11.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta' Frar 2009

dwar il-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard EN 3-8:2006 “Pajrini tal-idejn – Parti 8: Rekwiżiti addizzjonali ma’ EN 3-7 għall-bini, ir-reżistenza għall-pressa u t-testijiet mekkaniċi għall-pajrini bi pressa massima permissibbli daqs jew inqas minn 30 bar” skont id-Direttiva 97/23/KE dwar it-tagħmir tal-pressa

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 739)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/111/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 97/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ apparat ta’ pressjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti stabbilit skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 97/23/KE tipprovdi li apparat u assemblaġġi bil-pressa jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jitħaddmu fil-każ biss li, meta jkunu installati u miżmuma kif suppost u jkunu użati skont l-użu maħsub għalihom, dawn ma jpoġġux fil-periklu s-saħħa u s-sikurezza tan-nies u, fejn ikun xieraq, tal-annimali domestiċi u tal-proprjetà.

(2)

L-apparat u l-assemblaġġi bil-pressa huma preżunti konformi mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/23/KE jekk ikunu konformi mal-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/23/KE, l-Iżvezja ressqet oġġezzjoni formali dwar l-istandard EN 3-8:2006, adottat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fit-2 ta’ Novembru 2006, li s’issa r-referenzi tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għadhom ma ġewx ippubblikati.

(4)

Fl-oġġezzjoni formali tagħha, l-Iżvezja nnutat li t-taqsima 5 tal-istandard EN 3-8:2006 ma tispeċifikax it-tipi tal-materjali li għandhom jintużaw u għalhekk ma tissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tal-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE.

(5)

Billi t-taqsima 5 tal-istandard EN 3-8:2006 tipprovdi għal evalwazzjoni tal-materjali każ b’każ mill-korp notifikat (evalwazzjoni speċifika tal-materjali), l-ispeċifikazzjoni tat-tipi ta’ materjali li għandhom jintużaw mhix neċessarjament obbligatorja. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi konkreti, it-taqsima 5 tal-istandard EN 3-8:2006 ma tistax tinkonferixxi l-preżunzjoni tal-konformità lir-rekwiżiti tal-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE.

(6)

Ukoll, l-Iżvezja tqis li fit-taqsima 6 tal-istandard EN 3-8:2006, m’hemmx l-informazzjoni importanti meħtieġa biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-punt 2.2.4 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE, minħabba n-nuqqas tal-ispeċifikazzjoni tal-materjali fit-taqsima 5 ta’ dak l-istandard.

(7)

Fit-taqsima 2.2 tal-Anness I, id-Direttiva 97/23/KE tiddeskrivi l-metodi biex tiġi żgurata s-saħħa adegwata tal-apparat bil-pressa, inkluż metodu għall-kalkolu jew metodu sperimentali għat-tfassil mingħajr kalkolu. Il-metodu sperimentali tat-tfassil huwa bbażat fuq programm ta’ testijiet kif definit fil-punt 2.2.4(a) u (b), li jinkludi t-test tar-reżistenza għall-pressa.

(8)

It-taqsima 6 tal-istandard EN 3-8:2006 tipprovdi għall-metodu sperimentali tat-tfassil mingħajr kalkolu. Kif rikjest mill-punt 2.2.4 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE, hija tipprovdi għal programm ta’ testijiet b’diversi testijiet. Id-Direttiva 97/23/KE ma teskludix il-metodu tal-evalwazzjoni speċifika tal-materjali bħala metodu li jipprova l-konformità tal-materjali użati mal-ispeċifikazzjonijiet tal-materjali fil-punt 4 tal-Anness I, meta l-manifattur japplika l-metodu sperimentali tat-tfassil. Billi t-taqsima 5 tal-EN 3-8:2006 ma fihiex rekwiżiti speċifiċi tal-materjali, il-manifattur tal-apparat għandu jiżgura li l-materjali użati jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva. Fuq il-bażi ta’ dan, il-karatteristiċi tal-materjali jintużaw bħala parametru tat-test tal-pressjoni fil-qafas tal-programm tat-testijiet tal-metodu sperimentali tat-tfassil, taħt il-kontroll tal-korp notifikat responsabbli għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-apparat.

(9)

L-Iżvezja nnutat ukoll li t-taqsima 7.2.2 dwar il-proċeduri tal-issaldjar ta’ EN 3-8:2006 ma jikkonformawx mal-punt 3.1.2 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE, billi, minbarra l-istandards elenkati, fiha referenza miftuħa għal standards EN rikonoxxuti oħra tal-issaldjar.

(10)

Id-Direttiva 97/23/KE tistipula fil-punt 3.1.2 tal-Anness I ir-rekwiżiti dwar assemblaġġi permanenti. Ir-referenza fit-taqsima 7.2.2 tal-istandard EN 3-8:2006 li “standards oħrajn huma aċċettabbli” mhix referenza adegwata u konkreta biżżejjed għal standard maħsub biex jikkonferixxi l-preżunzjoni tal-konformità lir-rekwiżiti tad-Direttiva 97/23/KE. Standard armonizzat li jikkonferixxi l-preżunzjoni tal-konformità lir-rekwiżiti tad-Direttiva għandu jipprovdi speċifikazzjonijiet tekniċi konkreti dwar it-tfassil, il-manifattura u l-ittestjar, sabiex jgħin lill-manifatturi u biex l-apparat tal-pressa jkun jista’ jiġi preżunt li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali rilevanti. Madankollu, it-taqsima 7.2.2 ta’ EN 3-8:2006 fiha serje ta’ referenzi konkreti għal standards li fihom speċifikazzjonijiet tal-issaldjar. Għalhekk, għalkemm it-taqsima 7.2.2 għandha tittejjeb, ma jkunx proporzjonat li ma jiġux ippubblikati r-referenzi għall-istandard minħabba din ir-raġuni.

(11)

Fl-aħħar nett, l-Iżvezja tqis li t-taqsima 7.3.1 tal-istandard EN 3-8:2006, dwar it-traċċabilità tal-materjali użati fid-diversi partijiet tal-apparat tal-pressa mhijiex preċiża, ma tipprovdix għal soluzzjonijiet tekniċi speċifiċi u għaldaqstant, ma tistax tikkonferixxi l-preżunzjoni tal-konformità lir-rekwiżiti tal-punt 3.1.5 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE.

(12)

Il-punt 3.1.5 tal-Anness I (traċċabilità) tad-Direttiva 97/23/KE jirrikjedi l-applikazzjoni tal-proċeduri xierqa sabiex jiġu identifikati, permezz ta’ mezzi xierqa, il-materjal li minnu huma magħmulin il-komponenti li jikkontribwixxu għar-reżistenza tal-pressa tal-apparat, mill-wasla u l-produzzjoni sal-aħħar test tal-apparat tal-pressa mmanifatturat. L-għan ta’ dan ir-rekwiżit huwa li jiġu evitati d-dubji kollha dwar l-ispeċifikazzjonijiet materjali użati għall-apparat. Il-manifatturi jistgħu japplikaw proċeduri differenti, skont il-karatteristiċi u l-metodi tal-manifattura. Il-korp notifikat li jwettaq il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità tal-apparat għandu jevalwa, każ b’każ, jekk dawn il-proċeduri jissodisfawx ir-rekwiżit tal-punt 3.1.5 tal-Anness I tad-Direttiva. Madankollu, għalkemm it-taqsima 7.3.1 għandha tittejjeb, ma jkunx proporzjonat li ma jiġux ippubblikati n-numri ta’ referenza għall-istandard minħabba din ir-raġuni.

(13)

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se titlob lis-CEN biex fi żmien tliet snin jippreżenta verżjoni riveduta tal-istandard EN 3-8:2006 sabiex jirrifletti aħjar il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 97/23/KE. Wara l-implimentazzjoni ta’ dan il-mandat u skont ir-riżultati tiegħu, jistgħu jiġu previsti iktar deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-verżjoni attwali tal-istandard.

(14)

Għalhekk, ir-referenza għall-istandard EN 3-8:2006 għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenza tal-istandard EN 3-8:2006 “Pajrini tal-idejn – Parti 8: Rekwiżiti addizzjonali ma’ EN 3-7 għall-bini, ir-reżistenza għall-pressa u t-testijiet mekkaniċi għall-pajrini bi pressa massima permissibbli daqs jew inqas minn 30 bar” għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 10 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)   ĠU L 181, 9.7.1997, p. 1.

(2)   ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.