19.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/1


OPINJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Lujlu 2009

Dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tas-Slovenja, 2008-2011

2009/C 195/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPINJONI:

(1)

Fis-7 ta' Lulju 2009 l-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà aġġornat tas-Slovenja, li jkopri l-perijodu mill-2008 sal-2011.

(2)

It-tkabbir ekonomiku sod tas-Slovenja fis-snin reċenti, b'medja ta' 5 % fl-2004-2008, kien karatterizzat minn rendiment qawwi tal-esportazzjoni u l-investimenti. Billi l-ekonomija tagħha hija miftuħa ħafna, din intlaqtet sew mill-kriżi globali. L-attività bdiet tnaqqas sew matul l-2008, b'waqgħa qawwija fl-aħħar kwart. Fl-istess ħin, l-ekonomija wriet żieda fl-ispiża unitarja tax-xogħol. Barra minn hekk, filwaqt li kien sostnut minn żieda qawwija fl-impjiegi u l-pagi, il-konsum privat kien affettwat ħażin minn inflazzjoni għolja u tnaqqis fil-fiduċja tal-konsumatur. Bl-użu tal-ispazju għall-immanuvrar fiskali offrut minn żbilanċ u livelli ta' dejn moderati fil-bidu tal-kriżi, l-awtoritajiet adottaw miżuri biex isostnu l-ekonomija, bl-għan li tiġi stabbilizzata s-sistema finanzjarja, jitħarsu l-impjiegi u jissaħħaħ il-potenzjal għat-tkabbir, filwaqt li l-kumpanniji jibbenefikaw ukoll minn ħelsien mit-taxxa li ġiet deċiża qabel il-bidu tal-kriżi. Fl-istess ħin, minħabba l-bżonn ta' titjib tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, ittieħdu miżuri ta' konsolidazzjoni u ġie adottat iffrankar ulterjuri wara s-sottomissjoni tal-programm (fil-baġit supplimentari li ġie adottat mill-gvern fis-17 ta' Ġunju) biex jilqa’ għaż-żieda rapida fl-iżbilanċ tal-gvern, minn inqas minn 1 % tal-PDG fl-2008 għal iktar minn 5 % tal-PDG fl-2009 (madwar nofs id-deterjorament jirrifletti x-xogħol ta' stabbilizzaturi awtomatiċi). It-tneħħija tal-istimolu fiskali u r-ritorn għall-konsolidazzjoni baġitarja huma sfida ewlenija għall-quddiem, flimkien mal-bżonn ta' titjib tas-sostenibbiltà fit-tul permezz ta' riforma tas-sistema tal-pensjonijiet. Fil-dawl tal-iżviluppi reċenti fil-pagi u l-produttività, sfida oħra hija li titjieb il-kompetittività permezz ta' politiki adegwati dwar il-pagi u sforzi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li għandhom jgħinu biex tiżdied l-intensità teknoloġika tal-manifattura.

(3)

Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huwa msejjes il-programm jipprevedi li, wara l-espansjoni ta' 3,5 % fl-2008, il-PDG reali se jonqos b'4 % fl-2009 qabel ma jirkupra għal tkabbir pożittiv u li jkun qed jiżdied matul il-bqija tal-perijodu tal-programm. Meta vvalutat fid-dawl tat-tagħrif disponibbli bħalissa (2), l-iktar id-data tal-PDG reali għall-ewwel kwart tal-2009 li nħarġet wara s-sottomissjoni tal-programm, dan ix-xenarju jidher li huwa bbażat fuq preżunzjonijiet ta' tkabbir favorevoli. It-tkabbir ekonomiku fl-2009 jista' jkun iktar baxx milli pproġettat fil-programm u l-irkupru jista' jkun inqas evidenti fl-2010. Fid-dawl ta' dan ukoll, iż-żieda fil-qgħad tista' tkun xi ftit iktar mgħaġġla milli previst fl-aġġornament. Il-projezzjonijiet għall-inflazzjoni fil-programm, li hija mbassra li timmodera b'mod sinifikanti mill-ogħla punt tagħha fl-2008, jidhru realistiċi. L-aġġornament jipproġetta tidjiq iktar ċar tal-iżbilanċ estern minn dak previst mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-2009 (minn 5,6 % tal-PDG fl-2008) fl-isfond ta' aġġustament sinifikanti 'l isfel fit-tkabbir fil-pagi tas-settur privat.

(4)

Skont in-notifika fiskali tar-rebbiegħa 2009, ir-riżultat għall-iżbilanċ tal-gvern ġenerali tal-2008 huwa stmat għal 0,9 % tal-PDG, f'konformità mal-mira stabbilita fl-aġġornament preċedenti tal-programm ta' stabbiltà, imma fl-isfond ta' inqas tkabbir fil-PDG milli mbassar (riżultat ta' 3,5 % kontra l-4,6 % ppjanat). L-eżekuzzjoni baġitarja kienet ikkaratterizzata minn infiq iżjed milli mbassar. Dan żamm milli tinqabeż il-mira għall-2008, li kien ikun possibbli fid-dawl ta' (i) ir-riżultat tal-2007 li kien ta' iktar minn punt perċentwali tal-PDG aħjar milli mistenni fil-programm preċedenti u (ii) tkabbir ta' dħul iktar qawwi fl-2008 milli kien ibbaġitjat. Id-dħul żdied b'7,1 % minflok b'6,4 % kif ippjanat, bi żviluppi pożittivi fit-taxxa fuq id-dħul personali, il-kontribuzzjonijiet soċjali u dħul mhux mit-taxxi. L-infiq żdied b'10,7 % minflok b'7,4 %, b'infiq aktar milli previst fl-investiment pubbliku, it-trasferimenti soċjali u l-kumpens tal-impjegati.

(5)

Skont il-programm aġġornat, l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali huwa mmirat li jiżdied b'mod sinifikanti fl-2009, għal 5,1 % tal-PDG, li jirrifletti x-xogħol tal-istabbilizzaturi awtomatiċi u diversi miżuri diskrezzjonarji kif ukoll id-dinamika qawwija ta' trasferimenti soċjali (speċjalment minn arranġamenti ta' indiċjar) u kumpens tal-impjegati (ġej mill-ftehim li jiġu indirizzati “d-disparitajiet fil-pagi”). Skont il-programm, il-miżuri li jsostnu l-ekonomija, stipulati fil-pakketti ta' stimolu tal-gvern kif ukoll miżuri espansjonarji meħuda qabel il-miġja tal-kriżi (l-iktar ħelsien mit-taxxa għall-kumpanniji), jitilgħu għal kważi 2 % tal-PDG. Fl-istess ħin, ġew adottati miżuri ta' konsolidazzjoni fil-forma ta' żieda fid-dazji tas-sisa u ffrankar fl-infiq fuq il-kont tal-pagi tas-settur pubbliku, konsum intermedju u investiment. Tal-aħħar tħabbru fil-programm ta' stabbiltà u wara ġew biss parzjalment ikkonfermati fil-baġit supplimentari. Il-programm ibassar twessigħ tal-iżbilanċ strutturali, jiġifieri l-iżbilanċ aġġustat ċiklikament li ma jinkludix il-miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, b'1¼ punti perċentwali tal-PDG (ikkalkulat bil-metodoloġija maqbula komunement), li jipponta lejn qagħda fiskali espansjonarja.

(6)

L-istrateġija tal-programm għall-medda medja taż-żmien hija li jitnaqqas l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali matul il-perijodu tal-programm permezz ta' aġġustament fil-fażi inizjali, minn kemm kemm ’il fuq minn 5 % tal-PDG għal 3,4 % tal-PDG fl-2011. L-iżbilanċ ewlieni jitjieb kemm kemm iktar malajr minħabba żieda pproġettata fil-piż tal-imgħax. Il-programm jikkonferma l-objettiv tal-medda medja taż-żmien (MTO) għall-pożizzjoni baġitarja tas-Slovenja biex ikun hemm żbilanċ strutturali ta' 1 % tal-PDG imma, filwaqt li jbassar progress lejn l-MTO mill-2010 'l quddiem, ma jbassarx li se jintlaħaq l-MTO fi żmien il-perijodu tal-programm. Fid-dawl tal-għan ta' “irtirar tal-istimolu fiskali b'konformità mal-irkupru ekonomiku sal-2011”, il-konsolidazzjoni prevista taqa’ predominantement fuq in-naħa tal-infiq, immexxija minn tnaqqis fis-sussidji b'punt wieħed perċentwali tal-PDG bejn l-2009 u l-2011. L-iskema ta' sussidju tal-pagi għandha titneħħa gradwalment fl-2010 u l-miżuri ta' stimolu li jifdal fuq in-naħa tal-infiq jitneħħew gradwalment fl-2011. Iż-żieda pproġettata fil-piż tal-imgħax bi ¼ ta' punt perċentwali tal-PDG matul il-perijodu tal-programm jitpaċa bi tnaqqis fil-kumpens tal-impjegati bħala sehem mill-PDG. L-envelopp għal trasferimenti soċjali huwa ppjanat li jkun iffriżat sa tmiem l-2010 (fil-livell milħuq fl-ewwel nofs tal-2009).

Id-dħul huwa previst li jogħla b'madwar ½ punt perċentwali tal-PDG fl-2010. Il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern, bi stima ta' 22,8 % tal-PDG fl-2008, huwa pproġettat li jiżdied b'madwar 13,5 punti perċentwali matul il-perijodu tal-programm. Iż-żieda mdaqqsa fl-iżbilanċ primarju jammonta għal aktar minn nofs iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn imma l-effett valanga u aġġustament sinifikanti tal-fluss tal-istokk fl-2009 li jirrifletti r-rikapitalizzazzjonijiet u l-operazzjonijiet ta' likwidità biex jiġi sostnut is-settur finanzjarju jikkontribwixxu wkoll.

(7)

Ir-riżultati baġitarji fil-programm huma suġġetti għal riskji li jkunu inqas milli previsti tul il-perijodu tal-programm kollu. L-ewwel nett, it-tkabbir ekonomiku jista' jkun iktar baxx milli pproġettat fil-programm. It-tieni, kif issuġġerit mill-baġit supplimentari adottat wara li ntbagħat il-programm, l-iffrankar mill-infiq imħabbar fil-programm ta' stabbiltà għall-2009 dwar konsum intermedju u l-investiment jista' ma jkunx realizzat fis-sħiħ. Hemm ukoll riskji ta' nfiq aktar milli previst: pereżempju, it-trażżin ulterjuri mbassar fil-kont tal-pagi għadu jrid jiġi nnegozjat mal-imsieħba soċjali. Ukoll, tista' tkun diffiċli li tiġi żgurata t-treġġija lura ppjanata tal-miżuri ta' stimolu fuq in-naħa tal-infiq, li jikkonsistu l-iktar minn sussidji. It-tielet, b'żieda mal-impatt ta' tnaqqis possibbli fit-tkabbir ekonomiku, mill-2010 'l quddiem jista' jimmaterjalizza tnaqqis fid-dħul; speċjalment fit-taxxi indiretti. Finalment, il-garanziji mdaqqsa tal-gvern ipprovduti bħala parti mill-miżuri ta' sostenn tas-settur finanzjarju jikkostitwixxu riskju ulterjuri għall-miri baġitarji (l-infiq jiżdied jekk u meta l-garanziji jkollhom jitħallsu). Ir-riskji negattivi għall-miri baġitarji aggravati minn inċertezza dwar l-aġġustament tal-fluss tal-istokk jimplikaw li l-proporzjon tad-dejn jista' jogħla iktar malajr milli pproġettat fil-programm.

(8)

L-impatt baġitarju fit-tul tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fis-Slovenja huwa ferm ogħla mill-medja fl-UE, l-iktar b'riżultat ta' żieda pproġettata relattivament għolja fl-infiq fuq il-pensjonijiet bħala sehem mill-PDG tul id-deċennji li ġejjin. Il-pożizzjoni baġitarja fl-2008 stmata fil-programm, li hija agħar mill-pożizzjoni tal-bidu tal-programm preċedenti, aggravat il-ħsara tal-impatt baġitarju tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq il-lakuna tas-sostenibbiltà. It-tnaqqis tal-iżbilanċ primarju matul il-medda medja taż-żmien, kif imbassar fil-programm, u riforma ulterjuri tal-pensjonijiet immirata lejn trażżin fiż-żieda sostanzjali f'infiq relatat mal-età, b’mod partikolari billi jiġu inkoraġġiti ħajjiet itwal fix-xogħol, jgħinu biex jitnaqqsu r-riskji għoljin għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

(9)

Il-qafas baġitarju Sloven joffri ambitu għal titjib, speċjalment fil-qasam tal-kontroll tal-infiq fid-dawl tad-dipendenza tal-istrateġija ta' konsolidazzjoni fuq it-trażżin tal-infiq. Fl-istess ħin, l-effiċjenza u l-effettività tal-infiq pubbliku, inkluż fil-qasam tal-kura tas-saħħa, jistgħu jissaħħu sabiex jgħinu biex ikun żgurat li t-trażżin tal-infiq ma jikkompromettix il-livell tas-servizzi pprovduti. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-gvern biħsiebu jintroduċi bbaġittjar ibbażat fuq ir-rendiment sa miċ-ċiklu baġitarju li jmiss (2010-2011) imma l-programm ma jipprovdix dettalji ta' kif dan se jsir fil-prattika.

(10)

Is-Slovenja adottat diversi miżuri biex tħares l-istabbiltà tas-settur finanzjarju. Fil-ħarifa tal-2008 ġiet introdotta garanziija bla limitu tal-gvern fuq id-depożiti bankarji tal-individwi. Barra minn hekk, il-gvern huwa intitolat li juża t-tipi ta' miżuri li ġejjin: (i) self lill- istituzzjonijiet ta' kreditu, kumpanniji ta' (ri)assikurazzjoni u kumpanniji tal-pensjonijiet, u investimenti fil-forma ta' valur proprjetarju fihom; (ii) garanziji governattivi lill-istituzzjonijiet ta' kreditu għar-rifinanzjament tal-operazzjonijiet; u (iii) xiri tal-pretensjonijiet mingħand istituzzjonijiet ta' kreditu. Dawn il-miżuri huma ppjanati li jitneħħew gradwalment sa tmiem l-2010. Il-massimu tal-volum kumplessiv tal-garanziji tal-gvern ġie stabbilit għal EUR 12 biljun (33 % tal-PDG). It-tieni sett ta' miżuri, adottat fil-bidu tal-2009, fih skema ta' garanzija mill-gvern għas-self tal-banek lill-intrapriżi u r-rikapitalizzazzjoni tal-Bank Sloven tal-Esportazzjoni u l-Iżvilupp u tal-Fond għall-Intraprenditorjat (li flimkien jammontaw għal 0,6 % tal-PDG). Finalment, il-gvern iddepożita temporanjament ir-rikavat ta' xi ħruġ ta' bonds reċenti mill-banek.

(11)

F’konformità mal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku maqbul mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008, is-Slovenja adottat żewġ pakketti ta' stimolu. Flimkien ma' ħelsien mit-taxxa li jgawdu minnu l-kumpanniji li ġiet deċiża qabel il-bidu tal-kriżi, il-miżuri ta' stimolu għandhom jitilgħu għal kważi 2 % tal-PDG u għandhom ikunu parzjalment iffinanzjati mill-miżuri ta' konsolidazzjoni mħabbra u diġà adottati. Abbażi tal-baġit supplimentari, l-impatt nett jammonta għal madwar 2 % tal-PDG. Il-miżuri jidhru li huma reazzjoni adegwata għat-tnaqqis ekonomiku peress li l-ispazju mħolli għal immanuvrar fiskali offrut mil-livelli moderati tal-iżbilanċ u tad-dejn qabel il-kriżi huwa mrażżan mill-isfidi ta' sostenibbiltà fit-tul.

Il-miżuri ta' stimolu jistgħu jitqiesu bħala f'waqthom u mmirati peress li jiffokaw fuq it-tnaqqis tad-deterjorament fis-suq tax-xogħol u jsaħħu l-potenzjal tat-tkabbir u l-kompetittività billi jistimolaw l-investiment f'teknoloġiji ġodda u r-riċerka u l-iżvilupp. It-tielet sett ta' miżuri, li jalloka mill-ġdid parti mill-fondi miż-żewġ pakketti preċedenti minħabba li kienu ftit li ħadu l-iskema ta' sussidju għall-pagi, ġie adottat mill-gvern wara li tressaq il-programm. Dan jipprevedi sostenn ulterjuri għas-suq tax-xogħol u trasferiment ta' somma f'daqqa lil individwi żvantaġġati. Il-miżuri ta' stimolu relatati mal-infiq (l-iktar mas-sussidji) huma maħsuba li jkunu temporanji - validi għal sena jew tnejn - imma l-miżuri li jifdal, inkluż, il-ħelsien tat-taxxa deċiż qabel, huma ta' natura permanenti. Investiment infrastrutturali li għaddej għandu jipprovdi sostenn ulterjuri għall-irkupru. Il-miżuri adottati mill-awtoritajiet huma relatati mal-aġenda ta’ riforma għal terminu medju u mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li ġew proposti mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Jannar 2009 skont l-Istrateġija ta’ Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u approvati mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa fid-19 ta' Marzu.

(12)

Wara ż-żieda qawwija fl-2009 l-iżbilanċ huwa pproġettat li jiċkien gradwalment, speċjalment fl-2010. Meta jitqiesu r-riskji għall-miri baġitarji, l-iżbilanċ mhux se jinġieb lura għal taħt il-valur ta' referenza ta’ 3 % tal-PDG sa tmiem il-perijodu tal-programm (2011). L-iżbilanċ tal-2009 x'aktarx li jikber sostanzjalment, possibbilment sa punt fejn jaqbeż il-mira tal-programm. Il-qagħda baġitarja fil-programm fl-2010 u l-2011 ma tiżgurax titjib strutturali adegwat fid-dawl tal-isfida ta' sostenibbiltà fit-tul, sakemm ma tiġix segwita r-riforma tal-pensjonijiet u ma jiġux indirizzati r-riskji msemmija hawn fuq għall-miri baġitarji, b’mod partikolari billi jieqaf l-istimolu ladarba l-irkupru jibda jaqbad, jiġu implimentati miżuri ulterjuri ta' konsolidazzjoni u jiġi żgurat kontroll strett fuq l-infiq. Barra minn hekk, l-aġġustament previst fl-2011 għandu jitħaffef fid-dawl tat-tisħiħ ipproġettat tat-tkabbir ekonomiku.

(13)

Fir-rigward tar-rekwiżiti ta' data speċifikati fil-kodiċi tal-kondotta għall-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm fih xi lakuni fid-data meħtieġa u dik fakultattiva (3).

Il-konklużjoni ġenerali hi li l-politika fiskali fis-Slovenja se tkun espansjonarja fl-2009 f'konformità mal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku (PERE). Is-Slovenja adottat miżuri li jappoġġjaw l-ekonomija f'konformità mal-ispazju għall-immanuvrar offrut mil-livelli moderati tal-iżbilanċ u d-dejn fil-bidu tal-kriżi, li flimkien mal-ħelsien mit-taxxa li jgawdu minnha l-kumpanniji deċiża qabel il-bidu tal-kriżi, jidhru li huma reazzjoni adegwata għall-PERE. Dawn huma f'waqthom, immirati u parzjalment temporanji. Barra mis-sostenn għall-ekonomija u l-impjiegi, huma għandhom il-mira li jkabbru l-potenzjal tat-tkabbir u l-kompetittività billi jistimulaw l-investiment f'teknoloġiji ġodda u r-riċerka u l-iżvilupp. Fl-istess ħin, peress li l-ispazju għall-immanuvrar fiskali huwa limitat mill-isfida ta' sostenibbiltà fit-tul, ġew adottati miżuri ta' konsolidazzjoni biex jgħinu l-finanzjament tal-miżuri ta' stimolu. Il-programm iħabbar iffrankar addizzjonali għall-2009 li jidher li kien ikkonfermat biss parzjalment fil-baġit supplimentari adottat fis-17 ta' Ġunju. Minn hemm ’il quddiem, il-programm jippjana ritorn għal konsolidazzjoni fiskali, b'titjib fil-bilanċ strutturali primarju fl-2010 u, għalkemm f'livell iktar baxx, fl-2001, imma l-iżbilanċ mhux imbassar li jinżel taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG sa tmiem il-perijodu tal-programm. L-istrateġija baġitarja hija suġġetta għal riskji li tmur agħar milli previst, peress li t-tkabbir ekonomiku jista' jkun inqas milli pproġettat. Barra minn hekk, jista' jkun diffiċli li jiġu rritornati l-miżuri ta' stimolu u l-infiq żejjed ma jistax jiġi eskluż. Għalkemm il-proporzjon tad-dejn huwa baxx (avolja qiegħed jiżdied rapidament), is-Slovenja hija kkunsidrata f'riskju għoli għal dik li hija s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul minħabba l-impatt baġitarju sinifikanti pproġettat tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

Fid-dawl tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, is-Slovenja hija mistiedna sabiex:

(i)

timplimenta l-miżuri ta' stimolu fl-2009 f'konformità mal-PERE u fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

(ii)

tibda treġġa’ lura l-istimolu fiskali kif ippjanat fil-programm fl-2010 u wara timplimenta konsolidazzjoni sinifikanti permezz ta' miżuri konkreti; billi jsir dan, iżżomm kontroll strett fuq l-infiq tal-gvern, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tat-titjib ippjanat fil-qafas baġitarju;

(iii)

fid-dawl taż-żieda pproġettata fl-infiq marbut mal-età, ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi billi tkompli tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet, b’mod partikolari bil-ħsieb li tinkoraġġixxi ħajjiet itwal fix-xogħol.

Tqabbil tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju ewlieni

 

 

2007

2008

2009

2010

2011

PDG reali (% ta' bidla)

PS Apr 2009

6,8

3,5

-4,0

1,0

2,7

COM Rebbiegħa 2009

6,8

3,5

-3,4

0,7

m.d.

PS Nov 2007

5,8

4,6

4,1

4,5

m.d.

Inflazzjoni HICP (7) (%)

PS Apr 2009

3,6

5,7

0,4

1,6

2,6

COM Rebbiegħa 2009

3,8

5,5

0,7

2,0

m.d.

PS Nov 2007

3,4

3,5

2,8

2,6

m.d.

Lakuna fil-produzzjoni (4) (% tal-PDG potenzjali)

PS Apr 2009

4,7

4,4

-2,3

-3,5

-3,1

COM Rebbiegħa 2009

4,5

3,2

-1,3

-2,7

m.d.

PS Nov 2007

0,7

0,5

0,1

0,2

m.d.

Self/tislif nett meta mqabbel mal-bqija tad-dinja (% tal-PDG)

PS Apr 2009

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

COM Rebbiegħa 2009

-3,7

-5,6

-4,6

-4,4

n.a.

PS Nov 2007

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

Bilanċ tal-gvern ġenerali (% tal-PDG)

PS Apr 2009

0,5

-0,9

-5,1

-3,9

-3,4

COM Rebbiegħa 2009

0,5

-0,9

-5,5

-6,5

m.d.

PS Nov 2007

-0,6

-0,9

-0,6

0,0

m.d.

Bilanċ primarju (% tal-PDG)

PS Apr 2009

1,8

0,2

-3,6

-2,2

-1,6

COM Rebbiegħa 2009

1,8

0,2

-3,9

-4,7

m.d.

PS Nov 2007

0,7

0,2

0,6

1,1

m.d.

Bilanċ aġġustat ċiklikament (5) (% tal-PDG)

PS Apr 2009

-1,6

-2,9

-4,1

-2,3

-2,0

COM Rebbiegħa 2009

-1,7

-2,5

-4,9

-5,2

m.d.

PS Nov 2007

-0,9

-1,1

-0,7

-0,1

m.d.

Bilanċ strutturali (6) (% tal-PDG)

PS Apr 2009

-1,6

-2,9

-4,1

-2,3

-2,0

COM Rebbiegħa 2009

-1,7

-2,5

-4,9

-5,2

m.d.

PS Nov 2007

-0,8

-1,0

-0,7

-0,1

m.d.

Dejn gross tal-gvern (% tal-PDG)

PS Apr 2009

23,4

22,8

30,5

34,1

36,3

COM Rebbiegħa 2009

23,4

22,8

29,3

34,9

m.d.

PS Nov 2007

25,6

24,7

23,8

22,5

m.d.

Programmi ta' stabbiltà (PS); It-tbassiriet tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa 2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p 1, . Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jinsabu fuq il-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm

(2)  Il-valutazzjoni tqis b’mod partikolari t-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2009, imma wkoll tagħrif ieħor li sar disponibbli minn dak iż-żmien 'l hawn.

(3)  B’mod partikolari, ma ġietx ipprovduta data dwar tislif/self nett fir-rigward tal-bqija tad-dinja.

(4)  Lakuni fil-produzzjoni u bilanċi aġġustati ċiklikament skont il-programm kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tagħrif fil-programm.

(5)  Abbażi tat-tkabbir potenzjali stmat ta' 3,9 %, 4,9 %, 1,0 % u 2,2 % rispettivament fil-perijodu 2007-2010.

(6)  Miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra huma 0 skont l-iktar programm reċenti tat-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2009.

(7)  Għall-programmi qiegħda tintwera d-definizzjoni tas-CPI.

Sors:

Programmi ta' stabbiltà (PS); It-tbassiriet tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa 2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.