15.1.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 10/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/29/PESK
tat-22 ta’ Diċembru 2008
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Somala dwar l-istatus tal-forzi navali mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Somala fil-qafas tal-operazzjoni militari tal-UE Atalanta
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,
Billi:
(1) |
Fil-15 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 1814 li titlob lill-Istati u l-organizzazzjonijiet reġjonali biex jieħdu azzjoni sabiex jipproteġu l-bastimenti li qed jieħdu sehem fit-trasport u t-twassil ta’ għajnuna umanitarja lis-Somalja u f’attivitajiet awtorizzati min-Nazzjonijiet Uniti. |
(2) |
Fit-2 ta’ Ġunju 2008, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 1816 (2008) li tawtorizza, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data tar-Riżoluzzjoni, lill-Istati li jikkoperaw mal-Gvern Federali ta’ Transizzjoni tas-Somalja, biex jidħlu fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja u biex jużaw, b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali rilevanti, il-mezzi kollha meħtieġa biex irażżnu l-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-armi fuq il-baħar. Dawk id-dispożizzjonijiet ġew imtawla għal perijodu ieħor ta’ 12-il xahar bir-Riżoluzzjoni 1846 (2008) tal-KSNU, adottata fit-2 ta’ Diċembru 2008. |
(3) |
Fl-10 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (1) (operazzjoni “Atalanta”). |
(4) |
L-Artikolu 11 ta’ dik l-Azzjoni Konġunta tipprovdi li l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-UE u l-persunal tagħhom stazzjonati fuq l-art fit-territorju ta’ Stati terzi, jew joperaw fl-ilmijiet territorjali jew interni ta’ Stati terzi, għandu jkun maqbul konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. |
(5) |
Wara l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill fit-18 ta’ Settembru 2007, konformement mal-Artikolu 24 tat-Trattat, il-Presidenza, megħjuna mis-SĠ/RGħ, innegozjat Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Somala dwar l-istatus tal-forzi navali mmexxijin mill-UE fir-Repubblika Somala. |
(6) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Somala dwar l-istatus tal-forzi navali mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Somala huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna bis-setgħa li tiffirma l-Ftehim li jorbot lill-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, 22 ta’ Diċembru 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
B. KOUCHNER
(1) ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.