|
13.10.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 245/6 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
fil-qafas tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (“Id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol”)
L-estensjoni ta' arranġamenti tal-ħin tax-xogħol tat-tobba fuq it-taħriġ fl-Olanda
2009/C 245/02
1. Introduzzjoni
Din l-Opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (“Id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol”). Din tikkonċerna notifika mill-Olanda, skont dan l-Artikolu, dwar ix-xewqa tagħha li tkompli għaddejja bl-arranġamenti tranżitorji sal-31 ta' Lulju 2011 f'dak li għandu x'jaqsam mal-limiti tal-ħin tax-xogħol tat-tobba fuq taħriġ.
It-tobba fuq taħriġ kienu esklużi mill-ambitu tal-ewwel Direttiva dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol fl-1993. Din inbidlet fl-2000 b'Direttiva ta' emenda, u t-tobba fuq taħriġ huma issa koperti bid-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, bl-istess mod bħall-ħaddiema l-oħra (2). Normalment, l-Artikolu 6 tad-Direttiva jillimita l-ħin tax-xogħol għal medja ta’ massimu ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa (3), inkluża kwalunkwe sahra. Madankollu, l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tippermetti arranġamenti tranżitorji biex dawn il-limiti jkunu applikati fuq il-ħin tax-xogħol ta' kull ġimgħa fil-każ tat-tobba fuq taħriġ.
Il-partijiet relevanti tal-Artikolu 17(5) huma dawn li ġejjin:
“… Fir-rigward tal-Artikolu 6 (il-limitu ta' 48 siegħa għall-medja tal-ħin tax-xogħol fil- ġimgħa), id-derogi (fir-rigward it-tobba fuq taħriġ) għandhom jinżammu għal perjodu tranżitorju ta’ ħames snin mill-1 ta Awwissu 2004.
L-Istati Membri jistgħu jingħataw sa sentejn oħrajn (mill-1 ta' Awwissu 2009), jekk meħtieġ, sabiex iqisu d-diffikultajiet ħalli jilħqu d-dispożizzjonijiet tal-ħin tax-xogħol fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom għall-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika. Mill-anqas sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu tranżitorju, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummisjoni bir-raġunijiet tiegħu, hekk li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħti opinjoni, wara konsultazzjonijiet xierqa, fi żmien tliet xhur wara l-wasla tal-informazzjoni bħal dik. Jekk l-Istat Membru ma jsegwix l-opinjoni tal-Kummissjoni, dan għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu. In-notifika u l-ġustifikazzjoni tal-Istat Membru u tal-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u mgħoddija lill-Parlament Ewropew.
L-Istati Membri jistgħu jkollhom perjodu addizzjonali sa sena żmien, jekk meħtieġ, sabiex jieħdu kont tad-diffikultajiet speċjali ħalli jkunu jistgħu jlaħħqu mar-responsabbiltajiet li hemm referenza għalihom fis-subparagrafu preċedenti. Huma għandhom isegwu l-proċedura stabbilita f’dak is-subparagrafu.
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fl-ebda każ ma għandu n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol matul kull ġimgħa jeċċedi l-medja ta’ 58 siegħa għall-ewwel tliet snin tal-perjodu tranżitorju, medja ta’ 56 għas-sentejn li jsegwu u medja ta’ 52 għal xi perjodu ieħor. …
Fir-rigward tal-Artikolu 16(b), (il-perjodu ta' referenza li fuqu ikun ikkalkulat il-ħin medju tax-xogħol ta' kull ġimgħa) id-derogi (li jirrigwardaw it-tobba fuq it-taħriġ) għandhom ikunu mħollija basta li l-perjodu ta’ referenza ma jeċċedix it-12-il xahar, matul l-ewwel parti tal-perjodu tranżitorju (2004-2007), u sitt xhur wara dan.”
L-Artikolu 17(5) jipprovdi wkoll għal konsultazzjoni bejn il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema dwar l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe arranġamenti tranżitorji: “Dak li jimpjega għandu jikkonsulta r-rappreżentanti tal-impjegati fi żmien xieraq bil-għan li jilħaq ftehim, kull meta jkun possibbli, dwar l-arranġamenti applikabbli għall-perjodu tranżitorju..” Ftehim bħal dan ikun irid jirrispetta l-limiti stipulati bl-Artikolu 17(5), iżda jista' jistipula, b'mod partikulari, il-miżuri li jridu jkunu addottati biex jitnaqqsu s-sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa għal medja ta’ 48 sat-tmiem tal-perjodu tranżitorju.
Dawn l-arranġamenti tranżitorji qed jinġiebu fil-qosor fit-tabella hawn taħt.
Tabella: Sommarju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji għat-tobba fuq taħriġ, skont l-Artikolu 17(5)
|
Perjodu |
Deroga possibbli |
Kondizzjonijiet |
||||
|
1 ta' Awwissu 2004-31 ta' Lulju 2009 |
Id-deroga minn limitu ta' 48 siegħa għal medja ta’ ħin tax-xogħol fil-ġimgħa |
Il-limiti tranżitorji għandhom japplikaw għall-medja ta’ ħin tax-xogħol fil-ġimgħa:
|
||||
|
1 ta' Awwissu 2009-31 ta’ Lulju 2011 |
L-estensjoni tad-deroga t'hawn fuq mil-limitu ta' 48 siegħa |
Jekk tinħass neċessarja biex jitqiesu d-diffikultajiet biex ikunu sodisfatti d-dispożizzjonijiet tal-ħin tax-xogħol, u dan minħabba r-responsabbiltajiet biex ikunu organizzati u pprovduti servizzi tas-saħħa/kura medika. Stat Membru li jixtieq jagħmel użu minn din id-deroga għandu jinnotifika lill-Kummissjoni (bir-raġunijiet) sal-31 ta' Jannar 2009. Il-Kummissjoni tagħti opinjoni dwar in-notifika. Hu x'inhu l-każ, il-medja ta’ ħin tax-xogħol fil-ġimgħa ma tistax taqbeż it-52 siegħa fil-ġimgħa. Il-perjodu ta' referenza ma jistax jaqbeż is-sitt xhur. |
||||
|
1 ta’ Awwissu 2011-31 ta’ Lulju 2012 |
Possibbiltà ta’ estensjoni oħra tad-deroga t'hawn fuq |
Jekk hemm bżonn, jitqiesu d-diffikultajiet speċjali biex ikunu sodisfatti r-responsabbiltajiet t'hawn fuq. Stat Membru li jixtieq jagħmel użu minn din id-deroga għandu jinnotifika lill-Kummissjoni (bir-raġunijiet) sal-31 ta' Jannar 2011. Il-Kummissjoni tagħti opinjoni dwar in-notifika. Hu x'inhu l-każ, il-ħin medju tax-xogħol kull ġimgħa ma jistax jaqbeż il-52 siegħa fil-ġimgħa. Il-perjodu ta' referenza ma għandux jaqbeż is-sitt xhur. |
2. In-Notifika mill-Istat Membru
B'ittra datata s-27 ta' Jannar 2009 u reġistrata d-29 ta' Jannar 2009, l-awtoritajiet nazzjonali tal-Olanda nnotifikaw lis-servizzi tal-Kummissjoni li xtaqu li jużaw il-possibbiltà skont l-Artikolu 17(5) li jżommu r-regoli tranżitorji speċjali fl-Olanda fir-rigward tat-tobba fuq taħriġ għal perjodu ta' sentejn li jibda mill-1 ta' Awwissu 2009. In-notifika tagħmel dawn il-punti li ġejjin:
|
— |
Skont il-liġi nazzjonali (5), il-ħin medju tax-xogħol tat-tobba fuq taħriġ huwa diġà limitat għal 56 siegħa fuq perjodu ta' referenza ta' sitt xhur, sal-perjodu li jispiċċa l-31 ta' Lulju 2009, konsistenti mal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva. |
|
— |
Barra minn hekk, il-ħin li fih tabib ikun disponibbli għal dak li jista' jinqala' jitqies b'mod sħiħ meta jkun ikkalkulat il-ħin massimu possibbli għat-tobba waqt taħriġ. |
|
— |
Madankollu, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawk li jaħdmu fis-settur tal-isptarijiet (6) infurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali li mhux possibbli għalihom, fit-terminu l-qasir, li jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jorganizzaw is-servizzi neċessarji tal-ħin li fih tabib ikun disponibbli għal dak li jista’ jinqala’ fl-isptarijiet b'medja ta' 48 siegħa ta' xogħol fil-ġimgħa. Huma jqisu li hu essenzjali li l-limitu ta' 52 siegħa jitħalla għal sentejn oħra sabiex ikunu jistgħu jiggarantixxu l-kwalità u l-kontinwità neċessarji tas-servizzi mediċi. |
|
— |
L-awtoritajiet nazzjonali jikkunsidraw li l-introduzzjoni f'fażijiet ta' ġimgħa ta' xogħol ta' 48 siegħa se tħeffef il-bidla fil-kultura f'dan is-settur– waħda li se tieħu ż-żmien biex tkun stabbilita. |
|
— |
L-awtoritajiet nazzjonali qablu mat-talba tal-organizzazzjonijiet ta' dawk li jħaddmu fl-isptarijiet, bil-kundizzjoni mhux negozjabbli li l-organizzazzjonijiet ta' dawk li jħaddmu, flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, għandhom ifasslu pjan fattibbbli sal-1 ta' Awwissu 2009 li jnaqqas il-ħin medju ta' xogħol fil-ġimgħa għal 48 siegħa sal-1 ta' Awwissu 2011. |
|
— |
Bil-korrispondenza tat-22 ta' Lulju 2009, l-awtoritajiet Olandiżi infurmaw lill-Kummissjoni li kien hemm qbil fuq dan il-pjan ta' implimentazzjoni bejn l-imsieħba soċjali relevanti fit-22 ta' Lulju 2009, u li l-awtoritajiet Olandiżi se jikkonfermaw din l-informazzjoni b’mod uffiċjali sa tmiem Awwissu 2009. |
3. Ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet dwar in-notifika
Meta l-Artikolu 17(5) preżenti kien addottat, il-Kummissjoni stqarret li se tinterpreta l-espressjoni, wara konsultazzjonijiet xierqa, fit-tieni paragrafu ta' din id-dispożizzjoni, bħala li tfisser li l-Kummissjoni għandha “tikkonsulta lill-maniġment u lill-ħaddiema fuq il-livell Ewropew u r-rappreżentanti tal-Istati Membri …” qabel ma tagħti Opinjoni dwar arranġamenti tranżitorji estiżi għall-ħin tax-xogħol tat-tobba fuq taħriġ. (7)
Is-servizzi tal-Kummissjoni kkonsultaw bix-xieraq lill-Istati Membri kollha u l-imsieħba soċjali Ewropej dwar in-notifika li waslitilhom mill-Olanda.
Waslu tweġibiet mingħand seba' Stati Membri (il-Bulgarija, Franza, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Spanja u l-Iżvezja.) L-ebda Stat Membru ma indika xi oġġezzjoni li l-Olanda tagħmel użu mill-perjodu tranżizzjonali estiż.
BusinessEurope indikat li l-federazzjoni membru tagħha, il-Konfederazzjoni tal-Industrija u ta' Dawk li Jħaddmu tal-Olanda (VNO-NCW), tappoġġa n-notifika tal-Olanda. Ikkonfermat li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali Olandiżi biex jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tranżitorji hija bbażata fuq talba tas-settur tal-isptarijiet stess; u li l-Assoċjazzjoni Olandiża tal-Isptarijiet, membru tal-VNO-NCW, taqbel bis-sħiħ ma’ dan l-approċċ u taqbel mal-kontenut tal-ittra tan-notifika mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea mill-awtoritajiet nazzjonali.
Fi tweġiba preliminari, l-ETUC indikat li t-trejdunjons Olandiżi dehru li se jikkunsidraw li l-awtoritajiet nazzjonali ma kkonsultawx biżżejjed l-imsieħba soċjali nazzjonali dwar din il-kwistjoni; iżda ma ngħatawx dettalji oħra.
4. Eżami tan-notifika fil-kuntest tad-direttiva
Id-Direttiva dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol kienet addottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont l-Artikolu 137(2) tat-Trattat tal-KE, li jipprovdi għal miżuri Komunitarji li jtejbu l-ambjent tax-xogħol billi jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. L-għan ewlieni tad-Direttiva huwa li tistabbilixxi ħtiġijiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.
Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, is-sitwazzjoni skont il-liġi nazzjonali hija din li ġejja:
|
— |
Il-limitu ġeneralment applikat fuq il-ħin medju tax-xogħol kull ġimgħa huwa ta' 48 siegħa, fuq perjodu ta' referenza li ma jaqbiżx is-16-il ġimgħa. Is-sigħat tax-xogħol huma regolati f'dan il-qafas bi ftehimiet kollettivi dettaljati. Madankollu, skont l-Att dwar is-Sigħat tax-Xogħol tal-1996, l-hekk imsejħa perjodi “inattivi” tal-ħin li fih tabib ikun disponibbli għal dak li jista’ jinqala’ fuq il-post tax-xogħol kienu jitqiesu bħala ħin ta' mistrieħ u ma kinux inklużi fil-kalkolu tal-ħin ta’ xogħol ta' kull ġimgħa. |
|
— |
Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet f'deċiżjoni fil-każ Jaeger (8) li dawn il-perjodi għandhom jingħaddu bis-sħiħ bħala ħin tax-xogħol għall-iskopijiet tad-Direttiva, din is-sentenza kienet applikata mill-qrati nazzjonali f'ħafna każijiet relatati mas-setturi Olandiżi tas-saħħa u l-emerġenza. Għaldaqstant, id-Digriet dwar is-Sigħat tax-Xogħol 605/2005 emenda l-liġi nazzjonali fl-Olanda biex ikun definit il-ħin inattiv li fih tabib ikun disponibbli għal dak li jista’ jinqala’ fuq il-post tax-xogħol bħala ħin tax-xogħol. Skont il-liġi nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi li saru qabel din l-emenda issa kienu nulli, sal-punt li ma jaqblux mad-definizzjoni l-ġdida. |
|
— |
Hekk kif l-awtoritajiet nazzjonali raw li din il-bidla kellha implikazzjonijiet konsiderevoli għas-setturi tas-saħħa u l-kura, fl-2005 introduċew ukoll, bħala miżura temporanja, nonparteċipazzjoni limitata skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva għas-setturi li kienu jagħmlu użu estensiv tal-ħin li fih tabib ikun disponibbli għal dak li jista' jinqala'. |
|
— |
Skont il-miżura temporanja, l-użu ta' din in-nonparteċipazzjoni huwa limitat għal sitwazzjonijiet fejn il-ħin li fih tabib ikun disponibbli għal dak li jista' jinqala' huwa meħtieġ għall-kontinwità u l-kwalità tal-għoti tas-servizz, u fejn dan ma jistax ikun evitat billi ssir organizzazzjoni tal-ħin differenti. Din il-miżura tinħtieġ ftehim kollettiv kif ukoll kunsens individwali tal-ħaddiem ikkonċernat. Hija disponibbli biss fejn jingħata ħin ta' mistrieħ immedjat bħala kumpens għal ħin ta' mistrieħ li ma jkunx ittieħed fil-jum jew fil-ġimgħa. Fejn dawn il-kondizzjonijiet huma sodisfatti, ħaddiem jista' jaqbel li jaħdem sa 60 siegħa fil-ġimgħa, inkluż il-ħin li fih tabib ikun disponibbli għal dak li jista' jinqala', b'medja stabbilita fuq perjodu sa 26 ġimgħa. |
Fid-dawl ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-kondizzjoniiet protettivi meħtieġa mid-Direttiva għall-użu ta' din id-deroga jidhru li kienu trasposti b'mod korrett.
Fil-fehma tal-Kummissjoni, (ġeneralment) ikun partikularment mixtieq li tkun provduta flessibilità lill-awtoritajiet nazzjonali biex jirriorganizzaw b'mod ġenerali s-sistemi ta' taħriġ u xogħol, jekk din tista' tnaqqas id-dipendenza fuq is-sigħat twal mit-tobba li jaqblu man-nonparteċipazzjoni.
Fl-isfond tar-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni li waslu, partikularment dawk mill-imsieħba soċjali kkonċernati, il-Kummissjoni tikkonsidra li r-raġunijiet ippreżentati mill-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jitqiesu bħala validi.
5. Konklużjonijiet
Bħala riżultat ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li:
|
— |
jista' jkun aċċettat li l-Olanda ikollha bżonn sa sentejn oħra mill-1 ta' Awwissu 2009, skont l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2003/88/KE (Id-Direttiva dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol), qabel ma tkun tista' tapplika l-limitu tal-ħin tax-xogħol li hemm fl-Artikolu 6 tad-Direttiva fir-rigward tat-tobba fuq taħriġ. |
|
— |
għandu jkun enfasizzat li f’kull każ, skont l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva, Stat Membru f'din is-sitwazzjoni għandu jiżgura li s-sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa ma jaqbżux fi kwalunkwe każ il-52 siegħa fil-ġimgħa, b’medja stabbilita fuq perjodu li ma jaqbiżx is-sitt xhur. |
|
— |
huwa nnotat li n-notifika tiddependi fuq il-kondizzjoni, stipulata mill-awtoritajiet nazzjonali, li l-organizzazzjonijiet relevanti ta' dawk li jħaddmu u tal-ħaddiema fuq il-livell nazzjonali jfasslu sal-1 ta' Awwissu 2009 pjan li jaqblu fuqu biex jiksbu l-ħin tax-xogħol ta' 48 siegħa fil-ġimgħa fis-settur tal-isptar sal-1 ta' Awwissu 2011. Jidher li kien hemm qbil fuq dan il-pjan fit-22 ta' Lulju 2009. |
|
— |
fuq il-livell nazzjonali dawk li jħaddmu huma mħeġġa li jagħtu l-informazzjoni u jimpenjaw irwieħhom f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tat-tobba fuq it-taħriġ, skont is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 17(5), bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim, fejn hu possibbli, dwar l-arranġamenti li se japplikaw fil-perjodu tranżizzjonali estiż u fuq il-miżuri li se jkunu addottati biex jitnaqqsu s-sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa għal medja ta' 48 siegħa, ġeneralment sa tmiem il-perjodu tranżizzjonali. |
|
— |
l-awtoritajiet nazzjonali huma mitluba li jiżguraw it-tixrid ta' din l-Opinjoni sabiex tittieħed inkonsiderazzjoni (fejn relevanti) mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. |
(1) Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-arranġament tal-ħin tax-xogħol, ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9. Id-Direttiva tikkonsolida u tħassar żewġ Direttivi preċedenti, 93/104/KE u 2000/34/KE.
(2) Id-Direttiva 2000/34/KE kellha tiġi trasposta f'liġi nazzjonali, fir-rigward tat-tobba fuq taħriġ, sal-1 ta' Awwissu 2004.
(3) Skont l-Artikoli 16, 17, 18 u 19 tad-Direttiva, il-medja tista' tkun ikkalkulata fuqperjodu ta' referenza’ li ma jaqbizx l-erba’ xhur (regola bażika), sitt xhur (b’liġi jew bi ftehim kollettiv, f'attivitajiet speċifiċi li jinkludu l-attivitajiet tat-tobba fuq taħriġ), jew 12-il xahar (bi ftehim kollettiv biss).
(4) Il-perjodu ta' referenza huwa l-perjodu massimu li fuqu jkun ikkalkulat il-ħin medju tax-xogħol fil-ġimgħa.
(5) Id-Digriet dwar il-Ħin tax-Xogħol (het Arbeidstijdenbesluit).
(6) Il-Federazzjoni taċ-Ċentri Mediċi tal-Università tal-Olanda (Nederlandse Federatie van Universitair medische centra/NFU) u l-Assoċjazzjoni tal-Isptarijiet tal-Olanda (Nederlandse Vereniging van ziekenhuizen/NVZ).
(7) L-istqarrija tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2000/34/KE, ĠU L 195, 1.8.2000, p. 45.
(8) Jaeger (Każ C-151/02).