23.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 345/24


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1327/2008

tad-19 ta' Diċembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1580/2007 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikoli 103h u 127 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 (2) jipprovdi regoli ddettaljati li jikkonċernaw l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex.

(2)

Sabiex ikun żgurat li l-produtturi kollha jistgħu jipparterċipaw demokratikament fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw miżuri sabiex jippermettu, jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-poteri ta' entità legali li timmodifikaw, tapprova jew tirrifjuta d-deċiżjonijiet ta' organizzazzjoni tal-produtturi fejn hija parti definita b'mod ċar ta' dik l-entità legali.

(3)

L-Artikolu 32(3) tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jipprovdi għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jippermettu, jirrestrinġu jew jipprojbixxu d-dritt ta’ membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi li mhumiex produtturi li jivvotaw fuq deċiżjonijiet li jirrigwardaw fondi operattivi. Huwa xieraq li din id-dispożizzjoni tkun applikata b'mod ekwu lill-membri ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li mhumiex organizzazzjonijiet tal-produtturi skont l-Artikolu 36(2) ta' dan ir-Regolament b’tali mod li l-implimentazzjoni tal-programmi parzjalment operattivi min-naħa tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi ssir iżjed flessibli. Barra minn hekk, ir-referenza li saret dwar id-dritt tagħhom sabiex jivvutaw fuq deċiżjonijiet relatati mal-fondi operattivi għandha tirreferi, għal raġunijiet ta' ċarezza, għal deċiżjonijiet relatati mal-programmi operattivi, minħabba li d-deċiżjonijiet relatati mal-fondi operattivi għandhom jittieħdu mill-organizzazzjoni tal-produtturi direttament u mhux mill-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

(4)

Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, għandu jkun iċċarat li l-għajnuna sabiex tinkoraġixxi l-formazzjoni ta' gruppi tal-produtturi u sabiex tiffaċilita l-operazzjoni amministrattiva tagħhom ipprovduta bl-Artikolu 103a(1)a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 hija pagament b'rata fissa u li evidenza dwar l-użu ta' għajnuna mhijiex meħtieġa fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

(5)

L-Artikolu 52(5) tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jispprovdi li biss il-produzzjoni tal-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi mqiegħda fis-suq mill-organizzazzjoni tal-produtturi nnifisha jew f’konformita’ mal-Artikoli 125a(2)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tgħodd fil-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq (VMP). Dan jippermetti li l-produzzjoni li l-membri jqiegħdu fis-suq huma nfushom skont dawk il-paragrafi tkun inkluża fil-VMP tal-organizzazzjoni tal-produtturi fejn il-produttur huwa membru, imma jeskludi l-prodotti mqiegda fis-suq mill-membri nfushom skont l-Artikolu 125a(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Fl-interess tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-prodott mibjugħ direttament mill-bdiewa permezz ta’ organizzazzjoni tal-produtturi sekondarja għandu jkun inkluż fil-VMP tat-tieni organizzazzjoni tal-produtturi. Il-prodott mibjugħ mill-bdiewa direttament fis-suq ma għandux ikun inkluż fil-VMP tal-organizzazzjoni tal-produtturi fejn dan il-produttur huwa membru.

(6)

Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, għandu jkun iċċarat li l-livell ta' appoġġ għall-gruppi ta' produtturi kif stabbilit fl-Artikoli 103a(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistgħu taħt ċerti ċirkustanzi jaqbżu dak li huwa applikabbli għall-miżuri skont il-programm tal-iżvilupp rurali.

(7)

It-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jipprovdu għal limitazzjoni tal-appoġġ għall-azzjonijiet ambjentali sal-ammonti massimi stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (3) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ċerti tipi ta' azzjonijiet ambjentali ma jirrelatawx direttament jew indirettament ma' pakkett partikulari. L-Artikolu 60(2) għandu għalhekk ikun emendat sabiex jeskludi azzjonijiet bħal dawn minn din il-limitazzjoni.

(8)

L-Artikolu 63(3) tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet li jikkonċernaw il-programmi parzjalment operattivi jkunu ffinanzjati kompletament mill-kontribuzzjonijiet tal-membri ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi membri mħallsa mill-fondi operattivi ta' dawk l-organizzazzjonijiet. Huwa xieraq li jkun permess għall-membri ta‘ assoċjazzjonijiet ta‘ organizzazzjonijiet tal-produtturi, li mhumiex organizzazzjonijiet tal-produtturi, li jiffinanzjaw l-azzjonijiet u l-investimenti magħmula mill-assoċjazzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi, bil-kundizzjoni li dawn il-membri jkunu produtturi jew il-kooperattivi tagħhom. Madankollu, skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament (KE) 1580/2007, jistgħu jibbenifikaw biss indirettament mill-miżuri ffinanzjati mill-Komunità, eż. b'riżultat tal-effett tal-iskala.

(9)

L-Artikolu 120 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jipprovdi għal sanzjonijiet wara verifiki tal-ewwel livell fuq operazzjonijiet ta' rtirar. B'mod partikolari fl-Artikoli 120(a)(b) u (c) issir referenza għall-ammont tal-kumpens. Fl-interess taċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, id-dispożizzjoni għandha minflok tirreferi għall-ammont tal-kontribuzzjoni Komunitarja.

(10)

L-Artikolu 103f(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi għall-obbligazzjoni għall-Istati Membri sabiex jistabilixxu strateġija nazzjonali għall-programmi operattivi sostenibbli. Għar-raġunijiet ta' trasparenza, l-istrateġija nazzjonali applikabli fi kwalunkwe sena se għandha tkun integrata fir-rapporti anwali tal-Istati Membi u għandha tinbagħat lill-Kummissjoni.

(11)

Diversi Stati Membri jiltaqgħu ma' diffikultajiet speċifiċi fil-waqt tal-preparament tal-qafas nazzjonali għall-azzjonijiet ambjentali, irreferuti fl-Artikolu 103f(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-Artikolu 58 tar-Regolament (Ke) Nru 1580/2007, bħala parti mill-istrateġija nazzjonali għall-programmi operattivi sostenibbli. Għalhekk, bħala miżura tranżizzjonali, l-Istati Membri għandu jkollhom permess jipposponu d-deċiżjonijiet dwar l-programm operattivi għal-2009 sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu 2009. L-ammont stmat tal-programmi operattivi kollha għandu jkun sottomess sal-31 ta' Jannar 2009 u l-ammonti approvati finali sal-15 ta' Marzu 2009.

(12)

Skont it-tieni subparagrafu tal-punt 15 tal-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007, il-materjal promozzjonali jrid ikollu l-emblema tal-Komunità Ewropea (fil-każ tal-midja viżwali biss) u jinkludi il-messaġġ li ġej “Kampanja ffinanzjata bl-għajnuna tal-Komunità Ewropea”. Għandu jkun iċċarat li dan l-obligu jirreferi biss għall-promozzjoni ġenerika u l-promozzjoni tat-tiketti tal-kwalità. L-użu tal-emblema tal-Komunità Ewropea mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk is-sussidjarji msemmija fl-Artikolu 52(7) ta' dak ir-Regolament fil-promozzjoni tal-marki/ditti tagħhom huwa espliċitament ipprojbit.

(13)

Skont is-sitt inċiż tal-paragrafu 2(a) tal-Anness XIII għar-Regolament (KE) Nru 1580/2007, l-Istati Membri għandhom jirrapurtaw dwar il-volum tal-prodotti rtirati mis-suq u mqassma skont prodotti u xhur. Madankollu, għal raġunijiet ta' transparenza, jeħtieġ li dawn il-volumi jkunu analizzati bejn l-ammonti mqassma b'distribuzzjoni bla ħlas u l-ammonti totali.

(14)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1580/2007 għandu jiġi emendat skont dan.

(15)

Biex it-tibdiliet fl-Artikoli 52(5) u 63(3) tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jkunu introdotti bla tfixkil, dawn it-tibdiliet għandhom jibdew japplikaw minn l-1 ta' Jannar 2010.

(16)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Aministrazzjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 33 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri sabies jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-poteri ta' entità legali li timmodifika, tapprova jew tirrifjuta d-deċiżjonijiet ta' organizzazzjoni tal-produtturi fejn hija parti definita b'mod ċar ta' dik l-entità legali.”

(2)

L-Artikolu 36(2) huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Punt (b) għandu jitħassar;

(b)

Għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membi jistgħu jippermettu, jirrestrinġu jew jipprojbixxu d-dritt tagħhom li jivvutaw fuq deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-programmi operattivi.”

(3)

L-Artikolu 49(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Punti (a) u (b) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“(a)

75% fir-reġjunijiet eliġibbli skont l-Għan ta’ Konverġenza, u

(b)

50% fir-reġjuni l-oħra.”

(b)

Għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-għajnuna li tifdal se titħallas bħala pagament b'rata fissa mill-Istati Membri. L-applikazzjoni tal-għajnuna mhux se jkun jeħtiġilha tinkludi l-evidenza dwar l-użu tal-għajnuna.”

(4)

Fl-Artikolu 52, il-paragrafu 5 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“5.   Biss il-produzzjoni tal-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi mqiegħda fis-suq mill-organizzazzjoni tal-produtturi nnifisha għandha tgħodd fil-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq. Il-produzzjoni tal-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi mqiegħda fis-suq minn organizzazzjoni tal-produtturi oħra ddeżinjata mill-organizzazzjoni proprja tagħhom, skont l-Artikoli 125a(2)(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (*) għandha tgħodd fil-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq tat-tieni organizzazzjoni ta' produtturi.

(*)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.”"

(5)

L-Artikolu 60, paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

It-tielet subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Fejn ikun rilevanti, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 103a(3), 103d(1) u (3) u 103e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-Artikolu 49 ta' dan ir-Regolament, il-livell ta’ appoġġ għal miżuri koperti minn dan ir-Regolament ma għandhomx jeċċedu dak applikabbli għall-miżuri skont il-programm ta’ żvilupp rurali.”

(b)

Il-ħames subparagrafu li ġej għandu jiżdied:

“Ir-raba' subparagrafu ma għandux japplika għal azzjonijiet ambejntali li ma jirrelatawx direttament jew indirettament ma' pakkett partikulari.”

(6)

Fl-Artikolu 63(3), il-punt (a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

l-azzjonijiet huma ffinanzjati kompletament mill-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma organizzazzjonijiet tal-produtturi, imħallsa mill-fondi operattivi ta’ dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Madankollu, l-azzjonijiet jistgħu jkunu ffinanzjati b'ammont proporzjonali għall-kontribuzzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri, mill-membri ta' assoċjazzjonijiet ta‘ organizzazzjoniet tal-produtturi li mhumiex organizzazzjonijiet tal-produtturi skont l-Artikolu 36, bil-kundizzjoni li dawn il-membri jkunu produtturi jew il-kooperattivi tagħhom.”

(7)

Fl-Artikolu 120, il-punti (a), (b) u (c) “il-kumpens” għandha tinbidel b’“kontribuzzjoni Komunitarja”.

(8)

Fl-Artikolu 152, għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“9.   B’deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 65(2) ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet iġġustifikati kif jixraq, jieħdu deċiżjoni dwar l-operazzjoni tal-programmi u l-fondi fl-2009 sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu 2009. Id-deċiżjoni ta' approvazzjoni tista' tistipula li n-nefqa tkun eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2009 ‘il quddiem.

10.   B'deroga mill-Artikolu 99(2) ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri, li pposponu d-deċiżjonijiet dwar il-programmi operattivi tal-2009, skont il-paragrafu preċedenti, għandhom jikkomunikaw mall-Kummissjoni sal-31 ta' Jannar 2009 stima tal-ammont tal-fondi operattivi għas-sena 2009 għall-programmi operattivi kollha. Din il-komunikazzjoni għandha tagħmel ċar kemm l-ammont totali tal-fond operattiv u kif ukoll l-ammont totali ta’ ffinanzjar Komunitarju ta’ dak il-fond operattiv. Dawn iċ-ċifri għandhom jerġgħu jkunu analizzati bejn ammonti għal miżuri tal-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet u miżuri oħra.

L-Istati Membri li saret referenza għalihom fis-subparagrafu preċedenti għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ammont approvat finali tal-fond operattiv għas-sena 2009 għall-programmi kollha operattivi li jinkludu l-analiżi kif indikat hawn fuq, sal-15 ta' Marzu 2009.”

(9)

L-Annessi VIII u XIII huma emendati kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Punti 4 u 6 tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.

(3)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.


ANNESS

L-annessi għar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness VIII it-tieni subparagrafu tal-punt 15 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Materjal promozzjonali għall-promozzjoni ġenerika u l-promozzjoni ta' tiketti tal-kwalità għandu jkollu l-emblema tal-Komunità Ewropea (fil-każ ta’ midja viżwali biss) u jinkludi l-kliem li ġejjin: ‘Kampanja ffinanzjata bl-għajnuna tal-Komunità Ewropea’. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produttir u dawk is-sussidjarji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 52(7) ma għandhomx jużaw l-emblema tal-Komunità Ewropea fil-promozzjoni tal-marki/ditti tagħhom.”

(2)

L-Anness XIII huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

Il-Leġiżlazzjoni Nazzjonali adottata sabiex timplimenta s-Sezzjoni IVa tal-Kapitolu IV tat-Titolu I u s-Sezzjoni IA tal-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, inkluża l-istrateġija nazzjonali għal programmi operattivi sostenibbli applikabbli għall-programmi operattivi implimentati fis-sena li tkun qed tiġi rrapurtata.”;

(b)

Is-sitt inċiż tal-punt (a) tal-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“—

l-informazzjoni dwar il-volum tal-prodotti rtirati maqsuma bil-prodotti u xhur u bejn il-volumi totali rtirati mis-suq u l-volumi distribwiti bla ħlas, espressi f'tunnellati;”.