6.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 37/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-4 ta' Novembru 2008

li tagħti għajnuna reċiproka lill-Ungerija

(2009/103/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 119,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Min-nofs l-2006 ′l hawn, l-awtoritajiet Ungeriżi qed jagħmlu sforzi sinifikanti biex jikkoreġu l-iżbilanċi esterni u interni akkumulati tal-pajjiż. Minkejja r-riżultati tanġibbli miksuba f’dawn l-aħħar sentejn, fost oħrajn tnaqqis sinifikanti fid-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika u t-tnaqqis gradwali tad-defiċit tal-kont kurrenti, is-swieq finanzjarji Ungeriżi sabu ruħhom taħt pressjoni qawwija minn kmieni f’Ottubru 2008.

(2)

F’Ottubru 2008, l-awtoritajiet Ungeriżi adottaw programm komprensiv ta’ politika ekonomika maħsub biex jerġa’ jrawwem il-fiduċja tal-investituri u jtaffi l-pressjoni esperjenzata fil-ġimgħat preċednti fis-swieq finanzjarji Ungeriżi. Dak il-programm jinkludi miżuri biex jiżguraw biżżejjed likwidità u finanzjament għas-sistema bankarja, azzjonijiet biex jiżguraw kapitalizzazzjoni adegwata għall-banek kif ukoll pjanijiet biex jiżguraw is-sostenibilità fiskali u jrażżnu l-ħtiġijiet ta’ finanzjament. B’mod partikolari, il-Gvern Uneriż irreveda l-mira tiegħu għad-defiċit għall-2008 għal 3,4 % tal-GPD meta mqabbel mal-4 % tal-PGD li kienet ibbaġittjata u għall-2009 minn 3,2 % tal-PGD għal 2,6 % tal-PGD. Dan il-programm ekonomiku u partikolarment il-miri fiskali se jkunu riflessi fil-baġit tal-Gvern kif ukoll fil-Programm ta’ Konverġenza li fihom ukoll miżuri politiċi oħra u riformi strutturali.

(3)

Il-Kunsill qed jirrevedi fuq bażi regolari l-linji ta’ politika ekonomiċi implimentati mill-Ungerija, partikolarment fil-kuntest tar-reviżjonijiet annwali tal-aġġornament tal-Ungerija tal-programm ta’ konverġenza u l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma, ir-reviżjoni regolari tal-progress li tagħmel l-Ungerija marbut mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv, kif ukoll fil-kuntest tar-Rapport ta’ Konverġenza.

(4)

Minkejja t-titjib mistenni fil-kont korrenti, l-Ungerija qed taffaċċja bżonnijiet importanti ta’ finanzjament fl-2008 u l-2009 (stmati għal madwar EUR 20 biljun) hekk kif żviluppi esperjenzati dan l-aħħar fis-swieq finanzjarji jissuġġerixxu li l-kont kapitali u finanzjarju jista’ jiddeterjorja sostanzjalment, bl-aċċellerazzjoni tal-flussi netti ′l barra tal-portafoll.

(5)

L-awtoritajiet Ungeriżiu talbu għajnuna finanzjarja sostanzjali mill-Komunità, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u pajjiżi oħra biex jappoġġjaw is-sostenibilità tal-bilanċ tal-pagamenti u jġibu r-riżervi tal-valuti internazzjonali f’livell prudenti.

(6)

Hemm theddida serja lill-bilanċ tal-pagamenti Ungeriż li tiġġustifika l-għoti urġenti ta’ għajnuna reċiproka mill-Komunità,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Komunità għandha tagħti għajnuna reċiproka lill-Ungerija.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Hija għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 4 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA