-obbligi tas-servizz pubbliku fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/92/KE. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ma jimminax il-pożizzjoni stabbilita hawn fuq. Il-fatt li d-Direttiva tgħid li jista' jkun hemm obbligi ta' servizz pubbliku fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent ma jfissirx li mhemm ebda rekwiżit dwar il-kontenut attwali ta' dawn l-obbligi tas-servizz pubbliku. B'mod partikolari, dawn l-obbligi għandhom juru karatteristiċi speċjali meta mqabbla mal-ambjent kummerċjali normali ta' xi kumpaniji fis-settur, u ma jistgħux ikunu inkompatibbli mal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-politika Komunitarja tal-ħarsien tal-ambjent (eż., il-prinċipju ta' min iniġġeż iħallas).

(232)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li erba' mill-impjanti tal-enerġija kkonċernati mill-PPAs (f'Turów, Pątnów, Bełchatów u Jaworzno) jidhru fuq il-lista tal-WWF tat-tletin stazzjoni tal-enerġija fl-Ewropa li l-aktar iniġġżu (58), li jagħmel aktar relattivi l-pretensjonijiet tagħhom li jissodisfaw SGEI f'termini ta' ħarsien tal-ambjent.

(233)

Il-partijiet interessati jinvokaw ukoll is-sigurtà tal-provvista bħala wieħed mill-SGEIs li jimplimentaw il-PPAs.

(234)

Fil-prattika tagħha tat-teħid tad-deċiżjonijiet (59), il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li s-sigurtà tal-provvista tista' tkun SGEI, bla ħsara għar-restrizzjonijiet provduti fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 96/92/KE (li jikkorrispondi għall-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54/KE), jiġifieri, kemm-il darba l-ġeneraturi kkonċernati jużaw għejun indiġeni primarji tal-karburanti tal-enerġija, u li l-volum totali ta' enerġija fi kwalunkwe sena tal-kalendarju ma jeċċedix 15 % tal-enerġija primarja totali neċessarja għall-produzzjoni tal-elettriku kkonsmat fl-Istat Membru kkonċernat.

(235)

Fil-każ in kwistjoni, il-PPAs jikkonċernaw kwantitajiet ta' enerġija li għall-parti l-kbira huma aktar mill-15 % imsemmija fil-preambolu 234. Barra minn dan, ma jikkonċernawx biss il-ġeneraturi li jużaw enerġija tal-karburanti primarja indiġena.

(236)

Il-Kummissjoni tosserva li l-impjanti tal-enerġija kkonċernati mill-PPAs ma juru ebda karatteristika speċjali li tagħmilhom partikolarment adattati tajjeb biex jilħqu l-għanijiet tas-sigurtà tal-provvista. Fil-fatt, huma biss impjanti normali mqabbda man-netwerk, u għalhekk jikkontribwixxu għas-sigurtà ġenerali tal-provvista fil-Polonja bħal kwalunkwe impjant tal-enerġija ieħor fis-settur.

(237)

Minħabba dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhemm ebda raġuni għal devjazzjoni mill-prattika normali tagħha f'dan il-qasam. Għalhekk għandha tiċħad il-pretensjoni li l-PPAs jimplimentaw SGEI fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista. Fi kwalunkwe każ, l-ebda SGEI ma ġie ddefinit mill-Polonja f'dan il-kuntest sal-lum.

(238)

Minħabba dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar SGEIs ma jgħoddux għall-PPAs.

(239)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-PPAs ma jilħqux il-kriterji kollha stabbiliti fis-sentenza Altmark.

(240)

L-ewwel, taħt is-sentenza Altmark, l-intrapriża reċipjenti hija attwalment meħtieġa li twettaq obbligi ta' servizz pubbliku u dawk l-obbligi għandhom ikunu definiti b'mod ċar.

(241)

Fil-każ in kwistjoni, l-obbligi ta' servizz pubbliku allegati ma ġewx iddefiniti b'mod ċar. Il-partijiet interessati jsemmu l-ħarsien tal-ambjent u s-sigurtà tal-provvista, iżda dawn l-għanijiet huma ta' natura ġenerali ħafna. Ukoll, tista' tittieħed il-perspettiva li, sa ċertu grad, kwalunkwe ġeneratur fis-settur tal-elettriku jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta' dawn l-għanijiet. Il-partijiet interessati naqsu li jissottomettu kwalunkwe dokument li jipprovdi definizzjoni aktar tanġibbli tat-tip ta' SGEI fdat lill-ġeneraturi individwali, wisq inqas dokument legali li jistabbilixxi l-obbligi tagħhom.

(242)

L-Artikolu 1(2) tal-Att dwar l-Enerġija Pollakk ġie invokat (60). Dan l-Artikolu jindika li l-istat għandu jiżgura provvista kontinwa u mhux interrotta tal-enerġija lill-konsumaturi b'mod li huwa teknikament u ekonomikament vijabbli u jqis kif xieraq ir-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent. Iżda dan l-Artikolu tal-Att ma jafdax lil xi kumpanija speċifika bl-obbligi ta' servizz pubbliku. Jinkariga d-dmirijiet lill-istat biss.

(243)

Fl-aħħar, il-partijiet interessati jargumentaw li l-PPAs huma dokumenti li jinkarigaw lill-ġeneraturi bl-SGEIs. Iżda lanqas il-PPAs ma fihom ebda definizzjoni tanġibbli ta' SGEIs, u lanqas ma jirreferu għal dawn l-obbligi jew għal dispożizzjonijiet legali li jistgħu jkunu bażi biex l-istat jafda lill-SGEIs lil entitajiet oħrajn.

(244)

It-tieni, il-parametri fuq il-bażi ta' liema l-kumpens huwa kkalkolat għandhom ikunu ġew stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti, u l-kumpens m'għandux jeċċedi dak li huwa meħtieġ biex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom magħmula fit-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku, filwaqt li jitqies id-dħul rilevanti u qligħ raġonevoli biex jitwettqu dawn l-obbligi (61).

(245)

Fin-nuqqas ta' definizzjoni ċara tal-SGEIs li għandhom jiġu pprovduti, b'mod partikolari wieħed li jagħmel distinzjoni ċara bejn is-servizz li għandu jingħata u l-operat normali kummerċjali tal-impjant, huwa impossibbli li jiġu stabbiliti parametri għall-kumpens u/jew li jiġi ddeterminat jekk il-kumpens jeċċedix l-ammont meħtieġ sabiex jiġu koperti l-ispejjeż magħmula fit-twettiq ta' dawn l-obbligi. Lanqas ma huwa possibbli li jiġi ddefinit bl-eżatt x'inhuwa l-kumpens.

(246)

L-eżistenza ta' xi parametri biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-PPAs mhijiex ekwivalenti għall-eżistenza ta' parametri preċiżi biex jiġi kkalkulat il-kumpens għall-SGEIs, ladarba l-prezz mhuwiex daqs il-kumpens. Barra minn dan, il-fatt li l-prezz ikopri biss l-ispejjeż tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, flimkien ma' marġinu ta' qligħ, ma jfissirx li ma jinkludi ebda kumpens eċċessiv, ladarba ħafna mill-ispejjeż tal-ġenerazzjoni tal-elettriku jistgħu jkunu l-ispejjeż normali koperti minn kwalunkwe ġeneratur tal-elettriku, kuntrarjament għall-ispejjeż żejda assoċjati mal-SGEIs.

(247)

It-tielet, fejn il-kumpanija li għandha twettaq obbligi ta' servizz pubbliku ma tkunx intgħażlet bi proċedura tal-ksib pubbliku, il-livell tal-kumpens meħtieġ għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta' analiżi tal-ispejjeż li intrapriża tipika, immexxija sew u pprovduta b'mezzi xierqa tal-produzzjoni biex tilħaq ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku, tkun għamlet biex twettaq dawk l-obbligi, filwaqt li jitqies id-dħul assoċjat u qligħ raġonevoli talli twettaq l-obbligi tagħha.

(248)

Il-partijiet interessati jargumentaw li dawn il-kriterji għandhom jitqiesu li ntlaħqu awtomatikament għaliex saret proċedura mhux diskriminatorja u trasparenti biex jingħataw il-PPAs. Iżda, il-Kummissjoni tinnota li ġew applikati bosta kriterji fil-proċedura tas-sejħa għall-offerti, u mhux biss il-prezz jew kriterji assoċjati mal-għanijiet politiċi msemmija hawn fuq (il-ħarsien tal-ambjent, is-sigurtà tal-provvista). Il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni ta' dawk il-kriterji l-oħrajn mhux marbuta mal-prezz jew mal-imsemmija għanijiet politiċi tagħmilha impossibbli li jiġi konkluż awtomatikament li l-livell tal-kumpens huwa korrett. Barra minn dan, il-fatt li ntużaw bosta kriterji differenti sabiex jiġu evalwati l-offerti u li l-ebda għan tanġibbli għall-SGEIs ma ġie ddefinit juri wkoll kemm huwa diffiċli wkoll li jiġi evalwat jekk l-SGEIs allegati humiex attwalment implimentati. Per eżempju, it-taħlit tal-kriterji tal-prezzijiet u tal-ambjent jista' jirriżulta fil-proponiment li jiġi ġġenerat l-elettriku għal prezz baxx ħafna iżda bil-ħarsien imnaqqas tal-ambjent magħżul minflok wieħed li jipproponi li jiġġenera l-elettriku ta' kwalità ambjentali aħjar iżda għal prezz ogħla. Dan iqajjem dubji dwar jekk il-ġeneraturi attwalment jilħqux SGEI u, fi kwalunkwe każ, jagħmilha aktar diffiċli li tiġi ddeterminata l-portata tal-SGEIs imwettqa.

(249)

Barra minn dan, la l-awtoritajiet Pollakki u lanqas il-partijiet interessati ma pprovdew analiżi tal-ispejjeż tal-ġeneraturi in kwistjoni biex isostnu l-kontenzjoni li jaqblu mal-ispejjeż magħmula minn intrapriża tipika. Fil-fatt l-istimi provduti mill-Polonja taħt l-Att għall-iskopijiet li jiġi kkalkolat il-kumpens lil ġeneraturi tal-enerġija individwali huma b'mod sinjifikanti ogħla minn dawk magħmula minn parteċipant ġdid tipiku fil-Polonja.

(250)

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tosserva li fil-każ tal-PPA ma' EC Kraków ma ġiet organizzata ebda proċedura għas-sejħa għall-offerti.

(251)

Il-partijiet interessati argumentaw li l-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE jista' jgħodd għall-PPAs ukoll fejn ma jilħqux għal kollix il-kriterji tas-sentenza ta' Altmark.

(252)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-konsiderazzjonijiet stabbiliti hawn fuq iwasslu għall-konklużjoni li l-Artikolu 86(2) ma jistax għodd għall-PPAs.

(253)

B'mod partikolari, l-Artikolu 86(2) jista' jgħodd biss għall-kumpaniji li huma fdati bil-proviżjon ta' SGEIs ġenwini, li mhuwiex il-każ f'din l-istanza partikolari, kif intwera fil-preamboli 228 sa 238. L-SGEIs, jekk hemm, għandhom jiġu fdati lil kumpaniji speċifiċi, li mhuwiex il-każ f'din l-istanza, kif intwera fil-preamboli 240 sa 243. Fl-aħħar, il-kumpens għall-proviżjon tal-SGEI għandu jkun proporzjonat għall-ispejjeż li saru. Fi kliem ieħor, għandu jkun possibbli li ssir valutazzjoni tal-ambitu tal-SGEIs sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż assoċjati. Dan mhuwiex il-każ hawn, kif intwera fil-preamboli 245 u 246.

Is-selettività

(254)

Il-PPAs huma ovvjament selettivi ladarba ġew konklużi ma' għadd limitat ta' kumpaniji. Meta ġew iffirmati dawn il-ftehimiet, kien hemm kumpaniji fis-settur tal-elettriku li ma bbenefikawx minn PPA.

(255)

Ir-referenza tal-partijiet interessati għall-imperattiva li jiġu ddefiniti s-swieq rilevanti hija inkorretta. Il-kunċett tas-selettività jinkludi miżuri li jibbenefikaw lil settur sħiħ, ukoll meta jibbenefikaw lill-kumpaniji kollha f'dak is-settur (li mhuwiex il-każ hawn ladarba xi kumpaniji fis-settur ma bbenefikawx mill-PPAs).

(256)

Dwar ir-riferenza għas-sentenza ta' Van der Kooy, il-Kummissjoni tiftakar li f'din is-sentenza, il-Qorti ma kellha ebda dubju dwar is-selettività tal-miżura tal-għajnuna. L-valutazzjoni li jirreferu għaliha l-partijiet interessati fil-kummenti tagħhom tikkonċerna l-preżenza ta' vantaġġ iżda ma jistax jiġi stabbilit jekk il-Qorti tal-Ġustizzja qisitx, jew kinitx tqis, il-miżura bħala li ma tilħaqx il-kriterju tas-selettività.

(257)

Fl-aħħar, b'risposta għall-allegazzjoni tal-partijiet interessati li l-kriterju tas-selettività għandu jiġi sostitwit mill-prinċipju tal-investitur fis-suq għal miżuri li mhumiex deċiżi mill-istat, il-Kummissjoni tosserva li l-prinċipju tal-investitur fis-suq huwa test biex jiġi vverifikat jekk huwiex preżenti vantaġġ, u mhux is-selettività.

It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ

(258)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-Kummissjoni jmissha eżaminat jekk il-PPAs għawġux il-kompetizzjoni jew affettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri fil-ħin meta ġew konklużi. Kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jekk il-PPAs ikkostitwewx għajnuna mill-istat meta ġew konklużi ma jinfluwenzax ir-riżultat tal-proċedura preżenti. Minħabba l-adeżjoni tagħha għall-UE, il-Polonja fetħet is-suq tagħha fi stadju bikri: l-ewwel klijenti saru eliġibbli biex jibdlu l-provditur tal-elettriku fl-1999 u l-Borża tal-Enerġija Pollakka fetħet fl-istess sena. Fl-1 ta' Mejju 2004, il-Polonja ssieħbet mas-suq intern liberalizzat. L-eżistenza ta' ftehimiet għal żmien twil ma' PSE li kienet kumpanija statali, inkluża garanzija għax-xiri tal-elettriku maħruġa minn dik il-kumpanija bi prezz li jkopri l-ispejjeż tal-impjant tal-enerġija flimkien ta' marġinu ta' qligħ, għandha l-potenzjal li tgħawweġ il-kompetizzjoni.

(259)

Il-miżuri li jiffavorixxu l-kumpaniji tas-settur tal-enerġija fi Stat MEmbru wieħed jistgħu jimpedixxu l-potenzjal għall-kumpaniji minn Stati Membri oħrajn li jesportaw l-elettriku lejn dak l-Istat Membri, jew jiffavorixxu l-esportazzjonijiet tal-elettriku lejn it-tieni grupp ta' Stati Membri. Dan huwa speċjalment veru għall-Polonja, li hija ċentralment lokata fl-Ewropa u hija mqabbda, jew titqabbad faċilment, ma' bosta Stati Membri kurrenti u futuri.

(260)

Is-suq tal-elettriku fil-Polonja (il-Borża tal-Enerġija Pollakka) infetaħ fl-1999; f'dik l-istess sena PSE issieħbet ma' UCTE (62).

(261)

Meta ġew iffirmati l-PPAs, kien ċar li kien qed iseħħ il-kummerċ fl-elettriku bejn il-Polonja u l-pajjiżi qrib. Il-kapaċità tat-trażmissjoni tal-interkonnetturi ma kinitx kbira ħafna (2 000 MW skont il-partijiet interessati) iżda ntużat kollha, l-aktar għall-esportazzjoni.

(262)

Fl-2005 il-Polonja esportat 14,3 TWh ta' elettriku u importat 3,1 TWh, bil-livelli ta' konsum domestiku ta' 144,8 TWh (63); madankollu, ħafna kummerċ li kien qed isir mar-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u Slovakkja (interkonneturi mal-Ukraina u Belarus għandhom kapaċità żgħira ħafna jew ma jaħdmux).

(263)

Isegwi minn dan ta' hawn fuq li l-PPAs kellhom il-potenzjal li jgħawġu l-kompetizzjoni qabel l-adeżjoni tal-Polonja għall-UE. Madamkollu, il-kriterji tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jistgħu jintlaqħu, minnhom infushom, biss wara l-adeżjoni. Ladarba l-adeżjoni u l-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija fil-Polonja saru fl-istess data (l-1 ta' Mejju 2004), il-Kummissjoni tikkonkludi li, sa mhux aktar tard mill-adeżjoni tal-Polonja għall-UE, il-vantaġġi li rriżultaw mill-PPAs kellhom il-potenzjal li jgħawġu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandhom dan il-potenzjal tul il-ħajja kollha tal-PPAs.

(264)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-PPAs jikkostitwixxu għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

7.1.3.   Il-PPAs bħala “għajnuna ġdida” kuntrarjament għal “għajnuna eżistenti” L-illegalità tal-għajnuna

Dwar l-applikabbiltà tat-Trattat tal-Adeżjoni għall-PPAs konklużi qabel l-adeżjoni u li għadhom fis-seħħ wara l-adeżjoni

(265)

Skond l-Anness IV, Kapitolu 3 tat-Trattat tal-Adeżjoni, il-Kummissjoni kienet kompetenti biex tiskrutinizza l-miżuri (miżuri ta' għajnuna individwali u skemi ta' għajnuna) li daħlu fis-seħħ qabel l-adeżjoni, jibqgħu jgħoddu wara dik id-data u jikkostitwixxu għajnuna.

(266)

L-ewwel, ladarba l-PPAs ġew iffirmati bejn l-1994 u l-1998, jiġifieri qabel ma l-Polonja daħlet fl-Unjoni Ewropea, jilħqu l-kondizzjonijiet li jkunu daħlu fis-seħħ qabel l-adeżjoni. F'dak ir-rigward il-Kummissjoni tosserva li din id-deċiżjoni tikkonċerna biss dawk il-PPAs li kienu fis-seħħ fid-data tal-adeżjoni tal-Polonja għall-UE (l-1 ta' Mejju 2004). Ma tkoprix PPAs li ġew itterminati qabel dik id-data.

(267)

It-tieni, il-PPAs jgħoddu wara l-adeżjoni. Jiskadu bejn l-2006 u l-2027 – jiġifieri wara l-adeżjoni. L-espożizzjoni eżatta tal-istat minħabba l-PPAs ma kinitx magħrufa fid-data tal-adeżjoni.

(268)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ġeneralment tqis li dawn il-miżuri ta' għajnuna li ġejjin jgħoddu wara l-adeżjoni u li jikkostitwixxu għajnuna ġdida (64):

(a)

Kwalunkwe skema tal-għajnuna li daħlet fis-seħħ qabel id-data tal-adeżjoni u fuq il-bażi ta' liema, mingħajr ma huma meħtieġa miżuri ulterjuri li jimplimentaw, l-għajnuna individwali tista' tingħata lill-kumpaniji indikati fl-Att b'mod ġenerali u astratt wara l-adeżjoni;

(b)

Għajnuna li mhijiex marbuta ma' proġett speċifiku u li ngħatat qabel l-adeżjoni lil kumpanija waħda jew aktar għal perjodu mhux definit u/jew ammint mhux definit;

(ċ)

Miżuri ta' għajnuna individwali li għalihom l-espożizzjoni eżatta tal-istat ma kinitx magħrufa fid-data meta ngħatat l-għajnuna.

L-“espożizzjoni ekonomika eżatta tal-istat”

(269)

Il-PPAs servew biex jiggarantixxu l-vijabbiltà tal-impjanti tal-enerġija. Iżda mhumiex forma klassika ta' garanzija: il-PPAs jipprovdu dħul lura li jħares 'il quddiem fuq l-investiment u profitabbiltà permezz ta' xirja ggarantita tal-enerġija bi prezz garantit (għalkemm varjabbli) għal żmien garantit, irrispettivament mill-kondizzjonijiet tas-suq.

(270)

L-espożizzjoni finanzjarja tal-istat taħt il-PPAs ma ġietx illimitata sa ammont massimu qabel l-adeżjoni u lanqas ma kienet l-għajnuna għall-ġeneraturi tal-enerġija definittivament u mingħajr kondizzjoni mogħtija f'ammont definit qabel l-adeżjoni.

(271)

Anzi, l-espożizzjoni ekonomika tal-istat taħt il-PPAs tiddependi fuq parametri li l-evoluzzjoni future tagħhom ma kinitx magħrufa fil-ħin tal-adeżjoni. Barra minn dan, il-PPAs iggarantixxu lill-ġeneraturi protezzjoni mill-varjazzjonijiet fl-ispejjeż li ma kinux relatati għal tranżazzjonijiet jew ġrajjiet ta' qabel l-adeżjoni iżda kkonċernaw żviluppi fil-futur u għalhekk ma kinux magħrufa fid-data tal-adeżjoni.

(272)

B'mod partikolari, il-fatt li l-espożizzjoni tal-istat taħt il-PPAs ma kinitx magħrufa fid-data tal-adeżjoni u li l-istat baqa' responsabbli wara l-adeżjoni jintwera minn dawn iċ-ċirkostanzi li ġejjin.

(273)

L-ewwel, il-prezzijiet tal-enerġija li bihom il-ġeneraturi tal-enerġija jbiegħu l-elettriku lil PSE ma ġewx stabbiliti fil-PPAs individwali. Il-prezzijiet huma r-riżultat tal-kalkoli magħmula bl-użu ta' formula magħmula minn serje ta' parametri li jvarjaw b'mod imprevedibbli.

(274)

Per eżempju, dawn il-formuli jinkludu parametri bħall-indiċijiet tal-Prezzijiet għall-Konsumatur fil-Polonja jew fl-Istati Uniti, il-prezzijiet għaż-żejt u l-faħam fis-swieq dinjin, is-salarji medji fil-Polonja jew ir-rata tal-kambju USD/PLN. Ovvjament, il-varjazzjonijiet f'dawn il-parametri kollha mhumiex kondizzjonati biss minn ġrajjiet li saru qabel l-adeżoni. Il-kalkoli tal-prezzijiet u xi kultant il-formuli nfishom jinbidlu kontinwament bis-saħħa ta' serje ta' annessi għall-PPAs, adottati, f'xi każijiet, fuq bażi annwali jew aktar spiss.

(275)

Fuq dan l-isfond, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-eżistenza tal-formula li tistabbilixxi l-prezz ma tikkostitwixxix limitu suffiċjenti fuq l-espożizzjoni ekonomika tal-istat. Is-sempliċi eżistenza ta' għadd ta' parametri li jevolvu fil-formula tagħmilha impossibbli li jiġi ddeterminat il-livell potenzjali tal-espożizzjoni ta l-istat bi preċiżjoni suffiċjenti.

(276)

Barra minn dan, differenti mill-garanziji klassiċi, il-PPAs ikopru l-ispejjeż ta'l –operat tal-benefiċjarji. Jipprovdu għax-xiri kontinwu ta' kwantità garantita ta' elettriku minn PSE u għal ħlas permanenti tal-ispejjeż tal-operat fissi jew varjabbli skont il-formuli tal-prezzijiet indikati.

(277)

Il-Kummissjoni qieset ukoll il-fatt li, minħabba l-għadd sinjifikanti ta' parametri li jiffurmaw il-formuli tal-prezz, ma jistax jiġi eskluż li r-reċipjent tal-għajnuna jista' huwa stess jinfluwenza l-prezz finali (permezz ta' xi elementi tal-ispejjeż tal-operat, eż., il-pagi tal-impjegati u tal-maniġers).

(278)

Bħala argument sussidjarju, l-espożizzjoni finanzjarja ta' PSE hija kontinġenti sew fuq it-talba. Hija ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz tax-xiri taħt il-PPAs u d-dħul li tista' tiġġenera PSE billi tbiegħ l-elettriku lill-konsumaturi. Il-prezz li bih PSE tbiegħ l-elettriku lill-konsumaturi ma jistax jiġi previst. Il-prezz tal-elettriku mibjugħ fuq is-suq marbut huwa stabbilit mill-istat fuq bażi annwali, filwaqt li l-prezzijiet fis-suq ħieles ivarjaw b'mod imprevedibbli. Dan iżid l-imprevedibbiltà tal-espożizzjoni tal-istat taħt il-PPAs. Jista' wkoll ikun il-każ li x-xiri minimu fiss tal-volum tal-enerġija kif provdut fil-PPAs ikun akbar mill-bżonnijiet reali ta' PSE, b'mod partikolari ladarba titlesta l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija fl-2007. L-ammont żejjed tal-elettriku jista' jwassal għal spejjeż mhux magħrufa akbar, li jżid l-imprevedibbiltà tal-espożizzjoni tal-istat taħt il-PPAs aktar.

(279)

Għalhekk, il-ħlasijiet ta' PSE lill-ġeneraturi tal-enerġija wara l-adeżjoni mhumiex is-sempliċi ħlas ta' pagamenti (tranches) taħt limitu ġenerali fiss stabbilit qabel l-adeżjoni. Barra minn dan, il-PPAs kienu ġew riveduti b'annessi sussegwenti fuq bosta okkażjonijiet mid-data li fiha ġew iffirmatu l-kuntratti inizzjali.

(280)

Il-Kummissjoni tosserva li – fil-każijiet rilevanti – meta l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq komuni tiġi ppreparata, għandha titqies kif xieraq l-għajnuna mogħtija qabel ma l-Istat Membru ssieħeb mal-Unjoni Ewropea u li tgħodd wara l-adeżjoni.

L-Istat tal-PPAs bħala għajnuna ġdida

(281)

Skond id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tat-Trattat tal-Adeżjoni, il-miżuri kollha li daħlu fis-seħħ qabel l-adeżjoni u li għadhom jgħoddu wara dik id-data li jikkostitwixxu għajnuna mill-istat u li ma jaqgħux taħt wieħed minn dawn il-kategoriji elenkati hawn taħt għandhom jitqiesu, sa mill-adeżjoni, bħala għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE.

(282)

It-tliet kategoriji ta' għajnuna eżistenti msemmija fit-Trattat tal-Adeżjoni huma:

1.

miżuri ta' għajnuna li ma daħlux fis-seħħ fil-Polonja qabel l-10 ta' Diċembru 1994.

Ħlief għal PPA wieħed mal-ġeneratur Turów S.A. (65) il-PPAs ġew iffirmati wara l-10 ta' Diċembru 1994, u ma jikkostotwixxux għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 88(1) tat-Trattat KE.

2.

miżuri ta' għajnuna li kienu inklużi fil-lista ta' miżuri ta' għajnuna mill-istat eżistenti mehmuża mat-Trattat tal-Adeżjoni.

La l-iskema li tkopri l-PPAs u lanqas xi wieħed mill-PPAs individwali ma ġie nnotifikat lill-Kummissjoni bl-għan li jiġi inkluż fil-lista' ta' skemi ta' għajnuna eżistenti mehmuża mat-Trattat tal-Adeżjoni u lanqas ma ġew inklużi fl-Appendiċi għall-Anness IV tat-Trattat tal-Adeżjoni msemmi fil-punt 1(b), Kapitolu 3, Anness IV, li fih lista ta' miżuri ta' għajnuna eżistenti; ma jikkostitwux għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 88(1) tat-Trattat KE.

3.

miżuri ta' għajnuna li qabel id-data tal-adeżjoni kienu ġew evalwati mill-awtorità tal-għajnuna mill-istat fil-Polonja u kienu nstabu kompatibbli mal-liġi Komunitarja u li l-Kummissjoni ma oġġezzjonatx għalihom għaliex kellha dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni skont il-proċedura stabbilita fit-Trattat tal-Adeżjoni, l-imsemmija “proċedura interim” (cf. tieni paragrafu, Kapitolu 3 tal-Annex IV tat-Trattat tal-Adeżjoni).

Ladarba ebda PPA ma ġie sottomess lill-Kummissjoni taħt l-hekk imsemmija proċedura interim, ma jikkostitwixxux għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 88(1) tat-Trattat KE.

(283)

Minħabba l-fatt li l-PPAs individwali ma jappartjenu għa; ebda mill-kategoriji ta' għajnuna eżistenti enumerati fit-Trattat, jikkostitwixxu għajnuna ġdida sa mid-data tal-adeżjoni.

(284)

Il-Kummissjoni tosserva li din il-kategorizzazzjoni hija wkoll skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Dan l-Artikolu jgħid li fejn il-miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni skont il-liġi Komunitarja (f'dan il-każ liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija skont id-Direttiva 96/92/KE, li daħlet fis-seħħ fil-Polonja meta l-Polonja daħlet fl-Unjoni Ewropea), dawn il-miżuri ma jitqisux għajnuna eżistenti wara d-data fissa għal-liberalizzazzjoni, jiġifieri jiġu ttrattati bħala għajnuna ġdida.

(285)

B'riferenza għall-kummenti tal-partijiet interessati msemmija fil-preambolu 71, il-Kummissjoni tosserva li tittratta lill-PPAs bħala skema ta' għajnuna għar-raġunijiet stabbiliti fil-preambolu 31. Tqis ukoll il-fatt li deċiżjoni mill-istat li toffri lill-investituri PPAs li jiggarantixxu l-vijabbiltà tagħhom filwaqt li l-ftehimiet jibqgħu fis-seħħ hija denominatur komuni tal-PPAs kollha.

(286)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-PPAs ma kkostitwixxewx għajnuna mill-istat meta ġew konklużi u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuna ġdid. Jinvokaw is-sentenza ta' Alzetta Mauro  (66), u jargumentaw li l-għajnuna mogħtija f'suq li għall-ewwel kien magħluq għall-kompetizzjoni qabel il-liberalizzazzjoni għandha titqies bħala għajnuna eżistenti mid-data tal-liberalizzazzjoni. Irrispettivament minn dan ta' hawn fuq, l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jikkonċerna kemm l-iskemi ta' għajnuna kif ukoll miżuri ta' għajnuna individwali.

(287)

Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument. Intwera li l-kriterji kollha li jirregolaw l-eżistenza tal-għajnuna mill-istat intlaħqu fid-data tal-adeżjoni tal-Polonja għall-UE. B'mod partikolari, intwera li l-enerġija ġiet negozjata bejn il-Polonja u l-pajjiżi qrib f'dan iż-żmien u li l-Borża tal-Enerġija Pollakka ilha topera mill-1999. Fi kwalunkwe każ, kien hemm dubji li, fid-data tal-adeżjoni, il-Polonja minnufih tissieħeb f'settur li kien infetaħ għall-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-istat misjuba fit-Trattat tal-Adeżjoni kien preċiżament li jiżgura li l-miżuri li jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri sa mid-data tal-adeżjoni ġew mistħarrġa. B'kuntrast għat-trattati tal-adeżjoni ta' qabel l-1 ta' Mejju 2004, it-Trattat tal-Adeżjoni ffirmat mill-Polonja u disa' pajjiżi oħrajn huwa ddiżinjat li jirrestrinġi l-miżuri meqjusa li jikkostitwixxu għajnuna eżistenti għat-tliet każijiet speċifiċi deskritti hawn fuq. Is-sentenza ta' Alzetta Mauro ma tikkonċernax miżura koperta mit-Trattat tal-Adeżjoni u għalhekk ma tistax titqies li tgħodd f'dan ir-rigward għall-PPAs li qed jiġu evalwati. Fl-aħħar, il-Kummissjoni wkoll hija tal-fehma li s-sentenza ta' Alzetta Mauro tikkonċerna s-sitwazzjoni attwali kif deskritta fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni datata qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(288)

Għalhekk fuq il-bażi tat-Trattat tal-Adeżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-PPAs jikkostitwixxu għajnuna ġdida.

L-għajnuna illegali

(289)

Minħabba li l-PPAs ma kinux notifikati lill-Kummissjoni skont ir-regoli proċedurali dwar l-għajnuna mill-istat, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jikkostitwixxu għajnuna illegali.

7.1.4.   Id-dispożizzjonijiet applikabbli tat-Trattat

(290)

Il-partijiet interessati argumentaw li l-Kummissjoni għandha tkun analizzat il-PPAs fid-dawl tal-mekkaniżmu interim tat-Trattat tal-Adeżjoni, flimkien mal-każ tal-għajnuna mill-istat PL 1/03 (67).

(291)

Il-Kummissjoni tiċħad din l-asserzjoni.

(292)

Taħt il-mekkaniżmu interim tat-Trattat tal-Adeżjoni il-poteri tal-Kummissjoni kienu limitati li tendorsja jew toġġezzjona għal deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-pajjiżi tal-adeżjoni li jikkonċernaw miżuri li kienu ġew implimentati u li kienu għadhom jgħoddu wara l-adeżoni. Il-każ PL 1/03 ikkonċerna deċiżjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka dwar l-abbozz tal-liġi dwar il-kumpens mill-istat għat-terminazzjoni tal-PPAs. Ma kinitx tkopri l-għajnuna fil-PPAs infishom u l-awtoritajiet Pollakki ma nnotifikawx il-PPAs taħt il-proċedura interim; id-deċiżjoni rilevanti tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u l-Ħarsien tal-Kompetizzjoni lanqas ma kienet tkopri l-PPAs individwali. Il-Kummissjoni ma kellhiex poteri li tiddeċiedi b'mod unilaterali li testendi l-ambitu tal-każ fuq il-bażi tal-proċedura interim.

(293)

Barra minn dan, ukoll kieku l-Kummissjoni kellha l-poteri li testendi l-ambitu tal-każ b'mod unilaterali, dan ma kienx ikun possibbli f'din l-istanza partikolari għaliex il-liġi mistħarrġa taħt il-proċedura interim ipprovdiet għat-terminazzjoni obbligatorja tal-PPAs kollha qabel ma l-Polonja aderixxiet għall-UE. Ladarba l-istħarriġ tal-Kummissjoni seta' biss jindirizza l-kwistjonijiet tal-għajnuna mill-istat li kienu għadhom applikabbli wara l-adeżjoni, il-PPAs ma setgħux kienu inklużi fl-ambitu tiegħu.

(294)

Dwar it-trattati l-oħrajn bilaterali jew il-Karta tal-Enerġija, il-Kummissjoni tosserva li ma jipprojbixxux it-terminazzjoni ta' dawn il-kuntratti iżda tirrakkomanda kumpens xieraq li ma jibdilx in-natura ta' għajnuna mill-istat tal-PPAs. L-għan ta' dawn it-trattati huwa li jiżguraw bilanċ bejn l-għanijiet tal-liberalizzazzjoni u l-obbligu li jinżammu l-investimenti. Dwar il-kummenti tal-partijiet interessati dwar iċ-ċaħda tad-drittijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jekk il-PPAs kellhom jikkostitwixxu għajnuna mill-istat illegali u inkompatibbli, ikunu illegali. Għalhekk, it-terminazzjoni ta' dawn il-ftehimiet ma tistax titqies bħal li tikkostitwixxi ċaħda tad-drittijiet. Jekk din it-terminazzjoni titqies li tikkostitwixxi ċaħda tad-drittijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kumpens jista' jingħata u li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Metodoloġija jiżguraw li l-kumpens huwa xieraq.

7.1.5.   Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà

(295)

L-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE jipprovdi għall-projbizzjoni ġenerali ta' għajnuna mill-istat ġewwa l-Komunità.

(296)

L-Artikoli 87(2) u 87(3) tat-Trattat KE jipprovdu għal eżenzjonijiet għar-regola ġenerali li din l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni kif jingħad fl-Artikolu 87(1).

(297)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat KE ma jgħoddux fil-każ preżenti għaliex din il-miżura m'għandiex karattru soċjali, ma ngħatatx lil konsumaturi individwali, mhijiex diżinjata li tagħmel tajjeb id-dannu kkawżat minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali u ma ngħatatx lill-ekonomija ta' xi żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja affettwati mid-diviżjoni ta' dak il-pajjiż.

(298)

Aktar eżenzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 87(3) tat-Trattat KE.

(299)

L-Artikolu 87(3)(a) jgħid li “għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta' reġjun fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b'mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta' nuqqas ta' impjieg” tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. Il-parti kbira mill-Polonja, jekk mhux kollha, tista' titqies bħala żona bħal din.

(300)

Il-Kummissjoni adottat linji gwida għall-valutazzjoni ta' din l-għajnuna. Meta l-Polonja aderixxiet għall-UE il-linji gwida dwar l-għajnuna nazzjonali reġjonali (68) (“il-Linji Gwida Reġjonali”) kienu fis-seħħ. Dawn il-linji gwida rregolaw ukoll l-valutazzjoni tal-għajnuna reġjonali fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE.

(301)

Skond il-Linji Gwida Reġjonali, l-għajnuna mill-istat tista' bħala prinċipju tiġi awtorizzata biss għall-ispejjeż tal-investiment. L-għajnuna għall-operat kienet normalment ipprojbita (il-punt 4.15 tal-Linji Gwida Reġjonali), iżda setgħet tiġi awtorizzata eċċezzjonali f'reġjoni speċifiċi kemm-il darba kienet limitata fiż-żmien, u mnaqqsa progressivament. (69)

(302)

L-għajnuna ma tistax titqies bħala għajnuna għall-investiment. L-għajnuna għall-investiment hija ddefinita bl-użu ta' lista ta' spejjeż eliġibbli potenzjali li huma indikati fil-punti 4.5 u 4.6 tal-Linji Gwida Reġjonali. Huwa ċar li l-ħlasijiet taħt il-PPAs ikopru spejjeż oħrajn ukoll. L-eżempju l-aktar ċar huwa li l-PPAs jiggarantixxu l-ispejjeż tal-karburanti assoċjati bl-operat tal-impjanti tal-enerġija. L-ispejjeż tal-impjegati huma wkoll koperti mill-PPAs. Huwa ċar li dawn l-ispejjeż mhumiex eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment. Kuntrarjament, jikkorrispondu għall-ispejjeż kurrenti tal-operatur u għandhom għalhekk jiġu inklużi fl-ispejjeż tal-operat kif definit fil-punt 4.15 tal-Linji Gwida Reġjonali.

(303)

L-għajnuna mogħtija taħt il-PPAs mhijiex soġġetta għal terminu raġonevoli. Il-PPAs huma konklużi għal perjodi twal ħafna, b'mod simili għall-ħajja mistennija ta' impjant tal-enerġija tipiku. Barra minn dan, il-PPAs ma jinkludu ebda dispożizzjoni għal tnaqqis gradwali fl-ammont tal-għajnuna. Il-volumi ggarantiti tal-elettriku mixtri mhumiex rigressivi, u l-prezzijiet huma indiċjati, li jfisser li jiżdiedu minflok jonqsu. Il-garanzija ta' qligħ u l-ambitu tagħha ma jonqsux maż-żmien lanqas.

(304)

Minħabba dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mhijiex eliġibbli għad-deroga provduta fl-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE.

(305)

L-Artikolu 87(3) (b) tat-Trattat KE jgħid li l-“għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġetti fuq skala kbira ta' interess komuni Ewropew, jew biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta' Stat Membru” tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

(306)

Il-Kummissjoni tonnta li l-għajnuna in kwistjoni mhijiex diżinjata li tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġett importanti ta' interess komuni Ewropew.

(307)

Lanqas ma sabet il-Kummissjoni xi evidenza li hija ddiżinjata li tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija Pollakka. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-elettriku huwa prodott importanti għall-ekonomija ta' kwalunkwe Stat Membru, u li kien hemm bżonn li jiġi mmodernizzat dan is-settur fil-Polonja fis-snin 90.

(308)

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kunċett ta' “taħwid serju fl-ekonomija ta' Stat Membru” jirreferi għal każijiet ħafna aktar gravi. Sempliċi riferenza għall-konsegwenzi potenzjali għall-ekonomija ta' Stat Membru kif għamlu l-partijiet interessati mhijiex biżżejjed biex dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jitqiesu applikabbli għal miżura partikolari. Bħala minimu, ikunu meħtieġa deskrizzjoni u analiżi aktar dettaljati tal-probabbiltà li jseħħ dan it-tfixkil u l-iskala tal-konsegwenzi tiegħu.

(309)

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tosserva li dan il-kunċett jinkludi ċerta nozzjoni ta' urġenza li hija inkompatibbli maċ-ċiklu li jieħu ż-żmien li jsiru l-offerti u jiġu nnegozjati l-PPAs.

(310)

Minħabba dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma tikkwalifikax għad-deroga li tinsab fl-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat KE.

(311)

L-Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat KE jgħid li l-għajnuna biex tiġi promossal-konservazzjoni tal-kultura u tal-eredità tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mat-Trattat KE fejn din l-għajnuna ma taffettwax il-kondizzjonijiet u l-kompetizzjoni fil-Komunità sa grad li huwa kuntrarju għall-interess komuni. Dan l-Artikolu ovvjament ma jgħoddx għall-PPAs.

(312)

L-Artikolu 87(3)(c) jipprovdi għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-istat biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' xi attivitajiet ekonomiċi jew ta' xi oqsma ekonomiċi, fejn din l-għajnuna ma taffettwax b'mod avvers il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li huwa kuntrarju għall-interess komuni. Il-Kummissjoni żviluppat bosta linji gwida u komunikazzjonijiet li jispjegaw kif se tapplika d-deroga li tinsab f'dan l-Artikolu.

(313)

Il-partijiet interessati invokaw l-applikazzjoni tal-Linji Gwida Reġjonali u tal-Linji Gwida Ambjentali.

(314)

Il-Preamboli 300 sa 304 jindikaw ir-raġunijiet għaliex l-għajnuna ma tistax titqies kompatibbli mas-suq komuni b'applikazzjoni tal-Linji Gwida Reġjonali (70).

(315)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Linji Gwida Ambjentali, bħal-Linji Gwida Reġjonali, primarja jippermettu l-għajnuna tal-investiment. L-għajnuna għall-operat hija limitata għal għanijiet speċifiċi. L-ewwel hija għajnuna għall-immaniġġar tal-iskart u l-iffrankar tal-enerġija (taqsima E.3.1), li hija limitata għal massimu ta' 5 snin. It-tieni hija għajnuna fil-forma ta' tnaqqis jew eżenzjonijiet (taqsima E.3.2). It-tielet hija għajnuna għal għejun tal-enerġija li jistgħu jiġġeddu (taqsima E.3.3). Huwa ċar li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tgħodd fil-każ preżenti.

(316)

Ir-raba' u l-aħħar tip ta' għajnuna għall-operat li jista' jiġi awtorizzat hija għajnuna għall-produzzjoni kkombinata tal-enerġija u s-sħana (taqsima E.3.4). Xi wħud mill-ġeneraturi kkonċernati jipproduċu l-isħana u l-enerġija. Iżda la l-Polonja u lanqas xi ħadd mill-produtturi kkonċernati ma wrew li dawn l-impjanti jilħqu għal kollox il-kriterji ta' effiċjenza stabbiliti fil-Linji Gwida Ambjentali. Tassew, il-Polonja pprovdiet lill-Kummissjoni bid-data li turi li parti limitata biss tal-produzzjoni tista' titqies li tilħaq dawn il-kriterji tal-effiċjenza. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ifisser li l-għajnuna li tkopri l-produzzjoni sħiħa tal-entitajiet in kwistjoni ma tistax tkun awtorizzata fuq il-bażi ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

(317)

Mid-dokumenti msemmija fil-preambolu 312, l-uniku li seta' jgħodd f'dan il-każ hija l-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli. Il-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli tikkonċerna l-għajnuna mogħtija lill-entitajiet li kienu jgawdu monopolju li bnew impjanti tal-enerġija qabel il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku u li jista' jkollhom diffikultajiet li joperawhom f'suq liberalizzat.

(318)

Fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura, il-Kummissjoni qajmet għadd ta' dubij dwar il-possibbiltà li l-PPAs jiġu awtorizzati fuq il-bażi tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli.

(319)

Wieħed minn dawn id-dubji qam mill-fatt li l-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli tindika li l-Kummissjoni għandha d-dubji l-aktar serji dwar l-għajnuna maħsuba li tissalvagwardja d-dħul kollu jew ftit minnu ta' qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 96/92/KE, mingħajr ma tqis strettament l-spejjeż mhux irkuprabbli eliġibbli li jistgħu jirriżultaw mill-introduzzjoni tal-kompetizzjoni (71).

(320)

Il-PPAs ġew preċiżament diżinjati li jissalvagwardjaw il-parti l-kbira tad-dħul ta' qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 96/92/KE miksuba mill-ġeneraturi tal-enerġija u l-impjanti kkonċernati. Barra minn hekk, ikkonċernaw impjanti li kellhom sehem importanti ħafna tas-suq u għal żmien twil ħafna, li għall-parti l-kbira kien akbar mill-ħin meħtieġ għal tranżizzjoni raġonevoli lejn is-suq.

(321)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-PPAs huma inkompatibbli mal-kriterji stabbiliti fil-Metodoloġija tal-Ispejjeż mhux irkuprabbli. Imorru kontra l-prinċipji fundamentali tagħha, li kienu ddiżinjati li jippermettu tranżizzjoni progressiva iżda ġenwina lejn is-suq.

(322)

Il-partijiet interessati argumentaw li l-PPAs setgħu jiġu awtorizzati direttament taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE. Indikaw li l-PPAs iffaċilitaw l-iżvilupp ta-settur tal-enerġija Pollakk billi jiġbdu l-investiment barrani f'kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li hija moderna u li ma tagħmilx ħsara għall-ambjent. Il-PPAs kienu maħsuba li “jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' xi attivitajiet ekonomiċi.”

(323)

Il-Kummissjoni tosserva li ż-żewġ għanijiet ta' politika msemmija hawn fuq: jiġifieri li jinġibed l-investiment u l-promozzjoni tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li ma tagħmilx ħsara għall-ambjent, huma preċiżament l-għanijiet ta' politika msemmija fil-Linji Gwida Reġjonali u l-Linji Gwida Ambjentali. Il-Kummissjoni analizzat il-PPAs fid-dawl ta' dawn iż-żewġ settijiet ta' linji gwida u kkonkludiet li mhumiex kompatibbli ma' dawn ir-regoli. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 87(3)(c) biex jiġu awtorizzati l-PPAs ġiet eżawrita.

(324)

Minħabba dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-PPAs huma inkompatibbli mas-suq komuni.

7.1.6.   Il-każ speċifiku ta' Żarnowiecka Elektrownia Gazowa Sp. z o.o.

(325)

Il-PPA ma' Żarnowiecka Elektrownia Gazowa Sp. z o.o. ġie tterminat minn PSE fis-17 ta' Mejju 2006, qabel ma x-xogħol tal-kostruzzjoni fuq l-impjant tal-enerġija laħaq l-istadju avvanzat (72). Minħabba li l-impjant tal-enerġija ma kienx operattiv f'dak iż-żmien, ma bbenefikatx mill-PPA. Għalhekk ma bbenefikat minn ebda għajnuna mill-istat.

(326)

Għalhekk il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-PPA ma pprovda ebda għajnuna lil Żarnowiecka Elektrownia Gazowa Sp. z o.o.

7.2.   Dwar l-Att

(327)

Il-Kummissjoni analizzat l-erba' kriterji kumulattivi għall-eżistenza tal-għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

Ir-riżorsi tal-istat u l-imputabbiltà lill-Istat

(328)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi biex tiddetermina l-għajn tal-fondi li għandhom jintużaw għall-ħlasijiet provduti fl-Att. Ikkonkludiet li dawn il-fondi jkunu d-dħul ta' imposta parafiskali stabbilita taħt l-istess Att.

(329)

L-imposta ssir fuq il-konsumaturi kollha (l-Artikolu 8 tal-Att), u l-ammont tagħha huwa kontinġenti fuq id-daqs u l-karatteristiċi tal-konnessjoni tagħhom man-netwerk (l-Artikoli 10 u 11 tal-Att). L-ammont tal-imposta huwa stabbilit mill-URE (l-Artikolu 12 tal-Att). Id-dħul mill-imposta miġbura mill-provdituri huma mħallsa f'kont f'isem Zarządca Rozliczeń S.A. Din hija kumpanija b'għan speċjali, proprjetà sħiħa ta' u għal kollox ikkontrollata mill-Istat, imwaqqfa taħt il-Kapitolu 7 tal-Att. Zarządca Rozliczeń S.A tuża l-fondi biex tagħmel il-ħlasijiet lill-ġeneraturi eliġibbli skont il-Kapitolu 4 tal-Att, taħt is-sorveljanza amministrattiva ta' URE.

(330)

Il-Kummissjoni analizzat il-karatteristiċi ta' din l-imposta fid-dawl tal-prattika tagħha tat-teħid tad-deċiżjonijiet (73) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (74). Għamlet dawn l-osservazzjonijiet li ġejjin.

(331)

L-ewwel, l-imposta hija kontribuzzjoni obbligatorja li hija imposta fuq il-konsumaturi kollha mill-istat.

(332)

It-tieni, id-dħul mill-imposta jitħallsu f'kont f'isem Zarządca Rozliczeń S.A. Mis-seba' membri tal-bord tas-superviżjoni ta' Zarządca Rozliczeń S.A, erba' inkluż iċ-Chairman, huma nnominati minn Ministri, tnejn huma nnominati minn presidenti ta' korpijiet pubbliċi (URE u l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u l-Ħarsien tal-Konsumatur) u wieħed huwa nnominat mill-Assemblea Ġenerali tal-Azzjonisti, jiġifieri minn PSE. Il-Kummissjoni tikkonkludi li Zarządca Rozliczeń S.A hija għal kollox taħt il-kontroll tal-istat. Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li Zarządca Rozliczeń S.A topera taħt id-dikasteru ta' URE, li hija korp statali. Id-dħul mill-imposta għalhekk huwa amministrat minn korp li huwa għal kollox ikkontrollat mill-istat.

(333)

It-tielet, Zarządca Rozliczeń S.A tuża l-fondi biex tagħmel ħlasijiet għall-benefiċċju ta' xi ġeneraturi, skont id-dispożizzjonijiet adottati mill-istat fl-Att. Skond l-Att, Zarządca Rozliczeń S.A. tħallas il-fondi lill-ġeneraturi tal-enerġija biex tkopri l-ispejjeż mhux irkuprabbli fil-forma ta' ħlas bil-quddiem għal dawn l-ispejjeż f'sena partikolari u fil-forma ta' aġġustamenti annwali.

(334)

Mit-tliet osservazzjonijiet hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dħul mill-imposta jikkostitwixxi riżorsi tal-istat.

Il-vantaġġ ekonomiku

(335)

L-Att jipprovdi għall-ħlasijiet lill-impjanti tal-enerġija li jagħżlu li japplikaw il-mekkaniżmu tiegħu. Dawn l-impjanti tal-enerġija jirċievu l-ħlasijiet biex huma jitterminaw il-PPA tagħhom ma' PSE.

(336)

Il-ħlasijiet skont l-Att jippermettu lill-impjanti tal-enerġija intitolati iħaffu l-oneru tal-ispejjeż magħmula. Il-formula biex jiġu kkalkolati t-tliet ħlasijiet tipprovdi b'mod partikolari biex l-istat ikopri t-telf assoċjat ma' xi tipi ta' spejjeż, flimkien ma' deprezzament u spejjeż tal-karburanti, jekk id-dħul miġbur fis-suq mhuwiex suffiċjenti għal dak l-iskop, bla ħsara għal xi kondizzjonijiet li x'aktarx jintlaħqu f'xenarju ekonomiku normali. Dan jimplika li l-ħlasijiet tal-istat ikopru l-ispejjeż normalment magħmula mill-ġeneraturi taħt kondizzjonijiet normali tas-suq. Dawn il-ħlasijiet għalhekk jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku.

(337)

Il-partijiet interessati jargumentaw li l-ħlasijiet ma jikkostitwixxux vantaġġ għaliex huma biss kumpens xieraq għat-terminazzjoni tal-PPAs. Dan ir-raġunament huwa bbażat fuq il-premessa li l-PPAs stess ma jikkostitwixxux vantaġġ ekonomiku, li mhuwiex il-każ, kif ġie spjegat fil-punt 7.1.1.

Is-Selettività

(338)

Ladarba l-benefiċjarji tal-Att huma l-istess impjanti tal-enerġija li jibbenefikaw mill-PPAs, jgħodd l-istess raġunament bħal dak stabbilit fil-preamboli 254 sa 257.

It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ

(339)

L-Att jipprovdi vantaġġ lil bosta kumpaniji li joperaw fis-suq tal-produzzjoni tal-enerġija. Dan is-suq huwa liberalizzat fl-UE. Il-miżuri li jiffavorixxu lill-kumpaniji tas-settur tal-enerġija fi Stat Membru wieħed jistgħu jillimitaw il-potenzjal biex kumpaniji minn Stati Membri oħrajn jesportaw l-elettriku lil dak l-Istat Membru, jew jiffavorixxu esportazzjonijiet tal-elettriku lit-tieni grupp ta' Stati Membri. Dan huwa speċjalment veru għall-Polonja, li hija ċentralment lokata fl-Ewropa u hija mqabbda, jew titqabbad faċilment ma', bosta Stati Membri.

(340)

Il-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-Att jista' jgħawweġ il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(341)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sistema tal-kumpens provduta fl-Att tikkostitwixxi għajnuna mill-istat.

7.2.1.   L-għotja tal-għajnuna skont il-liġi

(342)

L-Att daħal fis-seħħ fl-4 ta' Awwissu 2007. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, skont l-Artikolu 6(1) tal-Att, il-ġeneraturi tal-enerġija li jiddeċiedu li jibbenefikaw mill-iskema jirċievu fondi biex ikopru l-ispejjeż mhux irkuprabbli biss wara li l-ftehim li jittermina jkun ġie konkluż. Barra minn dan, skont l-Artikolu 22(4) tal-Att, l-ewwel ħlas bil-quddiem biex ikopri l-ispejjeż mhux irkuprabbli jitħallas lill-ġeneraturi tal-enerġija eliġibbli fil-ħames jum tax-xahar wara li jkun għadda żmien ta' 120 jum, li jibda mill-jum meta t-terminazzjoni bikrija tal-PPAs tkun seħħet permezz tal-ftehimiet tat-terminazzjoni. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-Att ma tistax titqies li hija d-data li fiha tingħata l-għajnuna lill-ġeneraturi tal-enerġiha, jiġifieri d-data li fiha l-benefiċjarju jirċievi awtorizzazzjoni tal-għajnuna li turbot legalment. Għalhekk il-Kummissjoni mhijiex tal-fehma li d-dħul fis-seħħ tal-Att qabel l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu nuqqas ta' ħarsien tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE.

7.2.2.   L-valutazzjoni tal-kompatibbiltà

(343)

L-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE jipprovdi għall-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-istat fil-Komunità.

(344)

L-Artikolu 87(3)(c) jipprovdi għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-istat biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' xi setturi ekonomiċi, fejn din l-għajnuna ma taffettwax b'mod negattiv il-kondizzjonijiet kummerċjali sa grad li huwa kuntrarju għall-interess komuni. Il-Kummissjoni żviluppat bosta linji gwida u komunikazzjonijiet li jispjegaw kif se tapplika d-deroga li tinsab f'dan l-Artikolu.

(345)

Il-Metodoloġija tal-Ispejjeż mhux irkuprabbli hija ddiżinjata li tanalizza l-għajnuna mogħtija lill-entitajiet li qabel kellhom monopolju fis-settur tal-elettriku f'kuntest fejn xi deċiżjonijiet meħuda minn dawn l-entitajiet qabel il-liberalizzazzjoni m'għandhomx jagħmlu sens kummerċjali wara l-liberalizzazzjoni.

(346)

L-ewwel paragrafu tat-taqsima 3 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli jispjega li l-ispejjeż mhux irkuprabbli “jistgħu, fil-prattika, jieħdu bosta forom: kuntratti tax-xiri għal żmien twil, investimenti magħmula b'garanzija impliċita jew espliċita tal-bejgħ, investimenti magħmula barra mill-ambitu tal-attività normali, eċċ.” F'dan il-każ partikolari, l-għajnuna hija ppjanata għal investimenti fil-modernizzazzjoni jew l-espansjoni tal-impjanti tal-enerġija bil-PPAs bħala garanzija espliċita tal-bejgħ. Tindirizza l-konsegwenzi ta' kuntratti tax-xiri tal-gass għal żmien twil konklużi mal-ġeneraturi mmexxija bil-gass. Għalhekk il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna taqa' fl-ambitu tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli. Għalhekk, hija analizzat l-għajnuna fid-dawl tal-Metodoloġija.

(347)

Il-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli tipprovdi għal valutazzjoni f'żewġ stadji tal-għajnuna ppjanata għall-kumpens tal-ispejjeż mhux irkuprabbli. L-ewwel stadju, imsemmi fit-taqsima 3 tal-Metodoloġija, jikkonċerna d-definizzjoni ta' spejjeż eliġibbli, li jinvolvi b'mod partikolari l-kalkolu tal-kumpens massimu li jista' jingħata. It-tieni stadju, li huwa ttrattat fit-taqsima 4 tal-Metodoloġija, jikkonċerna l-mekkaniżmu għall-kalkolu tal-kumpens attwali li għandu jitħallas għall-ispejjeż mhux irkuprabbli, filwaqt li jitqies l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq.

(348)

Il-Kummissjoni l-ewwel analizzat jekk l-għajnuna laħqitx il-kondizzjonijiet stabbiliti f'3.1 sa 3.12 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli.

(349)

Taħt il-punt 3.1 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, il-ħlasijiet tal-kumpens massimu jqisu biss l-invsesimenti li tlestew qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 96/92/KE fil-Polonja, jiġifieri d-data li fiha l-Polonja ssieħbet fl-UE, u tal-volum tal-gass kuntrattat skont ir-regola “take or pay” qabel dik id-data. Fil-każijiet eċċezzjonali, l-investimenti kuntrattati qabel id-data tal-adeżjoni tal-Polonja iżda li ma tlestewx fid-data tal-adeżjoni ġew meqjusa wkoll, iżda biss sa fejn il-Polonja setgħet tipprova lill-Kummissjoni li t-tlestija ta' dawn l-investimenti u l-ġenerazzjoni tad-dħul minnhom jirriżultaw fi spejjeż mhux irkuprabbli iżgħar milli kieku jitwaqqaf ix-xogħol tal-kostruzzjoni għal kollox.

(350)

Skond il-punt 3.2 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, mhemm ebda dubju dwar l-eżistenza u l-validità tal-garanziji mogħtija lill-ġeneraturi tal-enerġija, għaliex jissemmew b'mod espliċitu fil-PPAs.

(351)

Skond il-punt 3.3 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, l-investimenti involuti huma sinjifikanti ħafna u jistgħu jiġġeneraw telf kbir ħafna. Dan jgħodd ukoll għal kuntratti “take or pay” għal żmien twil. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, kieku dan it-telf ma jiġi kkumpensat bl-ebda mod, jista', fid-dawl tad-daqs tiegħu, iqiegħed fil-periklu l-vijabbiltà kontinwata tal-kumpaniji in kwistjoni. Din il-konklużjoni hija msaħħa mir-reazzjoni tal-istituzzjonijiet li ffinanzjaw l-investimenti, li għarrfu lill-Kummissjoni li n-nuqqas li jingħata kumpens xieraq jitqies bħala nuqqas taħt l-arranġamenti tal-finanzjament minħabba r-riskju sinjifikanti tal-falliment li jiffaċċja l-kumpanija in kwistjoni.

(352)

Il-Kummissjoni qiest ukoll il-fatt li l-impatt tal-ispejjeż mhux irkuprabbli huwa kkalkolat b'referenza għall-gruppi kkonsolidati. Dan jippermetti li jitqiesu l-effetti tal-liberalizzazzjoni, negattivi jew pożittivi, fuq il-grupp. Dan il-mekkaniżmu jeskludi investimenti ġodda jekk mhumiex biċ-ċar investimenti sostituttivi. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-investiment ġdid fis-settur huwa vitali jekk is-suq għandu jopera sew, u li l-kumpens għall-ispejjeż mhux irkuprabbli m'għandux jikkostitwixxi deterrent.

(353)

Skond il-punt 3.4 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, l-ammonti riżervati mill-benefiċjarji huma impenjati fuq bażi irrevokabbli. Mhemm ebda mod ieħor biex jinġabru lura l-ispejjeż tal-investiment f'impjant tal-enerġija ħlief li titħaddem jew li tinbiegħ bi prezz li ma jistax jeċċedi d-dħul li tiġġenera l-impjant tal-enerġija billi tbiegħ l-elettriku tagħha fis-suq. Il-kuntratti “take or pay” ma jistgħux jiġu rrevokati unilateralment mill-ġeneraturi.

(354)

Skond il-punt 3.5 tal-Metodoloġija, l-ispejjeż mhux irkuprabbli assoċjati mal-investimenti fl-impjanti tal-enerġija mhumiex marbuta ma' ftehimiet bilaterali. Għalhekk mhemm ebda skop li jiġi vverifikat jekk dawn l-ispejjeż mhux irkuprabbli jirriżltawx minn garanziji li jorbtu lil żewġ kumpaniji fl-istess grupp. L-ispejjeż mhux irkuprabbli assoċjati mal-kuntratti “take or pay” ma jorbtux lill-kumpaniji li jiffurmaw parti mill-istess grupp.

(355)

Skond il-punt 3.6 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, l-awtoritajiet Pollakki pprovdew lill-Kummissjoni lista ta' spejjeż li għandu jkopri l-kumpens fejn id-dħul ta' impjant tal-enerġija mhuwiex biżżejjed għal dak l-iskop. Meta analiżżat dawn il-kategoriji tal-ispejjeż, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kumpens ma jeċċedix dak li huwa mehtieġ biex ikopri n-nuqqas fid-dħul fuq l-investiment tul il-ħajja tal-assi ġodda, inkluż fejn meħtieġ marġinu raġonevoli ta' qligħ. Il-kalkolu tal-valur massimu tal-kumpens huwa bbażati fuq għadd ta' assunzjonijiet ekonomiċi, inkluż b'mod partikolari prezz bażi tas-suq daqs il-prezz li parteċipant ġdid fil-Polonja jkun ippreparat li joffri. L-assunzjoni hija li l-faħam ikun l-għajn primarju tal-enerġija ta' dan il-parteċipant il-ġdid. Il-Kummissjoni vverifikat li din l-assunzjoni dwar l-għajn tal-enerġija hija konsistenti mat-tendenzi preżenti f'investimenti ġodda fis-settur fil-Polonja, u li r-riżervi tal-faħam Pollakki huma suffiċjenti biex din it-tendenza tkompli fil-futur. Jekk il-prezz attwali fis-suq huwa aktar baxx mill-prezz bażi fis-suq previst, il-prezz bażi fis-suq jitqies għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-kumpens. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li din il-formula għall-kalkolu tal-ispejjeż mhux irkuprabbli, li hija identika għall-formula wżata fil-prattika kostanti tagħha (75), tqis l-ispejjeż ekonomiċi li jikkorrispondu għall-ammonti attwali investiti. Il-kumpens għall-kuntratti “take or pay” ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-volumi attwali kkuntrattati u l-aħjar stima possibbli tat-tendenzi tal-prezzijiet fil-kuntratti.

(356)

Skond il-punt 3.7 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, il-metodu wżat biex jiġi kkalkolat il-kumpens iqis id-dħul iġġenerat mill-assi in kwistjoni. L-ammont massimu tal-kumpens huwa l-ammont wara li jitnaqqas id-dħul iġġenerat mill-assi fl-imgħoddi u li huwa disponibbli biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-investiment u l-fluss ta' kontanti tal-impjanti tal-enerġija mill-2007 sad-data tal-iskadenza tal-PPA li huwa disponibbli biex ikopri l-ispejjeż tal-investiment. Dan id-dħul kollu jitqies sa mid-data li fiha l-PPA ġie konkluż, u l-għajnuna mill-istat kollha rċevuta mill-1 ta' Mejju 2004 hija inkluża fl-ammonti mnaqqsa.

(357)

Skond il-punt 3.8 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, the value of aid awarded in the past for the assets concerned, in particular investment aid, has been deducted from the maximum compensation.

(358)

Skond il-punt 3.9 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, il-metodu wżat biex jiġu kkalkolati l-ispejjeż mhux irkuprabbli jqis it-tendenzi veri fil-prezzijiet tal-elettriku. L-aġġustament perjodiku fil-kumpens iqis id-differenza bejn il-prezz tal-elettriku previst użat fil-kalkolu tal-ammont massimu tal-kumpens u l-prezz attwali tal-elettriku. Il-ħlasijiet tal-kumpens għall-kuntratti “take or pay” iqisu l-użu attwali tal-gass u l-prezzijiet attwali tal-gass, iżda wkoll il-prezz attwali li bih inbiegħ l-elettriku ġġenerat fil-kumpanija.

(359)

Skond il-punt 3.10 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, il-kumpens massiku huwa kkalkolat b'riferenza għall-ispejjeż deprezzati qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 96/92/KE fil-Polonja.

(360)

Skond il-punt 3.11 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, il-kumpens ġie kkalkolat fuq il-bażi tas-soluzzoni li tqum l-inqas flus għall-istat. Għall-assi li l-kostruzzjoni tagħhom bdiet qabel ma l-Polonja daħlet fl-Unjoni Ewropea iżda li ma tlestewx sal-adeżjoni, il-Polonja wriet li l-kumpens massimu ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-irħas miż-żewġ xenarji possibbli: it-tlestija tal-kostruzzjoni u l-operat tal-assi l-ġodda biex jiġi ġġenerat id-dħul, jew it-twaqqif tax-xogħol tal-kostrizzjoni. Il-mekkaniżmu tal-kumpens għall-ispejjeż mhux irkuprabbli assoċjati mal-kuntratti “take or pay” ġie wkoll imfassal b'tali mod li jagħti inċentiva biex il-ġeneraturi tal-enerġija attwalment joperaw l-impjant biex jimmitigaw l-ispejjeż mhux irkuprabbli ġenerali, minflok ma jwaqqfu l-ġenerazzjoni u jħallsu l-penali kollha, li jirriżulta fi spejjeż mhux irkuprabbli ħafna ogħla. Il-Kummissjoni analizzat bosta xenarji provduti mill-Polonja bl-għan li jiddeterminaw jekk dan il-mekkaniżmu jgħinx biex jitnaqqas l-ammont ġenerali tal-kumpens. Fl-aħħar, jekk il-volum tal-gass ikkuntrattat taħt il-ftehimiet “take or pay” jiġi negozjat mill-ġdid u jitnaqqas matul l-iskema tal-kumpens, l-ammont attwali tal-ħlasijiet tal-kumpens jitnaqqas f'dan is-sens.

(361)

Skond il-punt 3.12 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, il-perjodu tal-ħlas jestendi sal-2027. Il-punt 3.12 tal-Komunikazzjoni dwar l-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli jgħid li “l-ispejjeż li jkollhom iħallsu xi intrapriżi wara t-terminu indikat fl-Artikolu 26 tad-Direttiva (18 ta' Frar 2006) ma jistgħux, bħala regola, jikkostitwixxu spejjeż mhux irkuprabbli eliġibbli fis-sens ta' din il-metodoloġija. Iżda fin-nota 5 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli l-Kummissjoni tgħid li “għandu jiġi miftiehem li l-investimenti li ma jistgħux jinġabru lura jew li mhumiex ekonomikament vijabbli b'riżultat tal-liberalizzazzjoni tas-suq intern fl-elettriku jistgħu jikkostitwixxu spejjeż mhux irkuprabbli fis-sens ta' din il-metodoloġija, inkluż f'każijiet fejn, bħala prinċipju, għandhom jestendu lil hinn mill-2006. Barra minn dan, impenji jew garanziji li assolutament għandhom ikomplu jiġu onorati wara t-18 ta' Frar 2006 għaliex nuqqas li jsir dan jista' jagħti lok għal riskji ewlenin dwar il-protezzjoni tal-ambjent, is-sigurtà pubblika, il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema jew is-sigurtà tan-netwerk tal-elettriku jistgħu, jekk debitament ġustifikati, jikkostitwixxu spejjeż mhux irkuprabbli eliġibbli fis-sens ta' din il-metodoloġija.”

(362)

L-ispejjeż mhux irkuprabbli msemmija fl-Att huma marbuta qrib mal-investimenti fl-impjanti tal-enerġija li ma jistgħux jinġabru lura b'riżultat tal-liberalizzazzjoni tas-suq intern fl-elettriku. Dan jgħodd ukoll għall-kuntratti “take or pay”, li ġew konklużi bl-għan li jiġu provduti l-impjanti tal-enerġija li jibbenefikaw mill-PPAs sa grad li huwa konsistenti mal-volum tal-elettriku koperti mill-PPAs. Minħabba n-nota 5 imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tista' tawtorizza l-estensjoni tal-kumpens lil hinn mit-terminu jekk tqis dan bħala ġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ.

(363)

Il-Kummissjoni tosserva li l-investimenti in kwistjoni huma investimenti fl-impjanti tal-enerġija. Dawn huma investimenti għal żmien partikolarment twil (minn 15-il sena sa wkoll 30 sena), li huma sensittivi ħafna għat-tendenzi fil-prezzijiet tal-elettriku li huma diffiċli li jiġu previsti, b'mod partikolari matul tranżizzjoni għal suq għal kollox liberalizzat. L-ispejjeż ta' dawn l-investimenti ma jistgħux jinġabru lura fil-każijiet fejn il-prezzijiet tal-elettriku huma aktar baxxi mill-prezzijiet provduti meta nbnew l-impjanti tal-enerġija.

(364)

Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni hija tal-fehma, kif għamlet fil-fajls ta' qabel dwar il-Greċja (76) u l-Portugall (77), li n-nota 5 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli tgħodd għal dawn l-ispejjeż mhux irkuprabbli speċifiċi u tiġġustifika l-għotja tal-kumpens wara l-2006 u sal-aħħar tal-PPAs oriġinali.

(365)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Att huwa skont il-kriterju stabbilit fil-punti 3.1 to 3.12 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli. Il-kumpens massimu għall-ispejjeż mhux irkuprabbli ma jeċċedix il-livell permezz mill-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli. Għalhekk għandhom jitqiesu bħala eliġibbli fis-sens tal-Metodoloġija.

(366)

Il-Kummissjoni analizzat jekk l-għajnuna laħqitx il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 4.1 sa 4.6 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli.

(367)

Skond il-punt 4.1 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, l-ammonti massimi tal-kumpens ġew ikkalkolati fuq il-bażi ta' impjanti tal-enerġija definiti ċar u individwali, u kuntratti “take or pay”. Il-kumpens attwalment imħallas ma jeċċedix dawn l-ammonti massimi.

(368)

Skond il-punt 4.2 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, il-kumpens attwalment imħallas se jqis it-tendenzi attwali fid-data ekonomika, b'mod partikolari l-prezzijiet tal-elettriku u l-volumi tal-gass mixtrija taħt il-kuntratti “take or pay”. Per eżempju, jekk il-prezzijiet attwali tal-elettriku jkunu differenti mill-prezz bażi fis-suq imsemmi fil-preambolu 355, l-ammont tal-kumpens attwali jiġi emendat f'dan is-sens. L-ammonti attwali tal-kumpens għall-kuntratti “take or pay” se jqisu wkoll il-kondizzjonijiet attwali li fihom il-ġeneraturi tal-elettriku in kwistjoni jixtru l-gass tagħhom u jbiegħu l-elettriku tagħhom fis-suq.

(369)

Skond il-punt 4.3 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, l-awtoritajiet Pollakki ntrabtu li jipprovdu lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Att.

(370)

Skond il-punt 4.4 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, il-prezz bażi tas-suq ikkunsidrat fil-preambolu 355 jiżdied b'mod sinjifikanti maż-żmien, b'riżultat ta' liema l-ammont tal-kumpens pagabbli jonqos sa ċertu punt, li l-Kummissjoni tosserva b'mod favorevoli.

(371)

Skond il-punt 4.5 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, l-ammont massimu tal-kumpens pagabbli lil kumpanija partikolari huwa ffissat minn qabel. Dan iqis il-qligħ futur tal-benefiċjarji li jirriżulta mill-kisbiet fil-produttività. In-notifika tal-għajnuna speċifikat b'mod partikolari kif il-kalkoli tal-ispejjeż mhux irkuprabbli se jqisu t-tibdil f'bosta fatturi ekonomiċi (bħall-prezzijiet, ishma tas-suq, jew fatturi oħrajn rilevanti indikati mill-Istati Membri u elenkati fil-Metodoloġija).

(372)

Skond il-punt 4.6 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, l-awtoritajiet Pollakki ntrabtu li ma jagħtu ebda għajnuna tas-salvataġġ jew tar-ristrutturar lill-kumpaniji benefiċjarji skont l-Att għal żmien ta' għaxar snin wara l-aħħar ħlas lill-kumpaniji kkonċernati. Dan il-perjodu, li jestendi sal-2037 għal xi kumpaniji, huwa kompatibbli mal-prinċipju ta' “l-aħħar darba” kif interpretat mill-Kummissjoni fil-punt 73 tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji fid-diffikoltà (78). Il-Kummissjoni hija tal-fehma li din is-soluzzjoni wkoll tipprovdi assigurazzjoni biżżejjed li ma ssirx il-kumulazzjoni indebita tal-għajnuna fil-qafas tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli.

(373)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Att huwa skont il-kriterji stabbiliti fil-punti 4.1 to 4.6 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli. Il-metodu biex jitħallsu l-pagamenti attwali tal-ispejjeż mhux irkuprabbli għalhekk huwa kompatibbli mal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli.

(374)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Att huwa kompatibbli mal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli. L-għajnuna ddiżinjata li tħallas l-ispejjeż mhux irkuprabbli eliġibbli tħares il-kriterji stabbiliti fil-Metodoloġija u għalhekk tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni.

(375)

Il-ġeneraturi tal-enerġija eliġibbli ġew awtorizzat li jirċievu l-għajnuna skont il-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli sa mill-1 ta' Mejju 2004. L-Att jipprovdi għal sistema ta' kumpens futur, iżda meta l-ammonti massimi tal-kumpens jiġu kkalkolati, l-ammonti ta' għajnuna li jirċievu l-ġeneraturi tal-enerġija huwa l-ammont wara li jitnaqqas id-dħul iġġenerat mill-assi fl-imgħoddi u li huwa disponibbli biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-investiment. Kif indikat fil-preambolu 356, l-għajnuna mill-istat kollha rċevuta sa mill-1 ta' Mejju 2004 hija inkluża fid-dħul imnaqqas. Meta qieset l-Att kompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjon tqis ukoll l-ammonti ta' għajnuna rċevuti mill-benefiċjarji sa mill-1 ta' Mejju 2004 bħala kompatibbli mas-suq komuni.

7.2.3.   Il-każ speċifiku ta' Dalkia Poznań Zespół Elektrociepłowni S.A. u Electrabel Połaniec S.A.

(376)

Iż-żewġ PPAs konklużi ma' Dalkia Poznań Zespół Elektrociepłowni S.A. u Electrabel Połaniec S.A. skadew fil-31 ta' Diċembru 2006. Għalhekk, dawn l-istazzjonijiet tal-enerġija mhumiex koperti mill-Att. Ladarba ebda minn dawn il-PPAs ma huwa kopert mill-Att, ma jaqawx taħt din id-Deċiżjoni u l-Kummissjoni se toħroġ deċiżjoni separata dwar iż-żewġ kumpaniji kkonċernati.

8.   KONKLUŻJONI

(377)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li:

(a)

Il-PPAs jikkostitwixxu għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, ħlief il-PPA ma' Żarnowiecka Elektrownia Gazowa Sp. z o.o., u li din l-għajnuna mill-istat hija inkompatibbli mas-suq komuni;

(b)

l-Att jikkostitwixxi għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, u li din l-għajnuna mill-istat hija kompatibbli mas-suq komuni b'applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE.

(378)

Kif spjegat fil-punt 7.1.1, l-element tal-għajnuna mill-istat provdut fil-PPAs jikkonsisti prinċipalment mill-fatt li l-PPAs jiggarantixxu x-xiri minn PSE ta' ċertu volum ta' elettriku bi prezz li jkopri l-ispejjeż kollha tal-ġenerazzjoni.

(379)

Ladarba l-għajnuna mill-istat huwa inkompatibbli mat-Trattat KE, għandha tintemm. Ladarba l-ġbir iggarantit u d-dispożizzjonijiet tal-garanzija li jkopru l-ispejjeż huma d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-PPAs, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tmiem tal-għajnuna mill-istat jista' jinkiseb biss bit-terminazzjoni tal-PPAs infushom.

(380)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-tmiem tal-PPAs jimplika xogħol sinjifikanti min-naħa tal-partijiet, b'mod partikolari dwar qbil dwar it-termini li jirregolaw it-terminazzjoni tal-PPAs. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan huwa neċessarju li jingħata żmien raġonevoli biex isir dan il-proċess sabiex jiġi żgurat li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tibqa' xierqa u li t-tranżizzjoni għal suq għal kollox liberalizzat fil-Polonja ssir f'kondizzjonijiet tajbin. Dawn l-għanijiet huma wkoll fl-interess tal-Komunità.

(381)

Meta abbozzat l-Att fil-qafas tal-proċess leġiżlattiv nazzjonali tagħha, il-Polonja kkonsultat lill-partijiet interessati kollha dwar kwistjonijiet tekniċi marbuta mat-terminazzjoni volontarja tal-PPAs. B'riżultat, it-terminu stabbilit fl-Att biex jiġu konklużi l-ftehimiet dwar it-terminazzjoni għall-PPAs huwa ta' 150 jum sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Att, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2008. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-perjodu huwa wkoll xieraq biex jingħalqu l-PPAs kif meħtieġ minn din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni hija tal-fehma l, skont l-Artikolu 5 tal-Att, il-PPAs attwalment se jiġu tterminati fl-ewwel jum tax-xahar wara li jiskadi perjodu ta' 120 jum, li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Att (jiġifieri l-1 ta' April 2008).

(382)

Għalhekk, kif indikat fil-preamboli 356 u 375, l-ammonti ta' għajnuna rċevuti mill-benefiċjarji sa mill-1 ta' Mejju 2004 huma maqbuda mill-att u allura jitqiesu kompatibbli mas-suq komuni,

(383)

Fil-każ speċifiku ta' Żarnowiecka Elektrownia Gazowa Sp. z o.o. il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impjant ma bbenefikax minn għajnuna taħt il-PPA tagħha.

(384)

Iż-żewġ PPAs konklużi ma' Dalkia Poznań Zespół Elektrociepłowni S.A. u Electrabel Połaniec S.A. mhumiex maqbuda minn din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni se tittratta lil dawk iż-żewġ kumpaniji f'deċiżjoni separata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Ftehimiet tax-Xiri tal-Enerġija bejn Polskie Sieci Elektroenergetyczne S.A. u l-kumpaniji indikati fl-Anness 1 tal-Att dwar ir-regoli li jirregolaw il-ħlas tal-ispejjeż magħmula minn intrapriżi in konnessjoni mat-terminazzjoni bikrija tal-Ftehimiet tax-Xiri tal-Enerġija jikkostitwixxu għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE lill-ġeneraturi tal-elettriku.

2.   L-għajnuna mill-istat imsemmija fl-Artikolu 1(1) ingħatat illegalment u hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.   Il-Polonja għandha tittermina l-Ftehimiet tax-Xiri tal-Enerġija msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Il-ftehimiet ta' terminazzjoni għall-Ftehimiet tax-Xiri tal-Enerġija għandhom jiġu konklużi sal-1 ta' Jannar 2008 u għandhom jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard mill-1 ta' April 2008.

Artikolu 3

Il-Ftehim tax-Xiri tal-Enerġija bejn Polskie Sieci Elektroenergetyczne S.A. u Żarnowiecka Elektrownia Gazowa Sp. z o.o. ma jikkostitwixxix għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

Artikolu 4

1.   Il-kumpens provdut fl-att jikkostitwixxi għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 7(1) tat-Trattat KE lill-ġeneraturi tal-elettriku elenkati fl-Appendiċi 2 ta' dak l-Att.

2.   L-għajnuna mill-istat imsemmija fl-Artikolu 4(1) hija kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli.

3.   L-ammont massimu tal-kumpens provdut fl-Att għandu jkun l-ammont wara li jitnaqqas id-dħul totali ġġenerat mill-assi taħt il-PPAs u li huwa disponibbli biex jitħallsu l-ispejjeż tal-investiment.

Artikolu 5

1.   L-awtoritajiet Pollakki għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni sal-31 ta' Jannar 2008 dwar il-miżuri li tkun ħadet il-Polonja biex timplimenta din id-Deċiżjoni.

2.   L-awtoritajiet Pollakki għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Att.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Settembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 52, 2.3.2006, p. 8.

(2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(3)  Adottata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Lulju 2001.

(4)  Fid-dawl tal-Anness IV tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika taċ-Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Islovenija u r-Repubblika Slovakka, u l-emendi għat-Trattat li fuqhom hija msejsal-Unjoni Ewropea (“l-Att tal-Adeżjoni”), li jifforma parti integrali tat-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repbbulika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika taċ-Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Islovenija u r-Repubblika Slovakka għall-Unjoni Ewropea (“it-Trattat tal-Adeżjoni”) (ĠU L 236, 23.9.2003), l-għajnuna mogħtija qabel l-10 ta' Diċembru 1994 titqies bħala għajnuna eżistenti.

(5)  Dan il-PPA ma ġiex iffirmat b'riżultat tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti.

Għajn: Deċiżjoni li tinbeda l-proċedura.

(6)  N.B.: din it-tabella hija bbażata fuq id-dokumentazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Pollakki fl-Appendiċi 1 għall-ittra tagħhom tat-2 ta' Ġunju 2005, li fiha aktar informazzjoni min-notifika oriġinali tal-abbozz.

(7)  Punt 3(1)(i) tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura.

(8)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(9)  ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.

(10)  Il-Każ C-482/99 Franza vs Il-Kummissjoni [2002] ECR I-04397.

(11)  Ara l-punt 3 (1) (ii) tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura.

(12)  Fil-kuntest tat-talba tagħha għal laqgħa mal-Kummissjoni, West LB AG Fergħa ta' Londra wkoll talab xi kummenti addizzjonali permezz ta' ittra datata 27 ta' Diċembru 2006 (ara n-nota ta' qiegħ il paġna 38 hawn taħt) dwar l-Abbozz dwar it-terminazzjoni bikrija tal-PPAs li ġie adottat mill-Kabinett Pollakk f'Diċembru 2006. Laqgħa mar-rappreżentati ta' West LB AG Fergħa ta' Londra u l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Permanenti Pollakk għall-UE saret fl-14 ta' Marzu 2007.

(13)  Kumment sottomess minn BOT, ENS, ECZG, ECK, ELCHO u PAK.

(14)  Ara n-nota ta' qiegħ il paġna 3 hawn fuq.

(15)  Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni CZ 52/2003 (Universal Banka), CZ 58/2003 (Evrobanka), CZ 46/2003 (Investicni a postowni banka).

(16)  Kumment sottomess minn ECZG, ECK u l-Banek.

(17)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ġunju 2000 fil-Każijiet Konġunti T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98.

(18)  Kummenti sottomessi minn BOT, ENS, ECZG, ECK, ELCHO, Rzeszów, il-Banek, PAK, Electrabel u PSE.

(19)  Kliem użat mill-partijiet interessati.

(20)  Referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-Każijiet Konġunti P&O European Ferries (Vizcaya), SA (T-116/01) u Diputación Foral de Vizcaya (T-118/01)Il-Kummissjoni [2003] ECR II-02957, punt 118.

(21)  Issir riferenza għas-sentenzi tal-Qorti fil-każijiet C-83/1 P, C-93/1 P u C-64/01 P Chronopost u oħrajnUfex u oħrajn [2003] ECR I-06993, paragrafi 38 u 39.

(22)  L-awtoritajiet Pollakki ma żammewx dan l-argument fil-kummenti tagħhom.

(23)  Il-każ C-390/98 H.J. Banks & Co. LtdL-Awtorità tal-Faħam u s-Segretarju tal-Istat għall-Kummerċ u l-Industrija [2001] ECR I-06117 u l-każijiet konġunti C-74/00 P u C-75/00 P Falck SpA u Acciaierie di Bolzano SpAIl-Kummissjoni [2002] ECR I-07869.

(24)  Kummenti sottomessi minn BOT, ENS, ACZG, ECK, ELCHO, PAK u PSE.

(25)  Il-każ C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium MagdeburgNahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, u Oberbundesanwalt beim Bundesverwaltungsgericht [2003] ECR I-07747.

(26)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

(27)  Kummenti sottomessi minn BOT, ENS, ECZG, ELCHO u l-Banek.

(28)  Sentenza tal-Qorti tat-2 ta' Frar 1988, każijiet konġunti 67, 68 u 70/85 Van der Kooy BV u oħrajn v Il-Kummissjoni [1988] ECR 00219.

(29)  Kummenti sottomessi minn BOT, ENS, ECK, ELCHO, il-Banek u PAK.

(30)  Kummenti sottomessi minn BOT, ENS, ELCHO u PAK.

(31)  Kummenti sottomessi minn ELCHO, PAK u PSE.

(32)  Kummenti sottomessi minn BOT, ENS, ELCHO, PAK u PSE.

(33)  http://europa.eu/comm/competition/antitrust/others/sector_inquiries/energy/po_1.pdf

(34)  ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3.

(35)  ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1.

(36)  Kummenti sottomessi minn ELCHO, il-Banek u PAK.

(37)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2004 fil-każ tal-għajnuna mill-istat PL 1/03 – Polonja – Kumpens ta' spejjeż li mhumiex irkuprabbli fil-Polonja. Ittra C(2004) 167fin datata 3 ta' Frar 2004.

(38)  Kummenti sottomessi minn Rzeszów and West LB AG Fergħa ta' Londra.

(39)  Rzeszów naqset li tissostanzja dan l-argument f'aktar dettall. Iżda, fil-kummenti addizzjonali tiegħu, West LB AG Fergħa ta' Londra (ara n-nota 11) jgħid li, għalkemm l-abbozz dwar it-terminazzjoni bikrija tal-PPAS jipprovdi li l-PPAs jistgħu jiġi tterminati volontarjament, fil-prattika l-Att jagħmel din it-terminazzjoni obbligatorja. Barra minn dan, b'riżultat tal-likwidazzjoni tal-komponent tal-aġġustament tat-tariffi tas-sistema, PSE ma tibqax tirċievi fondi biex twettaq l-obbligi tagħha taħt il-PPAs wara li jidħol fis-seħħ l-Att – li x'aktarx jirriżulta f'li PSE jkollha diffikoltajiet sinjifikanti biex twettaq l-obbligi tagħha. Għalhekk, jekk il-ġeneraturi tal-enerġija jonqsu milli jitterminaw il-kuntratt volontarjament, ir-risjku li ma jirċevux l-ammont sħiħ tal-finanzjament għall-implimentazzjoni tal-kuntratt huwa ħafna akbar.

(40)  Skond West LB AG Fergħa ta' Londra, il-mod li bih il-kumpens għal spejjeż li mhumiex irkuprabbli huwa kkalkolat u mħallas prattikament iċaħħad lill-istituzzjonijiet finanzjarji mill-għajn tal-ħlas lura tas-self negozjati taħt il-PPAs. L-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom mingħajr kumpens. West LB jargumenta li għalhekk l-abbozz għandu –bħala minimu – jipprovdi għal kumpens suffiċjenti biex jiżgura li l-istituzzjonijiet finanzarji jistgħu jiksbu ħlas lura minnufih tal-finanzjament kollu mogħti lill-ġeneraturi tal-enerġija

(41)  Sentenza tal-Qorti tas-27 ta' Settembru 1988 fil-każijiet konġunti C-106 sa 120/87 Asteris AE u oħrajnIl-Greċja [1988] ECR 05515, paragrafi 23 u 24.

(42)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 3 hawn fuq.

(43)  Il-każ C-379/98 PreussenElektra AGSchleswag AG [2001] ECR I-02099.

(44)  ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17.

(45)  Sentenza tal-Qorti tas-16 ta' Mejju 2002 fil-każ C-482/99 FranzaIl-Kummissjoni [2002] ECR I-04397.

(46)  Il-kummenti ta' Electrabel dwar il-proċedura, il-punt 45, raba' sentenza.

(47)  L-elettriku aħdar jista' jkun eċċezzjoni limitata ladarba l-klijenti jistgħu jkunu ppreparati li jħallsu aktar għall-elettriku li huwa ċċertifikat li ġie ġġenerat mill-għejun tal-enerġija li jistgħu jiġġeddu. Iżda, l-ebda mill-impjanti tal-enerġija li bbenefikaw minn PPAs ma tuża dawn l-għejun tal-enerġija.

(48)  Għajn: Statistika ta' il-Borża tal-Enerġija Pollakk.

(*)  Informazzjoni Kunfidenzjali.

Għajn

:

Stimi tal-Kummissjoni bbażati fuq id-data provduta mill-Polonja. Għal Pątnów II, il-valur huwa għall-2008, l-ewwel sena li fiha l-impjant għandu jkun operattiv.

(49)  http://ec.europa.eu/comm/competition/antitrust/others/sector_inquiries/energy/

(50)  L-ispejjeż marġinali fiż-żmien qasir huma l-ispejjeż li l-ġeneraturi tal-enerġija jistgħu jevitaw bili jagħżlu li jieqfu jiġġeneraw l-elettriku fit-terminu l-qasir. Dawn l-ispejjeż huma pju o meno daqs l-ispejjeż varjabbli, ladarba ż-żewġ kunċetti huma primarjament immexxija mill-ispejjeż tal-karburanti.

(51)  Il-kummenti ta' ELCHO dwar il-proċedura, paragrafu 1.4.1, tielet sentenza.

(52)  Għajn: URE. Messaġġ mill-President tal-Uffiċċju Regolatorju dwar l-Enerġija fir-Rapport Annwali tal-2005. It-tieni paragrafu. http://www.ure.gov.pl/index_eng.php? dzial = 1&id = 6.

(53)  L-aħħar verżjoni ta' din id-Direttiva hija d-Direttiva 2001/80/KE (ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 34).

(54)  Id-direttiva ġiet adottata fid-19 ta' Diċembru 1996 u kienet qed tiġi diskussa mill-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozz tal-proposta tagħha fl-14 ta' Marzu 1992.

(55)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ dwar l-għajnuna mill-istat N 161/04 – Il-Portugall – Spejjeż mhux irkuprabbli fil-Portugall. ĠU C 250, 8.10.2005, p. 9.

(56)  Il-każijiet konġunti C-328/99 u C-399/00 L-Italja u SIM 2 MultimediaIl-Kummissjoni [2003] ECR I-4035, paragrafu 83.

(57)  Sentenza tal-Qorti tal-10 ta' Diċembru 1991 fil-Każ C-179/90 Merci convenzionali porto di Genova SpASiderurgica Gabrielli SpA [1991] ECR I-05889, paragrafu 27.

(58)  http://assets.panda.org/downloads/dirty30rankingfinal260905.pdf.

(59)  Ara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każijiet N 34/99 (ĠU C 5, 8.1.2002, p. 2), NN 49/99 (ĠU C 268, 22.9.2001, p. 7), N 6/A/01 (ĠU C 77, 28.3.2002, p. 26) u C 7/05 (għad mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(60)  Ġurnal tal-Liġijiet 1997/54, numru 348, kif emendat.

(61)  Dawn huma attwalment it-tieni u t-tielet kriterji tas-sentenza Altmark.

(62)  L-Unjoni għall-Koordinazzjoni tat-Trażmizzjoni tal-Elettriku (Union for the Co-ordination of Transmission of Electricity), għaqda ta' operaturi ta' sistemi tat-trażmizzjoni li jikkooperaw fin-netwerk interkonnettjata tal-Ewropa kontinentali.

(63)  Ir-Rapport Annwali ta' PSE tal-2005, disponibbli fuq http://www.pse-operator.pl/uploads/kontener/Annual_Report_2005.pdf.

(64)  Ara, per eżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2004 għajnuna mill-istat CZ 14/03 – Repubblika Ċeka “Česka spořitelna, a.s.”.

(65)  Li magħha l-PPA ġie ffirmat fis-26 ta' Awwissu 1994, kif indikat minn BOT fil-kummenti tagħħa dwar il-proċedura.

(66)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 16.

(67)  PL 1/03 – Spejjeż mhux irkuprabbli – Polonja, ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 36.

(68)  ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.

(69)  Eċċezzjoni għal din ir-regola kienet provduta f'punt 4.16 tal-Linji Gwida Reġjonali, iżda biss għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u r-reġjuni ta' densità baxxa tal-popolazzjoni, li jeskludi r-reġjuni li fihom jinsabu l-ġeneraturi tal-enerġija li jibbenefikaw mill-PPAs.

(70)  Il-Linji Gwida Reġjonali huma bbażati kemm fuq l-Artikolu 87(3)(a) kif ukoll l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE. Jipprovdu għall-istess tip ta' valutazzjoni għaż-żewġ Artikoli. Id-differenza fl-applikazzjoni ta' dawn iż-żewġ Artikolu hija marbuta mal-oqsma fejn jgħoddu u l-intensitajiet ammissibbli tal-għajnuna.

(71)  Punt 4.8 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż mhux irkuprabbli.

(72)  Ittra mill-awtoritajiet Pollakki tas-6 ta' Ġunju 2007.

(73)  Ara per eżempju l-każ N 161/04 – Il-Portugall (ĠU C 250, 8.10.2005, p. 9).

(74)  Ara per eżempju s-sentenza tat-2 ta' Lulju 1974 fil-każ C-173/73 L-Italja v Il-Kummissjoni [1974] ECR 709 u s-sentenza tat-22 ta' Marzu 1977 fil-każ C-78/76 Steinike & Weinlig v. Il-Ġermanja [1977] ECR 595.

(75)  Ara b'mod partikolari l-każ NN 49/99 – Spejjeż mhux irkuprabbli fi Spanja (ĠU C 268, 22.9.2001, p. 7).

(76)  Il-każ dwar l-għajnuna mill-istat N 133/01 – Spejjeż mhux irkuprabbli fil-Greċja (ĠU C 9, 15.1.2003, p. 6).

(77)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 72.

(78)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.