18.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/1


OPINJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Lulju 2009

dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tal-Belġju, 2008-2013

2009/C 166/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPNJONI:

(1)

Fis-7 ta' Lulju 2009 l-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Belġju, li jkopri l-perijodu 2008 sa 2013.

(2)

Fl-2008, it-tnaqqis li għaddej tal-ekonomija Belġjana intensifika bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. B’mod partikolari, il-waqgħa tal-kummerċ dinji flimkien mal-fiduċja li dejjem qiegħda tonqos, l-effetti fuq l-għana u kondizzjonijiet ta’ kreditu aktar stretti wasslu għal tnaqqis qawwi tal-ekonomija fl-aħħar kwart tal-2008 u l-ewwel kwart tal-2009. Barra minn hekk, fl-2009 b’mod ġenerali, il-PDG hu mistenni jonqos f’daqqa. Dan hu mbassar li jwassal għal żieda f’daqqa fir-rata tal-qgħad, għal aktar minn 10 % fl-2010 skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni. L-isfidi politiċi ewlenin fit-tnaqqis tar-ritmu ekonomiku huma li jerġa’ jinġieb lura t-tħaddim normali tas-settur finanzjarju, tinġieb lura l-fiduċja biex issostni t-talba domestika u titjieb il-kompetittività. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku ser ikollu impatt negattiv sinifikanti fuq il-finanzi pubbliċi, bid-defiċit ġenerali tal-gvern stipulat li jiddeterjora minn 1,2 % tal-PDG fl-2008 għal ’il fuq minn 6 % tal-PDG fl-2010 skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Dan hu kkaġunat minħabba t-tħaddim normali tal-istabbilizzaturi awtomatiċi u l-impatt tal-pjanijiet ta’ rkupru adottati mill-gvernijiet federali u reġjonali fl-aħħar tal-2008 (0,5 % tal-PDG fl-2009 u 0,4 % tal-PDG fl-2010). Dawn il-pjanijiet jiġu qabel miżuri oħrajn ta’ madwar 0,4 % tal-PDG diġà inklużi fil-baġit għall-2009. Il-miżuri ewlenin tal-pjanijiet ta’ rkupru huma tnaqqis tar-rata fiskali fuq ix-xogħol, tnaqqis tar-rata tal-VAT għall-bini residenzjali, antiċipazzjoni ta’ investiment pubbliku u d-dispożizzjoni ta’ sostenn ta’ likwidità għall-korporazzjonijiet. Il-gvern implimenta għadd limitat ta’ riformi strutturali, jiġifieri għat-titjib tat-tħaddim tas-suq tax-xogħol.

(3)

Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu jissejjes il-programm jipprevedi li, wara tkabbir b’1,1 % fl-2008, il-PDG reali ser jonqos b’1,9 % fl-2009 qabel ma jirkupra għal rata ta’ tkabbir ta’ 0,6 % fl-2010 u rata medja ta’ madwar 2¼ % matul il-bqija tal-perijodu tal-programm. Meta jiġi vvalutat skont l-informazzjoni disponibbli (2) bħalissa, dan ix-xenarju jidher li huwa favorevoli ħafna. It-tkabbir imbassar għall-2009 kif ukoll l-2010 jidher li qiegħed għoli fid-dawl tal-ambjent internazzjonali li qiegħed jiddeterjora rapidament, l-istima tat-tkabbir tal-PDG sena b’sena ta’ -3,1 % għall-ewwel kwart tal-2009 u l-indikaturi ta’ fiduċja li għadhom baxxi.

(4)

Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni l-PDG mistenni li jonqos bi 3,5 % fl-2009 u b’0,2 % fl-2010. L-iżvilupp imbassar għat-tkabbir fil-medda ta' żmien medja jista’ jitqies ukoll bħala ottimista meta mqabbel maċ-ċifri tat-tkabbir potenzjali medji sinifikament aktar baxxi, kemm dawk ikkalkulati mill-ġdid fuq il-bażi tal-programm u fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni. It-tbassir tal-programm għall-inflazzjoni ta' 0,7 % u 1,8 % għall-2009 u l-2010 jidhru li huma relattivament għoljin iżda jistgħu jitqiesu bħala realistiċi wara.

(5)

Fl-2008, id-defiċit ġenerali tal-gvern ammonta għal 1.2 % tal-PDG, imqabbel ma' mira baġitarja bilanċjata stipulata fl-aġġornament preċedenti tal-programm ta' stabbiltà. Id-dħul instab li kien 0,4 % tal-PDG inqas minn dak mistenni filwaqt li l-infiq kien 0,8 % tal-PDG ogħla minn dak mistenni. Ir-riżultati agħar minn dawk mistennija jirriżultaw mit-tkabbir tal-PDG nominali aktar baxx milli mbassar (2,9 % minflok l-4,6 % imbassar fl-aġġornament tal-programm f’April 2008) u ħlas mgħaġġel ta’ fatturi pubbliċi fl-aħħar tas-sena bħala parti mill-pjanijiet ta’ rkupru.

(6)

L-aġġornament jinkludi mira tad-defiċit għall-2009 ta’ 3,4 % tal-PDG, meta mqabbla ma’ tbassir ta’ 4,5 % fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Id-deterjorazzjoni tad-defiċit tal-2009 jirrifletti l-impatt tal-istabbilizzaturi (madwar 2½ % tal-PDG), il-miżuri ta’ espanzjoni inklużi fil-baġit tal-2009 (0,4 % tal-PDG) u l-pakkett ta’ stimulu fiskali stabbilit mill-gvernijiet reġjonali u fiskali (0,5 % tal-PDG). Id-defiċit strutturali (jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament nett mill-miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra), skont l-informazzjoni mogħtija fil-programm ta’ stabbiltà aġġornat u kkalkolata mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni skont il-metodoloġija miftehma komunement, hu mbassar li jilħaq it-2½ % tal-PDG fl-2009, meta mqabbel ma’ 2 % fl-2008. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni jistenna deterjorazzjoni aktar sinifikattiva tal-bilanċ strutturali (b’punt perċentwali wieħed) fl-2009. Għalhekk, il-pożizzjoni fiskali fl-2009 tista’ titqies bħala waħda ta’ espansjoni, skont il-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku (PERE). Minbarra l-impuls fiskali assoċjat mal-PERE (0,5 % tal-PDG), l-espansjoni fiskali hi spjegata permezz ta’ miżuri deċiżi minn qabel biex iżidu s-saħħa tax-xiri tad-djar (0,4 % tal-PDG). Għalhekk, l-impatt nett jammonta għal madwar 0,9% tal-PDG.

(7)

Il-programm ma jippreżentax strateġija baġitarja fondata tajjeb għall-medda ta' żmien medja u ma jissodisfax rekwiżiti importanti tal-Patt ta' Stabbiltà u t-Tkabbir. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(2c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jitlob għal “deskrizzjoni tal-miżuri fil-budget jew politiki ekonomiċi oħra li jkunu mittieħda”. Barra minn hekk, il-kodiċi ta' kondotta jirreferi espliċitament għall-ħtieġa li jinkludi informazzjoni “dwar il-proporzjon ta’ nfiq u dħul u dwar il-komponenti tagħhom identifikati separatament”, kif ukoll “[analiżi] għal kull sottosettur tal-gvern ġenerali”. Din l-informazzjoni ma ngħatatx. Il-programm jinkludi proċess baġitarju b'defiċits nominali li ser jonqsu mill-2011 ’il quddiem, iżda ma jipprovdix informazzjoni dwar il-miżuri maħsubin għall-ksib tal-miri, lanqas dwar l-iżvilupp ippjanat tal-komponenti wiesgħa tad-dħul u tal-infiq u l-miri għal-livelli differenti tal-gvern. Id-defiċit nominali hu stipulat li jiżdied iżjed minn 4 % fl-2010 qabel ma jinżel għal 1,5 % sal-aħħar tal-perijodu tal-programm. Il-bilanċ primarju jsegwi b’mod ġenerali l-istess proċess. Id-defiċit strutturali kkalkulat mill-ġdid hu stipulat li jiddeterjora b’0,2 punti perċentwali oħra fl-2010 qabel ma jmur għall-aħjar gradwalment wara, b’mod partikolari fl-2012 u l-2013. Il-programm ma jipprevedix li l-Għan tal-Medda ta’ żmien Medja (eċċess ta’ 0,5 % tal-PDG f’termini adattati ċiklikament u nett minn miżuri ta’ darba jew miżuri oħra temporanji) jintlaħaq fi żmien il-perijodu tal-programm. Skont il-programm, il-kisba ta’ dawn il-miri tad-defiċit ser jeħtieġu azzjoni korrettiva, speċjalment peress li l-miżuri deċiżi fis-snin ta’ qabel kif ukoll il-pakkett ta’ stimulu fiskali ser jissoktaw ikollhom effett ta’ espanzjoni tul il-biċċa l-kbira tal-perijodu tal-programm. Il-programm aġġornat jistima d-dejn tal-gvern għal 89,6 % tal-PDG fl-2008, meta mqabbel ma' 84 % fl-2007. Minbarra ż-żieda fid-defiċit u l-waqgħa fit-tkabbir tal-PDG, aġġustament fil-fluss tal-istokk sinifikattiv li b’mod partikolari jirrifletti l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ tal-bank (6 % tal-PDG) ikkontribwixxa għaż-żieda fil-proporzjon tad-dejn. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn meta mqabbel mal-PDG jiżdied għal 95 % fl-2010, u jistabbilizza fl-2011 u jonqos kemmxejn wara dan. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn għandu jilħaq madwar 96 % tal-PDG fl-2009 u kemm kemm jaqbeż il-100 % tal-PDG fl-2010, filwaqt li d-differenza fir-rigward tal-programm aġġornat tiġi spjegata mit-tkabbir diverġenti u ċ-ċifri relatati mad-defiċit ġenerali tal-gvern.

(8)

Filwaqt li n-nuqqas ta’ informazzjoni ewlenija fil-programm kif ukoll il-ksur ta’ diversi punti tal-kodiċi ta' kondotta, kif imsemmi hawn fuq, jagħmlu l-valutazzjoni tal-programm diffiċli ħafna, huwa ċar li l-miri baġitarji huma soġġetti għal riskji negattivi sinifikanti tul il-perijodu tal-programm. L-ewwelnett, l-ambjent makroekonomiku x'aktarx ikun agħar milli kien imbassar fil-programm tul il-perijodu kollu tal-programm. It-tieni nett, il-miri (strutturali) jistgħu jinkisbu biss bit-teħid ta’ miżuri supplimentari mdaqqsa. Madankollu, il-programm ma jipprovdix informazzjoni dwar dawn il-miżuri u lanqas dwar l-iżvilupp ippjanat tal-komponenti wiesgħa tad-dħul u l-infiq li jsostnu l-miri u b’hekk jidher ċar li dawn tal-aħħar mhumiex appoġġjati minn strateġija baġitarja fuq il-medda ta’ żmien medja. Il-fatt li l-miżuri fil-pakkett ta’ rkupru ta’ natura permanenti ma jitpattewx bi tfaddil tal-ġejjieni iżid aktar ma' dan ir-riskju u jmur kontra l-linji gwida fil-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku, miftiehem mill-Kunsill Ewropew fil-11 ta' Diċembru 2008. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Belġjani għandhom rekord passat imħallat fil-ksib ta' miri baġitarji (ara l-paragrafu 9). Fl-aħħarnett, il-gvern offra garanziji mdaqqsa lis-settur bankarju li jistgħu jżidu d-defiċits u d-dejn tal-ġejjieni jekk jintalbu effettivament. Fid-dawl tar-riskji negattivi konsiderevoli għall-miri baġitarji, l-iżvilupp tal-proporzjon tad-dejn x’aktarx ikun ukoll inqas favorevoli minn dak imbassar fil-programm.

(9)

L-impatt baġitarju fit-tul tax-xjuħija huwa ogħla mill-medja fl-UE, l-aktar b'riżultat ta' żieda relattivament għolja fl-infiq fil-pensjonijiet bħala proporzjon tal-PDG tul l-għexieren ta’ snin li ġejjin. Dan jirrifletti, fost l-oħrajn, li l-Belġju għadu ma introduċiex biżżejjed riformi tas-sistema tal-pensjoni sabiex iżid l-età ta’ rtirar effettiv u biex inaqqas l-ispiża tiegħu. Il-pożizzjoni baġitarja fl-2008, kif stmata fil-programm hija agħar mill-pożizzjoni stmata tal-bidu tal-programm preċedenti, u naqqset xi ftit l-impatt li jimmitiga tal-pożizzjoni baġitarja inizjali fuq il-lakuna ta’ sostenibbiltà. Jekk il-pożizzjoni baġitarja tal-2009 kif prevista fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni tittieħed bħala l-punt tat-tluq, il-lakuna tas-sostenibbiltà tmur għall-agħar sostanzjalment. Barra minn hekk, il-livell attwali tad-dejn gross f’termini ta’ PDG huwa ferm ogħla mill-valur ta' referenza tat-Trattat. Ir-riformi tas-suq tax-xogħol u s-sistema tas-sigurtà soċjali għandhom iżidu t-tkabbir potenzjali u, flimkien ma’ eċċessi primarji għoljin, jikkontribwixxu biex inaqqsu r-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, li bħalissa jinsabu fuq livell medju. Ir-rispons tal-politika għall-kriżi finanzjarja jista’ jwassal għal żieda akbar tal-proporzjon tad-dejn milli dak imbassar fil-programm jekk l-ispejjeż ma jiġux irkuprati lura fil-ġejjieni.

(10)

Sal-2007, il-Belġju rnexxielu jżomm baġits ġeneralment bilanċjati (3). Madankollu, il-miri baġitarji kienu ripetutament laxki fl-aġġornamenti konsekuttivi tal-programm ta’ stabbiltà, saħansitra taħt kondizzjonijiet makroekonomiċi relattivament favorevoli. Barra minn hekk, ir-riżultati nkisbu parzjalment permezz ta’ miżuri ta’ darba li jnaqqsu d-defiċit li affettwaw b’mod negattiv il-baġits tal-ġejjieni u f’kuntest ta’ nfiq ta' interessi li qed jonqos. Issa li ser jinħtieġu aktar sforzi ta’ konsolidament sostanzjali biex jikkoreġu l-miżuri ta’ stimulu u d-dejn jinġieb lura għan-niżla, jista’ jkun jinħtieġ qafas baġitarju aktar strett, li b’mod partikolari jħaddan limiti ta’ nfiq u ftehimiet baġitarji multiannwali u li jorbtu fost il-livelli differenti tal-gvernijiet, inkluż it-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ nfurzar biex jiġi żgurat il-ħarsien tal-miri fiskali.

(11)

Bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, il-gvern Belġjan adotta għadd ta’ miżuri biex jiżgura l-istabbiltà fis-settur finanzjarju. L-ewwel nett, huwa ipprovda injezzjonijiet ta’ kapital lil erba’ istituzzjonijiet finanzjarji maġġuri, li ammontaw għal madwar 6 % tal-PDG. It-tieni nett, ipprovda garanziji dwar portafolji speċifiċi ta’ assi riskjużi ta’ ċerti banek sistematiċi. It-tielet nett, il-gvern iggarantixxa wkoll, fuq talba u skont ċertu kondizzjonijiet, dejn bl-imnut u bejn il-banek maħruġa mill-banek. Dawn il-garanziji, li jammontaw għal aktar minn terz ta’ massimu tal-PDG, jingħataw għal drittijiet u m’għandhomx impatt fuq id-defiċit sakemm jintalbu. Fl-aħħar, il-gvern tal-Belġju offra garanzija għad-depożiti kollha tal-banek privati sa EUR 100 000 u estendiha għal ċerti prodotti ta' assigurazzjoni, kif ukoll bi skambju ma' dritt.

(12)

Bħala rispons għall-kriżi ekonomika, il-Belġju adotta għadd ta’ miżuri ta’ rkupru. Il-pakkett tal-gvern federali, b’impatt baġitarju ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2009 u 0,4 % tal-PDG fl-2010 jimmira li (i) jipprovdi appoġġ (ta’ likwidità) lill-korporazzjonijiet permezz ta’ ħlas aktar mgħaġġel ta’ fatturi tal-gvern u faċilitajiet ta’ ħlas, (ii) jiżgura s-saħħa tax-xiri tad-djar permezz ta’ benefiċċji għall-qgħad ogħla, (ii) isostni l-impjieg permezz ta’ tnaqqis tar-rata fiskali tax-xogħol u (iv) jistimula l-investiment permezz ta’ tnaqqis immirat tar-rata tal-VAT għal bini residenzjali u investiment pubbliku supplimentari, b’mod partikolari fl-infrastruttura. Il-pakketti tal-gvernijiet reġjonali jiffokaw fuq il-garanzija ta’ aċċess għal finanzjament tal-korporazzjonijiet, b’mod partikolari l-IŻM u n-negozji l-ġodda, u fuq it-tħaffif tal-investiment pubbliku. Fid-dawl tad-diskrezjoni fiskali limitata, il-pakkett ta’ stimulu fiskali jidher li hu rispons xieraq għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-parti l-kbira tal-miżuri huma ġeneralment konformi mal-PERE u l-pakkett hu bilanċjat sew bejn dħul u nfiq. Madankollu, it-tnaqqis tar-rata fiskali tax-xogħol, li parti konsiderevoli minnha tingħata lill-ħaddiema kollha, u s-sussidju għat-tisħin, li hu pprovdut lid-djar kollha, ma jidhirx li hu mmirat biżżejjed. Barra minn hekk, parti mill-istimulu, inkluż il-pakketti ta’ investiment u t-tnaqqis tal-ispiża tax-xogħol, jistgħu jaslu tard mhux ħażin biex itaffu l-impatt immedjat tal-kriżi. Fl-aħħar nett, ma huma mbassra l-ebda miżuri kompensatorji, saħansitra għas-snin li ġejjin, għall-parti tal-istimulu li hu permanenti (0,1 % tal-PDG fl-2009 u 0,3 % tal-PDG fl-2010), b’mod partikolari rigward it-tnaqqis tar-rata fiskali tax-xogħol. Il-pakketti jinkludu miżuri strutturali limitati, bħat-titjib ta’ politiki tas-suq tax-xogħol attivi, tnaqqis ieħor tar-rata fiskali tax-xogħol u appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp, li x'aktar għandhom itaffu t-tnaqqis ta' tkabbir potenzjali u b'hekk, flimkien mar-riformi tas-suq tal-prodott, jindirizzaw sfidi fit-tul tal-ekonomija. Dawn il-miżuri huma relatati mal-aġenda ta’ riforma strutturali ta’ Liżbona u mar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li ġiet proposta mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Jannar 2009 skont l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u adottata mill-Kunsill fit-28 ta’ April. Il-miżuri strutturali fil-pakketti ta’ rkupru huma milqugħa iżda ma jidhrux li huma komprensivi biżżejjed sabiex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi fit-tul, pereżempju rigward is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-effiċjenza tas-suq tax-xogħol.

(13)

Il-qagħda fiskali, kif imkejla mill-bidla fil-bilanċ strutturali u meta wieħed iqis ir-riskji għat-tbassir baġitarju, hija espansjonarja fl-2009, skont il-PERE. Dan jirrifletti parzjalment ir-rispons tal-gvern Belġjan għall-PERE. Wara dan, il-programm jipprevedi pożizzjoni fiskali ġeneralment newtrali fl-2010 u fl-2011 u pożizzjoni limitata mill-2012. Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni mill-2010 ixxekklet konsiderevolment min-nuqqas ta’ informazzjoni fil-programm, jidher li jeżistu riskji negattivi konsiderevoli għall-miri baġitarji, implikati fost oħrajn mill-fatt li l-miri mhumiex appoġġjati minn strateġija baġitarja fuq il-medda ta’ żmien medja fis-sens tal-Patt għat-Tkabbir u l-Istabbiltà. Għaldaqstant, probabbli li l-pożizzjoni fiskali tibqa’ b’espansjoni sal-2011 u l-aktar l-aktar issir newtrali wara dan. Huwa biss fl-2012 li l-programm jipprevedi li jerġa’ jkollu defiċit nominali aktar baxx mill-valur ta’ referenza. Barra minn hekk, tali proċess ma jidhirx xieraq fid-dawl tar-riskji relatati mas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, li jinkludu l-livell għoli ħafna ta’ dejn governattiv li barra minn hekk, mhuwiex jonqos biżżejjed lejn il-valur ta’ referenza tul il-perijodu tal-programm, u obbligazzjonijiet kontinġenti konsiderevoli li jsegwu l-miżuri biex jistabbilixxu s-sistema finanzjarja.

(14)

Fir-rigward tar-rekwiżiti ta' data speċifikata fil-kodiċi ta' kondotta għall-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm aġġornat fih lakuni sostanzjali fid-data meħtieġa u dik fakultattiva (4), minkejja preżentazzjoni li kienet erba’ xhur tard meta mqabbla mal-iskadenza uffiċjali. Dawn il-lakuni xekklu bil-kbir lill-Kunsill milli jevalwa l-programm, b’mod partikolari l-istrateġija baġitarja fuq il-medda ta’ żmien medja.

(15)

Il-konklużjoni globali hi li l-finanzi pubbliċi fil-Belġju, ibda mill-pożizzjoni relattivament sfavorevoli fid-dawl tal-proporzjon għoli tad-dejn tal-gvern, ser jiġu affettwati mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-pożizzjoni fiskali fl-2009 hi, b’mod xieraq, waħda ta’ espansjoni, skont il-PERE. Din tirrifletti b’mod partikolari l-istimulu fiskali li d-daqs tiegħu kellu jiġi limitat minħabba l-livell ta’ dejn għoli. Il-bilanċ governattiv ser jaqbeż it-3 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG fl-2009. Fl-istess ħin, il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern meta mqabbel mal-PDG, li beda jerġa’ jiżdied fl-2008 bħala riżultat tal-miżuri biex tiġi stabbilizzata s-sistema finanzjarja, hu mistenni jkompli jiżdied. Dan iseħħ wara tnaqqis impressjonanti, minn 134 % fl-1993 għal 84 % fl-2007. Il-proċess ta’ konsolidament fil-programm aġġornat jimmira li jnaqqas gradwalment id-defiċits nominali u b’hekk jiggarantixxi sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. In-nuqqas ta’ informazzjoni kruċjali fil-programm, bħall-proporzjonijiet ta' nfiq u dħul, xekkel bil-kbir il-possibbiltà li tiġi evalwata l-kredibbiltà tad-defiċit u l-miri tad-dejn fil-programm. In-nuqqas ta’ rfid għal dawn il-miri jissuġġerixxi li ma kinux appoġġjati minn strateġija baġitarja soda fil-medda ta’ żmien medja fis-sens tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-proċess jidher biċ-ċar li hu suġġett għal riskju negattiv konsiderevoli tul il-perijodu tal-programm kollu, imnissel mis-suppożizzjonjiet makroekonomiċi favorevoli u n-nuqqas ta’ miżuri ta’ bażi. Barra minn hekk, fid-dawl ukoll tad-dinamiċi tad-dejn u s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, il-pjan m’għandux ambizzjoni rigward il-korrezzjoni deċisiva tal-defiċit hekk kif il-qagħda ekonomika titjieb.

Fid-dawl tal-evalwazzjoni ta' hawn fuq, il-Belġju hu mistieden:

(i)

iressaq, sa mhux iżjed tard mill-20 ta’ Settembru, kompliment tal-programm li jinkludi strateġija baġitarja fil-medda ta’ żmien medju msejsa sew u jtejjeb il-konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-kodiċi ta' kondotta speċjalment rigward id-data obbligatorja;

(ii)

jimplimenta l-miżuri ta’ stimulu skont il-PERE kif ippjanat filwaqt li jevita aktar deterjorazzjoni tal-bilanċ strutturali fl-2009 u jkompli l-konsolidament fiskali sa mill-2010 meta l-ekonomija hi mistennija titjieb u jħaffef l-isforz tal-konsolidament strutturali fl-2011;

(iii)

itejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi billi jadotta qafas baġitarju aktar strett, li jħaddan limiti ta’ nfiq multiannwali u ftehimiet baġitarji li jorbtu fost il-livelli differenti tal-gvernijiet, inkluż it-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ nfurzar biex jiġi żgurat il-ħarsien tal-miri fiskali;

(iv)

flimkien mal-isforzi ta' konsolidament baġitarju, iwettaq riformi strutturali tas-sistema tas-sigurtà soċjali, is-suq tax-xogħol u s-swieq tal-prodotti biex itejjeb it-tkabbir potenzjali, iżid ir-rata tal-impjieg u jnaqqas l-impatt baġitarju tax-xjuħija sabiex itejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

Tqabbil tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju ewlieni

 

 

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

PDG reali (% ta’ bidla)

PS Apr 2009

2,8

1,1

–1,9

0,6

2,3

2,3

2,1

COM Rebbiegħa 2009

2,8

1,2

–3,5

–0,2

m.d.

m.d.

m.d.

PS Apr 2008

2,8

1,9

2,0

2,0

2,0

m.d.

m.d.

Inflazzjoni tal-IAPK (%)

PS Apr 2009

1,8

4,5

0,7

1,8

1,8

1,7

1,8

COM Rebbiegħa 2009

1,8

4,5

0,3

1,2

m.d.

m.d.

m.d.

PS Apr 2008

1,8

3,0

1,7

1,8

1,8

m.d.

m.d.

Lakuna bejn il-prodott effettiv u dak potenzjali (5) (% tal-PDG potenzjali)

PS Apr 2009

2,3

1,5

–1,9

–2,7

–1,9

–1,2

–0,6

COM Rebbiegħa 2009 (6)

2,5

1,9

–2,6

–3,8

m.d.

m.d.

m.d.

PS Apr 2008

0,3

–0,1

–0,4

–0,5

–0,8

m.d.

m.d.

Self mogħti/meħud nett meta mqabbel mal-bqija tad-dinja (% tal-PDG)

PS Apr 2009

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

COM Rebbiegħa 2009

2,1

–2,1

–2,5

–2,6

m.d.

m.d.

m.d.

PS Apr 2008

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

Introjtu ġenerali tal-Gvern (% tal-PDG)

PS Apr 2009

48,1

48,6

48,2

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

COM Rebbiegħa 2009

48,1

48,6

48,4

48,2

m.d.

m.d.

m.d.

PS Apr 2008

48,7

49,0

48,8

48,9

49,2

m.d.

m.d.

Nefqa ġenerali tal-Gvern (% tal-PDG)

PS Apr 2009

48,3

49,8

51,6

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

COM Rebbiegħa 2009

48,3

49,8

52,9

54,3

m.d.

m.d.

m.d.

PS Apr 2008

48,9

49,0

48,5

48,3

48,2

m.d.

m.d.

Bilanċ tal-Gvern ġenerali (% tal-PDG)

PS Apr 2009

–0,2

–1,2

–3,4

–4,0

–3,4

–2,6

–1,5

COM Rebbiegħa 2009

–0,2

–1,2

–4,5

–6,1

m.d.

m.d.

m.d.

PS Apr 2008

–0,2

0,0

0,3

0,7

1,0

m.d.

m.d.

Bilanċ ewlieni (% tal-PDG)

PS Apr 2009

3,6

2,5

0,4

–0,1

0,6

1,5

2,5

COM Rebbiegħa 2009

3,6

2,5

–0,6

–2,1

m.d.

m.d.

m.d.

PS Apr 2008

3,7

3,7

3,8

4,1

4,3

m.d.

m.d.

Bilanċ aġġustat ċiklikament (5) (% tal-PDG)

PS Apr 2009

–1,5

–2,0

–2,4

–2,6

–2,4

–1,9

–1,2

COM Rebbiegħa 2009

–1,6

–2,2

–3,1

–4,0

m.d.

m.d.

m.d.

PS Apr 2008

–0,4

0,0

0,5

1,0

1,4

m.d.

m.d.

Bilanċ strutturali (7) (% tal-PDG)

PS Apr 2009

–1,3

–2,0

–2,4

–2,6

–2,4

–1,9

–1,2

COM Rebbiegħa 2009

–1,5

–2,2

–3,2

–4,0

m.d.

m.d.

m.d.

PS Apr 2008

–0,3

0

0,5

1,0

1,4

m.d.

m.d.

Dejn gross tal-gvern (% tal-PDG)

PS Apr 2009

84,0

89,6

93

95

94,9

93,9

92

COM Rebbiegħa 2009

84,0

89,6

95,7

100,9

m.d.

m.d.

m.d.

PS Apr 2008

84,9

81,5

778,1

74,7

71,1

m.d.

m.d.

Programm ta' stabbiltà (PS); It-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni (COM); Il-kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Id-dokumenti msemmija f’dan it-test jinsabu fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm

(2)  Il-valutazzjoni tqis notevolment it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, iżda wkoll informazzjoni oħra li laħqet saret disponibbli minn dakinhar.

(3)  Għajr għall-2005, meta d-defiċit ammonta għal 2,7 % tal-PDG bħala riżultat tas-suppożizzjoni mill-gvern tad-dejn tal-kumpanija ferrovjarja nazzjonali.

(4)  B’mod partikolari, id-data dwar il-bilanċi settorjali u l-analiżi tal-miri baġitarji bejn id-dħul u l-infiq u fost il-livelli tal-gvern differenti mill-2010 mhix ipprovduta.

(5)  Lakuni fir-riżultati u bilanċi aġġustati ċiklikament mill-programm kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-programmi.

(6)  Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat ta' 1,9 %, 1,7 %, 1,0 % u 1,0 % rispettivament fil-perijodu 2007-2010.

(7)  Bilanċ aġġustat ċiklikament li jeskludi miżuri ta’ darba biss u oħrajn temporanji. Miżuri ta’ darba biss u oħrajn temporanji huma 0,2% tal-PDG fl-2007, żieda fid-defiċit, skont l-aktar programm riċenti u 0,1 % tal-PDG, żieda fid-defiċit, fl-2007 u 0,1% tal-PDG, tnaqqis fid-defiċit, fl-2009 skont it-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni.

Sors:

Programm ta' stabbiltà (PS); It-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni (COM); Il-kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.