31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 352/12


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1361/2008

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 171 u 172 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Sa minn meta ġiet stabbilita l-Impriża Konġunta SESAR (“l-Impriża Konġunta”), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 stabbilixxa l-Impriża Konġunta Clean Sky (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 stabbilixxa l-Impriża Konġunta ENIAC (4), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 stabbilixxa l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (5), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 stabbilixxa l-Impriża Konġunta ARTEMIS sabiex timplimenta l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter (6). Dawk l-Impriżi Konġunti huma korpi mwaqqfa mill-Komunitajiet taħt l-Artikolu 185(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolamenti Finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (7). Ir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 1968 li jistipula ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (8) japplika għall-persunal tagħhom, u l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej japplika għalihom u għall-persunal tagħhom.

(2)

Bħala korp stabbilit mill-Unjoni Ewropea, ikun xieraq li l-istatus legali tal-Impriża Konġunta SESAR jiġi allinjat ma’ dak tal-Impriżi Konġunti oħra stabbiliti reċentement sabiex jiżgura li l-Impriża Konġunta SESAR tibbenefika mill-istess trattament li jingħata lill-Impriżi Konġunti l-oħra, reċentement stabbiliti.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (9) tistabbilixxi li r-riċerka għandha tiżviluppa u timplimenta Sistema għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Arju (ATM, Air Traffic Management) fil-kuntest tal-inizjattiva SESAR, li għandha tiżgura wkoll koordinazzjoni mill-aktar effettiva tal-iżvilupp tas-sistemi ATM fl-Ewropa.

(4)

Konformement mal-programmi ta’ ħidma annwali għall-2007 u l-2008 li jikkonċernaw il-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni”, it-Trasport (inkluża l-ajrunawtika), li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013), il-Kummissjoni tipprovdi l-kontributi kull sena mis-Seba’ Programm Kwadru għall-Impriża Konġunta SESAR għal ammont stimat ta’ EUR 350 miljun tul il-programm kollu.

(5)

Il-programm ta’ ħidma multi-annwali għal għotjiet fil-qasam tan-networks tat-Trasport trans-Ewropew għall-perijodu 2007-2013 jidentifika l-proġett SESAR għall-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa bħala prijorità orizzontali maġġura b’allokkament baġitarju lilu stmat li jkun EUR 350 miljun tul dak il-perijodu.

(6)

Il-Kummissjoni tikkalkula li l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-Impriża Konġunta SESAR ser tkun ta’ EUR 700 miljun li għandhom jiġu f’partijiet ugwali mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp u mill-programm tan-networks tat-Trasport Trans-Ewropew.

(7)

Ladarba l-Impriża Konġunta SESAR hija korp stabbilit mill-Komunità, il-proċess deċiżjonali tagħha għandu jiggarantixxi l-awtonomija deċiżjonali tal-Komunità, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jkollhom impatt fuq l-orjentazzjoni strateġika ta’ SESAR u l-Impriża Konġunta, fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni u fuq l-indipendenza u t-trattament ugwali tal-persunal tal-Impriża Konġunta.

(8)

Għandu jintlaħaq ftehim bejn l-Impriża Konġunta SESAR u l-Belġju dwar il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li l-Belġju għandu jagħti lill-Impriża Konġunta SESAR.

(9)

Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi pprovduti lill-Impriża Konġunta għall-attivitajiet tagħha ta’ riċerka u sabiex ikun żgurat li, safejn possibbli, l-Impriża Konġunta tingħata l-istess trattament bħal dak ta’ impriżi komparabbli oħrajn, huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-materji fiskali tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej jiġu applikati b’mod retroattiv minn data adatta.

(10)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi lir-Regolament (KE) Nru 219/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 219/2007 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1, il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Impriża Konġunta għandha tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2016 jew tmien snin wara l-għoti ta’ approvazzjoni mill-Kunsill tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (‘il-Pjan Regolatorju tal-ATM’) li jirriżulta mill-fażi ta’ definizzjoni tal-proġett SESAR, liema waħda hija l-aktar kmieni. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar tali approvazzjoni billi jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.”

(2)

L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Status ġuridiku

L-Impriża Konġunta għandha tkun korp Komunitarju u jkollha personalità ġuridika. F’kull Stat Membru, hija għandha tgawdi il-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva possibbli li tkun mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġi ta’ dak l-Istat. Hija tista’ wkoll, b’mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u tista’ tkun ukoll parti fi proċedimenti legali.”

(3)

Għandhom jiġu inseriti l-Artikoli 2a, 2b, 2c u 2d li ġejjin:

“Artikolu 2a

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli li jiġu adottati konġuntement mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal tal-Impriża Konġunta u għad-Direttur Eżekuttiv tagħha.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(2) tal-Istatuti tagħha, l-Impriża Konġunta tkun tista’ teżerċita s-setgħat konferiti lill-awtorità tal-ħatramir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u konferiti lill-awtorità mogħtija s-setgħa li tikkonkludi kuntratti mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tal-persunal tagħha.

3.   Il-Bord Amministrattiv, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta r-regoli implimentattivi adatti msemmija fl-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

4.   Ir-riżorsi umani tal-persunal għandhom jiġu determinati fil-pjan ta’ stabbiliment tal-Impriża Konġunta li jiġi ppreżentat fil-baġit annwali.

5.   Il-persunal tal-Impriża Konġunta għandu jkun magħmul minn aġenti temporanji u aġenti b’kuntratt ta’ impjieg għal perijodu fiss li jista’ jiġi mġedded darba u għal perijodu fiss biss. Il-perijodu totali tal-impjieg m’għandux ikun itwal minn tmien snin u fl-ebda każ ma għandu jkun itwal mit-tul taż-żmien tal-Impriża Konġunta.

6.   L-ispejjeż kollha relatati mal-persunal għandhom jitħallsu mill-Impriża Konġunta.

Artikolu 2b

Privileġġi u immunitajiet

1.   Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Impriża Konġunta u, sa fejn dawn ikunu suġġetti għar-regoli msemmijin fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 2a, għall-persunal tagħha u għad-Direttur Eżekuttiv tagħha. Safejn ikunu kkonċernati t-taxxi u d-dazji doganali, il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Impriża Konġunta mill-15 ta’ Ottubru 2008.

2.   Għandu jiġi konkluż ftehim amministrattiv bejn l-Impriża Konġunta u l-Belġju dwar il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jiġi provdut mill-Belġju lill-Impriża Konġunta.

Artikolu 2c

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Impriża Konġunta għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti u mil-liġi applikabbli għall-ftehim jew għall-kuntratt in kwistjoni.

2.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Impriża Konġunta għandha, konformement mal-prinċipji ġenerali li huma komuni fir-rigward tal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kkawżata mill-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijietu.

3.   Kwalunkwe pagament li jsir mill-Impriża Konġunta fir-rigward tar-responsabbiltà msemmija fil-paragrafu 1 u 2 u l-infiq u l-ispejjeż li ġġarrab f’konnessjoni ma’ dan għandhom jiġu kkunsidrati bħala nfiq tal-Impriża Konġunta u għandhom jiġu koperti mir-riżorsi tal-Impriża Konġunta.

4.   L-Impriża Konġunta għandha tkun unikament responsabbli sabiex tissoddisfa l-obbligi tagħha.

Artikolu 2d

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-liġi applikabbli

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha ġurisdizzjoni:

(a)

fir-rigward ta’ kwalunkwe disputa bejn il-membri li tirrelata mal-materja ta’ dan ir-Regolament u/jew tal-Istatuti msemmija fl-Artikolu 3;

(b)

taħt kull klawsola ta’ arbitraġġ fi strumenti ta’ ftehim u f’kuntratti konklużi mill-Impriża Konġunta;

(ċ)

f’azzjonijiet li jinġiebu kontra l-Impriża Konġunta, li jinkludu deċiżjonijiet meħuda mil-korpi tagħha, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikoli 230 u 232 tat-Trattat;

(d)

fir-rigward ta’ disputi relatati ma’ kumpens għall-ħsara kkawżata mill-persunal tal-Impriża Konġunta fiit-twettiq ta’ dmirijietu.

2.   Fir-rigward ta’ kull materja li mhijiex koperta minn dan ir-Regolament jew minn xi att ieħor tal-liġi Komunitarja, għandha tapplika l-liġi tal-Istat ta’ fejn tinsab is-sede tal-Impriża Konġunta.”

(4)

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-kontribuzzjoni Komunitarja massima għandha tkun ta’ EUR 700 miljun li EUR 350 miljun minnhom għandhom jitħallsu mis-somma li l-baġit jalloka għat-‘Trasport (li jinkludi l-Ajrunawtika)’ tal-Programm Speċifiku ta’ Kooperazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u EUR 350 miljun għandhom jitħallsu mill-baġit tal- Programm Kwadru tan-Networks Trans-Ewropej għall-perijodu 2007 - 2013. Il-kontribuzzjoni Komunitarjagħandha titħallas konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (*) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ir-Regolament Finanzjarju).

L-arranġamenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarjagħandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ ftehim ġenerali u ta’ strumenti ta’ ftehim annwali ta’ implimentazzjoni finanzjarja, li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni, f’isem il-Komunità, u l-Impriża Konġunta.

Il-ftehim ġenerali għandu jipprovdi għad-dritt li l-Kummissjoni jkollha li topponi l-użu tal-kontribut Komunitarju għal finijiet li hija tħoss imorru kontra l-prinċipji tal-programmi Komunitarji msemmija hawn fuq jew kontra r-Regolament Finanzjarju tagħha jew għaliex dan ikun ta’ ħsara għall-interessi tal-Komunità. F’każ li l-Kummissjoni topponi, il-kontribut Komunitarju ma jistax jintuża mill-Impriża Konġunta għal dawn il-finijiet.

(*)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.”"

(5)

Għandhom jiġu inseriti l-Artikoli 4a u 4b li ġejjin:

“Artikolu 4a

Regoli finanzjarji

1.   L-Impriża Konġunta għandha tadotta regoli finanzjarji speċifiċi konformement mal-Artikolu 185(1) tar-Regolament Finanzjarju. Dawn jistgħu jvarjaw mir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju (**) fejn il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi tal-Impriża Konġunta hekk jeħtieġu u suġġett għal kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

2.   L-Impriża Konġunta għandha jkollha l-kapaċità tal-verifika interna tagħha.

Artikolu 4b

Kwittanza

Il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena ‘n’ tal-Impriża Konġunta għandha tingħata mill-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni tal-Kunsill qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena ‘n + 2’. Il-Bord Amministrattiv, fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, għandu jipprovdi għall-proċedura li tiġi segwita fl-għoti tal-kwittanza b’kont meħud tal-karatteristiċi partikolari li jirriżultaw min-natura tal-Impriża Konġunta bħala sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat u speċjalment mill-kontribut għall-baġit mis-settur privat.

(**)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.”"

(6)

Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-pożizzjoni tal-Komunità fil-Bord Amministrattiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-adeżjoni ta’ membri ġodda u dwar modifiki importanti fil-Pjan Regolatorju dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-arju għandha tiġi adottata konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 6.3.”

(7)

L-Anness għandu jiġi emendat konformement mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet transizzjonali relatat mal-persunal tal-Impriża Konġunta

1.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-punt (3) tal-Artikolu 1, il-kuntratti kollha tal-impjieg li jkunu saru mill-Impriża Konġunta SESAR li jkunu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009 (minn hawn ‘il quddiem “kuntratti preċedenti”) għandhom jiġu rispettati sad-data tal-iskadenza tagħhom mingħajr il-possibbiltà li jiġu mġedda.

2.   Il-persunal kollu li jkollu kuntratt preċedenti għandu jingħata l-possibbiltà li japplika għal kuntratt ta’ aġent temporanju taħt l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 fil-gradi diversi kif previsti fil-pjan ta’ stabbiliment.

Sabiex jiġu verifikati l-abbiltà, l-effiċjenza u l-integrità ta’ applikanti potenzjali, għandu jiġi applikat proċess intern ta’ selezzjoni tal-persunal kollu li jkollu kuntratt preċedenti, ħlief għad-Direttur Eżekuttiv. Dan il-proċess intern ta’ selezzjoni għandu jsir qabel l-1 ta’ Lulju 2009 mill-awtorità li tkun awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti.

Abbażi tat-tip u l-livell tal-funzjonijiet imwettqa, l-applikanti li jirnexxu għandhom jiġu offerti kuntratti ta’ aġent temporanju għal tul ta’ żmien li jikkorrispondi għall-anqas għaż-żmien li jkun fadal taħt il-kuntratt preċedenti.

3.   Jekk kien ġie konkluż kuntratt preċedenti għat-tul ta’ żmien tal-Impriża Konġunta SESAR u l-membru tal-persunal jaċċetta kuntratt ġdid ta’ aġent temporanju taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, dak il-kuntratt ġdid għandu jiġi konkluż għal perijodu indefinit konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

4.   Il-liġi Belġjana li tapplika għal kuntratti tax-xogħol u strumenti rilevanti oħra għandha tibqa’ tapplika għall-membri tal-persunal b’kuntratti preċedenti li jagħżlu li ma japplikawx għal kuntratti ta’ aġent temporanju jew li ma jiġux offerti kuntratti ta’ aġent temporanju taħt il-paragrafu 2.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet transizzjonali relatati mal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv

Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv li jkun attwalment fil-funzjoni fl-1 ta’ Jannar 2009 għandu jiskadi fid-data li fiha tintemm l-Impriża Konġunta SESAR, kif stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 219/2007. F’każ ta’ estensjoni tat-tul taż-żmien tal-Impriża Konġunta SESAR, għandha tiġi varata proċedura ġdida li twassal għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv konformement mal-Artikolu 7(2) tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 219/2007. Jekk, matul il-mandat tiegħu, id-Direttur Eżekuttiv ikollu jiġi sostitwit, is-suċċessur tiegħu għandu jinħatar konformement mal-Artikolu 7(2) tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 219/2007.

Artikolu 4

Kuntratti u ftehim pre-eżistenti

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, dan ir-Regolament m’għandux jinċidi fuq id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn kull kuntratt u ftehim ieħor konkluż mill-Impriża Konġunta SESAR qabel fl-1 ta’ Jannar 2009.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

R. BACHELOT-NARQUIN


(1)  L-Opinjoni tat-18 ta’ Novembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tat-3 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21

(5)  ĠU L 30, 4.2.2008, p. 38.

(6)  ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(9)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86. Ikkoreġut bil-ĠU L 54, 22.2.2007, p. 30.


ANNESS

L-Istatuti tal-Impriża Konġunta għandom jiġu emendati kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 5, fl-aħħar tal-paragrafu 1(f) jiżdiedu l-kliem li ġejjin:

“u jissorvelja l-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv”;

(2)

fl-Artikolu 5, il-kliem “Regolamenti Finanzjarji” fil-paragrafu 1(h) jiġu sostitwiti b’ “regoli finanzjarji”;

(3)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 tiġi miżjuda s-sentenza li ġejja:

“Id-Direttur Eżekuttiv għandu jeżerċita, fir-rigward tal-personal, is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 2a(2) tar-Regolament (KE) Nru 219/2007.”

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord Amministrattiv abbażi ta’ lista ta’ mill-inqas tliet kandidati proposti mill-Kummissjoni wara sejħa għal applikazzjonijiet minn dawk interessati ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u f’perijodiċi oħra jew siti tal-Internet. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar għal perijodu ta’ tliet snin. Wara evalwazzjoni mill-Bord Amministrattiv tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv matul dan il-perijodu, it-terminu tal-mandat tiegħu jista’ jiġi estiż darba waħda b’perijodu ulterjuri ta’ mhux aktar minn erba’ snin. Fi kwalunkwe każ, it-terminu tal-mandat ma jistax jeċċedi t-tul taż-żmien tal-Impriża Konġunta stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 219/2007.”

(ċ)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit minn:

(i)

il-punt (a) ġie sostitwit minn:

“(a)

jimpjega, imexxi u jissorvelja l-personal tal-Impriża Konġunta, inkluż il-personal imsemmi fl-Artikolu 8;”

(ii)

fil-punt (e) il-kliem “Regolamenti Finanzjarji” huma sostitwiti b’ “Regoli finanzjarji”;

(4)

jiżdied l-Artikolu 7a li ġej

“Artikolu 7a

Il-funzjoni tal-verifika interna

Il-funzjonijiet mogħtija permezz tal-Artikolu 185(3) tar-Regolament Finanzjarju lill-awditur intern tal-Kummissjoni għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-Bord Amministrattiv, li għandu jagħmel il-provvedimenti adegwati, b’kont meħud tad-daqs u l-ambitu tal-Impriża Konġunta.”;

(5)

l-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Sekondar ta’ personal mal-Impriża Konġunta

Kwalunkwe membru tal-Impriża Konġunta jista’ jipproponi lid-Direttur Eżekuttiv sabiex jiġu sekondati membri tal-personal tiegħu mal-Impriża Konġunta konformement mal-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim rilevanti msemmi fl-Artikolu 1(3) ta’ dawn l-Istatuti. Il-personal issekondat mal-Impriża Konġunta għandu jaġixxi b’indipendenza assoluta taħt is-superviżjoni tad-Direttur Eżekuttiv.”;

(6)

l-Artikolu 14 huwa mħassar;

(7)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Kull sena d-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-membri stimi tal-ispejjeż tal-proġett SESAR kif approvat mill-Bord Amministrattiv. Il-Bord Amministrattiv, fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, għandu jipprovdi għall-proċedura li għandha tiġi segwita meta jintbagħtu l-istimi tal-ispejjeż.”

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Abbażi tal-istimi tal-ispejjeż tal-proġett approvati, u b’kont meħud tal-kummenti riċevuti mill-membri, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji l-abbozz tal-baġit għas-sena ta’ wara u jippreżentah lill-Bord Amministrattiv għall-adozzjoni. Il-Bord Amministrattiv għandu, fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, jipprovdi għall-proċedura li għandha tiġi segwita meta jippreżenta l-abbozz tal-baġit.”;

(8)

fl-Artikolu 17 jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Id-deċiżjonijiet kollha adottati u l-kuntratti kollha konklużi mill-Impriża Konġunta, għandhom jipprevedu b’mod espliċitu li l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jistgħu jwettqu ispezzjonijiet fuq il-post tad-dokumenti tal-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li rċevew fondi Komunitarji, anke fil-bini tal-benefiċjarji finali.”;

(9)

l-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Trasparenza

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (*) għandu japplika għal dokumenti miżmuma mill-Impriża Konġunta SESAR.

2.   L-Impriża Konġunta SESAR għandha, sal-1 ta’ Lulju 2009, tadotta l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Impriża Konġunta Sesar taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment lill-Ombudsman jew ta’ azzjoni miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.

(*)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.”;"

(10)

l-Artikolu 21 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 21

Assigurazzjoni

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipproponi lill-Bord Amministrattiv sabiex jipprovdi għal kwalunkwe assigurazzjoni meħtieġa u l-Impriża Konġunta għandha tipprovdi għal tali assigurazzjoni kif rikjest mill-Bord Amministrattiv.”;

(11)

fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Jekk il-Bord Amministrattiv jaqbel mal-proposti msemmija fil-paragrafu 1 b’maġġoranza ta’ 75 % tal-voti u konformement mal-Artikolu 4(5) ta’ dawn l-Istatuti, dawn il-proposti għandhom jiġu preżentati bħala abbozz ta’ emendi lill-Kummissjoni, li għandha tadottahom kif meħtieġ konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 219/2007.”;

(12)

fl-Artikolu 24, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Madankollu, kwalunkwe emenda li tolqot l-elementi essenzjali ta’ dawn l-Istatuti u b’mod partikolari l-emendi lill-Artikoli 1, 3, 4, 5, 7, 12, 17, 18, 19, 20, 22, 24 u 25 għandhom jiġu adottati konformement mal-Artikolu 172 tat-Trattat.”.