11.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta' Frar 2009

dwar kontribut finanzjarju mill-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-marda ta’ Newcastle fil-Ġermanja fl-2008

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 712)

(It-test Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(2009/110/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3(3) u 4(2) tagħha,

Billi:

(1)

Il-marda ta’ Newcastle hija marda virali infettiva li tikkawża rata għolja ta’ mwiet fit-tjur.

(2)

Fil-każ ta’ tifqigħa tal-marda ta’ Newcastle, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista’ jinfirex f’irziezet oħra tat-tjur f’dak l-Istat Membru, imma wkoll fi Stati Membri oħra u f’terzi pajjiżi permezz tal-kummerċ fit-tjur ħajjin jew il-prodotti tagħhom.

(3)

Tifqigħa ta’ din il-marda tista’ għaldaqstant tieħu proporzjonijiet epidemiċi u tkun responsabbli li tnaqqas bil-kbir il-profitabbiltà tat-trobbija tat-tjur.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE tal-14 ta’ Lulju 1992 li tintroduċi l-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta’ Newcastle (2) tistipula miżuri li f’każ ta’ tifqigħa għandhom jiġu implimentati immedjatament mill-Istati Membri b’urġenza sabiex jiġi evitat aktar tixrid tal-vajrus.

(5)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribut finanzjarju tal-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Skont l-Artikolu 4(2) ta’ dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw kontribut finanzjarju lejn l-ispejjeż ta’ ċerti miżuri għall-qerda tal-marda ta’ Newcastle.

(6)

L-Artikoli 3(5) u 4(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jistabbilixxu regoli dwar il-perċentwali tan-nefqa mġarrba mill-Istat Membru li tista’ tkun koperta mill-kontribut finanzjarju tal-Komunità.

(7)

Il-ħlas ta’ kontribut finanzjarju tal-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza għall-qerda tal-marda Newcastle huwa soġġett għar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għal miżuri urġenti u għall-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (3).

(8)

Tifqigħat tal-marda ta’ Newcastle seħħew fil-Ġermanja fl-2008. Il-Ġermanja ħadet miżuri skont id-Direttiva 92/66/KEE u l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, biex tiġġieled dawn it-tifqigħat.

(9)

Il-Ġermanja kienet konformi għal kollox mal-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħha kif stipulati fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(10)

Fit-18 ta’ Ġunju 2008 u s-17 ta’ Lulju 2008, il-Ġermanja ppreżentat stima tal-ispejjeż imġarrba fit-teħid tal-miżuri biex tinqered il-marda ta’ Newcastle.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontribut finanzjarju mill-Komunità lill-Ġermanja

Kontribut finanzjarju mill-Komunità jista’ jingħata lill-Ġermanja għall-ispejjeż imġarrba minn dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri skont l-Artikolu 3(2) u 4(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, fil-ġlieda kontra l-marda ta’ Newcastle fl-2008.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmula fi Brussell, 10 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(2)   ĠU L 260, 5.9.1992, p. 1.

(3)   ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.