|
6.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 62/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-21 ta’ Ottubru 2008
dwar il-Miżura Nru C 35/04 implimentata mill-Ungerija għall-Postabank u t-Takarékpénztár Rt./Erste Bank Hungary Nyrt.
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6023)
(It-test Ungeriż biss hu awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/174/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li appellat lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom rigward id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq,
Billi:
I. PROĊEDURA
|
(1) |
B’ittra datata 23 ta’ Settembru 2003, irreġistrata fit-22 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni ġiet innotifikata dwar miżuri mill-Istat favur Postabank és Takarékpénztár Rt., issa Erste Bank Hungary Nyrt., (“Postabank” jew il-“Bank”). B’ittra elettronika datata t-23 ta’ Jannar 2004, irreġistrata fis-26 ta’ Jannar 2004, l-awtoritajiet Ungeriżi nnotifikaw serje ta’ miżuri addizzjonali adotatti għall-Postabank. Il-miżuri kollha kienu nnotifikati taħt il-proċedura ta’ mekkaniżmu interim, previst fl-Anness IV.3 tal-Att dwar l-Adeżjoni, li jifforma parti mit-Trattat ta’ Adeżjoni għall-Unjoni Ewropea (“Trattat ta’ Adeżjoni”). |
|
(2) |
Fit-30 ta’ April 2004, l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw, bħala suppliment għan-notifika, dikjarazzjoni unilaterali irrevokabbli mix-xerrej tal-Postabank, Erste Bank. Id-dikjarazzjoni, li kienet iffirmata fid-29 ta’ April 2004, tipprovdi għal limitu ġenerali fuq il-pagamenti pagabbli mill-Ungerija, kif stabbilit fil-ftehim tax-xiri tal-ishma, lix-xerrej tal-Postabank rigward pretensjonijiet ta’ litigazzjoni mhedda jew mhux magħrufin waqt li tirrestrinġi wkoll l-ambitu tad-definizzjoni ta’ riskju f’rabta ma’ pretensjonijiet mhux magħrufin. |
|
(3) |
B’deċiżjoni datata l-20 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ddikjarat li bosta mill-miżuri nnotifikati ma kinux jikkwalifikaw bħala applikabbli wara l-adeżjoni u hi fetħet proċedura rigward miżura waħda, li kienet l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin, minħabba li kien hemm dubji serji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda proċedura kienet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom. |
|
(4) |
Fil-25 ta’ Novembru 2004 l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u fil-15 ta’ April 2005 l-Erste Bank ippreżenta wkoll il-kummenti tiegħu. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn partijiet interessati u għaddiethom lill-Ungerija, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi. Il-kummenti tal-Ungerija ntbagħtu b’ittra datata 23 ta’ Mejju 2005. F’Ġunju, Lulju u Ottubru 2005 u fi Frar, Marzu, Ġunju, Lulju u Settembru 2008, il-Kummissjoni rċeviet ukoll diversi ittri mill-awtoritajiet Ungeriżi u l-Erste Bank li fihom huma pprovdew aktar spjegi b’appoġġ għall-argumenti mniżżla fis-sottomissjonijiet tagħhom. |
II. SFOND
|
(5) |
Il-Postabank, li kien stabbilit fl-1988, kien jopera bħala bank orjentat lejn l-imnut li jipprovdi firxa sħiħa ta’ servizzi bankarji. Sal-aħħar tal-2002, il-Postabank kien is-seba’ l-akbar bank kummerċjali fl-Ungerija b’sehem mis-suq ta’ madwar 3,7 % f’termini ta’ assi totali. |
|
(6) |
Minħabba li l-Postabank ma kellux kapital suffiċjenti, fuq perjodu ta’ żmien l-awtoritajiet Ungeriżi implimentaw numru ta’ miżuri finanzjarji u regolatorji bil-ħsieb li jirrestawraw ir-relazzjoni ta’ adegwatezza tal-kapital tiegħu. Fl-1998 il-Postabank iffaċċja r-riskju ta’ falliment u l-Gvern Ungeriż kellu jintervjeni u jsalva l-Bank permezz ta’ rikapitalizzazzjoni kbira ta’ HUF 152 biljun (2), biex b’hekk kellu 99,9 % tal-ishma tal-Bank. Dan is-salvataġġ tal-Postabank kien maħsub biex iħejjih għar-ristrutturar bil-għan li dan jiġi pprivatizzat fi żmien qasir. |
|
(7) |
Fl-2000 l-ewwel tentattiv biex il-Postabank ikun ipprivatizzat falla. Eventwalment ġie pprivatizzat wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa f’Ottubru 2003, meta l-maġġoranza tal-ishma tiegħu miżmuma mill-Istat inbigħu lill-Erste Bank der österreichischen Sparkassen, li l-offerta tiegħu – ta’ HUF 101,3 biljun – kienet l-ogħla waħda ppreżentata. Abbażi tan-notifika u s-sottomissjonijiet mill-awtoritajiet Ungeriżi, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Postabank inbiegħ lill-ogħla offerent wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, mhux diskriminatorja u inkondizzjonali li saret f’żewġ fażijiet. Fl-1 ta’ Settembru 2004 l-Postabank ġie amalgamat mal-Erste Bank Ungerija. |
III. IL-MIŻURA (L-IMPENN TA’ INDENNIZZ GĦAL PRETENSJONIJIET MHUX MAGĦRUFIN)
|
(8) |
Fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti l-Gvern Ungeriż offra lill-offerenti kollha l-istess termini kuntrattwali, inkluż impenn li jipprovdi indennizz fil-każ ta’ litigazzjoni li jkopri r-responsabbiltajiet ta’ ħlas li jirriżultaw minn pretensjonijiet ta’ litigazzjoni mhedda u mhux magħrufin rigward il-Postabank li jinqalgħu sa ħames snin wara l-konklużjoni tal-ftehim tal-bejgħ u x-xiri (3). L-awtoritajiet Ungeriżi spjegaw li sar ċar waqt il-proċess ta’ privatizzazzjoni li l-offerenti kellhom jingħataw impenn li jipprovdi għal indennizzi għal pretensjonijiet mhux magħrufin, għaliex l-ebda offerent ma kien ser jitfa offerta sakemm ma jingħatax impenn bħal dan; l-impenn ta’ indennizz kien għalhekk indispensabbli biex isseħħ il-privatizzazzjoni. |
|
(9) |
Fid-29 ta’ April 2004, l-Erste Bank għamel dikjarazzjoni irrevokabbli unilaterali li permezz tagħha rrestrinġa l-ambitu tal-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin billi ddefinixxa l-kategoriji ta’ riskju, waqt li naqqas ukoll il-limitu ġenerali mill-ammont li qabel kien bla limitu għal HUF 200 biljun. Id-dikjarazzjoni unilaterali mill-Erste Bank ipprovdiet ukoll għal limitu ġenerali ta’ HUF 350 biljun rigward l-indennizz għal pretensjonijiet ta’ litigazzjoni mhedda, li l-Kummissjoni ddikjarat li hi miżura mhux applikabbli wara l-adeżjoni (4). |
|
(10) |
Skont il-ftehim tax-xiri tal-ishma kif immodifikat mid-dikjarazzjoni unilaterali tal-Erste Bank, it-termini u l-kondizzjonijiet tal-indennizzi għal pretensjonijiet ta’ litigazzjoni mhux magħrufin rigward l-allokazzjoni tar-riskju bejn il-bejjiegħ u x-xerrej huma li ġejjin:
L-obbligi tal-bejjiegħ rigward l-impenn tal-indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin jiskadu ħames snin wara l-konklużjoni tal-ftehim tax-xiri tal-ishma f’relazzjoni ma’ pretensjonijiet ta’ parti terza li dwarhom: (i) ma nbdiet l-ebda proċedura f’qorti jew ta’ arbitraġġ jew (ii) ma tqajmet l-ebda responsabbiltà tal-bank stabbilita bl-approvazzjoni bil-miktub tal-bejjiegħ. |
IV. QAFAS LEGALI
|
(11) |
L-Anness IV.3. tal-Att dwar l-Adeżjoni jistabbilixxi dak li hu magħruf bħala proċedura ta’ mekkaniżmu interim. Dan jipprevedi qafas legali għall-valutazzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna u ta’ miżuri ta’ għajnuna individwali li jidħlu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data tal-adeżjoni u li għadhom applikabbli wara l-adeżjoni. |
|
(12) |
L-Anness IV.3 (1) jiddikjara li dawn l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali li jitwettqu fi Stat Membru ġdid qabel id-data tal-adeżjoni u li għadhom applikabbli wara dik id-data għandhom jitqiesu fl-adeżjoni bħala għajnuna eżistenti: (a) għajnuna mwettqa qabel l-10 ta’ Diċembru 1994; (ii) għajnuna eżaminata mill-Kummissjoni u inkluża fil-lista annessa mat-Trattat dwar l-Adeżjoni; u (iii) għajnuna approvata mill-Kummissjoni taħt il-proċedura ta’ mekkaniżmu interim. Kull miżura li tkun għadha applikabbli wara d-data tal-adeżjoni li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li ma taqax taħt waħda minn dawn it-tliet kategoriji titqies li hi għajnuna ġdida mal-adeżjoni; il-Kummissjoni għalhekk għandha setgħat sħaħ li tipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri u li tordna l-irkupru ta’ kwalunkwe somma mħallsa illegalment wara l-adeżjoni. Din l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-effetti futuri ta’ miżuri li għadhom applikabbli wara l-adeżjoni ma tinkludi l-ebda applikazzjoni retroattiva tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE u fi kwalunkwe każ għandha l-mandat tal-Att dwar l-Adeżjoni. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li sabiex miżura tikkwalifika bħala applikabbli wara l-adeżjoni għandu jintwera li din saret biex tipproduċi benefiċċju addizzjonali li ma kienx magħruf jew ma kienx preċiżament magħruf fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tirrevedi taħt il-mekkaniżmu interim mhijiex applikabbli rigward miżuri ta’ għajnuna mogħtija definittivament u mingħajr ebda kundizzjoni għal ammont partikolari qabel l-adeżjoni. F’dan ir-rigward, il-fattur relevanti hu l-att legalment vinkolanti li bih l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti taw l-għotja. Il-miżuri individwali huma kkunsidrati applikabbli wara l-adeżjoni jekk l-espożizzjoni ekonomika preċiża tal-Istat mhijiex magħrufa fid-data li tingħata l-għajnuna u għadha mhijiex magħrufa fid-data tal-adeżjoni. |
|
(14) |
Kif dikjarat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, rigward il-garanziji u l-impenn ta’ indennizz għandhom jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin sabiex miżura titqies li m’għadhiex applikabbli wara l-adeżjoni:
|
V. DEĊIŻJONI TA’ FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
|
(15) |
Abbażi tan-notifika mill-awtoritajiet Ungeriżi, il-Kummissjoni vvalutat il-miżuri taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE u kkonkludiet li l-maġġoranza tagħhom jaqgħu barra l-ambitu tal-mekkaniżmu interim. Dan minħabba li dawn il-miżuri ma kienu jinkludu l-ebda espożizzjoni finanzjarja oħra għall-Ungerija wara d-data tal-adeżjoni u għalhekk ma kinux jgħoddu bħala applikabbli wara l-adeżjoni (5). |
|
(16) |
Madankollu, fl-20 ta’ Ottubru 2004 l-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward waħda mill-miżuri nnotifikati: l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin. F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li dan l-impenn ta’ indennizz hu applikabbli wara l-adeżjoni. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-miżura tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u kellha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. |
VI. KUMMENTI RIĊEVUTI WARA L-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
1. Kummenti mill-Ungerija
|
(17) |
L-awtoritajiet Ungeriżi huma tal-fehma li l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin jikkostitwixxi miżura (aktar minn għajnuna) li mhix applikabbli wara l-adeżjoni. Huma tal-fehma li l-miżura tissodisfa t-tliet kondizzjonijiet li għandhom jitqiesu li m’għadhomx applikabbli wara l-adeżjoni fit-tifsira tal-paragrafu 52 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura. |
|
(18) |
Huma jikkunsidraw li l-miżura ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, għaliex din hija preċiżament dak li jgħid isimha stess: impenn ta’ indennizz, jiġifieri terminu kummerċjali konvenzjonali fi ftehim ta’ bejgħ u xiri konkluż taħt proċedura miftuħa u kompetittiva. Il-prezz tas-suq imħallas għall-Postabank jipprekludi li ngħatat għajnuna. |
|
(19) |
Huma jargumentaw ukoll li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-Postabank inbiegħ wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, mhux diskriminatorja u inkondizzjonali. |
|
(20) |
Huma jiddikjaraw ukoll li r-ristrutturar tal-Postabank u l-privatizzazzjoni tiegħu huma żewġ avvenimenti separati għal kollox u mhux “pakkett” wieħed indiviżibbli kif iddikjarat fl-analiżi tal-Kummissjoni, li tivvaluta l-miżuri ta’ qabel il-privatizzazzjoni ex ante. Il-privatizzazzjoni tal-Postabank ma kinitx parti mill-proċess ta’ ristrutturar, għaliex il-Bank kien irritorna għall-vijabbiltà sa dak iż-żmien. Għalhekk, il-miżura mhijiex parti minn katina ta’ interventi u l-ħtieġa għaliha rriżultat biss waqt il-proċess tal-privatizzazzjoni. Il-valutazzjoni tar-ristrutturar u l-privatizzazzjoni bħala pakkett uniku tmur ukoll lil hinn mill-ġuriżdizzjoni tal-Kummissjoni, għaliex, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni nnifisha fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bosta mill-elementi ta’ dan il-“pakkett” mhumiex applikabbli wara l-adeżjoni, li jfisser li mhumiex eżaminabbli mill-Kummissjoni. |
|
(21) |
L-awtoritajiet Ungeriżi jiddikjaraw ukoll li l-miżura fiha nnifisha ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni minħabba li l-prezz tas-suq tħallas waqt il-privatizzazjoni, li kien jinkludi l-valur għall-Erste Bank tal-impenn tal-indennizz. Din kienet il-miżura li ppermettiet li titwettaq il-privatizzazzjoni tal-Postbank. |
|
(22) |
L-awtoritajiet Ungeriżi spjegaw li l-ħtieġa għall-miżura saret ċara waqt il-proċess ta’ privatizzazzjoni, għaliex l-ebda offerent ma kien lest li jixtri l-Postabank mingħajr il-possibbiltà ta’ indennizz. Għalhekk din saret kondizzjoni indispensabbli biex isseħħ il-privatizzazzjoni. L-awtoritajiet Ungeriżi jargumentaw li x-xerrejja potenzjali, meta evalwaw in-negozju, ma kinux f’pożizzjoni li jivvalutaw għal kollox ir-riskju ta’ litigazzjoni li jirriżulta mill-passat problematiku tal-Postabank, għaliex din hi problema tipika ta’ informazzjoni asimetrika. L-Istat bħala bejjiegħ wettaq valutazzjoni estensiva tar-riskju ta’ litigazzjoni qabel il-privatizzazzjoni. Ma kienet identifikata l-ebda talba ġdida u nħass bis-sħiħ li kull pretensjoni ta’ din ix-xorta kieku kienet tfiġġ qabel il-proċess ta’ privatizzazzjoni għaliex il-Bank kien soġġett ta’ diversi verifiki u spezzjonijiet qabel l-1998. |
|
(23) |
Rigward il-pretensjonijiet kollha ta’ litigazzjoni, fil-mument tal-ftehim tal-bejgħ kien hemm ċertu kondiviżjoni tar-riskju bejn l-Istat Ungeriż bħala bejjiegħ u l-Erste Bank bħala xerrej, fejn ix-xerrej assuma r-responsabbiltajiet potenzjali kollha rigward il-litigazzjoni pendenti, waqt li l-pretensjonijiet ta’ litigazzjoni mhedda jew mhux magħrufin kienu parzjalment meħudin sa ċertu punt (għal pretensjonijiet mhux magħrufin 10 % tal-ewwel HUF 10 biljun u għal talbiet mhedda 50 % tal-ewwel HUF 4 biljun tar-responsabbiltajiet relevanti tal-bank fit-total). Billi offra l-mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tar-riskju l-Istat kellu l-intenzjoni li jibgħat sinjal inkoraġġanti lill-offerenti li l-bejjiegħ kien kunfidenti li l-Istat mhux ser isofri telf finanzjarju bħala riżultat ta’ dak l-arranġament u b’hekk isaħħaħ ir-rieda tal-offerenti li l-Bank jiġi attribwit l-valur primjum. |
|
(24) |
Il-konsulent tal-Istat għall-privatizzazzjoni ivvaluta r-responsabbiltà potenzjali li tirriżuta minn pretensjonijiet mhux magħrufin bħala żero fl-aħjar xenarju possibbli u bħala HUF 5 biljuni fl-agħar xenarju immaġinabbli. L-istima tal-espożizzjoni teoretika totali għal-litigazzjoni kollha (mhedda u mhux magħrufa) fl-agħar xenarju immaġinabbli kienet sotstanzjalment aktar baxxa mid-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ ta’ HUF 101 biljun u d-dħul oriġinarjament maħsub mill-Istat qabel il-privatizzazzjoni. Dan l-ammont kien ukoll sostanzjalment aktar baxx mid-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u l-ogħla offerta indikattiva riċevuta (6). Għalhekk, l-awtoritajiet Ungeriżi jemmnu li billi ta l-impenn ta’ indennizz l-Istat seta’ jiġġenera primjum addizzjonali għall-bejgħ u li l-Istat aġixxa għal kollox f’konformità mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq. |
|
(25) |
L-awtoritajiet Ungeriżi jiddikaraw ukoll li analiżi tas-salvataġġ u r-ristrutturar mhijiex meħtieġa għaliex il-miżura ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat. |
|
(26) |
Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni Strateġiku bejn il-Postabank u l-Magyar Posta (il-Posta Ungeriża) ffirmat f’Diċembru 2002 isaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-Postabank fis-suq Ungeriż u jagħtih vantaġġ billi jagħtih l-esklużività għall-bejgħ postali ta’ prodotti ġodda żviluppati konġuntament. L-awtoritajiet Ungeriżi jgħidu li l-Kummissjoni qed tinterpreta ħażin ir-relazzjoni bejn il-Magyar Posta u l-Postabank. Huma jiddikaraw li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni Strateġiku hu għal kollox ftehim kummerċjali u ma jagħti lill-ebda parti kwalunkwe forma ta’ esklużività ġenerali. |
|
(27) |
Kieku l-miżura kellha tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, l-Ungerija ma taqbilx mad-dubji mqajma mill-Kummissjoni (ara l-paragrafi 135-138 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali) rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 45(2) tal-Ftehim Ewropew fil-każ preżenti biex tiġġustifika l-miżuri mogħtija għall-Postabank. Huma jargumentaw li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-fatt li l-Ungerija kienet għadha mhux membru tal-UE meta seħħew il-miżuri li qed jiġu eżaminati. Huma jgħidu li l-Gvern Ungeriż ma setax iħalli lill-Postabank ifalli fl-1998 fiż-żmien meta hu kien qed jesperjenza l-akbar diffikultajiet tiegħu u s-suq Ungeriż ma kienx stabbli. Il-falliment tal-Postabank, meta jitqies id-daqs tiegħu, seta’ jwassal għal kriżi finanzjarja maġġuri. |
2. Kummenti mill-Erste Bank
|
(28) |
L-Erste Bank ippreżenta argumenti simili għal dawk ippreżentati mill-awtoritajiet Ungeriżi. L-Erste Bank ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. |
|
(29) |
L-Erste Bank jikkontesta wkoll l-argument li l-miżura hi applikabbli wara l-adeżjoni. Hu jgħid li l-miżura hi limitata fl-ambitu, l-ammont u d-durata. Il-pretensjonijiet potenzjali kollha kienu ddefiniti b’mod ċar qabel l-adeżjoni; għalhekk, l-ebda għajnuna ġdida ma tista’ tirriżulta minħabba fiha wara l-adeżjoni. |
|
(30) |
Hu jargumenta wkoll li l-miżura ma tagħtix vantaġġ kummerċjali jew ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni, għaliex hi sempliċiment terminu standard tas-suq fi ftehim ta’ xiri ta’ ishma biex ikunu ttrattati riskji partikolari u ġiet miftiehma taħt proċedura kompetittiva, li tiżgura li tħallas il-prezz tas-suq għall-impenn ta’ indennizz u li, għalhekk, ma kien hemm l-ebda element ta’ għajnuna. Abbażi tal-każistika f’relazzjoni mal-privatizzazzjonijiet imwettqa taħt proċeduri miftuħin, mhux diskriminatorji, kompetittivi u trasparenti, l-Erste Bank argumenta li hu kellu aspettativi leġittimi li l-bejgħ tal-Postabank ma kien jinvolvi l-ebda għajnuna mill-Istat mogħtija lilu. |
|
(31) |
Barra dan, b’kuntrast ma’ garanzija, li tista’ tkun obbligu legali fiha nnifisha, il-miżura hi, min-natura tagħha, impenn ta’ indennizz, li ma tistax titqies bħala miżura iżolata, għaliex hi dejjem marbuta b’mod inseparabbli ma’ ftehim ta’ bejgħ speċifiku. L-impenn ta’ indennizz iservi biex jipproteġi l-valur tal-assi ttrasferiti fil-mument tal-bejgħ kontra riskji li jirriżultaw rigward il-perjodu ta’ qabel il-bejgħ. |
|
(32) |
L-Erste Bank jargumenta wkoll li l-miżura għandha tkun ivvalutata separatament minn miżuri tal-passat u li l-analiżi tat-test tal-investitur privat imwettqa mill-Kummissjoni m’għandhiex tgħaqqad flimkien il-miżuri ta’ ristrutturar ta’ qabel l-adeżjoni għall-Postabank u l-privatizzazzjoni tiegħu. Il-miżura mhijiex miżura ta’ ristrutturar, imma impenn ta’ indennizz marbut b’mod inseparabbli mal-ftehim ta’ xiri tal-ishma, li hu separat mill-proċess ta’ ristrutturar. Il-Postabank kien vijabbli fil-mument tal-privatizzazzjoni tiegħu. It-tieni, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda ġuriżdizzjoni li teżamina miżuri ta’ ristrutturar preċedenti li mhumiex applikabbli wara l-adeżjoni. L-approċċ tal-Kummissjoni li tgħaqqad flimkien miżuri mhux applikabbli wara l-adeżjoni u l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin jittratta l-miżuri 1998-2002 bħala għajnuna, għalkemm m’għandha l-ebda ġuriżdizzjoni biex teżaminahom. |
|
(33) |
L-Erste Bank jiddikjara wkoll, bħala argument sussidjarju, li l-analiżi tat-test tal-investitur privat tal-Kummissjoni hi, f’kull każ, mhux kompluta għaliex ma teżaminax l-ispejjeż ta’ stralċ jew ir-regoli bankarji Ungeriżi relevanti li jipprevjenu stralċ. |
|
(34) |
L-Erste Bank jikkunsidra li, minħabba li l-miżura ma tikkostitwix għajnuna u mhijiex applikabbli wara l-adeżjoni, mhemm l-ebda ħtieġa għal valutazzjoni ta’ kompatibbiltà. Hu jgħid ukoll li l-valutazzjoni ta’ kompatibbiltà hi bbażata fuq preżunzjoni żbaljata li l-miżura hi miżura ta’ ristrutturar aktar milli element tal-privatizzazzjoni. |
|
(35) |
L-Erste Bank jargumenta wkoll li l-miżura la toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ma tagħti vantaġġ kummerċjali, għaliex seħħet f’kuntest ta’ proċedura kompetittiva li taħtha l-Postabank inbiegħ bi prezz tas-suq. F’kull każ, skont il-każistika, il-benefiċċju ta’ kwalunkwe vantaġġ jibqa’ tal-bejjiegħ u ma jingħaddiex lix-xerrej. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda vantaġġ kummerċjali selettiv favur l-Erste Bank (rigward l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin jew mod ieħor) għaliex l-Istat kien ikun lest ibigħ lill-Postabank lil kwalunkwe kumpanija li toffri l-ogħla prezz. |
|
(36) |
L-Erste Bank jiddikjara li l-Kummissjoni ma tidentifikax ir-raġunijiet legali għat-test ta’ applikabbiltà tagħha u sabiex juri li l-Kummissjoni m’għandha l-ebda ġuriżdizzjoni biex teżamina l-miżura taħt l-Artikolu 88(2), irid jintwera li l-impenn kien jikkostitwixxi għajnuna ġdida fit-tifsira tal-Anness IV (3) tal-Att dwar l-Adeżjoni. Hu jiddikjara wkoll li l-Ungerija ma kinitx membru tal-UE fil-mument meta nħolqu l-miżuri u għalhekk ma kinitx direttament soġġetta għall-Artikolu 87(1) KE. Il-Kummissjoni ma tistax tapplika regoli ta’ għajnuna mill-Istat għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod definit qabel l-adeżjoni, bħall-ftehim ta’ xiri tal-ishma tal-Postabank, li hu att legalment vinkolanti, għaliex dan jikser il-prinċipju tan-non-retroattività. Fil-mument tal-privatizzazzjoni kemm l-Ungerija kif ukoll l-Erste Bank ma kinux konxji mill-ħtieġa li r-riskji għandhom ikunu ddefiniti b’mod preċiż sabiex l-impenji ta’ indennizz ma jitqisux bħala applikabbli wara l-adeżjoni. |
VII. VALUTAZZJONI
1. Applikabbiltà wara l-adeżjoni
|
(37) |
Kif spjegat hawn fuq kif ukoll fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni l-ewwel teżamina jekk il-miżura li minħabba fiha nftetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin, hijiex applikabbli wara l-adeżjoni skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 14. Il-kwistjoni tal-għajnuna li tkun “applikabbli wara l-adeżjoni” hi kwistjoni distinta minn dik ta’ jekk miżura tikkwalifikax għall-għajnuna (fi kwalunkwe żmien relevanti) u hi soġġetta għal kriterji distinti. |
|
(38) |
Id-dikjarazzjoni unilaterali irrevokabbli ffirmata fid-29 ta’ April 2004 mix-xerrej tal-Postabank, l-Erste Bank, tipprevedi għal limitu ġenerali ta’ HUF 200 biljun u definizzjoni aktar restrittiva tar-riskju rigward ir-responsabbiltà tal-Ungerija lejn ix-xerrej, kif stabbilit fil-ftehim tax-xiri tal-ishma. |
|
(39) |
Madankollu, minkejja dan l-isfond ta’ limitu ġenerali u r-restrizzjoni tal-ambitu tal-miżura, il-Kummissjoni tinnota li l-indennizz li pprovda l-Gvern Ungeriż sabiex ikun iffaċilitat il-bejgħ tal-Postabank ma kienx iddefinit b’mod preċiż u ma kienx jinvolvi lista kompluta u vinkolanti ffinalizzata sad-data tal-adeżjoni. Għall-kuntrarju, il-miżura tkopri l-indennizzi b’ambitu wiesa’, mhijiex iddefinita b’mod preċiż u għandha limitu f’livell għoli, li wkoll kien introdott f’data aktar tard. Għalhekk, l-impenn jipprevedi l-potenzjal għal numru indefinit ta’ aktar talbiet lil hinn minn dak li kien iddefinit b’mod ċar fil-mument tal-adeżjoni, li hu kuntrarju għal dak li qed isostnu l-awtoritajiet Ungeriżi u l-Erste Bank. |
|
(40) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li sempliċi limitu mingħajr elenkar (tqassim f’elementi) tal-avvenimenti speċifiċi li jistgħu jibdew l-impenn ma jorbotx il-ħlas tal-indennizz wara l-adeżjoni ma’ avvenimenti speċifiċi identifikati definittivament u mingħajr ebda kundizzjoni qabel l-adeżjoni. Hu minnu li l-espożizzjoni finanzjarja tal-Istat kienet limitata, fit-teorija, iżda l-fatti li jiskattaw il-ħlasijiet potenzjali mill-Istat ma kinux iddefiniti b’mod ċar, kif joħroġ ċar mill-istess isem tal-impenn, jiġifieri li hu għal pretensjonijiet mhux magħrufin. Il-limitazzjoni hi għalhekk biss apparenti, għaliex l-ambitu u l-ammonti konkreti li jista’ jkollhom jitħallsu wara l-adeżjoni jistgħu jvarjaw abbażi tal-kriterji spjegati biss f’termini ġenerali. |
|
(41) |
Il-miżura inkwistjoni għalhekk tikkwalifika bħala applikabbli wara l-adeżjoni, b’żewġ eċċezzjonijiet. Wara l-kjarifiki pprovduti mill-awtoritajiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm żewġ elementi li jissodisfaw il-kriterji li ma jkunux ikkwalifikati bħala applikabbli wara l-adeżjoni. |
|
(42) |
Dawn iż-żewġ temi huma marbutin mal-pretensjonijiet potenzjali ta’ Arthur Andersen Audit Könyvszakértő Korlátolt Felelősségű Társaság u/jew Prudentia Könyvvizsgáló és Gazdasági Tanácsadó Korlátolt Felelősségű Társaság (jew iċ-ċessjonarji jew is-suċċessuri legali tagħhom) kontra l-Postabank jew kwalunkwe sussidjarju materjali rigward it-tħejjija ta’ verifika ta’ Postabank jew kwalunkwe sussidjarju materjali fil-perjodu ta’ qabel is-sena 2000, b’limitu finanzjarju totali ta’ HUF 200 biljun (inklużi fid-“Definizzjoni tar-Riskju O” fid-Dikjarazzjoni Unilaterali tal-Erste Bank tad-29 ta’ April 2004). |
|
(43) |
Il-Kummissjoni tinnota li dawn iż-żewġ kumpaniji diġà indikaw lill-Erste Bank li huma ser jippreżentaw talba għad-danni kontra l-Erste Bank soġġetta għall-eżitu tal-azzjoni legali pendenti mressqa mill-Istat Ungeriż kontra l-awdituri tal-Postabank f’rabta mal-irwol tagħhom bħala l-awdituri tal-Bank. F’dan l-istadju, dawn it-talbiet jikkostitwixxu pretensjonijiet mhedda. Barra dan, Arthur Anderson talbet ħlas mill-Erste Bank għall-ispejjeż legali tagħha li saru f’konnessjoni mal-kawża tal-Istat Ungeriż. |
|
(44) |
L-impenn ta’ indennizz tal-Istat li jkopri dawn iż-żewġ pretensjonijiet mhedda jissodisfa t-tliet kriterji stabbiliti hawn fuq u għalhekk ma jistax jitqies li huwa applikabbli wara l-adeżjoni. |
|
(45) |
Erste Bank jiddikjara li l-Kummissjoni ma tidentifikax il-bażi legali għat-test ta’ applikabbiltà tagħha u sabiex jintwera li l-Kummissjoni għandha l-ġuriżdizzjoni biex teżamina l-miżura taħt l-Artikolu 88(2), irid jintwera li l-impenn ikkostitwixxa għajnuna ġdida fit-tifsira tal-Anness IV (3) tal-Att dwar l-Adeżjoni. Hu jiddikjara wkoll li l-Ungerija ma kinitx membru tal-UE fiż-żmien li nħolqot il-miżura u għalhekk ma kinitx direttament soġġetta għall-Artikolu 87(1) KE. |
|
(46) |
L-ewwelnett, ir-Repubblika tal-Ungerija (bħall-pajjiżi kandidati kollha f’dak iż-żmien) kienet diġà marbuta – qabel l-adeżjoni – mill-Ftehimiet Ewropej, li, fost l-oħrajn, iddikjaraw kull għajnuna pubblika li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerta merkanzija safejn jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Komunità u dak li kien pajjiż kandidat bħala inkompatibbli mal-funzjonament proprju tal-Ftehim innifsu (7). Sussegwentement, l-Anness IV.3. tat-Trattat dwar l-Adeżjoni ddefinixxa tliet kategoriji ta’ miżuri bħala għajnuna eżistenti: (i) dawk li kienu fis-seħħ qabel l-10.12.1994; (ii) dawk eżaminati mill-Kummissjoni u inklużi fil-lista annessa mat-Trattat dwar l-Adeżjoni; u (iii) dawk approvati taħt il-mekkaniżmu interim. It-Trattat jagħmilha ċara li l-miżuri kollha li għadhom applikabbli wara d-data tal-adeżjoni li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet ta’ għajnuna eżistenti ser jitqiesu bħala għajnuna ġdida mal-adeżjoni. |
|
(47) |
Hu għalhekk ċar – abbażi ta’ din il-leġislazzjoni primarja tal-UE – li l-Kummissjoni għandha s-setgħat sħaħ biex tirrevedi miżuri ta’ għajnuna li kienu fis-seħħ qabel u li huma applikabbli wara l-adeżjoni li ma kinux jikkwalifikaw bħala għajnuna eżistenti wara l-adeżjoni. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra miżuri bħal dawn bħala “għajnuna ġdida” sa mill-1 ta’ Mejju 2004 u għalhekk tista’ tipprojbixxi l-applikazzjoni tal-għajnuna wara dik id-data, kif ukoll tordna l-irkupru ta’ kull somma mħallsa illegalment wara l-adeżjoni, jekk hi tikkunsidra li din l-għajnuna hi inkompatibbli mas-suq komuni. L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-effetti futuri ta’ miżuri applikabbli wara l-adeżjoni u li ma jissodisfawx il-kriterji tal-għajnuna eżistenti, kif iddefinit mit-Trattat dwar l-Adeżjoni, għalhekk ma tinkludi l-ebda effett retroattiv tar-regoli tal-KE dwar l-għajnuna mill-Istat. |
2. Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat
|
(48) |
Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha titqies, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, bħala inkumpatibbli mas-suq komuni. |
Riżorsi tal-Istat
|
(49) |
Fil-qafas tal-privatizzazzjoni tal-Postabank il-Gvern Ungeriż (permezz tal-ÁPV (8)) ipprovda lix-xerrej b’impenn ta’ indennizz li jkopri responsabbiltajiet ta’ ħlas li jista’ jinqala’ mill-pretensjonijiet ta’ litigazzjoni mhux magħrufin rigward il-Postabank sa ħames snin wara l-konklużjoni tal-ftehim tax-xiri tal-ishma. Fi kliem ieħor, b’dan il-mod il-Gvern Ungeriż ikkommetta flus pubbliċi sabiex jagħmel il-bejgħ tal-Postabank possibbli. Hu għalhekk ċar li l-miżura tinvolvi riżorsi tal-Istat. |
Vantaġġ ekonomiku
|
(50) |
Kif iddikjarat hawn fuq, l-awtoritajiet Ungeriżi u l-Erste Bank jargumentaw fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura li l-miżura ma tistax titqies li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat minħabba li hi terminu kummerċjali tipiku fi ftehim ta’ bejgħ u xiri konkluż skont proċedura miftuħa u kompetittiva u li l-prezz tas-suq imħallas għall-Postabank jipprekludi li ngħatat għajnuna. Huma jargumentaw li l-Kummissjoni għandha tapplika l-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq u ma tikkunsidrax il-miżura li qed tiġi vvalutata bħala għajnuna għaliex tħallas prezz tas-suq, waqt li tqies il-valur tal-miżura tal-Erste Bank. Huma jgħidu wkoll li l-analiżi b’test ta’ investitur f’ekonomija tas-suq imwettqa mill-Kummissjoni m’għandhiex tgħaqqad flimkien il-miżuri ta’ ristrutturar ta’ qabel l-adeżjoni u l-privatizzazzjoni tal-Postabank, għaliex il-miżura mhijiex miżura ta’ ristrutturar iżda parti integrali mill-ftehim tax-xiri tal-ishma. |
|
(51) |
Kif iddikjarat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, il-miżuri ta’ għajnuna li mhumiex applikabbli wara l-adeżjoni ma jistgħux ikun eżaminati mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88 KE. Is-setgħa tal-Kummissjoni li tirrevedi taħt il-mekkaniżmu interim mhijiex applikabbli rigward miżuri ta’ għajnuna mogħtija definittivament u mingħajr ebda kundizzjoni għal ammont partikolari qabel l-adeżjoni. Bl-eċċezzjoni tal-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri ta’ ristrutturar notifikati għall-Postabank mhumiex applikabbli wara l-adeżjoni (9). Huma għalhekk mhumiex soġġetti għal din l-analiżi. |
|
(52) |
Għalhekk, meta tivvaluta l-unika miżura applikabbli wara l-adeżjoni (l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin mogħti fl-2003), il-Kummissjoni għandha teżamina jekk l-azzjoni tal-Istat Ungeriż f’dak iż-żmien kinitx konformi ma’ dik ta’ investitur f’ekonomija tas-suq rigward id-deċiżjoni li tagħti l-impenn fil-mument tal-privatizzazzjoni. Għaldaqstant, il-miżura qed tiġi vvalutata mill-Kummissjoni b’mod iżolat mill-miżuri preċedenti. |
|
(53) |
Il-valutazzjoni tal-bejgħ tal-Postabank tista’ tkun separata mill-miżuri preċedenti wkoll għaliex ir-ristrutturar kien diġà tlesta qabel il-privatizzazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li l-Uffiċċju tal-Verifika tal-Istat Ungeriż ħareġ rapport f’April 2003, li jirrikonoxxi li r-ristrutturar tal-Postabank kien tlesta b’suċċess u li l-Bank kien qed jopera tajjeb. Il-Postabank kien vijabbli fil-mument tal-privatizzazzjoni tiegħu. |
|
(54) |
Din is-separazzjoni tal-miżuri li qed jiġu vvalutati ma tmurx kontra l-każistika f’BP Chemicals (10), għaliex il-każ kien jinkludi tliet injezzjonijiet ta’ kapital bħala parti minn proċess ta’ ristrutturar kontinwu uniku “li l-għan komuni tiegħu kien li jiffinanzja l-miżuri ta’ ristrutturar meħtieġa u biex jirrestawra l-bażi kapitali tal-EniChem li marret lura minħabba telf”. Fil-valutazzjoni dwar jekk it-tliet miżuri kinux eżaminati flimkien jew jekk l-aħħar miżura kellhiex tkun ivvalutata separatament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-fatturi deċisivi bħala l-mument meta saru l-miżuri, l-għan tagħhom u s-sitwazzjoni tad-ditta fil-mument meta saret kull deċiżjoni li ssir injezzjoni ta’ kapital. F’dak il-każ, mingħajr l-aħħar miżura, l-istralċ kien ikun inevitabbli. B’kuntrast, fil-każ preżenti l-impenji ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin kienu konnessi mal-bejgħ tal-Postabank u fformaw parti integrali mill-ftehim tax-xiri tal-ishma fil-mument meta l-Bank kien ristruttrat b’suċċess u l-istralċ tiegħu ma kienx għadu kwistjoni. |
|
(55) |
Waqt il-valutazzjoni tal-azzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi fid-dawl tal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq fl-2003, kien innotat li l-Kummissjoni ma tpoġġix f’dubju l-mod kif il-Postabnk kien ipprivattizzat u tirrikonoxxi li nbiegħ lill-ogħla offerent bi proċedura ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva u miftuħa. |
|
(56) |
Madankollu, dan il-fatt mhuwiex kondizzjoni suffiċjenti biex tkun eskluża l-eżistenza ta’ vantaġġ fil-każ preżenti. |
|
(57) |
L-ewwelnett, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tax-xiri tal-ishma, l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin ma kellux limitu. Meta l-Gvern Ungeriż biegħ lill-Postabank, hu kkommetta flus pubbliċi taħt il-miżura lix-xerrej tal-Postabank b’firxa mhux limitata. Il-Kummissjoni, għalhekk, tikkunsidra li – anke jekk l-Istat Ungeriż wettaq eżerċizzju sħiħ ta’ diliġenza dovuta dwar litigazzjoni qabel ma beda l-proċess ta’ privatizzazzjoni u sab li l-probabbiltà li jkollu jagħmel ħlasijiet taħt l-impenn ta’ indennizz kienet baxxa ħafna – bejjiegħ privat prudenti fil-każ preżenti ma kienx jagħti impenn ta’ bla limitu biex ikopri obbligi ta’ ħlasijiet li jistgħu jirriżultaw minn pretensjonijiet mhux magħrufin sa ħames snin wara l-konklużjoni tal-ftehim tax-xiri tal-ishma, anke jekk l-għoti tal-impenn ta’ indennizz irriżulta fi prezz tal-bejgħ ogħla mill-prezz li l-bejjiegħ kieku kien jakkwista billi jbigħ lill-Postabank mingħajr dan l-impenn. Il-Kummissjoni tikkunsidra li bejjiegħ f’ekonomija tas-suq li jbigħ lill-Postabank tal-inqas kien ikun inkluda limitu massimu fil-kuntratt tal-bejgħ li jillimita l-pagament potenzjali lix-xerrej taħt l-indennizz. Bejjiegħ f’ekonomija tas-suq ma kienx jaċċetta li jidħol għal riskju li jkollu jħallas ammont mingħajr limitu, anke bl-għarfien li l-probabbiltà ta’ pagament għoli bħal dan kienet baxxa ħafna. Għalhekk, il-fatt li fil-mument tal-privatizzazzjoni ma tpoġġa l-ebda limitu massimu fuq l-indennizz juri li l-Istat ma aġixxiex bl-istess mod bħal operatur f’ekonomija tas-suq. |
|
(58) |
Il-fatt li l-Erste Bank għamlet dikjarazzjoni unilaterali fejn ir-responsabbiltajiet ta’ pagament potenzjali mill-Istat taħt l-impenn ta’ indennizz kienu limitati għal HUF 200 biljun ma jbiddilx il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġir tal-Istat Ungeriż. Dan minħabba li dikjarazzjoni unilaterali mix-xerrej sitt xhur wara ma tistax tirrendi l-aġir tal-Istat Ungeriż fl-għoti tal-impenn kumpatibbli mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq. |
|
(59) |
Din il-konklużjoni ma tinbidel bl-ebda mod mill-fatt li l-offerenti, li ma setgħux jikkwantifikaw għal kollox ir-riskju ta’ litigazzjoni minħabba l-passat problematiku tal-Postabank, ikkunsidraw il-miżura bħala kondizzjoni indispensabbli għall-privatizzazzjoni. Kieku l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin ma ngħatax, il-Bank probabbilment kien proprjetà tal-Istat. F’sitwazzjoni bħal din, kieku talba potenzjali taħt l-impenn ta’ indennizz kienet timmaterjalizza fil-futur, l-Istat – jekk jaġixxi f’konformità mal-prinċipju ta’ investitur fl-ekonomija tas-suq – kien ikollu jkopri t-talbiet sal-valur tan-negozju u mhux sa ammont mhux limitat. Għalhekk kieku l-Istat kien qed jaġixxi f’konformità mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq, hu ma kienx joffri indennizz mingħajr limitu. |
|
(60) |
It-tieninett, għalkemm kien hemm sejħa għall-offerti miftuħa u kompetittiva bi trattament ugwali tal-offerenti kollha, ma jistax jingħad li l-bejgħ twettaq taħt kondizzjonijiet tas-suq. Minħabba li l-ammont tal-indennizz ma kienx limitat, l-offerti ma setgħux jinkludu prezz proprju għalih. Ladarba kien impossibbli li jingħata valur lill-impenn ta’ indennizz mhux limitat, il-proċedura tas-sejħa għall-offerti ma tistax titqies li kienet tinvolvi “prezz tas-suq” jew, għalhekk, li twettqet taħt kondizzjonijiet tas-suq. |
|
(61) |
L-Erste Bank jargumenta li l-miżura ma tagħtix vantaġġ kummerċjali, għaliex irriżultat skont proċedura kompetittiva u tħallas il-prezz tas-suq. F’dan il-kuntest, l-Erste Bank jirreferi għal numru ta’ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (11). Waqt li jiċċita l-każijiet Banks (12) u Systems Microelectronic (13), l-Erste Bank jargumenta wkoll li meta kumpanija kienet qed tirċievi vantaġġ u tinbiegħ bi prezz tas-suq mill-Istat, il-benefiċċju ta’ kwalunkwe vantaġġ jibqa’ tal-bejjiegħ u ma jingħaddiex lix-xerrej. |
|
(62) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-każ Banks iċċitat mill-Erste Bank jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li meta ssir proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u kompetittiva taħt kondizzjonijiet tas-suq, normalment ma jkun hemm l-ebda għajnuna lix-xerrej tal-kumpanija. Fil-każ preżenti, madankollu, taħt kondizzjonijiet normali tas-suq l-Erste Bank ma kienx jibbenefika minn indennizz mingħajr limitu, għaliex bejjiegħ prudenti f’ekonomija tas-suq ma kienx ibigħ lill-Postabank flimkien ma’ impenn ta’ indennizz mingħajr limitu għal pretensjonijiet mhux magħrufin. Bħala konklużjoni, ladarba operatur f’ekonomija tas-suq li jbigħ lill-Postabank ma kienx ser jipprovdi indennizz mingħajr limitu għal pretensjonijiet mhux magħrufin, l-Erste Bank irċieva vantaġġ ekonomiku bħala riżultat tax-xiri tal-Postabank bl-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin. |
|
(63) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li meta vvalutata f’iżolament, il-miżura ma tikkonformax mat-test ta’ bejjiegħ f’ekonomija tas-suq. |
Valutazzjoni tal-privatizzazzjoni flimkien mar-ristrutturar
|
(64) |
Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura l-Kummissjoni rat il-miżuri relatati mar-ristrutturar u l-privatizzazzjoni flimkien għaliex fl-1998 l-Gvern Ungeriż kien informa lill-Kummissjoni li hu kien iddeċieda li jwettaq injezzjoni ta’ kapital u ħa 99,9 % tal-ishma tal-Postabank, bil-ħsieb li jirristrutturah u jipprivatizzah, jiġifieri l-awtoritajiet Ungeriżi nfushom dehru li qed jgħaqqdu flimkien ir-ristrutturar mal-privatizzazzjoni. Il-miżuri ta’ appoġġ parzjalment finanzjarji u parzjalment regolatorji mogħtija sa minn Diċembru 1998 għamluha possibbli li l-bank jinżamm operattiv u ffaċilitaw il-privatizzazzjoni tiegħu. |
|
(65) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ser twettaq valutazzjoni sekondarja tal-impenn mogħti fil-mument tal-miżura ta’ privatizzazzjoni li teżaminaha konġuntament mal-miżuri ta’ ristruttur preċedenti; madankollu, ladarba kien diġà stabbilit li l-miżura jekk titqies b’mod iżolat tikkostitwixxi għajnuna, din bilfors tibqa’ tikkostitwixxi għajnuna, jekk tkun eżaminata konġuntament mal-miżuri ta’ ristrutturar preċedenti. |
|
(66) |
Jekk is-sett sħiħ ta’ miżuri jitqiesu konġuntament mat-test tal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq, il-kalkolu tal-ispejjeż li nġarru mill-Istat jinkludi l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Ungeriżi biex jirristrutturaw il-bank qabel il-bejgħ tiegħu kif ukoll dawk il-miżuri deċiżi fil-qafas tal-bejgħ. L-aggregazzjoni tal-miżuri kkonċernati tirriżulta fi prezz ġenerali negattiv għall-bejgħ ta’ madwar HUF 53.4 biljun (jiġifieri madwar EUR 211 miljun), li hu r-riżultat tal-approċċ issimplifikat tat-tnaqqis tal-valur tal-miżuri tal-Istat sa minn Diċembru 1998 mill-prezz tal-bejgħ reali milħuq bil-privatizzazzjoni. Dan ir-riżultat ma jinkludi ebda spiża addizzjonali li l-Istat jista’ jkollu jagħmel tajjeb għaliha rigward l-impenji ta’ indennizz mogħtija waqt il-privatizzazzjoni. |
|
(67) |
Il-Kummissjoni tinnota sa mill-1998, ir-restawr tal-vijabbiltà tal-Postabank permezz tal-privatizzazzjoni f’ebda punt ma kien ibbażat fuq ir-realizzazzjoni ta’ “prezz pożittiv” għall-Gvern Ungeriż, jiġifieri il-kisba ta’ redditu li huwa raġonevolment mistenni fuq l-investiment. Dan joħroġ mill-fatt li l-miżuri ddaħħlu mingħajr ebda determinazzjoni preċiża ta’ prezz tal-bejgħ immirat fil-futur. |
|
(68) |
Abbażi ta’ dan, f’konformità mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq, investitur razzjonali li jopera taħt kondizzjonijiet normali tas-suq ma kienx, fuq bażijiet purament kummerċjali, jikkontribwixxi jew jimpenja flus lill-Postabank mingħajr ma jkollu aspettattivi konkreti u raġonevoli li jkun jista’ jbigħu għal prezz ogħla mill-fondi totali investiti fih. |
|
(69) |
Kif imsemmi fuq, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Postabank inbiegħ lill-ogħla offerent f’sejħa għall-offerti kompetittiva, miftuħa u inkondizzjonali. Madankollu, proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa mhux dejjem teskludi l-possibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-Kawża C-344/99 l-Qorti ikkonkludiet kif ġej:“… rigward it-talba tal-Gvern Ġermaniż li l-proċedura għall-privatizzazzjoni tal-GS issodisfat il-ħtiġiet ta’ proċedura miftuħa, trasparenti u inkondizzjonali stabbilita fil-prinċipji ġenerali għall-privatizzazzjoni, hu biżżejjed li jkun iddikjarat li, irrispettivament mill-valur legali ta’ dawk il-prinċipji, u jekk jitqies li dik it-talba trid tiġi stabbilita, din ma tbiddilx ir-riżultat li l-għażla tal-privatizzazzjoni tal-GS bi prezz tal-bejgħ negattiv ma tissodisfax it-test ta’ investitur privat u għalhekk kienet tinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat” (14). Jekk ir-ristrutturar u l-privatizzazzjoni jitqiesu flimkien, jiġifieri jekk jitqiesu l-ammonti tal-miżuri privati implimentati qabel il-bejgħ tal-Bank, dan jirriżulta fi prezz negattiv għall-Istat. |
|
(70) |
L-Erste Bank iddikjara li l-analiżi ta’ test ta’ investitur privat hija inkompleta għaliex ma teżaminax l-ispejjeż tal-istralċi jew ir-regoli bankarji Ungeriżi relevanti li jipprevjenu milli jseħħu l-istralċi. |
|
(71) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-każistika tal-Qrati Komunitarji tagħmilha ċara li l-kriterju ta’ operatur privat hu applikabbli biss f’sitwazzjopnijiet fejn l-intervent tal-Istat hu ta’ natura ekonomika u mhux għal dawk fejn tifforma parti mill-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi (15). Fil-każ preżenti, l-Istat aġixxa bil-għan li jipproteġi l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u mhux bħala investitur privat li jaġixxi bl-għan li jagħmel profitt. |
|
(72) |
Barra dan, biex ikun ivvalutat jekk kienx aktar ta’ profitt għall-Istat li jistralċa kumpanija aktar milli jbiegħha, il-Qrati Komunitarji ppreċiżaw li għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi bħala sid tal-ishma kapitali ta’ kumpanija u l-obbligi tiegħu bħala awtorità pubblika: huwa biss dan l-ewwel fattur li jitqies għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna (16). Għalhekk, jekk mill-kalkoli jkunu esklużi l-ispejjeż li ma kinux ikunu kkunsidrati minn investitur privat, l-istralċ kien iqum inqas lill-Istat mir-ristrutturar u l-privatizzazzjoni meħuda flimkien. |
|
(73) |
Kif imsemmi fuq, l-Erste Bank jargumenta li l-miżura ma tagħtix vantaġġ kummerċjali, għaliex irriżultat wara proċedura kompetittiva u għalhekk il-benefiċċju ta’ kwalunkwe vantaġġ jibqa’ tal-bejjiegħ u ma jingħaddix lix-xerrej. |
|
(74) |
Kif iddikjarat hawn fuq, dan jgħodd biss jekk il-proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u kompetittiva ssir taħt kondizzjonijiet normali tas-suq. Din il-kondizzjoni, madankollu, mhijiex issodisfatta għaliex bejjiegħ privat ma kienx ser jidħol responsabbli għal indennizzi illimitati għal pretensjonijiet mhux magħrufin. Barra dan, investitur privat ma kienx jimplimenta l-miżuri għall-Postabank, għaliex il-miżuri totali li jsegwu l-injezzjoni ta’ kapital mill-Istat irriżultaw fi prezz negattiv għall-Istat. |
|
(75) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sett sħiħ ta’ miżuri mill-Istat sa minn Diċembru 1998 adottat bil-ħsieb li jiffaċilita r-ristrutturar u l-privatizzazjzoni tal-Postabank, li l-miżura inkwistjoni tifforma parti minnu, ma jissodisfax it-test ta’ investitiur privat, u għalhekk jagħti vantaġġ ekonomiku lill-Postabank u lill-Erste Bank, li amalgamaw fl-1 ta’ Settembru 2004. |
Selettività
|
(76) |
Ladarba kien stabbilit li minkejja l-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, il-miżura rriżultat f’vantaġġ għal Erste Bank (minħabba li l-ebda bejjiegħ privat ma kien ser jidħol responsabbli għal indennizz illimitat), isegwi li l-miżura hi selettiva. |
Distorsjoni possibbli tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju
|
(77) |
Fl-aħħar tal-2002 il-Postabank kien is-seba’ l-akbar bank kummerċjali fl-Ungerija. Matul il-perjodu taħt valutazzjoni hu kien attiv fis-settur finanzjarju, li hu miftuħ għal kompetizzjoni internazzjonali kbira u fejn kien hemm kummerċ bejn l-Ungerija u l-Unjoni Ewropea, inklużi numru sostanzjali ta’ banek tal-UE joperaw fis-suq bankarju Ungeriż. |
|
(78) |
Skont il-każistika (17), meta l-għajnuna tal-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li qed jikkompetu fil-kummerċ intra-Komunitarju, din l-impriża għandha titqies li ġiet affettwata minn dik l-għajnuna. Kien stabbilit li billi ta l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin, l-Istat Ungeriż ta vantaġġ selettiv lill-Erste Bank. Għalhekk jista’ jiġi konkluż li dan il-vantaġġ selettiv f’konnessjoni max-xiri tal-Postabank saħħaħ il-pożizzjoni tal-Erste Bank u konsegwentement għandu l-potenzjal li jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju u li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni. |
|
(79) |
Bħala konklużjoni, jekk ikunu ssodisfati l-kriterji kollha tal-Artikolu 87(1), l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tat-Trattat tal-KE. |
3. Valutazzjoni ta’ kompatibbiltà
|
(80) |
Taħt il-mekkaniżmu ta’ kompatibbiltà l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tieħu azzjoni biss rigward miżuri ta’ għajnuna li huma kkunsidrati applikabbli wara l-adeżjoni. Il-miżura nnotifikata hi applikabbli wara l-adeżjoni u tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. |
L-Artikolu 87(2)(b) u l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE
|
(81) |
Il-kundizzjonijiet skont liema miżura ta’ għajnuna hi kumpatibbli jew tista’ titqies bħala kumpatibbli mas-suq komuni huma elenkati fl-Artikolu 87(2) u (3) KE. |
|
(82) |
L-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat tal-KE ma japplikawx għall-każ preżenti. Il-Kummissjoni tikkunsidra b’mod partikolari li l-għajnuna mogħtija fil-każ preżenti ma kinitx immirata biex issewwi ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji skont l-Artikolu 87(2)(b) KE. It-terminu “avvenimenti straordinarji” ma jkoprix telf finanzjarju kkważat minn deċiżjonijiet kummerċjali ta’ operaturi ekonomiċi. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li ma kien hemm l-ebda kriżi bankarja ġenerali fl-Ungerija. |
|
(83) |
Bl-istess mod, l-għajnuna ma tistax tiġi eżentata abbażi tal-Artikolu 87(3)(b). Fl-2003, fil-mument meta ngħata l-impenn ta’ indennizz, ma kien hemm l-ebda kriżi sistematika fis-settur bankarju Ungeriż li setgħet wasslet għal taqlib serju fl-ekonomija Ungeriża. |
L-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE
|
(84) |
Skont l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza għajnuna mill-Istat li tingħata biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, fejn għajnuna bħal din ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. |
|
(85) |
L-awtoritajiet Ungeriżi nnotifikaw il-biċċa l-kbira mill-miżuri li ddaħħlu bejn l-1998 u l-2002 għall-Postabank bħala miżuri ta’ ristrutturar, waqt li l-impenn ta’ indennizz f’konnessjoni mal-privatizzazjoni tal-Bank kien innotifikat separatament. Il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-miżura tistax titqies kumpatibbli fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat tal-KE, taħt il-linji gwida ta’ salvataġġ u ristrutturar. |
Linji gwida ta’ salvataġġ u ristrutturar
|
(86) |
Il-kondizzjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-Artikolu 87(3)(ċ) għal għajnuna għal salvataġġ u ristrutturar huma elenkati f’linji gwida Komunitarji. Il-linji gwida Komunitarji kurrenti dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà daħlu fis-seħħ fl-10 ta’ Ottubru 2004 (18). Għal għajuna mogħtija qabel il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida, il-linji gwida Komunitarji preċedenti dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tad-ditti f’diffikultà (19) kienu jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li taħthom għajnuna bħal din kienet titqies bħala kumpatibbli (20). Il-ftehim tal-bejgħ, li jinkludi l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin, kien iffirmat fl-20 ta’ Ottubru 2003. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-linji gwida tal-1999 għandhom japplikaw fil-kuntest preżenti. |
Eliġibbiltà tad-ditta
|
(87) |
Il-linji gwida tal-1999 jikkunsidraw li ditta tkun tinsab f’diffikultà jekk ma tkunx tista’ tirkupra permezz tar-riżorsi tagħha stess jew billi takkwista l-fondi li teħtieġ mingħand l-azzjonisti jew billi tissellef. |
|
(88) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-problemi tal-Postabank fl-1997-1998 kienu gravi u kienet ditta f’diffikultà għaliex ma kinitx tkun kapaċi tirkupra mingħajr l-intervent tal-Istat. |
|
(89) |
Kif iddikjaraw l-awtoritajiet Ungeriżi, il-miżura ma kinitx tifforma parti mir-ristrutturar, għaliex kienet relatata mal-bejgħ tal-Bank u l-ħtieġa tagħha rriżultat biss waqt il-proċedura tas-sejħa għall-offerti. L-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin ingħata bħala parti mill-privatizzazzjoni fl-2003. Sa dak iż-żmien, l-istruttura kapitali u l-pożizzjoni tal-Bank kienu stabbiliti. Il-Postabank reġa’ kiseb il-vijabbiltà tiegħu. L-Uffiċċju tal-Verifika tal-Istat Ungeriż ħareġ rapport f’April 2003, li jirrikonoxxi li r-ristrutturar tal-Postabank kien tlesta b’suċċess u li l-Bank kien qed jopera b’mod vijabbli. |
|
(90) |
Għalhekk, ladarba l-Postabank kien vijabbli fl-2003, ma setgħetx tingħata aktar għajnuna għar-ristrutturar. |
|
(91) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li fil-mument meta ngħata l-impenn ta’ indennizz fl-2003 l-Postabank ma kienx jikkwalifika bħala ditta f’diffikultà u għalhekk ma kienx eliġibbli għal għajnuna ta’ salvataġġ jew għajnuna addizzjonali ta’ ristrutturar. Dan ifisser li mhemm l-ebda bażi biex din tinsab kumpatibbli taħt il-linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar. |
|
(92) |
Il-valutazzjoni sekondarja tinvolvi li tkun ikkunsidrata l-miżura konġuntament mal-miżuri preċedenti ta’ ristrutturar bħala parti minn operazzjoni ta’ ristrutturar u privatizzazzjoni waħda (ara r-raġunar sekondarju hawn fuq). Kif diskuss hawn fuq, il-Postabank kien diġà vijabbli fl-2003 meta ttieħdet id-deċiżjoni li jingħata impenn ta’ indennizz. |
|
(93) |
Sabiex il-miżura tkun ikkunsidrata bħala għajnuna għar-ristrutturar kumpatibbli, din trid tkun tifforma parti minn pjan ta’ ristrutturar pre-eżistenti implimentat fil-mument meta rriżultaw id-diffikultajiet tad-ditta. L-għoti ta’ għajnuna ta’ ristrutturar hu marbut mal-kundizzjoni li jiġi implimentat pjan ta’ ristrutturar li għandu jirrestawra l-vijabbiltà għat-tul tad-ditta fuq medda ta’ żmien raġonevoli abbażi ta’ assunzjonijiet realistiċi rigward il-kondizzjonijiet operattivi futuri. |
|
(94) |
Il-pjan ta’ ristrutturar ippreżentat mill-awtoritajiet Ungeriżi sar wara l-avveniment għall-iskop tan-notifika fl-2004. Ma kienx jeżisti fil-mument tal-miżuri ta’ ristrutturar preċedenti, li jagħmilha ċara li ma kien jeżisti l-ebda pjan ta’ ristrutturar, kif meħtieġ mil-linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar, li jinkorpora l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin bħala parti mill-operazzjoni ta’ ristrutturar. |
|
(95) |
Konsegwentement, anke jekk l-impenn ta’ indennizz ikun ivvalutat flimkien mal-miżuri l-oħrajn, ma jistax jitqies li huwa kumpatibbli taħt il-linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar għaliex il-Postabank ma kienx eliġibbli bħala ditta f’diffikultà fil-mument tad-deċiżjoni li jingħata impenn u l-impenn ma kienx jifforma parti minn pjan ta’ ristrutturar pre-eżistenti. |
L-Artikolu 45(2) tal-Ftehim Ewropew
|
(96) |
L-Artikolu 45(2) tal-Ftehim Ewropew jgħid hekk: “Rigward is-servizzi finanzjarji, deskritti fl-Anness XIIa, dan il-Ftehim ma jippreġudikax id-dritt tal-Partijiet li jadottaw miżuri meħtieġa għat-tmexxija tal-politika monetarja tal-Parti, jew għal raġunijiet prudenzjali sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-investituri, depożitarji, detenturi ta’ polza, jew persuni li hu dovut lilhom dover fiduċjarju, jew biex ikunu żgurati l-integrità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Dawn il-miżuri m’għandhomx jiddiskriminaw abbażi ta’ nazzjonalità kontra kumpaniji u ċittadini tal-Parti l-oħra meta mqabbla mal-kumpaniji u ċ-ċittadini proprji tagħha.” |
|
(97) |
Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni kellha dubji serji dwar jekk l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim Ewropew kienx japplika għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, għaliex dan jifforma parti mill-kapitolu ta’ “Stabbiliment” tal-Ftehim Ewropew, waqt li d-dispożizzjonijiet rigward l-għajnuna mill-Istat huma elenkati fl-Artikolu 62 et seq.. Barra dan, il-Kummissjoni kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għal kwalunkwe miżura b’ambitu ġenerali ta’ applikazzjoni adottata minn awtorità superviżorja finanzjarja u li ma kien hemm l-ebda kriżi bankarja ġenerali fl-Ungerija. |
|
(98) |
L-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw li l-Gvern Ungeriż ma setax iħalli lill-Postabank ifalli fl-1998 fil-mument meta hu kien qed jesperjenza l-agħar diffikultajiet tiegħu u s-suq Ungeriż ma kienx stabbli u li l-falliment tal-Postabank, meta tikkunsidra d-daqs tiegħu, seta’ jwassal għal kriżi finanzjarja maġġuri. |
|
(99) |
Madankollu, l-impenn ta’ indennizz ingħata f’mument meta l-Postabank ma kienx għadu impriża f’diffikultà. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim Ewropew fih innifsu ma jipprovdix bażi legali biex kwalunkwe miżura fil-forma ta’ għajnuna mill-Istat tkun ikkunsidrata li tkun kumpatibbli mas-suq komuni. |
|
(100) |
Bħala konklużjoni, l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli. |
4. Il-kwistjoni ta’ rkurpru
|
(101) |
Fil-kuntest tal-mekkaniżmu interim, kull azzjoni li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tieħu hi limitata għal miżuri applikabbli wara l-adeżjoni, li fil-każ preżenti jfisser l-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin. |
|
(102) |
Minkejja l-argument li din il-miżura tħallset fil-prezz tax-xiri, abbażi tal-konsiderazzjonijiet li saru hawn qabel, il-Kummissjoni temmen li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli u għalhekk għandha titwaqqaf b’effett retroattiv mit-30 ta’ April 2004. |
|
(103) |
F’termini prattiċi, it-twaqqif b’effett retroattiv mit-30 ta’ April 2004 jimplika l-irkupru ta’ kwalunkwe pretensjoni mħallsa wara dik id-data li ma tikkwalifikax bħala pretensjoni inapplikabbli wara l-adeżjoni. Madankollu, l-ebda rkupru mhuwa meħtieġ għaliex fil-fatt ma sar l-ebda pagament taħt l-impenn ta’ indennizz. Dan minħabba l-karattru kompletament kontinġenti tal-impenn ta’ indennizz. |
|
(104) |
Il-Kummissjoni fil-prinċipju għandha titlob li jiġi impost ħlas għall-impenn ta’ indennizz sabiex jiġi paċut il-vantaġġ tal-miżura. |
|
(105) |
Madankollu, il-Kummissjoni taċċetta l-argument li l-impożizzjoni ta’ ħlas bħal dan jista’ jmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali, b’konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom ingħata l-impenn/garanzija kontinġenti għal kollox, bħall-indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin. Għalkemm il-kunċett ta’ “applikabbiltà wara l-adeżjoni” hu wieħed oġġettiv, il-kriterji speċifiċi applikabbli għall-impenn ta’ indennizz ma kinux ċari għal kollox jew prevedibbli għall-Gvern Ungeriż jew għall-Erste Bank fil-mument li ngħata l-impenn, jiġifieri meta saret il-privatizzazzjoni tal-Postabank. Għalhekk, fl-assenza ta’ kriterji ċari u trasparenti relatati mal-kunċett ta’ applikabbiltà wara l-adeżjoni rigward l-indennizzi, il-partijiet interessati setgħu ma kinux f’pożizzjoni li jipprevedu li l-impenji ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin mogħtija qabel l-adeżjoni jkunu jitqiesu bħala applikabbli wara l-adeżjoni f’ċirkostanzi bħal dawk tal-bejgħ tal-Postabank. |
|
(106) |
Barra dan, minkejja l-karattru oġġettiv tat-test legali fit-Trattat dwar l-Adeżjoni, il-linji gwida Komunitarji dwar il-kunċett ta’ applikabbiltà wara l-adeżjoni rigward il-garanziji u l-impenji ta’ indennizz ġew iċċarati biss gradwalment maż-żmien. It-Trattat dwar l-Adeżjoni kien iffirmat fis-16 ta’ April 2003. L-Anness IV.3 ma jispeċifikax il-kriterji li l-Kummissjoni għandha tapplika għall-valutazzjoni tal-applikabbiltà wara l-adeżjoni fil-każ ta’ miżuri kontinġenti bħal garanziji u impenji ta’ indennizz. Minflok, id-dipartimenti tal-Kummissjoni informaw lill-pajjiżi fil-fażi ta’ adeżjoni dwar il-kriterji ta’ applikabbiltà ta’ wara l-adeżjoni permezz ta’ ittri gwida. |
|
(107) |
Bl-ittra datata 4 ta’ Awwissu 2003 lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Ungerija għall-UE, il-Kummissjoni tenniet x’tifhem hi bil-kunċett ta’ “applikabbiltà wara l-adeżjoni” rigward miżuri ta’ għajnuna individwali. Madankollu, dik l-ittra ma indirizzatx espliċitament il-valutazzjoni ta’ impenji ta’ indennizz, u lanqas ma talbet espliċitament partizzjoni, jiġifieri li r-riskji għandhom ikunu ddefiniti b’mod preċiż u inklużi f’lista eżawrjenti magħluqa sad-data tal-adeżjoni, bħala kriterju biex l-impenn ta’ indennizz ma jitqisx applikabbli wara l-adeżjoni. L-ittra tal-Kummissjoni kienet tidher li tinkludi kollox rigward il-kunċett ta’ applikabbiltà wara l-adeżjoni u bl-ebda mod ma rreferiet għall-ħtieġa ta’ partizzjoni. Il-partizzjoni hu kriterju li l-miżura fil-forma kurrenti tagħha tonqos milli tissodisfa. |
|
(108) |
L-Erste Bank xtara lill-Postabank fl-20 ta’ Ottubru 2003 u l-ftehim tal-bejgħ inkluda l-impenn ta’ indennizz. |
|
(109) |
Il-gwida li jmiss dwar it-test ta’ applikabbiltà kienet disponibbli permezz tad-deċiżjonijiet formali tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2004 dwar Česká Spořitelna (CZ 14/03) u tas-16 ta’ Diċembru 2003 dwar Komerční Banka (CZ 15/03). Dawn id-deċiżjonijiet iddikjaraw li l-Kummissjoni tikkunsidra l-miżuri individwali ta’ għajnuna li huma applikabbli wara l-adeżjoni jekk l-espożizzjoni ekonomika preċiża tal-Istat ma tkunx magħrufa fid-data li tingħata l-għajnuna. Fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet ma ssemmiet xi ħtieġa ta’ partizzjoni, jiġifieri l-ħtieġa li r-riskji jkunu ddefiniti b’mod preċiż u inklużi f’lista eżawrjenti magħluqa sad-data tal-adeżjoni sabiex impenn ta’ indennizz partikolari ma jikkwalifikax bħala applikabbli wara l-adeżjoni. |
|
(110) |
Din il-ħtieġa ta’ partizzjoni ma nġabitx għall-attenzjoni tal-Ungerija mill-Kummissjoni sal-ittra datata 19 ta’ Marzu 2004. Din l-ittra tirreferi espliċitament għall-każ Postabank u tagħti gwida dwar l-applikabbiltà wara l-adeżjoni tal-impenn ta’ indennizz, b’mod partikolari rigward it-tliet kriterji msemmija fil-paragrafu 14 ta’ din id-deċiżjoni u fil-paragrafu 52 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, kif iddikjarat hawn fuq. |
|
(111) |
Għalhekk, fil-mument meta tfassal il-ftehim tal-bejgħ u x-xiri tal-Postabank f’Ottubru 2003, mhux il-kriterji relevanti kollha biex tkun iddeterminata l-applikabbiltà wara l-adeżjoni ta’ garanziji ta’ kontinġenza u impenji ta’ indennizz (opposti għal miżuri oħra, bħal dawk li jwasslu għal ċertu obbligu ta’ pagament fil-perjodu ta’ wara l-adeżjoni), kienu magħrufin mill-partijiet ikkonċernati. Meta jitqies dan, jidher mhux raġonevoli li jintalab irkupru rigward l-għajnuna li ngħatat fil-mument meta l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-kriterji ta’ applikabbiltà wara l-adeżjoni għal impenji ta’ indennizz ma kinux iċċarati għal kollox u li setgħu taw l-impressjoni żbaljata li kienu kompleti. |
|
(112) |
Barra dan, l-effett pożittiv tal-impenn ta’ indennizz kien sa ċertu punt paċut mill-fatt li s-swieq kienu konxji li kienet tinsab għaddejja investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-impenn ta’ indennizz ma setax kellu effett pożittiv maġġuri fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Bank. Hu marbut ma’ riskji ta’ litigazzjoni speċifiċi f’konnessjoni mal-passat tal-Postabank u ma jikkostitwix garanzija ġenerali li tipprovdi vantaġġ dirett biex jiġu akkwistati fondi. |
|
(113) |
Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq u taċ-ċirkostanzi ġenerali kollha tal-każ, il-Kummissjoni mhux qed titlob l-impożizzjoni ta’ ħlas għall-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin. |
VIII. KONKLUŻJONI
|
(114) |
Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-parti tal-indennizzi li tinsab fil-miżura li kienet iddefinita b’mod ċar sal-mument tal-deċiżjoni mhijiex applikabbli wara d-deċiżjoni (jiġifieri l-pretensjonijiet potenzjali taż-żewġ kumpaniji għall-verifika, Arthur Andersen Audit u Prudentia, kontra l-Postabank, kif imniżżel taħt “Definizzjoni tar-Riskju O” fid-dikjarazzjoni unilaterali tal-Erste Bank tad-29 ta’ April 2004). |
|
(115) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-bqija tal-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin mogħtija mill-Ungerija lill-Postabank és Takarékpénztár Rt./Erste Bank Hungary Nyrt. ma tikkwalifikax bħala applikabbli wara l-adeżjoni u tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pretensjonijiet potenzjali minn Arthur Andersen Audit Könyvszakértő Korlátolt Felelősségű Társaság u minn Prudentia Könyvvizsgáló és Gazdasági Tanácsadó Korlátolt Felelősségű Társaság (jew iċ-ċessjonarji jew is-suċċessuri legali tagħhom), kif inklużi fid-“Definizzjoni tar-Riskju O” fid-dikjarazzjoni unilaterali tal-Erste Bank tad-29 ta’ April 2004, ma jikkwalifikawx bħal applikabbli wara l-adeżjoni.
2. Il-bqija tal-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin implimentata mir-Repubblika tal-Ungerija għall-Postabank és Takarékpénztár Rt./Erste Bank Hungary Nyrt., ma tikkwalifikax bħala applikabbli wara l-adeżjoni u tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.
Artikolu 2
Ir-Repubblika tal-Ungerija għandha tittermina l-parti tal-impenn ta’ indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin li tikkwalifika bħala applikabbli wara l-adeżjoni b’effett retroattiv mit-30 ta’ April 2004.
Artikolu 3
Ir-Repubblika tal-Ungerija għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li ttieħdu biex ikun hemm konformità magħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Ungerija.
Magħmula fi Brussell, 21 ta’ Ottubru 2008.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-rata tal-kambju fil-25 ta’ Awwissu 2008: EUR 1 = HUF 235,2.
(3) Jiġifieri sas-16 ta’ Diċembru 2008.
(4) Abbażi ta’ dan, f’relazzjoni ma’ talbiet ta’ litigazzjoni mhedda, l-Istat bħala bejjiegħ jagħmel pagament rigward:
|
— |
50 % tal-ewwel HUF 4 biljuni tar-responsabbiltajiet relevanti tal-bank fit-total; |
|
— |
100 % tal-eċċess fuq HUF 4 biljuni, li ma jeċċedux ammont totali ta’ HUF 350 biljun. |
L-obbligi tal-bejjiegħ rigward l-indennizzi għal talbiet ta’ litigazzjoni mhedda jiskadu ħames snin wara t-tkomplija tal-ftehim tax-xiri tal-ishma f’relazzjoni ma’ talbiet ta’ parti terza li dwarhom ma nbdiet l-ebda proċedura f’qorti jew ta’ arbitraġġ. L-impenn ta’ indennizz għal talbiet ta’ litigazzjoni mhedda hu konfinat għal tliet partiti definiti sewwa. Il-Kummissjoni ddikjarat il-miżura mhux applikabbli wara l-adeżjoni (ara d-Id-Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, ĠU C 68, 19.3.2005).
(5) Il-miżuri li ġejjin favur Postabank és Takarékpénztár Rt./Erste Bank Hungary Nyrt. ġew ikkunsidrati li mhumiex applikabbli wara l-adeżjoni: “Bonds subordinati, April 1995”, “Żieda fil-kapital, Settembru 1995”, “Bonds subordinati, Marzu 1996”, “Bonds subordinati, Lulju 1996”, “Eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ riżervi obbligatorji, Marzu 1997”, “Garanzija diretta mill-Istat, April 1997”, “Skambju ta’ assi, Settembru 1997”, “Żieda fil-kapital, June 1997”, “Bonds subordinati, Diċembru 1997”, “Żieda fil-kapital, Mejju 1998”, “Ristrutturar kapitali, Diċembru 1998”, “Tindif tal-portafoll, Diċembru 1998”, “Eżenzjoni minn limiti legalment vinkolanti u limiti ta’ investiment, April 1999”, “Rinunzja tal-obbligi tal-Ftehim ta’ Konsolidazzjoni ta’ Postabank, Novembru 2001”, “Eżenzjoni mil-limitu tal-pożizzjoni ta’ munita miftuħa, Ottubru 2001”, “Esklużività biex jinfetħu kontijiet għall-istudenti għall-infiq ta’ Self lill-istudenti, Settembru 2001” u “Indennizz għal pretensjonijiet ta’ litigazzjoni mhedda, Ottubru 2003”.
(6) Fl-ewwel fażi tal-proċedura ta’ sejħiet għall-offerti l-offerenti kienu mistoqsijin għall-proposti tal-prezz tagħhom u kellhom jittrattaw kull impenn li kienu qed jistennew mill-Istat f’konnessjoni mal-obbligi tal-Bank separatament rigward il-litigazzjoni pendenti u mhedda. Kif deskritt mill-awtoritajiet Ungeriżi, “Kull offerent kellu separatament jindika l-livell ta’ serħan tal-moħħ li hu jrid rigward ir-responsabbiltajiet li ġejjin minn avvenimenti u attivitajiet ta’ qabel il-privatizzazzjoni li fuqhom hu ma seta’ jkollu l-ebda kontroll. Imbagħad inħareġ il-ftehim tax-xiri tal-ishma lill-offerenti fit-tieni fażi, abbażi tas-suġġerimenti magħmula mill-offerenti fl-offerti indikattivi tagħhom rigward l-amministrazzjoni tal-litigazzjoni pendenti u mhedda u kwalunkwe talba ta’ indennizz.”
(7) Ara l-Ftehim Ewropew, il-Kapitolu II, l-Artikolu 62(1)(iii).
(8) Állami Privatizációs és Vagyonkezelő Rt (Hungarian State Privatisation and Holding Company), li s-suċċessur legali tagħha hija Magyar Nemzeti Vagyonkezelő Rt. (Hungarian National Holding Company).
(9) Ara d-Id-Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura fil-ĠU C 68, 19.3.2005.
(10) Il-Kawża T-11/95 BP Chemicals vs Il-Kummissjoni [1998] Ġabra II-3235; ara l-paragrafi 178 u 179.
(11) Hytasa (92/317/KEE) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 1992 (ĠU L 171, 26.6.1992, p. 54), Centrale del Latte di Roma (2000/628/KE) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 April 2000 (ĠU L 265, 19.10.2000, p. 15), Crédit Foncier de France (2001/89/KE) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 34, 3.2.2001, p. 36), KataLeuna GmbH Catalysts (2001/685/KE) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2001 (ĠU L 245, 14.9.2001, p. 26), Entstaubungstechnik Magdeburg GmbH (ETM)(2000/395/KE) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 1999 (ĠU L 150, 23.6.2000, p. 64), Italstrade (1999/269/KE) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 1998 (ĠU L 109, 27.4.1999, p. 1), TASQ (2000/647/KE) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2000 (ĠU L 272, 25.10.2000, p. 29), Gothaer Fahrzeugtechnik GmbH (2002/896/KE) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2002 (ĠU L 314, 18.11.2002, p. 62), Buna/Leuna (96/545/KE) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 1996 (ĠU L 239, 19.9.1996, p. 1), InfraLeuna (C/1999/646) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 1998 (ĠU L 260, 6.10.1999, p. 1), Head Tyrolia Mares (97/81/KE) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 1996 (ĠU L 25, 28.1.1997, p. 26), Koninklijke Schelde Groep (2003/45/KE) – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ġunju 2002 (ĠU L 14, 21.1.2003, p. 56).
(12) Kawża C-390/98 H.J. Banks & Co, Ltd. v The Coal Authority and Secretary of State for Trade and Industry.
(13) Kawża C-277/00 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni.
(14) Ara l-Kawża C-334/99 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, p. 133-142.
(15) Ara l-konklużjonijiet tal-14 ta’ Jannar 2003 tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Altmark (Ġabra C-280/00, p. 20 et seq.).
(16) Ara l-Kawżi Magħquda C-278/92 sa C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni, p. 22, u l-Ġabra C-334/99, iċċitata hawn fuq, p. 133-134.
(17) Ara l-Ġabra 730/79 Philip Morris vs Il-Kummissjoni.
(18) ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.
(19) ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.
(20) Ara p. 104 tal-linji gwida tal-2004.