20.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 309/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1150/2008

tad-19 Novembru 2008

li jistabbilixxi kwoti tariffarji Komunitarji għas-sena 2009, għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 144(1) u 148 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Kwoti tariffarji Komunitarji għal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż għandhom jinfetħu għall-2009. Id-dazji u l-kwantitajiet għandhom ikunu ffissati skond il-ftehimiet internazzjonali rispettivi li jkunu fis-seħħ fis-sena 2009.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 312/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tat-tariffi tal-Komunità stabbiliti fil-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika taċ-Ċile, min-naħa l-oħra (2) stipula kwota tariffarja bilaterali addizzjonali ta’ 2 000 tunnellata b’żieda ta’ 10 % kull sena tal-kwantità oriġinali li għandha tinfetaħ għall-kodiċi tal-prodott 0204 mill-1 ta’ Frar 2003. Għaldaqstant, għandhom jiżdiedu 200 tunnellata oħra mal-kwota tal-GATT/WTO għaċ-Ċile u ż-żewġ kwoti għandhom ikomplu jintużaw bl-istess mod matul l-2009.

(3)

Ċerti kwoti huma ddefiniti għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Lulju ta’ sena partikolari u jispiċċa fit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara. Billi l-importazzjonjiet skond dan ir-Regolament għandhom ikunu mmexxija fuq bażi ta’ sena kalendarja, il-kwantitajiet rispettivi li se jkunu ffisati għas-sena kalendarja 2009 fir-rigward tal-kwoti kkonċernati huma t-total ta’ nofs il-kwantità għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009 u nofs il-kwantità għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010.

(4)

Jeħtieġ li jiġi ffissat ekwivalenti ta’ piż ta’ karkassi sabiex jiġi żgurat li jkun hemm tħaddim xieraq tal-kwoti tariffarji tal-Komunità.

(5)

B’deroga mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1439/95 tas-26 ta’ Ġunju 1995 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3013/89 rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż (3), il-kwoti għal prodotti tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż għandhom ikunu ġestiti f’konformità mal-Artikolu 144(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Dan għandu jsir skond l-Artikoli 308a, 308b, u 308c(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (4).

(6)

Il-kwoti tariffarji skond dan ir-Regolament inizjalment iridu jitqiesu bħala mhux kritiċi fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 meta jitħaddmu minn sistema ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. Għalhekk, l-awtoritajiet doganali għandhom ikunu awtorizzati li jċedu r-rekwiżit tas-sigurtà għal oġġetti li inizjalment ikunu ġew importati taħt dawk il-kwoti skond l-Artikoli 308c(1) u 248(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Minħabba l-partikolaritajiet tat-trasferiment minn sistema ta’ ġestjoni waħda għall-oħra, l-Artikolu 308c(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament m’għandux japplika.

(7)

Għandu jiġi ċċarat liema tip ta’ prova li tiċċertifika l-oriġini tal-prodotti għandha tiġi pprovduta mill-operaturi sabiex jibbenefikaw mill-kwoti tariffarji skond is-sistema li min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel.

(8)

Meta operaturi jippreżentaw prodotti tal-laħam tan-nagħaġ lill-awtoritajiet doganali għall-importazzjoni, ikun diffiċli għal dawk l-awtoritajiet biex jistabbilixxu jekk dawn joriġinawx minn nagħaġ domestiċi jew minn nagħaġ oħra, differenza li tiddetermina l-applikazzjoni ta’ rati ta’ dazju differenti. Huwa għalhekk xieraq li jkun hemm dispożizzjoni li l-prova tal-oriġini tikkjarifika dan.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jiftaħ il-kwoti tariffarji Komunitarji tal-importazzjoni għal nagħaġ, mogħoż, laħam tan-nagħaġ, u laħam tal-mogħoż għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2009.

Artikolu 2

Id-dazji doganali applikabbli għall-prodotti skond il-kwoti msemmija fl-Artikolu 1, il-Kodiċi tan-NM, il-pajjiżi tal-oriġini, elenkati skond il-grupp tal-pajjiż, u n-numri tas-serje jintwerew fl-Anness.

Artikolu 3

1.   Il-kwantitajiet, espressi f’ekwivalenza għall-piż ta’ karkassi, għall-importazzjoni ta’ prodotti skond il-kwoti msemmija fl-Artikolu 1, għandhom ikunu dawk stipulati fl-Anness.

2.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-kwantitajiet ta’ “ekwivalenti ta’ piż ta’ karkassi” imsemmi fil-paragrafu 1, il-piż nett ta’ prodotti tan-nagħaġ u l-mogħoż għandu jkun immultiplikat bil-koeffiċjenti li ġejjin:

(a)

għal annimali ħajjin: 0.47;

(b)

għal ħaruf bla għadam u laħam tal-gidi bla għadam: 1.67;

(ċ)

għal laħam bla għadam tal-muntun, tan-nagħaġ u tal-mogħoż għajr dak tal-gidi u taħlitiet ta’ kwalunkwe minn dawn: 1.81;

(d)

għal prodotti tal-laħam bil-għadam: 1.00.

“Gidi” għandha tfisser ferħ ta’ mogħża li ma għandux aktar minn sena.

Artikolu 4

B’deroga mit-Titolu II (A) u (B) tar-Regolament (KE) Nru 1439/95, il-kwoti tariffarji stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom ikunu ġestiti fuq bażi ta’ “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” skond l-Artikoli 308a, 308b u 308c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2009. L-Artikolu 308c(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament ma għandux japplika. M’hemmx bżonn ta’ liċenzji tal-importazzjoni.

Artikolu 5

1.   Biex dak li jkun jibbenifika mill-kwoti tariffarji stipulati fl-Anness, għandhom jitressqu lill-awtoritajiet doganali tal-Komunità prova valida tal-oriġini maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat kif ukoll dikjarazzjoni doganali għal rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-oġġetti kkonċernati.

L-oriġini ta’ prodotti suġġetti għal kwoti tariffarji barra dawk li jirriżultaw minn ftehimiet dwar tariffa preferenzjali għandha tiġi deteminata skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Komunità.

2.   Il-prova tal-oriġini msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun kif ġej:

(a)

fil-każ ta’ kwota tariffarja li hija parti minn ftehim dwar tariffa preferenzjali, din għandha tkun il-prova tal-oriġini kif stipulata fil-ftehim;

(b)

fil-każ ta’ kwoti tariffarji oħrajn, għandha tkun prova stabbilita skond l-Artikolu 47 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 u, flimkien mal-elementi pprovduti f’dak l-Artikolu, id-dejta li ġejja:

il-kodiċi NM (tal-anqas l-ewwel erba’ ċifri),

in-numru jew in-numri tas-serje tal-kwota tariffarja kkonċernata,

il-piż nett totali għal kull kategorija ta’ koeffiċjenti kif stipulat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament;

(c)

fil-każ ta’ pajjiż li l-kwota tiegħu taqa’ taħt il-punti (a) u (b) u huma magħqudin, għandha tkun il-prova msemmija fil-punt (a).

Fejn il-prova tal-oriġini msemmija fil-punt (b) hija preżentata bħala dokument ta’ appoġġ għal dikjarazzjoni waħda biss għal rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, jista’ jkun fiha diversi numri tas-serje. Fil-każijiet l-oħra kollha, għandu jkun fiha biss numru tas-serje wieħed.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 46, 20.2.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 143, 27.6.1995, p. 7.

(4)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS

LAĦAM TAN-NAGĦAĠ U LAĦAM TAL-MOGĦOŻ (f’tunnellati (t) ta’ ekwivalenti ta’ piż ta’ karkassi) KWOTI TARIFFARJI KOMUNITARJI GĦALL-2009

Nru tal-Grupp tal-Pajjiż

Kodiċijiet NM

Dazju “Ad valorem”

%

Dazju speċifiku

EUR/100 kg

Numru tas-serje skont “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel”

Oriġini

Volum fis-sena f’tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ piż ta’ karkassi

Annimali ħajjin

(Koeffiċjent = 0,47)

Ħaruf mingħajr għadam (1)

(Koeffiċjent = 1,67)

Laħam tal-muntun/tan-nagħaġ bla għadma (2)

(Koeffiċjent = 1,81)

Karkassa u laħam bil-għadma

(Koeffiċjent = 1,00)

1

0204

Żero

Żero

09.2101

09.2102

09.2011

L-Arġentina

23 000

09.2105

09.2106

09.2012

L-Awstralja

18 786

09.2109

09.2110

09.2013

New Zealand

227 854

09.2111

09.2112

09.2014

L-Urugwaj

5 800

09.2115

09.2116

09.1922

Iċ-Ċili

6 200

09.2121

09.2122

09.0781

In-Norveġja

300

09.2125

09.2126

09.0693

Greenland

100

09.2129

09.2130

09.0690

Il-Gżejjer Faroe

20

09.2131

09.2132

09.0227

It-Turkija

200

09.2171

09.2175

09.2015

Oħrajn (3)

200

2

0204 , 0210 99 21 , 0210 99 29 , 0210 99 60

Żero

Żero

09.2119

09.2120

09.0790

L-Iżlanda

1 850

3

0104 10 30

0104 10 80

0104 20 90

10  %

Żero

09.2181

09.2019

Erga omnes  (4)

92


(1)  U laħam tal-gidi.

(2)  U laħam tal-mogħoż barra dak tal-gidi.

(3)  “Oħrajn” għandha tirreferi għall-oriġinijiet kollha, għajr il-pajjiżi l-oħra msemmija f’din it-tabella.

(4)  “Erga omnes” għandha tirreferi għall-oriġinijiet kollha, inklużi l-pajjiżi msemmija f’din it-tabella.