12.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/85


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Marzu 2009

dwar il-pubblikazzjoni b’restrizzjoni tar-referenza tal-istandard EN 12312-9:2005 “Tagħmir ta’ appoġġ fl-art għall-inġenji tal-ajru – Rekwiżiti speċjali – Parti 9: Lowders tal-kontejners u l-palits” f’konformità mad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1551)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/180/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/37/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju1 u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti mwaqqaf mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u tar-regoli tas-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika2

Billi:

(1)

Fejn standard nazzjonali li jittrasponi l-istandard armonizzat, li r-riferenza għalih tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikopri wieħed jew iktar mir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/37/KE, il-makkinarju mibni skont dak l-istandard ikun meqjus li jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti.

(2)

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 98/37/KE, Franza ressqet oġġezzjoni formali fir-rigward tal-istandard EN-12312-9:2005, “Tagħmir ta’ appoġġ fl-art għall-inġenji tal-ajru – Rekwiżiti speċjali – Parti 9: Lowders tal-kontejners u l-palits”, adottat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fil-21 ta’ Marzu 2005, li r-referenza tiegħu ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3).

(3)

Wieħed mir-riskji ewlenin marbutin mal-lowders tal-kontejners u l-palits fl-ajruporti huwa r-riskju li jaqgħu mill-pożizzjoni elevata tat-tħaddim u minn pożizzjonijiet oħra li l-operaturi jkollhom aċċess għalihom, huma u jħaddmu l-bibien tat-tagħbija u huma u jġorru t-tagħbijiet. Il-mezzi tal-protezzjoni minn dan ir-riskju għandhom ikunu effettivi filwaqt li jakkomodaw il-forma tal-inġenju tal-ajru u jevitawlha l-ħsara.

(4)

Wara li eżaminat l-istandard EN 12312-9:2005, il-Kummissjoni stabbilixxiet li ma jissodisfax ir-rekwiżit essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza 1.5.15 tal-Anness I tad-Direttiva 98/37/KE dwar ir-riskju ta’ żliq, ta’ tfixkil jew li wieħed jista’ jaqa’, flimkien mar-rekwiżit essenzjali tas-sikurezza 1.1.2(b) ta’ dak l-Anness dwar il-prinċipji tal-intergrazzjoni tas-sikurezza. Partikolarmanet, il-klawżola 5.6 tal-istandard “Tgħaffiġ, qatgħat u waqgħat”, ma tagħtix speċifikazzjonijiet għall-għażla, id-disinn, il-post u l-kostruzzjoni tal-mezzi li għandhom jintużaw għall-protezzjoni minn waqgħat mil-lowders tal-kontejners u l-palits iżda tirreferi biss għall-ispeċifikazzjonijiet ġenerali ta’ EN 1915-1:2001, “Tagħmir ta’ appoġġ fl-art għall-inġenji tal-ajru – Rekwiżiti ġenerali – Parti 1: Rekwiżiti bażiċi tas-sikurezza” li jiddeskrivu t-tipi varji ta’ protezzjoni li jistgħu jintużaw.

(5)

Fl-interess tas-sikurezza u ċ-ċertezza legali, il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard EN 12312-9:2005 għandha għalhekk tkun akkumpanjata bi twissija xierqa.

(6)

L-Istati Membri għandhom iżidu twissija identika fil-pubblikazzjoni tagħhom tar-referenza tal-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandard EN 12312-9:2005,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard EN 12312-9:2005: “Tagħmir ta’ appoġġ fl-art għall-inġenji tal-ajru – Rekwiżiti speċjali – Parti 9: Lowders tal-kontejners u l-palits” għandha tkun kif stipulat fl-Anness.

Artikolu 2

Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 98/37/KE, meta l-Istati Membri jippubblikaw ir-referenza ta’ standard nazzjonali li jittrasponi l-istandard armonizzat EN 12312-9:2005, mal-pubblikazzjoni għandhom iżidu twissija identika għal dik stipulata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi-President


(1)  ĠU L 207, 23.7.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(3)  ĠU C 336, 31.12.2005, p. 12.


ANNESS

Pubblikazzjoni ta’ titoli u referenzi tal-istandards armonizzati Ewropej skont id-Direttiva 98/37/KE

ESO (1)

Referenza u titlu tal-istandard armonizzat

(u d-dokument tar-referenza)

L-ewwel pubblikazzjoni fil-ĠU

Referenza tal-istandard mibdul

Id-data tat-tmiem tal-preżunzjoni tal-konformità tal-istandard mibdul

(Nota 1)

CEN

EN 12312-9:2005

Tagħmir ta’ appoġġ fl-art għall-inġenji tal-ajru – Rekwiżiti speċjali – Parti 9: Lowders tal-Kontejners u l-Palits

31.12.2005

 

Twissija:

Din il-pubblikazzjoni ma tikkonċernax il-klawżola 5.6 tal-istandard li l-applikazzjoni tiegħu ma timplikax preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżit essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza 1.5.15 tal-Anness I tad-Direttiva 98/37/KE, flimkien mar-rekwiżit 1.1.2(b) ta’ dak l-Anness.

Nota 1

Ġeneralment, id-data tat-tmiem tal-preżunzjoni tal-konformità tkun id-data tal-irtirar (“dow” – date of withdrawal), iffissata mill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istandardizzazzjoni, imma għandha tinġibed l-attenzjoni tal-utenti ta’ dawn l-istandards lejn il-fatt li f’ċerti każijiet eċċezzjonali din tista’ tkun mod ieħor.

Nota:

Kull informazzjoni li tikkonċerna d-disponibilità tal-istandards tista’ tinkiseb mill-Organizzazzjonijiet tal-Istandardizzazzjoni Ewropej jew mill-korpi tal-istandardizzazzjoni nazzjonali li l-lista tagħhom hija annessa mad-Direttiva 98/34/KE.

Il-pubblikazzjoni tar-referenzi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma timplikax li l-istandards huma disponibbli fl-ilsna kollha tal-Komunità.

Hemm aktar tagħrif dwar l-istandards armonizzati fuq l-Internet fil-websajt:

http://europa.eu.int/comm/enterprise/newapproach/standardization/harmstds/


(1)  ESO: European Standards Organisation (Organizzazzjoni Ewropea tal-Istandards):

CEN: rue de Stassart/de Stassartstraat 36, 1050 Bruxelles/Brussel, Belgique/België, tél./tel. +32 25500811; fax +32 25500819 (http://www.cen.eu).