28.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ April 2009

li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mid-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Wylfa, li jinsab fir-Renju Unit, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

2009/C 97/01

Fl-20 ta’ Novembru 2008, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern Ingliż, Dejta Ġenerali li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv li jirriżulta mid-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari f’Wylfa.

Abbażi ta’ din id-dejta, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanza bejn l-impjant tal-enerġija u l-eqreb fruntiera ma’ xi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ l-Irlanda, hija madwar 110 km. Franza u l-Belġju huma l-eqreb Stati Membri, il-fruntieri tagħhom jinsabu 450 km u 540 km ’il bogħod rispettivament.

2.

Matul l-operat normali tad-dekummissjonar tal-impjant, it-tnixxijiet ta’ effluwenti likwidi u f’forma ta’ gass mhux se joħolqu esponiment li jista’ jaffettwa s-saħħa tal-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor.

3.

L-elementi ta’ fjuwils irradjati u l-iskart solidu b’livell baxx ta’ radjuattività jinħażnu fis-sit qabel ma jiġu ttrasportati lil hinn mis-sit lejn faċilitajiet oħra liċenzjati fir-Renju Unit sabiex jiġu eliminati jew ipproċessati mill-ġdid. L-iskart solidu b’radjuattività intermedja ser jinħażen fis-sit sakemm il-gvern jiddeċiedi dwar l-għażla ta’ soluzzjoni fejn l-iskart jista’ jinżamm maħżun għal żmien twil. L-iskart solidu mhux radjuattiv jew materjali residwi li ma għadhomx suġġetti għall-kontroll regolatorju se jiġu rilaxxati għar-rimi bħala skart konvenzjonali jew sabiex jiġu użati mill-ġdid jew irriċiklati, skont il-kriterji stipulati fl-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza (Id-Direttiva Nru 96/29/EURATOM).

4.

F’każ li jkun hemm rilaxx mhux ippjanat tal-iskart radjuattiv li jirriżulta minn inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrat fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li jilħqu Stat Membru ieħor ma jistgħux jaffettwaw is-saħħa tal-popolazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv, ikun f’liema forma jkun, li jirriżulta mid-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Wylfa fir-Renju Unit, kemm matul l-operat normali u anki f’każ ta’ inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, ma tistax tirriżulta f’kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor.