5.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 327/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1207/2008

tat-28 ta’ Novembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 639/2004 dwar l-amministrazzjoni tal-flotot tas-sajd reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 37 u 299(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 639/2004 tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-amministrazzjoni tal-flotot tas-sajd reġistrati fl-aktar reġjuni periferiċi tal-Komunità (2) jippermetti derogi mill-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (3). Dak l-Artikolu jistabbilixxi skema ġenerali li tamministra d-dħul u l-ħruġ mill-flotta.

(2)

L-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 639/2004 jiffissa l-perjodu ta’ validità tad-deroga mill-iskema tad-dħul u l-ħruġ għall-bastimenti li jkunu rċevew għajnuna pubblika għat-tiġdid. Dan il-perjodu kien oriġinarjament limitat għall-31 ta’ Diċembru 2007 u mbagħad ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2008 wara l-qbil politiku milħuq fil-Kunsill fid-19 ta’ Ġunju 2006 rigward il-Fond Ewropew għas-Sajd.

(3)

L-att tal-Kummissjoni li jippermetti lill-Istati Membri kkonċernati biex jagħtu għajnuna mill-Istat kien adottat aktar tard milli kien mistenni. Minħabba l-fatt li t-tarzni interessati għandhom kapaċità limitata, l-implimentazzjoni sħiħa tal-qbil politiku milħuq fil-Kunsill fid-19 ta’ Ġunju 2006 ma jistax jiġi garantit qabel id-data tal-31 ta’ Diċembru 2008.

(4)

Għalhekk huwa xieraq li l-iskadenza għad-deroga stabbilita fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 639/2004 tiġi estiża sa l-2011.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 639/2004 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 639/2004 għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 2 m il-paragrafu 5 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“5.

Minkejja l-paragrafu 3 hawn fuq, għall-bastimenti tas-sajd li jkunu rċevew għajnuna pubblika għat-tiġdid, id-deroga fil-paragrafu 1(a) hawn fuq ma tibqax tapplika tliet snin wara li tkun ingħatat l-għajnuna pubblika għat-tiġdid u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011.”.

2.

L-Artikolu 6 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“Artikolu 6

Rappurtaġġ

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2012.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)  Opinjoni mogħtija fil-21 ta’ Ottubru 2008 (għadha ma ġietx pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 102, 7.4.2004, p. 9.

(3)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.