24.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 70/13


ABBOZZ TA' OPINJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta' Marzu 2009

dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tal-Lussemburgu 2008-2010

(2009/C 70/03)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ ta' sorveljanza pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPNJONI:

(1)

Fl-10 ta' Marzu 2009 l-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Lussemburgu, li jkopri l-perijodu mill-2008 sal-2010 (2).

(2)

L-attività ekonomika naqset ir-ritmu konsiderevolment b'riżultat tat-tnaqqis fl-attività ekonomika dinjija u tal-kriżi finanzjarja, bit-tkabbir reali tal-PDG jaqa' minn 5,2 % fl-2007 għal madwar 1 % fl-2008. Fl-2009, l-attività ekonomika mistennija tonqos b'0,9 % skont il-previżjoni proviżorja ta' Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni: l-ekonomija tal-Lussemburgu, li hija miftuħa ħafna u tiddependi mill-prestazzjonijiet tas-settur finanzjarju tiegħu, ser tintlaqat serjament mit-tnaqqis li hemm imbassar fil-kummerċ dinji u mill-kriżi finanzjarja, waqt li n-nefqa tal-gvern u, sa ċertu punt, il-konsum privat mistennija li jkunu l-uniku sostenn għat-tkabbir. L-isfidi ewlenin għall-politika fit-tnaqqis tal-attività huma relatati mas-settur finanzjarju, li l-attività tiegħu hija internazzjonalizzata ħafna, u mas-sostenn tad-domanda domestika. It-tnaqqis fl-attività ser ikollu impatt sostanzjali fuq il-finanzi pubbliċi minħabba li l-bilanċ pożittiv ħafna previst għall-2008 mistenni li fl-2009 jinbidel fi żbilanċ li fl-2010 ser jikber. Din id-deterjorament fil-bilanċ tal-gvern jieħu kont ukoll tal-effett tal-miżuri ta' sostenn deċiżi f'dawn l-aħħar xhur, li essenzjalment jinkludu qtugħ sostanzjali fit-taxxi, speċjalment fit-taxxa fuq id-dħul personali, kif ukoll aċċellerazzjoni sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-proġetti ta' investiment tal-gvern. Fid-dawl tal-pożizzjoni baġitarja inizjali favorevoli u l-livell baxx ħafna ta' dejn pubbliku, dawn il-miżuri huma opportuni u pożittivi.

(3)

Ix-xenarju makroekonomiku li jservi ta' bażi għall-programm, kif emendat mill-addendum, jipprevedi li l-PDG reali, wara tnaqqis minn 5,2 % fl-2007 għal 1,0 % fl-2008, ser jonqos b'0,9 % fl-2009 qabel ma jirkupra xi ftit u jiżdied b'1,4 % fl-2010. Meta jitqies bl-informazzjoni disponibbli bħalissa (3), dan ix-xenarju jidher li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ta' tkabbir plawsibbli għall-2008 sal-2010. Huwa kompletament konformi mal-previżjoni proviżorja ta' Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-previżjonijiet tal-programm għall-inflazzjoni u l-iżvilupp tal-pagi wkoll jidhru realistiċi.

(4)

Għall-2008, il-bilanċ pożittiv ġenerali tal-gvern huwa stmat li jkun 2,0 % tal-PDG fl-addendum tal-programm, li jitqabbel ma' mira ta' 0,8 % tal-PDG stabbilita fl-aġġornament preċedenti tal-programm ta' stabbiltà. Dan ir-riżultat li huwa ħafna aħjar milli kien mistenni meta mqabbel mal-aġġornament preċedenti huwa fil-biċċa l-kbira dovut għall-effett bażiku assoċjat ma' reviżjoni tal-bilanċ pożittiv ġenerali tal-gvern fl-2007 minn stima preċedenti ta' 1 % tal-PDG għal 3,2 %, l-aktar minħabba sorpriżi fid-dħul.

Għall-2008, din il-pożizzjoni inizjali, li hija aħjar milli kien previst, ġiet newtralizzata xi ftit minn żieda fin-nefqa li kienet ikbar milli mistenni, b'mod partikolari fl-investiment u l-konsum tal-gvern kif ukoll trasferimenti soċjali. Iż-żieda aktar mgħaġġla milli mistenni fil-konsum tal-gvern hija parzjalment dovuta għall-ħatra ta' persunal ġdid li sar minħabba l-iżvilupp tal-Università tal-Lussemburgu u ta' ċentri pubbliċi oħra ta' riċerka.

(5)

Il-programm jipprevedi li l-bilanċ ġenerali tal-gvern jiddeterjora minn bilanċ pożittiv ta' 2 % tal-PDG fl-2008 għal żbilanċ ta' 0,6 % tal-PDG fl-2009. Dan hu dovut parzjalment għall-impatt tat-tnaqqis tal-attività ekonomika u t-tħaddim normali assoċjat ta' stabilizzaturi awtomatiċi, speċjalment rigward id-dħul mit-taxxi tas-settur finanzjarju. L-iżbilanċ tal-2009 ser jirriżulta wkoll minn miżuri diskrezzjonali adottati fil-baġit tal-2009 inklużi dawk deċiżi b'reazzjoni għat-tnaqqis tal-attività ekonomika u konformement mal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku, li jammontaw għal 1,75 % tal-PDG. Il-baġit tal-2009 jipprevedi qtugħ sostanzjali fit-taxxi, speċjalment fit-taxxa fuq id-dħul personali, li jammonta ex ante għal madwar 1,25 % tal-PDG, filwaqt li wħud mill-proġetti ta' investiment tal-gvern li għall-ewwel kienu ppjanati għall-2010 huma ppjanati li jitressqu għal data eqreb. Fl-2009 d-dħul hu mbassar li jonqos b'madwar 0,5 punti perċentwali tal-PDG. Dan jinkludi tnaqqis ta' punt perċentwali tal-PDG f'taxxi diretti li jirriżulta mit-tnaqqis fit-taxxa u mill-impatt tal-kriżi, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet soċjali u d-dħul mill-proprjetà għandhom jiżdiedu b'madwar 0,25 punti perċentwali tal-PDG kull wieħed, bis-saħħa tal-effett tat-tkabbir fl-impjiegi li kien għadu sejjer tajjeb sa tmiem l-2008 u tal-imgħaxijiet li waslu mis-self mogħti b'sostenn għas-settur finanzjarju. Simultanjament, fl-2009 n-nefqa ġenerali tal-gvern hija ppjanata li togħla bi 2,25 punti perċentwali tal-PDG, fil-biċċa l-kbira minħabba ż-żidiet sinifikanti fil-konsum u l-investiment tal-gvern kif ukoll fi trasferimenti soċjali, b'dawn tal-aħħar ikunu parzjalment ir-riżultat tas-sostituzzjoni tat-tnaqqis fit-taxxa għat-tfal b'sistema ta' kreditu tat-taxxa kif ukoll taż-żieda fil-qgħad imbassra għal din is-sena.

(6)

Il-programm jipprevedi li l-iżbilanċ nominali ġenerali tal-gvern ikompli jiddeterjora minn 0,6 % tal-PDG fl-2009 għal 1,5 % tal-PDG fl-2010, filwaqt li l-iżbilanċ primarju jiżdied minn 0,3 % tal-PDG għal 1,2 %. L-objettiv baġitarju tal-Lussemburgu li jifrex fuq medda medja ta' żmien huwa żbilanċ strutturali (aġġustat ċiklikament u nett minn miżuri ta' darba u miżuri oħrajn temporanji) ta' 0,75 % tal-PDG. Ibbażat fuq ix-xenarju makroekonomiku tal-programm u l-previżjonijiet baġitarji, dan l-objettiv li jifrex fuq medda medja ta' żmien huwa ppjanat li jkun kompletament rispettat matul il-perijodu kopert: il-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid bil-metodoloġija maqbula b'mod komuni abbażi tal-informazzjoni fil-programm huwa previst li jibqa' pożittiv, filwaqt li jonqos bi ftit minn bilanċ pożittiv ta' 0,6 % tal-PDG fl-2009 għal bilanċ pożittiv ta' 0,4 % tal-PDG fl-2010. Id-dejn pubbliku gross, li rdoppja minn 7 % tal-PDG fl-2007 għal 14,4 % tal-PDG fl-2008 b'riżultat tal-finanzjament tas-self ta' sostenn lis-sussidjarji Lussemburgiżi tal-banek barranin sistemikament rilevanti, huwa previst li jiżdied għal 15 % tal-PDG fl-2009 u għal 17 % fl-2010. Madankollu, minkejja li rdoppja fl-2008, ser jibqa' fil-wisa' l-inqas wieħed fiż-żona tal-euro.

(7)

Ir-riskji għall-previżjonijiet baġitarji fil-programm jidhru b'mod ġenerali bbilanċjati. Min-naħa l-waħda, ir-riskju ta' deterjorament fix-xenarju makroekonomiku jista' jsir realtà. B'mod partikolari, il-konsum privat jista' jirriżulta li jkun inqas reżistenti milli mbassar. Barra minn hekk, l-impatt tal-kriżi fuq id-dħul mit-taxxi, speċjalment dak mis-settur finanzjarju, jista' jkun saħansitra ikbar milli mistenni bħalissa. Min-naħa l-oħra, ir-riżultati tal-2008 jistgħu jkunu aħjar milli previsti fil-programm (kif kien diġà l-każ fl-2007) minħabba li l-previżjonijiet baġitarji fil-Lussemburgu huma tradizzjonalment magħrufa li jkunu kawti.

(8)

It-tħassib ewlieni għall-finanzi pubbliċi tal-Lussemburgu jibqa' s-sostenibilità fit-tul fid-dawl ta' żieda kbira ħafna prevista fin-nefqa pubblika relatata mal-età u l-fatt li sa issa ma ttieħdet l-ebda miżura li tindirizza din il-kwistjoni: l-impatt baġitarju fit-tul tat-tixjiħ huwa fost l-ogħla fl-UE, influwenzat speċjalment minn żieda konsiderevoli ħafna prevista fin-nefqa fuq il-pensjonijiet. Il-pożizzjoni baġitarja fl-2008 kif stmata fil-programm, li hija aħjar mill-pożizzjoni tat-tluq tal-programm ta' qabel, il-proporzjon baxx tad-dejn, l-assi sinifikanti akkumulati fis-sigurtà soċjali, u bilanċ pożittiv primarju strutturali jikkontribwixxu biex jagħmlu tajjeb għall-impatt baġitarju fit-tul previst minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ. Iżda dan mhuwiex biżżejjed biex ikopri ż-żieda mdaqqsa fin-nefqa relatata mal-età. Il-kisba ta' bilanċi pożittivi primarji għolja fil-medda medja ta' żmien u, kif rikonoxxut mill-awtoritajiet, l-implimentazzjoni ta' miżuri mmirati li jrażżnu ż-żieda sostanzjali fin-nefqa relatata mal-età, inkluż billi tiżdied l-età tal-pensjoni effettiva, għandhom jgħinu biex jonqos ir-riskju fil-medda medja ta' żmien għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Ir-riskji għas-sostenibbiltà mnissla mill-operazzjonijiet ta' sostenn lis-settur finanzjarju mwettqa f'dawn l-aħħar xhur ma jidhrux konsiderevoli bħalissa, minkejja ż-żieda mdaqqsa fid-dejn pubbliku li dawn l-operazzjonijiet kienu jeħtieġu, anke jekk il-passivi potenzjali jistgħu jkunu relattivament importanti minħabba d-daqs kbir ħafna tas-settur finanzjarju. Barra minn dan, parti kbira tal-ispejjeż (jew saħansitra kollha kemm huma) iġġenerati minn dawn l-operazzjonijiet ta' sostenn jistgħu jiġu rkuprati fil-ġejjieni.

(9)

L-istruttura tal-finanzi pubbliċi tidher relattivament favorevoli fil-Lussemburgu: in-nefqa tal-gvern u l-piż tat-taxxa huma relattivament baxxi u kemm is-sistemi tan-nefqa kif ukoll dawk tad-dħul jidhru relattivament effiċjenti, imqabbla ma' Stati Membri oħra. B'mod partikolari, il-konsum tal-gvern u t-tassazzjoni tad-dħul mill-ħaddiema huma relattivament baxxi filwaqt li l-investiment pubbliku huwa wieħed mill-ogħla fl-UE kollha.

(10)

Bil-ħsieb li jistabbilizza s-settur finanzjarju, il-Gvern tal-Lussemburgu ddeċieda f'Settembru u Ottubru 2008 li jagħti self konvertibbli lis-sussidjarji lokali ta' żewġ banek barranin kbar għal ammont totali ta' EUR 2,776 biljun (7,6 % tal-PDG). Biex itejjeb l-aċċess tiegħu għal finanzi, ġie deċiż ukoll li jsiru garanziji għall-impenji ġodda kuntrattati minn wieħed minn dawn il-banek lejn investituri istituzzjonali u b'maturità massima ta' tliet snin. Fl-aħħar, biex terġa' tingħata fiduċja lid-depożituri, l-ammont kopert mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti żdiedet minn EUR 20 000 għal EUR 100 000 għal kull depożitu. Għandu jkun innutat li l-gvern ġenerali għandu assi finanzjarji kbar, akkumulati mill-bilanċi pożittivi rikorrenti rreġistrati f'dawn l-aħħar deċennji u amplifikati mis-self mogħti lis-sussidjarji ta' dawn iż-żewġ banek barranin fi tmiem l-2008. Dawn l-assi kienu jammontaw għal madwar 32 % tal-PDG fl-2008, li minnhom madwar terz kienu miżmuma mill-gvern ċentrali u żewġ terzi mis-sistema ta' sigurtà soċjali. Konsegwentement, il-pożizzjoni finanzjarja netta tal-gvern ġenerali hija pożittiva fil-wisa'.

(11)

Uħud mill-miżuri ta' sostenn fiskali kienu diġà ġew deċiżi fil-baġit tal-2009, li ġie abbozzat qabel ma ggravat il-kriżi finanzjarja. Dawn kienu jikkonsistiu fil-biċċa l-kbira minn qtugħ fit-taxxa fuq id-dħul, li l-ispiża tiegħu hija stmata mill-programm għal madwar 1,2 % tal-PDG. Il-baġit ippreveda wkoll tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji, li ser jaffettwa d-dħul mill-2010 'l quddiem. Barra dan, konformement mal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku li nqabel f'Diċembru mill-Kunsill Ewropew, il-Lussemburgu adotta miżuri oħra ta' sostenn, li l-iktar rilevanti fosthom jirreferu għal aċċellerazzjoni fl-investiment tal-gvern kif ukoll sussidji għax-xiri ta' prodotti li jservu fit-tul li huma effiċjenti mil-lat ta' enerġija u għal investimenti għall-iffrankar tal-enerġija. Barra minn dan, is-sehem ta' min jimpjega tal-benefiċċju tal-qgħad fil-każ ta' qgħad parzjali (part-time) ser jiġi rimborsat mill-gvern sa tmiem l-2009. B'kollox, dawn il-miżuri ta' stimolu ser jammontaw għal madwar 1,75 % tal-PDG. Bis-saħħa tal-bilanċ pożittiv mhux negliġibbli rreġistrat fl-2008 u bis-saħħa tal-livell baxx ħafna tad-dejn pubbliku, l-ispazju disponibbli għall-immanuvrar huwa partikolarment wiesa' fil-Lussemburgu. Il-pakkett ta' stimolu fiskali għall-2009 u l-2010 jidher li jikkostitwixxi reazzjoni adegwata għat-tnaqqis attwali fl-attività ekonomika, minkejja li parti kbira mill-miżuri ta' stimolu mhumiex suppost li jkunu temporanji, speċjalment il-qtugħ fit-taxxa fuq id-dħul, li tfassal primarjament biex jikkumpensa għan-nuqqas ta' indiċjar tal-kategoriji tat-taxxa mill-2001 'l hawn. Il-Lussemburgu ħa wkoll diversi miżuri u ser jieħu oħrajn fis-snin li ġejjin biex joħloq ambjent ekonomiku aktar attraenti u biex jimplimenta l-pakkett dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima. Dawn il-miżuri huma relatati mal-aġenda ta' riforma fuq medda medja ta' żmien proposta mill-Kummissjoni fit-28 ta' Jannar 2009 skont l-Istrateġija ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi.

(12)

Il-bilanċ strutturali kkalkulat bil-metodoloġija maqbula b'mod komuni huwa previst li jibqa' f'bilanċ pożittiv, iżda jonqos minn 1,5 % tal-PDG fl-2008 għal 0,6 % tal-PDG fl-2009 u 0,4 % tal-PDG fl-2010. Il-qagħda fiskali globali fl-2009 hija espansjonista, u tirrifletti r-reazzjoni tal-gvern tal-Lussemburgu għat-tnaqqis fl-attività, u fl-2010 hija moderatament espansjonista, għalkemm il-bidliet fil-bilanċ strutturali huma pjuttost iżgħar mill-miżuri ta' stimolu meħuda. L-objettivi għaż-żmien medju mistennija li jkunu rispettati tul il-perijodu kopert.

(13)

Fir-rigward tar-rekwiżiti ta' data speċifikati fil-kodiċi tal-kondotta għall-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm fih xi nuqqasijiet fid-data meħtieġa u f'dik fakultattiva (4). Barra minn hekk, l-addendum għall-programm, li jissostitwixxi parzjalment ix-xenarju oriġinali makroekonomiku u baġitarju, ma jipprovdix previzjonijiet għall-2011 (5).

Il-konklużjoni globali hija li, fid-dawl tal-pożizzjoni baġitarja soda tat-tluq, il-miżuri deċiżi bħala reazzjoni għat-tnaqqis fl-attività ekonomika u ppreżentati fl-addendum għall-programm ta' stabbiltà huma opportuni u għandhom jintlaqgħu b'approvazzjoni. Il-miżuri ġeneralment jikkonformaw mal-prinċipji (f'waqthom, immirati u temporanji) tal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku, anke jekk il-qtugħ fit-taxxa fuq id-dħul, li ġie deċiż qabel ma ggravat il-kriżi, mhumiex ippjanati li jkunu temporanji. Minħabba t-tnaqqis qawwi previst fl-attività ekonomika u l-miżuri deċiżi b'reazzjoni għat-tnaqqis fl-attività, il-bilanċ tal-gvern ser jinbidel fi żbilanċ fl-2009, wara diversi snin ta' bilanċi pożittivi, iżda ser jibqa' 'l bogħod mill-valur ta' referenza ta' 3 % u l-objettiv fuq terminu medju ta' żmien hu ppjanat li jiġi rispettat matul il-perijodu kollu tal-programm. Ir-riskji għall-miri baġitarji tal-programm jidhru ġeneralment ibbilanċjati. Minkejja dan, jifdal tħassib dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, li jridu jerfgħu piż partikolarment tqil fid-deċennji li ġejjin hekk kif iż-żieda fin-nefqa relatata mal-età mistennija li tkun fost l-aktar qawwija fl-UE kollha.

Fid-dawl tal-evalwazzjoni ta' hawn fuq u taż-żieda qawwija ħafna fit-tbassir tan-nefqa relatata mal-età għad-deċennji li ġejjin, il-Lussemburgu huwa mistieden sabiex:

(i)

jimplimenta l-pjanijiet fiskali, inklużi l-miżuri ta' stimolu f'konformità mal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku u fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

(ii)

itejjeb is-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi tiegħu billi jimplimenta miżuri ta' riforma strutturali, b'mod partikolari fil-qasam tal-pensjonijiet.

Tqabbil tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju ewlieni

 

 

2007

2008

2009

2010

PDG reali

(% tibdil)

PS Ott 2008

5,2

1,0

– 0,9

1,4

COM Jan 2009

5,2

1,0

– 0,9

1,4

SP Nov 2007

6,0

4,5

5,0

4,0

Inflazzjoni HICP

(%)

PS Ott 2008

2,7

4,1

0,6

2,5

COM Jan 2009

2,7

4,1

0,6

2,5

SP Nov 2007

2,3

2,0

2,1

2,1

Distakk tal-produzzjoni (6)

(% tal-PDG potenzjali)

PS Ott 2008

3,2

1,1

– 2,5

– 3,8

COM Jan 2009 (7)

3,2

1,1

– 2,3

– 3,5

SP Nov 2007

0,5

0,1

0,2

– 0,8

Self nett vis-à-vis l-bqija tad-dinja

(% tal-PDG)

PS Ott 2008

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

COM Jan 2009

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

SP Nov 2007

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

Dħul ġenerali tal-Gvern

(% tal-PDG)

PS Ott 2008

41,0

43,2

42,8

42,8

COM Jan 2009

41,0

43,6

44,0

42,9

SP Nov 2007

38,5

37,8

37,9

37,8

Infiq ġenerali tal-Gvern

(% tal-PDG)

PS Ott 2008

37,8

41,2

43,4

44,3

COM Jan 2009

37,8

40,6

43,5

44,3

SP Nov 2007

37,5

36,9

36,9

36,6

Bilanċ ġenerali tal-gvern

(% tal-PDG)

PS Ott 2008

3,2

2,0

– 0,6

– 1,5

COM Jan 2009

3,2

3,0

0,4

– 1,4

SP Nov 2007

1,0

0,8

1,0

1,2

Bilanċ primarju

(% tal-PDG)

PS Ott 2008

3,5

2,3

– 0,3

– 1,2

COM Jan 2009

3,5

3,3

1,0

– 0,9

SP Nov 2007

1,2

1,1

1,2

1,5

Bilanċ aġġustat ċiklikament (6)

(% tal-PDG)

PS Ott 2008

1,6

1,5

0,6

0,4

COM Jan 2009

1,6

2,4

1,6

0,3

SP Nov 2007

0,7

0,8

0,9

1,6

Bilanċ strutturali (8)

(% tal-PDG)

PS Ott 2008

1,6

1,5

0,6

0,4

COM Jan 2009

1,6

2,4

1,6

0,3

SP Nov 2007

0,7

0,8

0,9

1,6

Dejn gross tal-gvern

(% tal-PDG)

PS Ott 2008

7,0

14,4

14,9

17,0

COM Jan 2009

7,0

14,4

15,0

15,1

SP Nov 2007

6,9

7,1

7,2

7,0

Programm ta' Stabbiltà (PS), previżjoni proviżorja ta' Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni (COM); kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p 1. Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jinsabu fuq is-sit elettroniku li ġej:

http://ec.europa.eu/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm

(2)  Il-programm oriġinali ta' Ottubru 2008 kien ikopri l-perijodu 2008-2011. Minkejja dan, l-awtoritajiet tal-Lussemburgu fit-2 ta' Frar ppreżentaw addendum li jissostitwixxi x-xenarju oriġinali makroekonomiku u baġitarju b'wieħed fundamentalment differenti, iżda li jkopri biss il-perijodu 2008-2010. Għalhekk is-servizzi tal-Kummissjoni ma setgħux jevalwaw ix-xenarju makroekonomiku u l-miri baġitarji fl-2011.

(3)  Din l-evalwazzjoni tieħu kont b'mod speċjali tat-tbassir proviżorju ta' Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, iżda wkoll ta' informazzjoni oħra li saret disponibbli minn dak iż-żmien 'l hawn.

(4)  B'mod partikolari, ma hemm l-ebda data dwar bilanċi settorjali bl-eċċezzjoni tal-gvern ċentrali.

(5)  L-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jipprevedi li “It-tagħrif dwar it-toroq għall-proporzjoni ta' bilanċ favorevoli/żbilanċ tal-gvern ġenerali u l-iskala tad-dejn u l-assunzjonijet ekonomiċi prinċipali (…) għandhom ikopru, flimkien mas-sena kurrenti u dik ta' qabel, għall-inqas it-tliet snin li jiġu wara”.

(6)  Distakki fil-produzzjoni u bilanċi aġġustati ċiklikament skont il-programmi kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-programmi.

(7)  Ibbażat fuq tkabbir potenzjali stmat ta' 4,2 %, 3,2 %, 2,7 % u 2,8 % rispettivament fil-perijodu 2007-2010.

(8)  Bilanċ aġġustat ċiklikament li jeskludi miżuri ta' darba biss u miżuri oħrajn temporanji. Miżuri ta' darba biss u miżuri oħrajn temporanji huma 0 % tal-PDG fl-2009, fl-2010 u fl-2011 skont l-iktar programm reċenti u fil-previżjoni proviżorja ta' Jannar tas-servizzi tal-Kummissjoni.

Sors:

Programm ta' Stabbiltà (PS), previżjoni proviżorja ta' Jannar 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni (COM); kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.