13.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/8


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Settembru 2007

skema ta’ għajnuna C 12/06 (ex N 132/05) li r-Reppubblika Ċeka qed tippjana li timplimenta biex tappoġġa t-trasport ikkombinat

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4134)

(It-test Ċek biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/182/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tas-16 ta’ Marzu 2005, ir-Rappreżentanza Permanenti Ċeka nnotifikat skema ta’ għajnuna biex tappoġġa t-trasport ikkombinat. L-għajnuna ġiet irreġistrata taħt N 132/05. Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni staqsiet aktar mistoqsijiet rigward din l-iskema u l-awtoritajiet Ċeki wieġbu għal din l-ittra permezz tal-ittra rreġistrata minn DĠ TREN fil-11 ta’ Lulju 2005. Fl-14 ta’ Ġunju 2005 saret laqgħa teknika bejn l-awtoritajiet Ċeki u s-servizzi tal-Kummissjoni. It-tieni talba għall-informazzjoni ntbagħtet permezz tal-ittra tal-5 ta’ Settembru 2005. It-tweġiba għal din it-talba ntbagħtet mill-awtoritajiet Ċeki permezz tal-ittra tal-5 ta’ Ottubru 2005. It-tielet talba għall-informazzjoni ntbagħtet permezz tal-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2005. It-tweġiba għal din it-talba ntbagħtet mill-awtoritajiet Ċeki permezz tal-ittra tad-9 ta’ Jannar 2006.

(2)

Permezz tal-ittra tal-4 ta’ April 2006, il-Kummissjoni għarrfet lir-Repubblika Ċeka li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ miżura speċifika waħda li tikkonċerna l-għajnuna għax-xiri ta’ ċerti tipi ta’ vaguni għall-użu għat-trasport ikkombinat u ddeċidiet li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni li tikkonċerna l-bqija tal-miżuri ta’ għajnuna.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom.

(4)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand partijiet interessati.

(5)

L-awtoritajiet Ċeki ressqu l-kummenti tagħhom għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2006 lill-Kummissjoni permezz tal-ittra tad-9 ta’ Mejju 2006.

(6)

Permezz tal-ittra tal-1 ta’ Frar 2007 l-awtoritajiet Ċeki għarrfu lill-Kummissjoni dwar il-modifiki introdotti fl-iskema ta’ għajnuna nnotifikata rigward ix-xiri ta’ ċerti tipi ta’ vaguni għall-użu għat-trasport ikkombinat. Informazzjoni addizzjonali ntbagħtet lill-Kummissjoni fis-27 ta’ April 2007. Permezz tal-ittra tat-28 ta’ Ġunju 2007, l-awtoritajiet Ċeki għarrfu lill-Kummissjoni dwar il-modifiki ġodda introdotti fl-iskema rigward ix-xiri ta’ ċerti tipi ta’ vaguni għall-użu għat-trasport ikkombinat.

2.   DESKRIZZJONI TAL-ISKEMA

2.1.   Għan

(7)

L-għan tal-iskema huwa li tiżviluppa trasport ikkombinat sabiex tikseb bidla fit-traffiku mit-trasport ta’ merkanzija bit-triq għall-modi oħra ta’ trasport. L-iskema tikkonsisti minn għadd ta’ sottoprogrammi;

(a)

Sottoprogramm 1: Għajnuna għall-bini, l-estensjoni u l-immodernizzar ta’ terminali eżistenti tat-trasport ikkombinat;

(b)

Sottoprogramm 2: Għajnuna għall-akkwist ta’ għotjiet ta’ investiment għal tagħmir tat-trasport ikkombinat;

(c)

Sottoprogramm 3: Għajnuna għall-fażi tat-twaqqif ta’ rotot ġodda għat-trasport ikkombinat.

(8)

L-iskema għandha primarjament iżżid l-użu tat-trasport ikkombinat mhux akkompanjat billi ttejjiblu l-kompetittività.

2.2.   Bażi legali

(9)

Il-bażi legali se tkun ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern tar-Reppubblika Ċeka dwar il-politika ta’ qafas għall-iżvilupp tat-trasport ikkombinat u l-appoġġ għalih fil-perjodu 2006-2010.

2.3.   Benefiċjarji

(10)

Il-benefiċjari se jkunu l-operaturi tat-trasport ikkombinat, it-trasportaturi ferrovjarji u l-operaturi tat-terminali.

(11)

Il-kumpaniji kollha tal-UE li għandhom uffiċċji, aġenziji, fergħat u sussidjarji rreġistrati fir-Repubblika Ċeka jkollhom aċċess għall-għajnuna.

2.4.   Tip ta’ għajnuna

(12)

L-għajnuna se tkun fil-forma ta’ sussidji mhux rimborsabbli.

Is-sottoprogramm 2 jipprovdi għal għajnuna f’forma ta’ għotjiet ta’ investiment għall-akkwist ta’ tagħmir tat-trasport ikkombinat, inkluż ix-xiri ta’ ċerti tipi ta’ vaguni għat-trasport ikkombinat

(13)

Il-miżuri ta’ għajnuna mill-istat inklużi fis-sottoprogrammi 1 u 3 u dawk fis-sottoprogramm 2 bl-esklużjoni tal-għajnuna għax-xiri ta’ ċerti tipi ta’ vaguni għall-użu fit-trasport ikkombinat kienu l-għan tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni adotatta fl-4 ta’ April 2006 li permezz tagħha nfetħet il-proċedura investigattiva attwali. Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-miżuri l-oħra kollha ħlief għax-xiri ta’ ċerti tipi ta’ vaguni għall-użu fit-trasport ikkombinat. Konsegwentement, id-deċiżjoni attwali tikkonċerna biss l-għajnuna għax-xiri ta’ ċerti tipi ta’ vaguni għall-użu fit-trasport ikkombinat.

(14)

L-awtoritajiet Ċeki jikkunsidraw fin-notifika tagħhom li dawn il-vaguni speċjali ma jistgħux jintużaw għas-servizzi ferrovjarji tradizzjonali, iżda esklussivament u biss għat-trasport ta’ unitajiet ta’ trasport intermodali. Dawn il-vaguni għandhom kostruzzjoni speċjali, immodifikata għat-trasport ta’ unitajiet ta’ trasport intermodali biss, u għalhekk huwa impossibbli li dawn il-vaguni jintużaw biex tinġarr merkanzija bħalma tinġarr minn vetturi ferrovjarji tradizzjonali – pereżempju, il-vaguni ma’ għandhomx twavel tal-qiegħ, tal-ġnub jew tat-truf, iżda huma mgħammra b’biċċiet li jidħlu f’xulxin (twistlocks). Is-sussidju se jingħata biss għal dawn il-vaguni ferrovjarji speċjali u l-applikant ikollu jipprovdi l-ispeċifikazzjoni preċiża tagħhom u jużahom għal linja ġdida tat-trasport ikkombinat speċifika. L-għan ewlieni tal-appoġġ huwa li jiżgura l-għadd meħtieġ ta’ vaguni ferrovjarji għal-linja tat-trasport ikkombinat rispettiva, jew il-vaguni ferrovjarji għas-sistemi “ġodda” tat-trasport ikkombinat (eż. it-tħejjija tat-trejlers ta’ fuq it-toroq), li s’issa għadhom ma tħaddmux fir-Repubblika Ċeka. L-istess prinċipju se jintuża wkoll għall-vetturi speċjali tat-trasport ikkombinat bit-triq, u l-appoġġ se jiġi estiż ukoll għall-unitajiet tat-trasport intermodali bl-eċċezzjoni tal-kontejners ISO.

2.5.   Intensità, baġit u tul ta’ żmien

(15)

L-intensità tal-għajnuna hija 30 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(16)

Il-baġit mistenni għall-perjodu 2006-2010 huwa ta’ CZK 1 580 miljun (EUR 55 702 450) għall-programm kollu.

2.6.   Proċedura

(17)

Il-proċedura biex tingħata l-għajnuna, il-valutazzjoni tal-proġett, il-miżuri ta’ akkumulazzjoni u ta’ kontroll huma identiċi għal dawk awtorizzati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ April 2006.

3.   RAĠUNIJIET BIEX TINFETAĦ IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI: DUBJI TAL-KUMMISSJONI FIR-RIGWARD TAL-KOMPATIBBILTÀ, TAL-GĦAJNUNIET GĦALL-VAGUNI SPEĊJALI GĦAT-TRASPORT IKKOMBINAT, MAT-TRATTAT

(18)

Fir-rigward tal-parti speċifika tal-għajnuna li tikkonċerna l-vaguni speċjali għat-trasport ikkombinat, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk setgħetx tkun iddikjarata kompatibbli mat-Trattat tal-KE.

(19)

Fid-dawl tal-politika tal-Kummissjoni li tinkoraġġixxi t-trasport ikkombinat, it-tali miżura tista’ titqies bħala kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE jekk, b’mod partikolari jkun żgurat li l-vaguni, li x-xiri tagħhom huwa appoġġat mill-għajnuna, jistgħu jintużaw biss għall-ħidmiet tat-trasport ikkombinat. Fl-istadju tal-ftuħ tal-proċeduri, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed tagħrif disponibbli sabiex tistabbilixxi definittivament li dawn il-vaguni jistgħu biss u esklussivament jintużaw fi ħdan il-qafas ta’ servizz tat-trasport ikkombinat.

(20)

Alternattivament, l-għajnuna mogħtija għall-akkwist ta’ vetturi ferrovarji li ma jintużawx esklussivament għat-trasport ikkombinat tista’ tkun iddikjarata kompatibbli jekk il-benefiċjarji tal-għajnuna jkunu biss impriżi żgħar jew ta’ daqs medju (“SMEs”). L-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (3) jippermetti investimenti ta’ għajnuna fil-vaguni ferrovjarji għall-SMEs. B’mod partikolari, l-intensità tal-għajnuna ffissata bl-Artikolu 4(2) hija 15 % għall-impriżi żgħar u 7,5 % għall-impriżi ta’ daqs medju. Sabiex tapplika dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni talbet il-konferma li l-miżura intenzjonata tkun ta’ benefiċċju biss għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju u fi ħdan dawn il-limiti.

4.   KUMMENTI MINGĦAND IR-REPUBBLIKA ĊEKA

A.   Kummenti għad-deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali

(21)

Permezz tal-ittra tagħhom tad-9 ta’ Mejju 2006, l-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka ressqu l-kummenti li ġejjin.

(22)

L-għajnuna proposta tkopri x-xiri ta’ vaguni ferrovjarji speċjali intenzjonati għall-użu fit-trasport ikkombinat biss, li ma jistgħux jintużaw għal skopijiet oħra ta’ trasport ferrovjarju minħabba d-diżinn speċjali tagħhom.

(23)

Skont is-sistema internazzjonali ta’ mmarkar bl-itti UIC, dawn huma vaguni fil-kategorija S, jew possibilment fil-kategorija L. Il-kategorija “S” tfisser vagun ċatt ta’ għamla speċifika bir-roti u b’fusien armati flimkien (bogies), filwaqt li l-kategorija “L” tfisser vagun ċatt, b’żewġ fusien ta’ għamla speċifika. Il-vaguni f’dawn il-kategoriji huma ta’ diżinn speċjali (għamla speċifika), adattati esklussivament għat-trasport ta’ unitajiet tat-trasport intermodali, li ma jippermettix l-użu ta’ dawn il-vaguni għall-ġarr ta’ merkanzija bl-istess mod ta’ vaguni ferrovjarji oħra. Iż-żona tat-tagħbija tal-vaguni f’dawn il-kategoriji hija magħmula minn struttura f’forma ta’ qafas b’pinnijiet għat-twaħħil jew komponenti speċjali oħra jew apparati li huma essenzjali biex jitwaħħlu jew jiġu mmaniġġati l-unitajiet tat-trasport intermodali. Għalhekk ma’ għandhomx qiegħ sħiħ, ġnub jew pilastri jew tarf, u għalhekk mhuwiex possibbli li jitwaħħlu ma’ kwalunkwe tip ta’ tagħbija ħlief mal-unitajiet tat-trasport intermodali. Hemm madwar 100 tip ta’ vagun f’dawn il-kategoriji fl-Ewropa.

(24)

L-għan tal-għajnuna għax-xiri tat-tali vaguni huwa li jkunu assigurati l-vaguni ferrovjarji speċjali għar-rotot ġodda tat-trasport ikkombinat, jew il-vaguni ferrovjarji “ġodda” għas-sistemi tat-trasport ikkombinat, li sal-lum qatt ma tħaddmu fir-Repubblika Ċeka (eż. it-trasport tas-semikarrijiet bit-triq) jew li tħaddmu ftit (eż. it-trasport ta’ swap bodies).

(25)

Il-vaguni ferrovjarji speċjali, li l-akkwist tagħhom ikun iffinanzjat mir-riżorsi pubbliċi, ikunu jistgħu jintużaw biss fil-kuntest ta’ rotta ġdida tat-trasport ikkombinat u skont il-kundizzjonijiet stipulati minn qabel fir-riżoluzzjoni tal-gvern imsemmija fil-premessa 9. L-għotja tista’ tilħaq massimu ta’ 30 % tal-ispejjeż globali tal-akkwist. Il-kumitat ta’ evalwazzjoni jivvaluta l-għadd ta’ vaguni akkwistati, l-ammont tal-għotja, l-osservazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Programm u l-kwalità tal-pjan ta’ ħidma

(26)

F’intervalli regolari ta’ tliet xhur matul perjodu preskritt, il-benefiċjarju għandu jibgħat lill-Ministeru tat-Trasport, inter alia, informazzjoni dwar it-tħaddim tar-rotta l-ġdida u l-użu tal-vaguni ferrovjarji akkwistati permezz tal-għotja. Barra minn hekk, il-monitoraġġ tal-Ministeru tat-Trasport se jiffoka fuq ir-reġistri ta’ kontabilità u ta’ inventarji u kontrolli fiżiċi fuq bażi aleatorja fuq il-vaguni konċernati.

(27)

Il-konverżjoni ta’ dawn il-vaguni hija diffiċli mil-lat tekniku u tqum ħafna flus. Il-konverżjoni tkun tinvolvi wkoll bidla fl-immarkar tal-vaguni, li naturalment teħtieġ l-approvazzjoni tal-Awtorità Amministrattiva Ferrovjarja, korp tal-Istat Ċek. Il-konverżjonijiet tal-vaguni tkun tidher ukoll fir-reġistri tal-inventarji, li jkunu soġġetti għall-kontrolli mill-Ministeru għat-Trasport.

(28)

Ir-Repubblika Ċeka temmen li appoġġ għax-xiri ta’ vaguni ferrovjarji tas-serje S jew L huwa kompatibbli mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għaliex huwa proprju d-diżinn ta’ dawn il-vaguni li ma jippermettix l-użu tagħhom fit-trasport ferrovjarju ordinarju u l-konverżjoni ta’ dawn il-vaguni jkun diffiċli mil-lat tekniku u jkun iqum ħafna flus. Il-monitoraġġ tal-użu tar-riżorsi finanzjarji se jkun ibbażat, l-ewwel nett, fuq it-tagħrif li l-benefiċjarju huwa obbligat li jibgħat lill-Ministeru għat-Trasport, inter alia, li jikkonċerna t-tħaddim ta’ rotta ġdida u l-użu tal-vaguni ferrovjarji akkwistati permezz tal-għotja u, t-tieni, dwar il-verifika tar-reġistri ta’ kontabilità u ta’ inventarji tal-benefiċjarju, inklużi l-kontrolli fiżiċi fuq bażi aleatorja fuq dawn il-vaguni.

B.   Modifika tal-iskema ta’ għajnuna

(29)

Fl-ittra tagħhom tal-1 ta’ Frar 2007 l-awtoritajiet Ċeki nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar modifika tal-iskema ta’ għajnuna fir-rigward tal-intensità tal-għajnuna għax-xiri ta’ ċerti tipi ta’ vaguni għall-użu fit-trasport ikkombinat sabiex ikunu adattati għar-rekwiżit tar-Regolament (KE) Nru 70/2001. Madanakollu, permezz tal-ittra tat-28 ta’ Ġunju 2007, l-awtoritajiet Ċeki għarrfu lill-Kummissjoni dwar il-modifiki l-ġodda introdotti fl-iskema rigward ix-xiri ta’ ċerti tipi ta’ vaguni għall-użu għat-trasport ikkombinat sabiex jinżammu d-dispożizzjonijiet tan-notifika oriġinali.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

(30)

Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, kwalunkwe għajnuna fi kwalunkwe forma li tkun mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew id-dispożizzjoni ta’ ċertu merkanzija għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni, ħlief jekk stipulat mod ieħor fit-Trattat.

(31)

Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-użu tar-riżorsi tal-istat, il-miżura prevista tistabbilixxi li l-benefiċjarji magħżula se jirċievu kontribut tal-istat. L-istat huwa responsabbli għall-provvediment ta’ dawn it-tipi ta’ kontributi finanzjarji. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura timplika l-użu tar-riżorsi tal-istat.

(32)

Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv, il-miżura ta’ għajnuna tapplika biss għall-kumpaniji ferrovjarji li joperaw trasport ikkombinat fir-Repubblika Ċeka. Għalhekk tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-provvediment ta’ ċertu merkanzija.

(33)

Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri li qed jintlaqtu, meta għajnuna mogħtijia minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ intrapriża meta mqabbla ma’ intrapriżi oħra li jikkompetu fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar jeħtieġ li jitqiesu li nltaqtu minn dik l-għajnuna. (4)

(34)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta’ Diċembru 1992 dwar it-twaqqif ta’ regoli komuni għal ċertu tip ta’ trasport ikkombinat ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri (5) mill-1 ta’ Lulju 1993 illiberalizzat il-ħidmiet tat-trasport ikkombinat imsemmi fl-Artikolu 1 tagħha mis-sistemi ta’ kwota u ta’ awtorizzazzjoni kollha. Minn dakinhar ‘l hawn, l-intrapriżi qed isiru progressivament aktar attivi f’diversi Stati Membri, u l-kummerċ intra-Komunitarju beda jiżviluppa. Il-kompetizzjoni bejn l-entitajiet ekonomiċi attivi fit-trasport ikkombinat tal-merkanzija qiegħed għalhekk jiżviluppa lil hinn mill-konfini tal-Istati Membri differenti. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tar-Repubblika Ċeka l-iżvilupp tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi tat-trasport ikkombinat fi ħdan u lil hinn minn dan l-Istat Membru huma relattivament aktar f’saħħithom minn dawk f’partijiet oħra tal-Komunità. Il-miżura maħsuba se tappoġġa l-operaturi tat-trasport ikkombinat li jiżviluppaw attività fir-Repubblika Ċeka, f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħrajn li jiżviluppaw l-attività tagħhom fl-Istati Membri ġirien. Fil-fatt, tista’ twassal għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(35)

Fid-dawl ta’ dawk il-fatti, il-Kummissjoni tqis li l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata tinvolvi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, u għalhekk, fil-prinċipju, mhijiex permessa skont dak l-Artikolu, sakemm ma titqiesx kompatibbli mas-suq komuni skont kwalunkwe waħda mill-eżenzjonijiet stipulati fit-Trattat jew fil-leġiżlazzjoni sekondarja.

6.   STIMA TAL-KOMPATIBILITÀ TAL-MIŻURA TA’ GĦAJNUNA

(36)

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni aktar speċifika, l-iskema nnotifikata tista’ tiġi vvalutata biss fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)c tat-Trattat.

(37)

L-Artikolu 87(3)(c) jistipula li l-għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi tista’ titqies kompatibbli mas-suq komuni basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

6.1.   Għan tal-interess komuni

(38)

Il-Komunità ilha għal ftit żmien tmexxi politika biex tikseb sistema bilanċjata ta’ trasport intermodali u t-trawwim tal-kompetittività tat-trasport ikkombinat imqabbel mat-trasport bit-triq huwa parti essenzjali minn din il-politika. L-għan tal-politika tal-KE għat-trasport ikkombinat huwa li titwettaq bidla modali minn trasport bit-triq għall-modi oħra ta’ trasport.

(39)

Strumenti Komunitarji bħad-Direttiva 92/106/KEE għandhom l-għan espliċitu li jrawmu l-iżvilupp tat-trasport ikkombinat, kif ikkonfermat fir-raba’ premessa ta’ dik id-Direttiva. Il-White Paper dwar il-Politika tat-Trasport (6) tinkoraġġixxi l-użu tat-trasport ferrovjarju u ta’ trasport ieħor li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent sabiex isiru alternattivi kompetittivi għat-trasport bit-triq.

(40)

Il-politika intermodali hija inizjattiva biex titneħħa l-pressjoni minn fuq is-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, u taqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Gothenburg ta’ Ġunju 2001 li ddikjara li miżuri li jgħinu bidla mit-trasport bit-triq għal modi ta’ trasport li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent huma fil-qalba tal-politika tat-trasport sostenibbli (7).

(41)

Barra minn hekk, illum il-ġurnata, l-industrija Ewropea żżomm jew iżżid il-kompetittività tal-produzzjoni tagħha bbażata fl-Ewropa permezz ta’ loġistika avvanzata, titjib fil-produzzjoni u fid-distribuzzjoni, u bil-ħolqien ta’ valur fil-proċess. Dawn il-ktajjen ta’ provvista sofistikati huma dejjem aktar vulnerabbli għall-kredibbiltà li dejjem tonqos u għall-ispejjeż dejjem ogħla tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Għalhekk il-loġistika intermodali jkollha ssir attività ewlenija għall-industrija tal-produzzjoni tal-Ewropa, sabiex jinżammu assi u proċessi produttivi fl-Ewropa.

6.2.   Il-ħtieġa għall-għajnuna u l-proporzjonalità tagħha

(42)

It-trasport intermodali huwa għażla kkumplikata ta’ trasport, li tinvolvi partijiet interessati varji flimkien ma’ mudelli ta’ kummerċ varji, f’ambjent frammentat u fuq skala żgħira, li spiss huwa sseparat minn kulturi modali u skont linji nazzjonali. Il-Kummissjoni tagħraf li l-ħidma biex jittejjeb it-trasport intermodali fis-swieq hija primarjament ir-responsabbiltà tal-operaturi tas-suq, li l-aċċess għalihom huwa liberu u fejn il-kompetizzjoni ħielsa, il-provvista u l-forniment jiddominaw. Madankollu, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-trasport intermodali, ir-rieda li jittieħdu riskji inerenti għall-bidla mit-toroq għall-modi alternattivi, jeħtieġ li tiġi stimulata.

(43)

Ħafna kumpaniji tat-trasport illum il-ġurnata qed joperaw fi swieq li qegħdin f’ristrutturazzjoni sħiħa. Il-qligħ huwa baxx, l-ippjanar huwa iebes, u l-futur huwa inċert. Għalhekk, jeħtieġ li jitfasslu programmi ta’ appoġġ prattiċi u orjentati lejn is-suq sabiex jgħinu lis-settur intermodali jieħu riskji u jirrispondi għall-isfida li tintlaħaq bidla sostenibbli u kbira, skont il-miri stipulati fil-White Paper tal-Kummissjoni tal-2001.

(44)

L-għajnuna proposta tkopri x-xiri ta’ vaguni ferrovjarji speċjali intenzjonati għall-użu fit-trasport ikkombinat biss, li ma jistgħux jintużaw għal skopijiet oħra ta’ trasport ferrovjarju minħabba l-għamla speċjali tagħhom.

(45)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Ċeki fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Mejju 2006, imsemmija fil-premessi 20 sa 27 ta’ din id-Deċiżjoni, jindikaw b’mod ċar li l-vaguni speċjali huma esklussivament iddedikati għall-ħidmiet tat-trasport ikkombinat minħabba d-diżinn speċjali tagħhom (għamla speċifika), adattati esklussivament biex iġorru l-merkanzija bl-istess mod ta’ vaguni ferrovjarji oħra.

(46)

Il-Kummissjoni fil-prattika tagħha kkunsidrat li għajnuna mill-Istat għall-akkwist ta’ tagħmir iddiżinjat esklussivament għat-trasport ikkombinat (8), b’mod partikolari vaguni ta’ kundizzjonijiet daqshekk speċifiċi (9), hija kompatibbli mar-regoli tat-Trattat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li (10) jeħtieġ li jkunu mmodernizzati jew imġedda l-vetturi ferrovjarji fil-qasam tat-trasport ferrovjarju sabiex jiġi evitat tnaqqis fis-sehem tas-suq tat-trasport meta mqabbel ma’ modi ta’ trasport oħra inqas sostenibbli u aktar ta’ ħsara għall-ambjent.

6.3.   Il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ mhumiex milquta sal-punt li jmur kontra l-interess komuni

(47)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li skont il-prattika stabbilita (11), il-limitazzjoni tal-intensità tal-għajnuna għal 30 % tiżgura li l-kundizzjonijiet ta’ kummerċ ma jkunux milquta b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

6.4.   Konklużjoni: kompatibilità skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE

(48)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna għax-xiri ta’ ċerti tipi ta’ vaguni għall-użu fit-trasport ikkombinat ikkonċernat f’dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat kompatibbli mat-Trattat tal-KE skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat għaliex mhux se jfixklu l-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Ċeka qed tippjana biex timplimenta fir-rigward tax-xiri ta’ ċerti tipi ta’ vaguni għall-użu tat-trasport ikkombinat hija kompatibbli mas-suq komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

L-implimentazzjoni tal-għajnuna hija awtorizzata skont dan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU C 150, 28.6.2006, p. 35.

(2)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 1.

(3)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33.

(4)  Ara, b’mod partikolari, il-Kawża 730/79 Philip Morris v il-Kummissjoni [1980] Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ġabra) 2671, il-paragrafu 11; Il-kawża C-53/00 Ferring [2001] Ġabra I-9067, il-paragrafu 21; u l-Kawża C-372/97 l-Italja v il-Kummissjoni, [2004] Ġabra I-3679, il-paragrafu 44.

(5)  ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38.

(6)  White Paper; Politika Ewropea tat-trasport għall-2010: il-waqt tad-deċiżjonijiet, COM(2001) 370.

(7)  Aċċessibbli fuq il-weblink, http://ec.europa.eu/governance/impact/docs/key_docs/goteborg_concl_en.pdf (il-punt 29)

(8)  Id-Deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2006, il-Kawża N 575/06 – l-Italja (ĠU C 139, 23.6.2007, p. 11); Id-Deċiżjoni tas-6 ta’ April 2006, il-Kawża N 132/06 – r-Repubblika Ċeka (ĠU C 150, 28.6.2006, p. 35); Id-Deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2004, il-Kawża N 140/06 – l-Awstrija (ĠU C 126, 25.5.2005, p. 10); Id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2002, il-Kawża N 566/02 – il-Belġju (ĠU C 248, 16.10.2003, p. 3); Id-Deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2003, il-Kawża N 134/01 – l-Italja (ĠU C 311, 20.12.2003, p. 18); Id-Deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2002, il-Kawża N 833/01 – l-Italja (ĠU C 242, 8.10.2002, p. 8); Id-Deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 1997, il-Kawża N 79/97 – l-Olanda (ĠU C 377, 12.12.1997, p. 3); Id-Deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 1999, C 21/98 – l-Italja, ĠU L 227, 28.8.1999, p. 12; Id-Deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2000, N 508/99 – l-Italja (ĠU C 71, 3.3.2001, p. 21), id-Deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 1999, il-Kawża N 121/99 – l-Awstrija (ĠU C 245, 28.8.1999, p. 2).

(9)  Id-Deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2002, il-Kawża C644/2001 – l-Awstrija (ĠU C 88, 12.4.2002, p. 16). Ara wkoll id-Deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2007, il-Kawża N 76/07 – l-Awstrija, għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kawża C 46/2004 (ex NN 65/2004) – Franza, il-premessi 176 u 177 (ĠU L 112, 30.4.2007, p. 41).

(11)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2006, il-Kawża N 575/06 – l-Italja – ir-Reġjun ta’ Friuli-Venezia Giulia – titwil tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata eżistenti N 134/01 – l-Italja – ir-Reġjun ta’ Friuli-Venezia Giulia – Abbozz ta’ Liġi Nru 106/1-A – Għajnuna għat-twaqqif ta’ infrastruttura u servizzi fis-settur tat-trasport tal-merkanzija, għall-istrutturar mill-ġdid tat-trasport fuq it-toroq u l-iżvilupp ta’ trasport ikkombinat, (għadha mhix ippubblikata); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2006, il-Kawża Nru 196/06 – l-Awstrija – Linjigwida dwar l-għajnuna għas-sistemi ta’ trasbord fit-trasport intermodali, (ĠU C 280, 18.11.2006); Id-Deċiżjoni tas-6 ta’ April 2006, Għajnuna mill-Istat N 132/05 – ir-Repubblika Ċeka (ĠU C 150, 28.6.2006, p. 35); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2006, il-Kawża N 247/04 – il-Belġju - Aide au transport combiné de Région wallonne, ĠU C 136, 3.6.2005, p. 43; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2006, N 160/05 – il-Polonja –Skema ta’ għajnuna għall-iżvilupp ta’ sistemi intermodali, (ĠU C 272, 9.11.2006, p. 10); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2005, il-Kawża N 238/04 – il-Ġermanja - Aide au transport combiné de Région wallonne, (ĠU C 136, 3.6.2005, p. 43); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002, Nru 566/02 – il-Belġju – Id-Deċiżjoni tal-Gvern Fjamming dwar l-għajnuna għat-trasport ikkombinat fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni ta’ espansjoni ekonomika, (ĠU C 248, 16.10.2003); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 1998, il-Kawża N 598/98 – L-Olanda, (ĠU C 29, 4.2.1999, p. 13); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 1999, il-Kawża N 121/99 – l-Awstrija, (ĠU C 245, 28.8.1999, p. 2); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 1999, il-Kawża Nru 508/99 – l-Italja – ir-Reġjun ta’ Bozen-Alto-Adige – il-Liġi 4/97, (ĠU C 71, 3.3.2001, p. 21); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2000, il-Kawża Nru 755/99 – l-Italja – ir-Reġjun ta’ Bozen-Alto-Adige – il-Liġi Nru 8/98, (ĠU C 71, 3.3.2001, p. 19);