15.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 306/22


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1130/2008

ta’ l-14 ta’ Novembru 2008

li jimponi dazju proviżorju anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti xemgħat, kandiletti u oġġetti simili li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Inizjazzjoni

(1)

Fis-16 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż (“avviż ta’ inizjazzjoni”) ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), il-bidu ta’ proċedura anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ċerti xemgħat, kandiletti u oġġetti simili li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ” jew il-pajjiż ikkonċernat’).

(2)

Il-proċedura nbdiet b’riżultat ta’ ilment imressaq fit-3 ta’ Jannar 2008 minn ċerti produtturi ta’ ċerti xemgħat, kandiletti u oġġetti simili li jirrappreżentaw il-proporzjon prinċipali, f’dan il-każ madwar 60 % tat-total tal-produzzjoni tal-Komunità ta’ ċerti xemgħat, kandiletti u oġġetti simili. L-ilment kien jinkludi evidenza prima facie ta’ dumping tal-imsemmi prodott u tad-dannu materjali li jirriżulta minnu, li kien ikkunsidrat biżżejjed sabiex tkun ġustifikata l-inizjazzjoni ta’ investigazzjoni.

1.2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-proċedura

(3)

Il-Kummissjoni uffiċjalment infurmat lil dawk li qed jagħmlu l-ilment, l-produtturi esportaturi, l-importaturi, l-partijiet oħra magħrufa li huma kkonċernati, u lir-rappreżentanti tar-RPĊ dwar l-inizjazzjoni tal-proċedura. Il-partijiet interessati kienu mogħtija opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien iffissat fl-avviż ta’ inizjazzjoni.

(4)

Dawk li għamlu l-ilment, produtturi Komunitarji oħra, produtturi esportaturi fir-RPĊ, importaturi li jinkludu gruppi kbar ta’ bejjiegħa bl-imnut u fornituri ta’ materja prima ressqu l-opinjonijiet tagħhom. Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom ikunu mismugħa, ingħataw seduta.

(5)

Fl-avviż ta’ inizjazzjoni, il-Kummissjoni indikat li l-ġbir ta’ kampjuni biex ikun determinat id-dumping u l-ħsara skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku jista’ jkun applikat. Biex il-Kummissjoni titħalla tiddeċiedi jekk il-ġbir ta’ kampjuni hux neċessarju, il-produtturi esportaturi fir-RPĊ magħrufa kollha, importaturi Komunitarji u produtturi Komunitarju kienu mitluba biex jippreżentaw rwieħhom quddiem il-Kummissjoni u biex jipprovdu, kif speċifikat fl-avviż ta’ inizjazzjoni, informazzjoni bażika dwar l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2007.

(6)

Kif spjegat fil-premessi (33) sa (40) iktar ’il quddiem, 41 produttur esportatur fir-RPĊ ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi f’kampjun. Fuq il-bażi tal-informazzjoni li waslet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tmien produtturi fir-RPĊ jew gruppi ta’ kumpaniji relatati li għandhom l-ikbar għadd ta’ esportazzjonijiet lejn il-Komunità. Il-produtturi esportaturi kollha kkonċernati, kif ukoll l-assoċjazzjoni tagħhom u l-awtoritajiet tar-RPĊ, kienu kkonsultati u qablu fuq l-għażla tal-kampjun.

(7)

Sabiex il-produtturi esportaturi fir-RPĊ ikunu jistgħu jressqu talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jew għal trattament individwali (“TI”), jekk xtaqu dan, il-Kummissjoni bagħtet formoli ta’ talbiet lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ magħrufa bħala kkonċernati u lill-awtoritajiet tar-RPĊ.

(8)

Il-Kummissjoni żvelat uffiċjalment ir-riżultati tas-sejbiet tat-TES lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ ikkonċernati u lil-dawk li għamlu l-ilment. Huma kienu mogħtija opportunità wkoll biex iressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu seduta jekk kien hemm raġunijiet partikolari sabiex jinstemgħu.

(9)

Produttur esportatur wieħed li ma kienx inkluż fil-kampjun għax ma ssodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku talab marġini individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Kien ikkunsidrat madankollu li eżaminar individwali jkun ta’ piż żejjed mhux ġustifikat u kien jimpedixxi t-twettiq fil-ħin tal-investigazzjoni. Għalhekk, kien konkluż proviżorjament li t-talba għal eżaminar individwali tal-produttur esportatur ma setgħetx tkun aċċettata.

(10)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa bħala kkonċernati u lill-kumpaniji l-oħra kollha li ppreżentaw irwieħhom sa qabel l-iskadenzi stabbiliti fl-avviż ta’ inizjazzjoni, jiġifieri lil 31 produttur Komunitarju, 32 importatur kif ukoll żewġ fornituri ta’ materja prima.

(11)

Waslu risposti mill-produtturi Komunitarji li għamlu l-ilment, sitt importaturi mhux relatati u żewġ fornituri.

(12)

Fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat b’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni rċeviet risposti għall-formula ta’ ġbir ta’ kampjuni minn 41 produtturi esportaturi fir-RPĊ.

(13)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għal determinazzjoni proviżorja ta’ dumping, ħsara li tirriżulta u interess Komunitarju. Żjarat ta’ verifika saru fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Produtturi li jinsabu fil-Komunità

(1)

Bolsius International B.V., Schijndel, l-Olanda,

(2)

Vollmar GmbH, Rheinbach, il-Ġermanja,

(3)

GIES-group,

GIES Kerzen GmbH, Gline, il-Ġermanja,

Promol Industria de Velas, Caldas da Reinha, il-Portugall,

Liljeholmens Stearinfabriks AB, Oskarshamn, l-Iżvezja.

 

Produtturi esportaturi fir-RPĊ u kumpaniji relatati fir-RPĊ u f’Ħong Kong

(1)

Aroma Consumer Products (Hangzhou) Co., Ltd, RPĊ,

(2)

Dalian Bright Wax group:

Dalian Bright Wax Co., Ltd., RPĊ,

Dalian Bright Wax, Ħong Kong,

(3)

Dalian Talent Gift Co., Ltd, RPĊ,

(4)

Gala-Candles (Dalian) Co., Ltd, RPĊ,

(5)

Qingdao Kingking Applied Chemistry Co., Ltd, RPĊ,

(6)

Ningbo Kwung’s Home group:

Ningbo Kwung’s Home Interior & Gift Co., Ltd, RPĊ,

Apple-Ann Home Creation (H.K.) Limited, Ħong Kong,

(7)

Ningbo Kwung’s Wisdom group:

Ningbo Kwung’s Wisdom Art & Design Co., Ltd, RPĊ,

Ningbo Kwung’s Import and Export Co., Ltd., RPĊ,

Shaoxing Koman Home Interior Co., Ltd., RPĊ,

(8)

Win Win Group:

Jiashan Jiahua Candle Arts & Crafts Co., Ltd, RPĊ,

Win Win Arts & Crafts Co., Ltd, RPĊ.

 

Importatur relatat fil-Komunità:

Gala Kerzen GmbH, il-Ġermanja.

1.3.   Perjodu ta’ investigazzjoni

(14)

L-investigazzjoni tad-dumping u tal-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2007 (il-perjodu għall-investigazzjoni jew “PI”). L-eżaminar ta’ xejriet relevanti għall-evalwazzjoni tal-ħsara kopra il-perjodu mill-2004 sal-aħħar tal-PI (“perjodu kkunsidrat”).

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott ikkonċernat

(15)

Il-prodott ikkonċernat huwa ċerti xemgħat, kandiletti u oġġetti simili, ħlief xemgħat taċ-ċimiterju u xemgħat oħra għal barra, esportati lejn il-Komunità u li joriġinaw fir-RPĊ (xemgħat). Il-proċess ta’ produzzjoni għall-manifattura tax-xemgħat huwa pjuttost sempliċi u jikkonsisti fit-tisħin ta’ materja prima (prinċipalment xema’ bajda (tal-pitrolju) u stearina) u ffurmar tax-xema’ f’forom jew kontenituri fi proċess ta’ tkessiħ. Ix-xemgħat jipproduċu sħana u dawl iżda jintużaw l-iktar għal skopijiet ta’ tiżjin fuq ġewwa, eż. f’diversi buġiji, gandlieri u oġġetti oħra ta’ tiżjin.

(16)

Ix-xemgħat huma normalment iddikjarati fil-kodiċi NM ex 3406 00 11, ex 3406 00 19 u ex 3406 00 90.

(17)

Xemgħat taċ-ċimiterju u xemgħat oħra għal barra mhumiex parti mill-prodott ikkonċernat. Dawn jistgħu jkunu definiti bħala prodotti, li l-fjuwil tagħhom fih iktar minn 500 ppm ta’ toluwol u/jew iktar minn 100 ppm ta’ benżin u/jew għandhom niċċa b’dijametru ta’ mill-inqas 5 millimetri u/jew huma ppakkjati individwalment f’kontenitur tal-plastik b’ħitan vertikali ta’ mill-inqas 5 ċm fit-tul. Kien ikkunsidrat li dawn il-kriterji qed jistabbilixxu linja ta’ diviżjoni ċara bejn it-tipi ta’ xemgħat li huma koperti minn din l-investigazzjoni u dawk li mhumiex.

(18)

L-investigazzjoni wriet li hemm numru kbir ta’ tipi differenti ta’ xemgħat bħal kandiletti, tea lights, kif ukoll ħafna tipi oħra tal-istaġun u speċjali magħmula fir-RPĊ u mibjugħa fis-suq Komunitarju. It-tipi diversi ta’ xemgħat jistgħu bażikament jvarjaw fid-daqs, forma, kulur, bil-fwieħa jew mingħajrha, eċċ., iżda dawn it-tipi kollha għandhom l-istess karatteristiċi kimiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użi u sa ċertu punt jistgħu jinbidlu bejniethom. Għalhekk, huwa kkunsidrat li x-xemgħat kollha koperti minn din l-investigazzjoni huma parti mill-istess familja tal-prodott.

(19)

Ċerti parijiet interessati għamlu sottomissjonijiet u allegazzjonijiet rigward id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Kien allegat li x-xemgħat taċ-ċimiterju u x-xemgħat għal barra kienu esklużi b’mod mhux ġustifikat mill-ambitu tal-prodott għax l-industrija tal-Komunità tiddomina dan is-segment u għax il-kriterji tekniċi fuq imsemmija fil-premessa (17) mhumiex uniċi fis-sens li xemgħat taċ-ċimiterju u xemgħat oħra għal barra mhux dejjem jaqbżu l-karatteristiċi fuq imsemmija. Barra minn hekk, huma allegaw li d-distinzjoni magħmula bejn xemgħat u xemgħat taċ-ċimiterju u xemgħat oħra għal barra ma kinitx fuq bażi ta’ xi standard jew regoli fl-industrija u kienet tikkontradixxi s-suppożizzjoni li tea lights u xemgħat oħra kienu t-tnejn inklużi fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(20)

Partijiet oħra allegaw li l-proċessi ta’ produzzjoni u l-medda ta’ prodotti magħmula fir-RPĊ kif ukoll it-tipi ta’ xemgħat esportati lejn il-Komunità kienu speċifiċi ħafna. F’dan il-kuntest kien iddikjarat li f’ħafna istanzi esportaturi fir-RPĊ jesportaw il-prodott ikkonċernat flimkien ma’ aċċessorji oħra bħal tazza tal-ħġieġ u/jew gandlieri fejn il-valur ta’ esportazzjoni jinkludi l-oġġetti kollha u mhux biss ix-xemgħat. Dawn it-tipi kollha għandhom ikunu esklużi mill-ambitu tal-investigazzjoni.

(21)

Kien allegat ukoll li produtturi esportaturi fir-RPĊ qed jipproduċu sa ċertu punt xemgħat magħmula bl-idejn jew speċjali permezz ta’ operazzjonijiet ta’ iktar rfinar, bħal stampar, brix u verniċjatura. Dawn huma tipi li jirrikjedu xogħol intensiv, imsejħa xemgħat “ornamentali” jew “speċjali”, li mhumiex manifatturati fil-Komunità. Skont dan, dawn il-partijiet allegaw li x-xemgħat speċjali għandhom ikunu esklużi wkoll mill-ambitu tal-prodott ta’ din l-investigazzjoni.

(22)

Għandu jkun osservat li l-allegazzjonijiet fuq imsemmija ma kinux speċifiċi u ma kinux jinkludu evidenza li turi li l-prodott ikkonċernat ma kienx definit b’mod korrett fl-avviż ta’ inizjazzjoni. Kif iddikjarat iktar ’il fuq, irriżulta li t-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat għandhom l-istess karatteristiċi kimiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użi li sa ċertu punt jistgħu jinbidlu. Rigward l-allegazzjonijiet magħmula dwar ix-xemgħat taċ-ċimiterju u x-xemgħat għal barra, huwa osservat li dawn il-prodotti jistgħu jkunu distinti minn tipi oħra ta’ xemgħat fuq il-bażi ta’ kriterji tekniċi u kimiċi msemmija fil-premessa (17) hawn fuq. Il-fatt li minn naħa waħda l-produtturi tal-Komunità jistgħu jkunu dominanti f’dan is-segment partikolari u min-naħa l-oħra kwalunkwe allegazzjoni li l-produtturi tal-Komunità mhux qed jimmanifatturaw ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat huwa irrelevanti u ma jibdilx id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(23)

Għandu jkun osservat ukoll li l-proċessi ta’ produzzjoni, il-varjetà ta’ tipi ta’ prodotti li huma prodotti u mibjugħa fis-suq Komunitarju, l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ regoli mhumiex fihom infushom raġunijiet validi li qed juru li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat għandha tkun riveduta.

2.2.   Prodott simili

(24)

Ċerti partijiet interessati allegaw li t-tip imsemmi tea light għandu jkun distint minn xemgħat oħrajn għax għandhom karatteristiċi fiżiċi differenti bħad-daqs u l-fatt li x-xema’ tinżamm f’kontenitur sabiex timpedixxi li x-xema’ tfur jew tqattar. Barra minn hekk, filwaqt li l-użu ewlieni ta’ xemgħat huwa li jipproduċu dawl, l-iskop ewlieni ta’ tea light huwa li tipprovdi sħana.

(25)

Ċerti partijiet interessati argumentaw li x-xemgħat prodotti mill-industrija Komunitarja u mibjugħa fis-suq Komunitarju ma kinux bħall-prodott ikkonċernat. Huma allegaw b’mod partikolari li l-prodott ikkonċernat kien prinċipalment mibjugħ f’settijiet inkluż oġġetti oħra ta’ tiżjin bħal buġiji, gandlieri, oġġetti taċ-ċeramika jew tal-ħġieġ oħra u li ma kienx possibbli li tiddistingwi l-valur tax-xemgħa fis-sett. Kien argumentat ukoll li filwaqt li l-produtturi tal-Komunità kienu qed ibiegħu biss tipi standard ta’ xemgħat, produtturi esportaturi fir-RPĊ kienu qed ibiegħu għadd kbir ta’ tipi speċjali ta’ xemgħat li ma jistgħux ikunu mqabbla mat-tipi standard.

(26)

Rigward l-allegazzjoni magħmula dwar l-użu ta’ ċerti tipi ta’ xemgħat, għandu jkun osservat li waqt seduta b’mod partikolari mal-Assoċjazzjoni ta’ produtturi ta’ xemgħat fir-RPĊ kien iddikjarat li l-konsum domestiku fir-RPĊ qed jiżdied b’mod sinifikanti fl-aħħar snin u li x-xemgħat mibjugħa domestikament kellhom l-istess użu ewlieni bħal fil-Komunità, jiġifieri għal tiżjin fuq ġewwa. Fir-rigward tal-allegata differenza fl-użu ta’ xemgħat (dawl) u tea lights (sħana), irriżulta li dawn it-tipi ta’ prodotti jistgħu jinbidlu bejniethom u li ż-żewġ tipi jistgħu jkunu użati għall-provvista ta’ dawl u sħana, iżda li, kif iddikjarat fil-premessa (15) fuq imsemmija, it-tnejn huma prinċipalment użati għal skopijiet ta’ tiżjin fuq ġewwa.

(27)

Huwa mfakkar ukoll li, kif imsemmi fil-premessa (18) hawn fuq, hemm diversi tipi ta’ xemgħat li bażikament għandhom differenzi fid-daqs, forma u kulur iżda dawn it-tipi kollha għandhom l-istess karatteristiċi kimiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użi u sa ċertu punt jistgħu jinbidlu bejniethom. Għalhekk huwa kkunsidrat li t-tipi ta’ xemgħat koperti minn din l-investigazzjoni huma parti mill-istess familja tal-prodott.

(28)

Il-kriterji li għandhom ikunu applikati fid-determinazzjoni tal-“prodott simili” huma bbażati fuq il-karatteristiċi tekniċi u kimiċi, kif ukoll użi finali jew funzjonijiet tal-prodott u mhux fuq fatturi bħall-forma, riħa, kulur jew fatturi oħra ddikjarati mill-parti interessata. Id-differenzi fit-termini ta’ daqs ma jaffettwawx id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, billi ma tista’ ssir ebda distinzjoni ċara bejn il-prodotti li jappartjenu fl-istess familja tal-prodott fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi u kimiċi bażiċi ewlenin, tal-użu finali u tal-perċezzjoni tal-utenti.

(29)

Minħabba l-allegazzjonijiet magħmula u l-evidenza pprovduta mill-partijiet interessati u l-informazzjoni l-oħra disponibbli kollha f’dan l-istadju tal-investigazzjoni, huwa kkunsidrat li ma hemm ebda differenzi bejn il-prodott ikkonċernat u x-xemgħat magħmula u mibjugħa mill-esportaturi/produtturi fis-suq domestiku tagħhom u mill-produtturi fil-Komunità, li serva wkoll bħala pajjiż analogu għall-iskop tal-istabbiliment tal-valur normali fir-rigward tar-RPĊ. Dawn ix-xemgħat għandhom essenzjalment l-istess karatteristiċi tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użu bażiku. Huwa għalhekk konkluż proviżorjament li t-tipi kollha ta’ xemgħat huma kkunsidrati li huma bħal xulxin skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

(30)

F’dan l-istadju tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma rċevietx biżżejjed evidenza li l-karatteristiċi fiżiċi u/jew użu finali tat-tea lights huma fundamentalment differenti minn dawk ta’ xemgħat oħra u għandhom iwasslu għall-konklużjoni li t-tea lights u xemgħat oħra mhumiex parti mill-istess familja tal-prodott. L-investigazzjoni għandha tkompli tinvestiga u tesplora l-allegazzjonijiet sostanzjati kollha li jistgħu jsiru fuq il-kwistjoni tal-prodott simili.

3.   TEĦIDTA’ KAMPJUNI

3.1.   Teħid ta’ kampjuni tal-produtturi Komunitarji

(31)

Minħabba n-numru kbir ta’ produtturi Komunitarji li jappoġġjaw l-ilment, it-teħid ta’ kampjuni kien ippjanat fl-avviż ta’ inizjazzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku. Fuq il-bażi tal-analiżi tal-kampjuni li ntbagħtu, kampjun ta’ ħames produtturi kien finalment magħżul, ibbażat fuq il-kriterju tal-ikbar ammont ta’ produzzjoni kif previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku.

3.2.   Teħid ta’ kampjuni tal-importaturi

(32)

Minħabba n-numru kbir ta’ importaturi identifikati mill-ilment, it-teħid ta’ kampjuni kien maħsub ukoll għall-importaturi fl-avviż ta’ inizjazzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku. Madankollu, fuq il-bażi tal-analiżi tan-numru ta’ kampjuni meħuda li ntbagħtu, ma kienx neċessarju li jkun applikat it-teħid ta’ kampjuni għall-importaturi.

3.3.   It-teħid ta’ kampjuni għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(33)

Minħabba n-numru kbir ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ, it-teħid ta’ kampjuni kien maħsub fl-avviż ta’ inizjazzjoni għad-determinazzjoni tad-dumping, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku.

(34)

Sabiex il-Kummissjoni titħalla tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni jkunx neċessarju u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi fir-RPĊ intalbu jippreżentaw irwieħhom sa 15-il ġurnata mid-data ta’ inizjazzjoni tal-investigazzjoni u jipprovdu informazzjoni bażika dwar l-esportazzjoni u l-bejgħ domestiku tagħhom, l-attivitajiet preċiżi tagħhom fir-rigward tal-produzzjoni ta’ xemgħat u l-ismijiet u attivitajiet tal-kumpaniji relatati tagħhom kollha involuti fil-produzzjoni u/jew li jbiegħu l-prodott ikkonċernat.

(35)

L-awtoritajiet tar-RPĊ u l-assoċjazzjoni tal-produtturi kienu kkonsultati wkoll għall-għażla tal-kampjun rappreżentattiv.

3.3.1.   Għażla minn qabel ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw

(36)

Bħala total, 41 produttur esportatur, inklużi gruppi ta’ kumpaniji relatati fir-RPĊ, ippreżentaw irwieħhom u pprovdew l-informazzjoni mitluba sal-iskadenza stabbilita fl-avviż ta’ inizjazzjoni. Kollha kemm huma rrapportaw esportazzjonijiet ta’ xemgħat lill-Komunità matul il-PI u, minbarra produttur wieħed b’ammonti ta’ esportazzjoni pjuttost insinifikanti, urew xewqa li jipparteċipaw fil-kampjun. Għalhekk, 40 produttur esportatur huma kkunsidrati li kkooperaw f’din l-investigazzjoni (“esportaturi li kkooperaw”).

(37)

Produtturi esportaturi li ma ppreżentawx irwieħhom sal-iskadenza msemmija jew li ma pprovdewx l-informazzjoni mitluba fil-ħin, kienu kkunsidrati bħala li ma kkooperawx fl-investigazzjoni. It-tqabbil bejn dejta ta’ importazzjoni tal-Eurostat u l-ammont ta’ esportazzjonijiet lejn il-Komunità tal-prodott ikkonċernat rapportat għall-PI mill-kumpaniji msemmija fil-premessa (36) jissuġġerixxi li l-kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kien baxx ħafna kif imsemmi fil-premessa (87) iktar ’il quddiem.

3.3.2.   Għażla tal-kampjun ta’ esportaturi li kkooperaw fir-RPĊ

(38)

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, kien magħżul kampjun ibbażat fuq l-ikbar ammont rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet ta’ xemgħat fil-Komunità li jista’ jkun investigat b’mod raġonevoli fil-ħin disponibbli. Fuq il-bażi tal-informazzjoni li waslet mill-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tmien kumpaniji jew gruppi ta’ kumpaniji relatati li għandhom l-ikbar ammont ta’ esportazzjonijiet lejn il-Komunità. Skont l-informazzjoni mit-teħid ta’ kampjuni, il-kumpaniji magħżula ammontaw, fil-PI, għal iktar minn 73 % tal-ammont totali ta’ esportazzjonijiet lejn il-Komunità tal-prodott ikkonċernat irrapportat mill-produtturi esportaturi li kkooperaw imsemmija fil-premessa (36) hawn fuq. Kien għalhekk ikkunsidrat li dan il-kampjun jippermetti limitazzjoni tal-investigazzjoni għal numru raġonevoli ta’ produtturi esportaturi li jistgħu jkunu investigati fil-ħin disponibbli filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ rappreżentazzjoni. Il-produtturi esportaturi kkonċernati kollha, kif ukoll l-assoċjazzjoni tagħhom u l-awtoritajiet tar-RPĊ, kienu kkonsultati u qablu fuq l-għażla tal-kampjun.

(39)

Żewġ esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun talbu biex ikunu inklużi fil-kampjun billi ssuġġerew li kriterji bħal i) il-medda ta’ prodotti tal-produtturi esportaturi, ii) it-tip ta’ klijenti fil-Komunità, iii) rappreżentazzjoni ġeografika, iv) investiment barrani u v) il-livell ta’ dipendenza f’esportazzjonijiet lejn il-Komunità, għandhom ikunu kkunsidrati fl-għażla tal-kampjun.

(40)

F’dan ir-rigward huwa osservat li dawn il-kriterji mhumiex ipprovduti fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku rigward l-għażla tal-kampjun. It-talbiet għalhekk kienu miċħuda.

3.4.   Eżaminazzjoni individwali

(41)

Produttur esportatur li ma kienx inkluż fil-kampjun għax ma ssodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku talab marġini individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

(42)

Kif imsemmi fil-premessa (38) hawn fuq, il-kampjun kien limitat għal numru raġonevoli ta’ kumpaniji li jistgħu jkunu investigati fiż-żmien disponibbli. Il-kumpaniji investigati għall-iskop tal-investigazzjoni tad-dumping fir-RPĊ huma mniżżla fil-premessa (13)(c) u (d) hawn fuq. Minħabba l-verifika li saret fl-istabbilimenti ta’ numru kbir ta’ kumpaniji fil-kampjun li tinkorpora l-verifika ta’ allegazzjonijiet ta’ talbiet ta’ Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq u risposti tal-kwestjonarji, kien ikkunsidrat li eżaminar individwali jkun ta’ piż żejjed u mhux ġustifikat u li jimpedixxi t-twettiq fil-ħin tal-investigazzjoni.

(43)

Għalhekk, kien konkluż proviżjorjament li t-talba għal eżaminar individwali tal-produttur esportatur ma setgħetx tkun aċċettata.

4.   DUMPING

4.1.   Applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku

(44)

Waqt l-verifika fuq il-post, esportatur li kkoopera, parti minn grupp ta’ kumpaniji, magħżul fil-kampjun ma pprovdiex dokumentazzjoni bażika għal serje ta’ annotazzjonijiet bħal bejgħ domestiku, bejgħ ta’ esportazzjonijiet, moviment ta’ stokks, irċevuti ta’ valuta barranija, depożiti tal-bank u assi fissi li kienu meqjusa neċessarji għall-verifika tal-formuli tat-talba TES. Barra minn hekk, i) dikjarazzjonijiet tal-VAT, ii) fatturi speċjali tal-VAT rikjesti mill-awtoritajiet għat-tnaqqis tat-taxxa fuq l-esportazzjoni u iii) dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul iċċertifikati mill-awtoritajiet ma kinux ipprovduti. Minflok, id-dokumenti pprovduti fuq il-post ma kinux iċċertifikati u kienu kkunsidrati li kienu qarrieqa u li kellhom informazzjoni mhux korretta. Fl-aħħar nett, instabu diskrepanzi bejn dokumenti ta’ kontabilità sottomessi fir-risposti u dokumenti ppreżentati fuq il-post. Dan kien ifisser li l-veraċità u l-preċizjoni tal-formoli tat-talba TES ma setgħux ikunu verifikati fil-post.

(45)

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni l-esportatur kien infurmat li skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, kien mistenni li jibbaża s-sejbiet u l-konklużjonijiet fuq fatti disponibbli u ngħata l-opportunità li jikkummenta.

(46)

L-esportatur fir-risposta tiegħu essenzjalment allega li ma kienx iżomm dokumenti ta’ kontabilità li ma kinux legalment rikjesti mill-liġi Ċiniża ta’ kontabilità. Madankollu, ma pprovdiex xi dokumentazzjoni biex jagħti prova tal-allegazzjoni tiegħu u lanqas ma pprovda xi ġustifikazzjoni għala ma kienx żamm u pprovda d-dokumenti uffiċjali ċertifikati mill-awtoritajiet fir-RPĊ. Fl-aħħar nett, fil-kummenti tiegħu ammetta d-diskrepanzi li kien hemm fir-risposti tiegħu u fid-dokumenti li kienu ppreżentati fil-post.

(47)

Skont dawn iċ-ċirkustanzi, l-informazzjoni pprovduta minn dan il-grupp ta’ kumpaniji relatati ma kinitx ikkunsidrata u ntużaw il-fatti disponibbli, skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

4.2.   Trattament ta’ Ekonomika tas-Suq (TES)

(48)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet ta’ anti-dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ, valur normali għandu jkun determinat skont il-paragrafi 1 sa 6 tal-imsemmi Artikolu għal dawk il-produtturi esportaturi li nstabu li ssodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(49)

Fi ftit kliem, u għal raguni ta’ referenza biss, dawn il-kriterji huma stabbiliti fil-qosor hawn taħt:

(1)

deċiżjonijiet u spejjeż ta’ negozju jsiru b’risposta għall-kundizzjonijiet tas-suq, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat;

(2)

kumpaniji għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords ta’ kontabilità bażiċi li huma vverifikati indipendentement, skont Standards ta’ Kontabiltà Internazzjonali (“IAS”) u applikati għall-finijiet kollha;

(3)

ma hemmx tgħawwiġ sinifikanti li ġej mis-sistema ta’ qabel li mhix ta’ ekonomija tas-suq;

(4)

ċertezza legali u stabbilità hija pprovduta minn liġijiet ta’ falliment u ta’ proprjetà;

(5)

operazzjonijiet ta’ rata ta’ kambju huma mwettqa bir-rata tas-suq.

(50)

Il-kumpaniji kollha fil-kampjun talbu TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u wieġbu għal-formola ta’ talba TES fl-iskadenzi mogħtija. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni pprovduta fil-formoli ta’ talbiet u l-informazzjoni l-oħra kollha meqjusa neċessarja fl-istabbilimenti tal-kumpaniji inkwistjoni.

(51)

Kif spjegat fil-premessi (44) sa (47) fuq imsemmija l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kellu jkun applikat għal applikant TES wieħed billi ma pprovdiex l-informazzjoni mitluba jew ipprovda informazzjoni qarrieqa matul il-verifika fuq il-post.

(52)

Il-verifika stabbiliet ukoll li ħames produtturi esportaturi fir-RPĊ oħra li kkooperaw ma ssodisfawx ir-rekwiżiti tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku biex jingħataw TES.

(53)

Żewġ produtturi esportaturi ma ssodisfawx il-kriterju 2 billi ma setgħux juru li r-rekords ta’ kontabilità tagħhom kienu vverifikati indipendentement skont l-IAS. Iktar speċifikament, irriżulta li l-kontijiet ta’ produttur esporatur wieħed li jikkonċernaw self lil partijiet relatati ma kinux skont IAS 24 u IAS 32. Fil-każ tat-tieni produttur esportatur il-kontijiet tiegħu kellhom numru ta’ inkonsistenzi u żbalji u ma kinux jimxu skont IAS 1 u IAS 38 sa fejn kienu kkonċernati l-assi fissi tiegħu.

(54)

Kooperatur esportatur ma ssodisfax ir-rekwiżiti tal-kriterji 1 sa 3. L-ewwel nett, ma setax juri li d-deċiżjonijiet tiegħu saru bi tweġiba għal sinjali tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat għax instabu restrizzjonijiet fl-attivitajiet ta’ xiri u bejgħ tiegħu (kriterju 1). Fit-tieni lok, ma weriex li r-rekords ta’ kontabilità tiegħu kienu vverifikati skont l-IAS, għax il-kontijiet ta’ assi fissi ma kinux skont IAS 1 u IAS 38 (kriterju 2). Fl-aħħar nett, tgħawwiġ li ġej mis-sistema ta’ qabel li mhix ta’ ekonomija tas-suq kien osservat fil-forma ta’ evalwazzjonijiet mhux xierqa ta’ dritt għall-użu tal-art (kriterju 3).

(55)

Esportatur ieħor li kkoopera ma setax juri li ssodisfa l-kriterju 1 billi d-deċiżjonijiet tiegħu ma kinux magħmula bi tweġiba għal sinjali tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat minħabba restrizzjonijiet fl-attivitajiet tiegħu ta’ xiri u bejgħ.

(56)

Esportatur li kkoopera ma setax juri li ssodisfa l-kriterji 1 u 3. Irriżulta li d-deċiżjonijiet tiegħu ta’ negozju rigward investimenti ma kinux meħuda mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat. L-awtoritajiet lokali influwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ negozju tiegħu u kkontribwixxew finanzjarjament għall-kostruzzjoni ta’ ċentru teknoloġiku (kriterju 1). Tgħawwiġ li ġej mis-sistema ta’ qabel li mhix ta’ ekonomija tas-suq kien osservat wkoll fil-forma ta’ evalwazzjonijiet mhux xierqa ta’ dritt għall-użu tal-art (kriterju 3).

(57)

Żewġ esportaturi li kkooperaw urew li huma ssodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u setgħu jingħataw TES. Iżda, minħabba l-kummenti li waslu wara li ġew żvelati l-konklużjonijiet tat-TES, l-għoti tat-TES għaż-żewġ kumpaniji se jiġi investigat aktar.

4.3.   Trattament individwali (TI)

(58)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, dazju għall-pajjiż kollu, jekk jeżisti, huwa stabbilit għal pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, minbarra f’dawk il-każijiet fejn kumpaniji huma kapaċi juru li ssodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u jingħataw għalhekk trattament individwali (TI).

(59)

L-esportaturi li kkooperaw li ma ssodisfawx il-kriterji tat-TES kienu talbu TI ukoll f’każ li ma jingħatawx TES.

(60)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, kien stabbilit proviżjorjament li l-ħames produtturi esportaturi fir-RPĊ li ġejjin jissodisfaw il-kriterji kollha għal TI kif stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku:

Aroma Consumer Products (Hangzhou) Co., Ltd,

Dalian Bright Wax Co., Ltd,

Dalian Talent Gift Co., Ltd,

Gala-Candles (Dalian) Co., Ltd,

Qingdao Kingking Applied Chemistry Co., Ltd.

4.4.   Valur normali

4.4.1.   Esportaturi li kkooperaw mogħtija TES

(61)

Għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet, għal kull kumpanija mogħtija TES, jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott ikkonċernat lil konsumaturi indipendenti kienx magħmul f’ammonti rappreżentattivi, fi kliem ieħor jekk l-ammont totali ta’ dan il-bejgħ kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-ammont ta’ bejgħ ta’ esportazzjoni totali tal-prodott simili lill-Kumpanija matul l-PI.

(62)

Fil-każ ta’ esportatur li kkoopera l-bejgħ domestiku tiegħu rriżulta li kien magħmul f’ammonti rappreżentattivi. Għat-tieni produttur ta’ esportazzjoni mogħti TES, madankollu, kien stabbilit li ma kellux bejgħ fis-suq domestiku.

4.4.1.1.   Esportaturi li kkooperaw bl-ammont ta’ bejgħ domestiku rappreżentattiv

(63)

Il-Kummissjoni sussegwentement identifikat dawk it-tipi ta’ prodott mibjugħa domestikament mill-produttur esportatur li għandu ammont ta’ bejgħ domestiku rappreżentattiv ġenerali, li kienu identiċi jew direttament kumparabbli mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

(64)

Bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott partikolari kien ikkunsidrat suffiċjentement rappreżentattiv meta l-ammont ta’ dak it-tip ta’ prodott mibjugħ fis-suq domestiku lil klijenti indipendenti matul il-PI rrappreżenta 5 % jew iktar mill-ammont totali tat-tip ta’ prodott kumparabbli mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

(65)

Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-kumpanija kkonċernata jistax ikun kkunsidrat bħala magħmul fl-andament ordinarju ta’ kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(66)

Għal tipi ta’ prodotti mhux mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, kif imsemmi fil-premessa (64) fuq imsemmija jew mhux mibjugħ fl-andament ordinarju ta’ kummerċ, il-valur normali kellu jinbena fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, l-spejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (‘SG&A’) u l-profitt medju kkalkulat realizzati mill-kumpanija kkonċernata fuq bejgħ domestiku tal-prodott simili ġew miżjuda mal-prezz medju tiegħu ta’ manifattura matul il-PI.

4.4.1.2.   Esportaturi li kkooperaw mingħajr bejgħ domestiku rappreżentattiv

(67)

Għal esportatur kooperatur mogħti TES, il-bejgħ domestiku ma setax jintuża sabiex ikun stabbilit valur normali. Valur normali ġie għalhekk mibni skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku permezz taż-żieda mal-ispejjeż ta’ manifattura tal-kumpanija għall-prodott ikkonċernat ta’ ammont raġonevoli għal spejjeż u profitt SG&A.

(68)

Ġie deċiż li l-ispejjeż u profitt SG&A ma jiġux stabbiliti fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6)(a) għax esportatur kooperatur wieħed b’bejgħ domestiku rappreżentattiv ingħata TES. Barra minn hekk, spejjeż u profitti SG&A ma setgħux ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6)(b) billi l-esportatur inkwistjoni li kkoopera ma kellux bejgħ rappreżentattiv tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti. Spejjeż u profitti SG&A għalhekk kellhom ikunu determinati bbażati fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli skont l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku.

(69)

Fil-każ inkwistjoni, kien ikkunsidrat li l-medja differenzjata ta’ spejjeż SG&A matul il-PI u profitt raġonevoli ta’ 6,5 % stabbiliti fuq il-bażi ta’ dejta tal-industrija Komunitarja jistgħu jintużaw biex jinbena valur normali għall-imsemmi esportatur li kkoopera u li ngħata TES. L-imsemmi profitt raġonevoli ma eċċediex il-profitt realizzat mill-produttur esporatur l-ieħor li kkoopera u li ngħata TES fuq il-bejgħ tiegħu tal-prodott simili fuq is-suq domestiku matul il-PI.

4.4.2.   Produtturi esportaturi li ma ngħatawx TES u pajjiż analogu

(70)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, f’ekonomiji fi tranżizzjoni valur normali għal produtturi esportaturi li ma ngħatawx TES għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew valur mibni f’ekonomija tas-suq ta’ pajjiż terz (pajjiż analogu).

(71)

Fl-avviż ta’ inizjazzjoni l-Brażil ġie propost bħala pajjiż analogu xieraq għall-iskop ta’ stabbiliment ta’ valur normali fir-RPĊ. Il-Kummissjoni kkuntattjat produtturi magħrufa ta’ xemgħat fil-Brażil u bagħtet kwestjonarji maħsuba biex jiġbru d-dejta meqjusa neċessarja għall-istabbiliment tal-valur normali. Madankollu, ebda kooperazzjoni ma waslet mill-produtturi fil-Brażil.

(72)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex kooperazzjoni minn pajjiżi oħra analogi potenzjali. F’dan ir-rigward il-kooperazzjoni ta’ produtturi allokati f’pajjiżi ta’ ekonomija tas-suq bħall-Arġentina, il-Kanada, iċ-Ċili, l-Indja, l-Indoneżja, l-Iżrael, il-Malażja, in-New Zealand, it-Tajwan u t-Tajlandja ġiet mistħarrġa. Madankollu, ebda kooperazzjoni minn produtturi fi kwalnunkwe wieħed minn dawn il-pajjiżi ma setgħet tinkiseb.

(73)

Billi kooperazzjoni ma setgħetx tinkiseb minn produtturi f’pajjiżi terzi ta’ ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni esplorat kwalunkwe bażi raġonevoli oħra għad-determinazzjoni tal-valur normali fir-RPĊ. Kien eżaminat jekk skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku l-prezzijiet għal xemgħat imposti minn pajjiżi terzi fis-suq Komunitarju jistgħux ikunu użati bħala bażi għal valur normali. Madankollu, irriżulta li l-kodiċijiet NM li taħtu x-xemgħat huma importati minn pajjiżi terzi mhumiex speċifiċi biżżejjed fid-deskrizzjoni tagħhom u ma kinux jippermettu tqabbil ġust u xieraq mat-tipi esportati minn esportaturi li kkooperaw fir-RPĊ. Skont dan, kien ikkunsidrat li din l-informazzjoni ma kinitx soda u mhijiex rappreżentattiva u għalhekk ma kienx raġonevoli li jkun stabbilit valur normali fir-RPĊ fuq dik il-bażi.

(74)

Fid-dawl ta’ dak li huwa msemmi hawn fuq, ġie konkluż proviżjorjament li l-użu ta’ prezzijiet attwalment imħallsa jew pagabbli fil-Komunità għall-prodott simili, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, kkostitwixxa bażi raġonevoli għall-istabbiliment tal-valur normali fir-RPĊ.

(75)

Il-bejgħ domestiku tal-produtturi tal-Komunità inkluż fid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja rriżulta li kien magħmul f’ammonti rappreżentattivi mqabbel mal-volum ta’ esportazzjoni ta’ xemgħat lejn il-Komunità minn produtturi esportaturi li kkooperaw fil-kampjun mhux mogħtija TES.

(76)

Il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-produtturi tal-Komunità kienu mbagħad aġġustati dovutament sabiex jinkludu marġini ta’ profitt raġonevoli kif previst skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Intuża marġini ta’ profitt raġonevoli ta’ 6,5 %. Dan il-marġini kien stabbilit fuq il-bażi tal-profitt medju kkalkulat miksub permezz ta’ produtturi Komunitarji fil-kampjun fl-ewwel sentejn tal-perjodu kkunsidrat li fih il-kundizzjonijiet tas-suq ma kinux influwenzati, sa ċertu punt, mill-importazzjonijiet mir-RPĊ.

4.5.   Prezz ta’ esportazzjoni

(77)

Prezzijiet ta’ bejgħ għall-esportazzjoni kienu stabbiliti fuq il-bażi tal-prezzijiet attwalment imħallsa jew pagabbli għall-prodott simili skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(78)

Meta sar bejgħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità permezz ta’ kumpanija ta’ kummerċ relatata allokata fil-Komunità, ġew stabbiliti prezzijiet ta’ esportazzjoni fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijenti indipendenti fil-Komunità, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Għal bejgħ magħmul permezz ta’ kumpaniji relatati barra mill-Komunità, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijenti indipendenti fil-Komunità.

4.6.   Tqabbil

(79)

It-tqabbil bejn valur normali u prezz ta’ esportazzjoni sar fuq bażi ta’ prezzijiet tal-fabbrika.

(80)

Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa taħt forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw prezzijiet u kumparabbiltà ta’ prezz skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(81)

Fuq din il-bażi, saru kunsiderazzjonijiet għal spejjeż ta’ trasport, spejjeż ta’ merkanzija fuq il-baħar u assigurazzjoni, spejjeż ta’ tqandil, tagħbija u spejjeż anċillari, spejjeż ta’ ppakkjar, spejjeż ta’ kreditu u kummissjonijiet fejn applikabbli u ġustifikat.

(82)

Rigward bejgħ magħmul permezz ta’ negozjanti relatati bbażati barra mill-Komunità, kien applikat aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, sakemm in-negozjant seta’ juri li kien qed iwettaq funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li qed jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Dan l-aġġustament kien ibbażat fuq l-SG&A attwali mġarrba min-negozjanti relatati, kif ukoll marġini ta’ profitt stabbilit fuq il-bażi ta’ dejta miksuba minn negozjanti mhux relatati fil-Komunità.

(83)

Fejn applikabbli, sare tkonċessjoni fuq il-prezz ta’ esportazzjoni tal-esportaturi kkonċernati li kkooperaw sabiex tiġi riflessa d-differenza bejn it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa u dik imħallsa lura fuq il-produzzjoni u l-esportazzjoni ta’ xemgħat matul il-PI.

4.7.   Marġini ta’ dumping

4.7.1.   Rigward l-esportaturi li kkooperaw mogħtija TES u TI

(84)

Rigward kumpaniji mogħtija TES jew TI, il-valur normali tal-medja ddifferenzjata ta’ kull tip tal-prodott kkonċernat esportat lejn il-Komunità tqabbel mal-medja ddiferenzjata tal-prezz ta’ esportazzjoni tat-tip korrispondenti, kif stabbilit fl-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(85)

Fuq din il-bażi, il-marġini medju differenzjat ta’ dumping proviżorju mfisser bħala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, huwa kif ġej:

Kumpanija

Marġini ta’ dumping proviżorju

Aroma Consumer Products (Hangzhou) Co., Ltd

54,9  %

Dalian Bright Wax Co., Ltd

12,74  %

Dalian Talent Gift Co., Ltd

34,8  %

Gala-Candles (Dalian) Co., Ltd

18,3  %

Ningbo Kwung’s Home Interior & Gift Co., Ltd

14,0  %

Ningbo Kwung’s Wisdom Art & Design Co., Ltd

0  %

Qingdao Kingking Applied Chemistry Co., Ltd

16,7  %

4.7.2.   Rigward esportaturi oħra li kkooperaw

(86)

Il-marġini medju differenzjat ta’ dumping tal-esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kien ikkalkulat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Dan il-marġini kien stabbilit fuq il-bażi tal-marġini stabbiliti għal produtturi esportaturi fil-kampjun, irrelevanti mill-marġini tal-produttur esportatur b’marġini ta’ dumping żero u l-marġini tal-kumpanija li għalih kien applikat l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Fuq din il-bażi, il-marġini ta’ dumping ikkalkulat għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inkluzi fil-kampjun kien stabbilit proviżorjament għal 26,2 %.

(87)

Fir-rigward tal-esportaturi l-oħra kollha fir-RPĊ, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet livell ta’ kooperazzjoni. Sar tqabbil magħmul bejn il-kwantitajiet ta’ esportazzjoni totali indikati fir-risposti ta’ teħid ta’ kampjuni li waslu mill-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw u l-importazzjonijiet totali mir-RPĊ kif jirriżulta mill-istatistiċi ta’ importazzjoni tal-Eurostat. Il-perċentwali ta’ kooperazzjoni li rriżultat kienet ta’ 46 %. Fuq din il-bażi, il-livell ta’ kooperazzjoni kien meqjus li kien baxx. Kien, għalhekk, ikkunsidrat xieraq li jkun stabbilit marġini ta’ dumping għal produtturi esportaturi li ma kkooperawx fuq livell ogħla mill-iktar marġini għoli ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi li kkooperaw. Informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li l-livell baxx ta’ kooperazzjoni jista’ jkun dovut għall-fatt li l-produtturi esportaturi li ma kkooperawx fir-RPĊ kienu ġeneralment qegħdin iwettqu dumping fuq livell ogħla minn kwalunkwe esportatur li kkoopera waqt il-PI. Il-marġini ta’ dumping kien għalhekk stabbilit fuq livell li jikkorrispondi għall-ogħla marġini ta’ dumping u ta’ ħsara stabbiliti għat-tipi ta’ prodott rappreżentattivi.

(88)

Fuq din il-bażi, il-livell nazzjonali ta’ dumping kien stabbilit proviżorjament għal 66,1 % tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas.

(89)

Din ir-rata ta’ dazju ġiet applikata wkoll lill-produttur esportatur li dwaru saru s-sejbiet fuq il-bażi ta’ fatti disponibbli kif spjegat fil-premessa (51) hawn fuq imsemmija.

5.   ĦSARA

5.1.   Produzzjoni Komunitarja

(90)

L-informazzjoni disponibbli kollha, inkluża informazzjoni pprovduta fl-ilment u d-dejta miġbura mill-produtturi Komunitarji qabel u wara l-inizjazzjoni tal-investigazzjoni ntużat sabiex tiġi stabbilita l-produzzjoni Komunitarja totali.

(91)

Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, irriżulta li l-produzzjoni Komunitarja kienet ta’ madwar 390 000 tunnellata matul il-PI. Dan l-ammont jinkludi l-produzzjoni possibbli ta’ produtturi li baqgħu siekta waqt il-proċedura u produtturi li baqgħu newtrali fir-rigward tal-inizjazzjoni tal-investigazzjoni. Dawn il-produtturi jammontaw għal madwar 23 % tal-produzzjoni Komunitarja totali. Dan jinkludi wkoll produtturi li kienu opposti għall-inizjazzjoni tal-investigazzjoni. Dawn il-produtturi jirrappreżentaw madwar 17 % tal-produzzjoni Komunitarja.

5.2.   Definizzjoni tal-industrija Komunitarja

(92)

L-investigazzjoni uriet li produtturi Komunitarji li jappoġġjaw l-ilment u qablu li jikkooperaw fl-investigazzjoni rrappreżentaw madwar 60 % tal-produzzjoni Komunitarja totali waqt l-PI. Dawn il-produtturi huma għalhekk meqjusa li jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

5.3.   Konsum Komunitarju

(93)

Il-Konsum Komunitarju kien stabbilit fuq il-bażi ta’ ammonti ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju, kif ukoll importazzjonijiet mir-RPĊ u terzi pajjiżi oħra, skont l-Eurostat. Dan żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Konsum Komunitarju

2004

2005

2006

IP

Tunnellati

511 103

545 757

519 801

577 332

Indiċi

100

107

102

113

Sors: Eurostat u risposti tal-kwestjonarji

(94)

Ġeneralment, il-konsum Komunitarju kiber bi 13 % waqt il-perjodu kkunsidrat. Din l-espansjoni kienet interrotta minn tnaqqis temporanju ta’ 5 % bejn l-2005 u l-2006 u wara dan il-konsum irkupra u żdied bi 11 % waqt il-PI. Il-bidla għall-agħar fil-konsum fl-2006 tista’ tkun parzjalment attribwita għaż-żieda netta fil-prezz ta’ bejgħ tal-materja prima ewlenija użata fil-produzzjoni ta’ xemgħat, xema’ bajda (bil-pitrolju), kif spjegat fil-premessa (122) iktar ’il quddiem.

5.4.   Importazzjonijiet fil-Komunità mir-RPĊ

5.4.1.   Kumment preliminari

(95)

Kif intqal fil-premessa (15) fuq imsemmija, l-investigazzjoni wriet li statistiċi ta’ importazzjoni Eurostat jagħmlu distinzjoni bejn tliet kodiċijiet NM ewlenin għal dikjarazzjoni ta’ xemgħat:

(1)

l-ewwel kodiċi jinkludi prinċiplament tipi ta’ xemgħat bażiċi, mingħajr riħa u sempliċi,

(2)

it-tieni kodiċi jinkludi diversi tipi ta’ xemgħat standard mhux sempliċi u mhux kandiletti iżda wkoll magħmulin bl-idejn, xemgħat tal-istaġun, settijiet li jinkludu xemgħat, eċċ., u

(3)

it-tielet kodiċi jinkludi kandiletti, xemgħat ta’ bil-lejl u oġġetti simili, eċċ.

(96)

Kien osservat li ċerti produtturi esportaturi fir-RPĊ iddikjaraw settijiet li jinkludu xemgħat iżda wkoll oġġetti oħra bħal ċeramika, ħġieġ, drapp u oġġetti oħra simili ta’ tiżjin skont il-kategorija (2) fuq imsemmija.

5.4.2.   Ammont, prezz u sehem fis-suq ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(97)

Fl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni sabiex jiġi stabbilit d-dumping hija prattika tal-Kummissjoni li mbaghad teżamina jekk kienx hemm evidenza pożittiva li turi jekk il-kumpaniji kollha li ma kinux fil-kampjun kinux effettivament qed iqegħdu l-prodotti tagħhom bi prezz ta’ dumping fis-suq Komunitarju jew le matul il-PI.

(98)

Sabiex tinvestiga l-kwistjoni, il-Kummissjoni stabbiliet l-prezzijiet ta’ esportazzjoni imposti mill-produtturi esportaturi li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-esportaturi li ma kkooperawx fuq il-bażi ta’ dejta Eurostat, ir-risposti tal-kwestjonarji tal-produtturi esportaturi fil-kampjuni fir-RPĊ u l-formoli ta’ teħid ta’ kampjuni pprovduti mill-kumpaniji kollha li kooperaw fir-RPĊ. B’mod parallel, kien ikkunsidrat li permezz taż-żieda tal-marġini medju ta’ dumping li nstab fuq il-bażi tal-produtturi esportaturi fil-kampjun mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni medji stabbiliti għall-produtturi esportaturi fil-kampjun li nstabu li kienu qed iwettqu dumping, il-livell ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni mhux oġġett ta’ dumping kien stabbilit. Il-prezzijiet ta’ esportazzjoni stabbilti għall-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun kienu mbagħad imqabbla mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni li mhumiex oġġett ta’ dumping.

(99)

Dan it-tqabbil wera li kemm i) il-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma kinux inklużi fil-kampjun kif ukoll ii) l-esportaturi li ma kkooperawx fl-investigazzjoni kellhom prezzijiet ta’ esportazzjoni medji li kienu fil-każijiet kollha taħt il-prezzijiet medji mhux oġġett ta’ dumping. Fuq din il-bażi kien ikkunsidrat li l-kumpaniji kollha li ma kinux fil-kampjun, fi kliem ieħor dawk li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx, kellhom effettivament prodotti tagħhom bi prezz ta’ dumping fis-suq Komunitarju.

(100)

Għandu jkun osservat li produttur esportatur fir-RPĊ inkluż fil-kampjun ma nstabx li kellu l-prodotti tiegħu bi prezz ta’ dumping fis-suq Komunitarju. Skont dan, l-esportazzjonijiet tiegħu għandhom ikunu esklużi mill-analiżi li tikkonċerna l-iżvilupp ta’ importazzjonijiet bi prezz ta’ dumping fis-suq Komunitarju. Madankollu, sabiex tkun evitata kwalunkwe possibbiltà ta’ żvelar ta’ dejta ta’ negozju delikata tal-imsemmi produttur, kien ikkunsidrat xieraq għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità li ma tkunx ippreżentata dejta pubblikament disponibbli, bħal Eurostat, minbarra d-dejta tal-esportatur li ma nstabx li kellu prodotti bi prezz ta’ dumping fis-suq Komunitarju.

(101)

L-ewwel tabella hawn taħt, għalhekk, tinkludi l-importazzjonijiet kollha ta’ xemgħat li joriġinaw fir-RPĊ u t-tieni tabella turi d-dejta fil-forma ta’ indiċi li tirrigwarda l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fis-suq Komunitarju matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 2a

Importazzjonijiet kollha mir-RPĊ

2004

2005

2006

IP

Importazzjonijiet (tunnellati)

147 530

177 662

168 986

199 112

Indiċi

100

120

115

135

Prezzijiet (euro/tunnellata)

1 486

1 518

1 678

1 599

Indiċi

100

102

113

108

Sehem fis-suq

28,9  %

32,6  %

32,5  %

34,5  %

Indiċi

100

113

112

119

Sors: Eurostat

(102)

Ġeneralment, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b’mod sinifikanti minn 147 530 tunnellata fl-2004 għal 199 112 tunnellata fil-PI, fi kliem ieħor b’35 % jew b’iktar minn 51 000 tunnellata matul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda tas-sehem fis-suq korrispondenti (+5,6 punti perċentwali) kienet inqas pronunċjata minħabba ż-żieda fil-konsum Komunitarju.

(103)

Skont ir-rimarki magħmula fil-premessa (96) fuq imsemmija, l-investigazzjoni uriet li l-prezz medju ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ u x-xejriet osservati kienu influwenzati sa ċertu punt mill-fatt li ċerti prodotti ddikjarati bħala xemgħat jinkludu l-valur ta’ settijiet biċ-ċeramika, ħġieġ, kartun jew materjali oħra ta’ ppakkjar.

Tabella 2b

Importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping mir-RPĊ

2004

2005

2006

IP

Importazzjonijiet (tunnellati)

 

 

 

 

Indiċi

100

120

115

136

Prezzijiet (euro/tunnellata)

 

 

 

 

Indiċi

100

103

114

110

Sehem fis-suq

 

 

 

 

Indiċi

100

112

113

121

Sors: Eurostat u risposti ta’ kwestjonarji

(104)

L-ammonti ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ żdiedu wkoll b’mod sinifikanti b’36 % matul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda tas-sehem fis-suq korrispondenti kienet inqas evidenti minħabba ż-żieda fil-konsum Komunitarju. Dejta ta’ Eurostat turi li l-ammont ta’ bejgħ ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u għalhekk ta’ sehem fis-suq kienu prinċipalment akkwistati fl-ewwel kodiċi NM, li jinkludi l-prodott ewlieni tal-industrija Komunitarja, u li jirrappreżenta sehem kbir ta’ esportazzjonijiet mir-RPĊ. Barra minn hekk, irriżulta li minkejja bidla ġenerali għall-agħar fil-konsum tal-perjodu bejn l-2005 u l-2006, l-importazzjonijiet ma tilfu prattikament ebda sehem fis-suq li kellhom.

(105)

Prezzijiet medji għal importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ urew żieda ta’ 10 % matul il-perjodu kkunsidrat iżda xorta kienu magħmula b’ċertu ammont ta’ dumping, fi kliem ieħor 38 % bħala medja, matul il-PI. Il-prezz medju ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping naqas b’iktar minn 3 % bejn l-2006 u l-PI u, kif spjegat iktar ’il quddiem, kien qed iwaqqa’ l-prezzijiet tal-industrija Komunitarja f’dak il-perjodu.

5.4.3.   Traħħis fil-prezz

(106)

Għall-finijiet tal-analiżi ta’ traħħis fil-prezz, il-medja differenzjata tal-prezzijiet ta’ bejgħ għal kull tip ta’ prodott tal-industrija Komunitarja lil klijenti mhux relatati fis-suq Komunitarju, aġġustati fuq livell ta’ prezzijiet tal-fabbrika, kienu mqabbla mal-medja differenzjata tal-prezzijiet korrispondenti tal-importazzjonijiet ikkonċentrati lill-ewwel klijent indipendenti, stabbiliti fuq bażi ta’ CIF b’aġġustament xieraq għall-spejjeż ta’ wara l-importazzjoni.

(107)

Fuq il-bażi tal-metodoloġija ta’ hawn fuq, id-differenza bejn il-prezzijiet hawn fuq imsemmija, imfissra bħala perċentwali tal-medja differenzjata tal-prezz tal-industrija Komunitarja (prezzijiet tal-fabbrika), turi marġini ta’ roħs ta’ prezz ta’ 9 % bħala medja.

(108)

Irriżulta wkoll li t-traħħis tal-prodott ewlieni tal-industrija Komunitarja kien ogħla meta mqabbel ma’ dak ikkalkulat għat-tipi l-oħra ta’ xemgħat, fi kliem ieħor 12,1 %. Dan juri iktar il-pressjoni tal-prezz li ġejja minn importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx matul il-PI fl-industrija Komunitarja.

5.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija Komunitarja

5.5.1.   Kummenti preliminari

(109)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżaminazzjoni tal-impatt ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fl-industrija Komunitarja inkludiet evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha relevanti għall-evalwazzjoni tal-istat tal-industrija Komunitarja mill-2004 sal-aħħar tal-PI.

(110)

Kif imsemmi fil-premessa (31) hawn fuq, minħabba n-numru kbir ta’ produtturi li jappoġġjaw l-ilment, ġie deċiż li jiġi applikat it-teħid ta’ kampjuni għall-iskop ta’ investigazzjoni tal-ħsara. Kien oriġinarjament ikkunsidrat li jkunu inklużi tmien produtturi jew gruppi ta’ produtturi fil-kampjun fuq il-bażi tal-ikbar kriterju ta’ produzzjoni kif previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku. Madankollu, produttur tal-Komunità li kien qed jiltaqa’ ma’ diffikultajiet finanzjarji serji u żewġ produtturi oħra tal-Komunità, minkejja li jappoġġjaw bis-sħiħ l-ilment, ma setgħux joffru kooperazzjoni sħiħa fl-investigazzjoni. Il-ħames produtturi li jifdal, jew gruppi ta’ produtturi matul il-PI kellhom volum ta’ produzzjoni li jirrappreżenta 44 % tal-produzzjoni totali tal-kumpaniji li kkooperaw. Għalhekk kienu meqjusa rappreżentattivi għall-iskop tal-kampjun.

(111)

Fl-applikazzjoni tat-teħid ta’ kampjuni fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-ħsara, hija l-prattika tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-indikaturi ta’ ħsara parzjalment fuq il-bażi tal-produtturi fil-kampjun u parzjalment fuq il-bażi ta’ dejta li tappartjeni lill-produtturi kollha inklużi fid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja. Il-fatturi u indiċi ekonomiċi li jirrigwardaw il-prestazzjoni tal-kumpanija, bħal prezzijiet, pagi, qligħ, likwidità, investiment u qligħ fuq l-investiment, u l-abilità li jinġabar il-kapital, kienu stabbiliti fuq il-bażi ta’ informazzjoni miksuba mill-kumpaniji fil-kampjun. Il-fatturi ta’ volum bħal produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni u utilizzazzjoni ta’ kapaċità, produttività, ammont ta’ bejgħ u sehem fis-suq, inventarji, impjieg, tkabbir, u d-daqs ta’ marġini ta’ dumping kienu stabbiliti fuq il-livell tal-industrija Komunitarja b’mod ġenerali.

5.5.2.   Produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni u użu ta’ kapaċità

Tabella 3

 

2004

2005

2006

IP

Produzzjoni (tunnellati)

224 153

229 917

212 017

229 110

Indiċi

100

103

95

102

Kapaċità ta’ produzzjoni (tunnellati)

279 362

281 023

291 902

301 327

Indiċi

100

101

104

108

Użu tal-kapaċità

80  %

82  %

73  %

76  %

Indiċi

100

102

91

95

Sors: Risposti tal-kwestjonarji

(112)

L-investigazzjoni wriet li wieħed mill-prodotti ewlenin tal-industrija Komunitarja hija l-imsemmija xema’ tea light. Din tirrappreżenta madwar 50 % tal-produzzjoni tal-produtturi inkluża fid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja.

(113)

Kif muri fit-tabella ta’ hawn fuq, il-produzzjoni tal-industrija Komunitarja żdiedet ftit bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat. It-tnaqqis ta’ 8 % fil-produzzjoni osservat bejn l-2005 u l-2006 kien irkuprat matul il-PI skont żieda fil-konsum Komunitarju ta’ 11 %. L-industrija Komunitarja żdiedet b’mod kostanti l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha għal madwar 300 000 tunnellata matul il-PI iżda l-użu tal-kapaċità disponibbli kienet iktar baxxa waqt il-PI. Billi l-produzzjoni hija pjuttost staġjonali fl-industrija, l-użu totali tal-kapaċità ma jistax jinkiseb matul is-sena, madankollu, l-użu tal-kapaċità ta’ 76 % miksub matul il-PI kien relattivament baxx meta mqabbel mal-livelli tal-2004 u 2005.

5.5.3.   Volum ta’ bejgħ u sehem fis-suq

Tabella 4

Volum ta’ bejgħ

2004

2005

2006

IP

Tunnellati

203 388

202 993

193 524

208 475

Indiċi

100

100

95

103

Sehem fis-suq

39,8  %

37,2  %

37,2  %

36,1  %

Indiċi

100

93

93

91

Sors: Risposti tal-kwestjonarji

(114)

Il-volum ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat mill-industrija Komunitarja lil klijenti indipendenti, prinċipalment bejjiegħa bl-imnut u distributuri kbar, fis-suq Komunitarju żdied bi 3 % matul il-PI meta mqabbel mal-2004. Skont il-livell relattivament baxx ta’ konsum il-volum ta’ bejgħ tal-2006 naqas b’5 % bejn 2005 u l-2006 iżda irkupra matul il-PI skont l-irkupru tal-konsum Komunitarju.

(115)

Madankollu, kien osservat li l-industrija Komunitarja ma setgħetx issegwi kompletament l-espansjoni tal-konsum Komunitarju bi 13 % waqt il-perjodu kkunsidrat u b’mod partikolari fil-perjodu 2005-2006 meta s-suq kiber bi 11 %. Bħala konsegwenza s-sehem tagħha fis-suq naqas b’3,7 punt perċentwali, minn 39,8 % għal 36,1 % matul il-PI.

5.5.4.   Prezzijiet ta’ unità medja tal-industrija Komunitarja

(116)

Prezzijiet tal-fabbrika ta’ bejgħ medji lil klijenti mhux relatati fis-suq Komunitarju naqsu b’9 % matul il-perjodu kkunsidrat. Dan it-tnaqqis seħħ gradwalment matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 5

 

2004

2005

2006

IP

Prezz medju euro għal kull tunnellata

1 613

1 565

1 496

1 460

Indiċi

100

97

93

91

Sors: Risposti ta’ kwestjonarji

(117)

It-tabella ta’ hawn fuq turi li l-prezz tal-industrija Komunitarja naqas ukoll fil-perjodu mill-2006 għall-PI minkejja ż-żieda fid-domanda fis-suq Komunitarju.

5.5.5.   Stokks

(118)

Il-livell ta’ stokks tal-aħħar tas-sena, li jirrappreżenta bħala medja madwar 25 % tal-produzzjoni, jista’ jkun ikkunsidrat li jkun għoli matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 6

 

2004

2005

2006

IP

Stokks Indiċi

52 742

76 643

53 814

56 189

Indiċi

100

145

102

107

Stokks fil-% tal-produzzjoni

25  %

33  %

25  %

24  %

Indiċi

100

132

100

96

Sors: Risposti tal-kwestjonarji

(119)

Il-livell għoli ta’ stokks jista’ madankollu jkun spjegat permezz tal-istaġjonalità tal-prodott ikkonċernat, il-fatt li t-tipi prodotti mill-industrija Komunitarja huma prinċipalment tipi standard u minħabba l-medda wiesgħa ta’ prodotti li jeżistu u li għandhom jibqgħu disponibbli għall-klijenti. Il-livell ta’ stokks kien iktar għoli fl-2005 meta, ibbażat fuq l-evoluzzjoni negattiva ta’ volum ta’ bejgħ imqabbel mal-2004, iktar stokks akkumulaw matul is-sena. In-nuqqas ta’ bejgħ sal-aħħar tal-2005 konsegwentement wassal għal livelli għolja ta’ stokks. Mhuwiex ikkunsidrat madankollu li l-inventarji huma indikaturi ta’ ħsara relevanti f’dan il-każ.

5.5.6.   Impjieg, pagi u produttività

Tabella 7

 

2004

2005

2006

IP

Impjieg – ekwivalenti full-time (FTE)

5 418

5 686

5 089

4 699

Indiċi

100

105

94

87

Ħlas tax-xogħol (Euro/ FTE)

19 404

16 568

19 956

21 073

Indiċi

100

85

103

109

Produttività (Tunnellata / FTE)

52

49

57

64

Indiċi

100

94

110

123

Sors: risposti ta’ Kwestjonarji

(120)

Il-livell relattivament għoli ta’ impjieg fl-2005 kien prinċipalment dovut għall-impjieg ta’ ħaddiema temporanji sabiex ilaħħqu maż-żieda fid-domanda f’dik is-sena. Madankollu, l-impjieg naqas drastikament mill-2006 ’il quddiem u fl-aħħar tal-PI kien 13 % inqas mill-2004. Iż-żieda fil-ħlas tax-xogħol medju kienet limitata għal 9 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(121)

Iż-żieda tal-forza tax-xogħol wasslet għal nuqqas żgħir fil-produttività fl-2005, iżda l-forza tax-xogħol iddikjarata żejda matul l-2006 wasslet għal żieda fil-produttività avolja l-ammonti ta’ produzzjoni naqsu bi 8 % bejn l-2005 u l-2006. Il-kombinazzjoni ta’ bejgħ u volumi ta’ produzzjoni ogħla u b’mod partikolari l-impjieg iktar baxx jispjegaw iż-żieda ta’ 23 % fil-produttività matul il-PI mqabbel mal-2004.

5.5.7.   L-ispiża tal-produzzjoni

Tabella 8

 

2004

2005

2006

IP

L-ispiża totali tal-produzzjoni (euro/tunnellata)

1 502

1 468

1 695

1 468

Indiċi

100

98

113

98

Sors: Risposti ta’ kwestjonarji

(122)

Għandu jkun osservat li l-materja prima, prinċipalment xema’ bajda (bil-pitrolju), tirrappreżenta madwar 50 % tal-ispiża tal-produzzjoni (COP). It-tabella ta’ hawn fuq turi li, minbarra fl-2006, is-COP baqa’ stabbli waqt il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda fl-2006 hija spjegata minn żieda sinifikanti fil-prezzijiet ta’ xema’ bajda (bil-pitrolju) bejn l-2005 u l-2006. L-industrija Komunitarja pattiet għal din iż-żieda mhux mistennija fil-prezz ta’ xema’ bajda (bil-pitrolju) billi ssostitwiet, fejn kien teknikament possibbli xema’ bajda (bil-pitrolju) ma’ stearina. Il-prezzijiet ta’ stearina baqgħu iktar stabbli sal-2006 u kienu inqas minn prezzijiet ta’ xema’ bajda (bil-pitrolju) anki matul l-PI.

(123)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-industrija Komunitarja rrazzjonalizzat il-produzzjoni tagħha li kienet parzjalment imressqa lejn l-Istati Membri fil-Komunità Ewropea u fl-istess ħin kellha tnaqqas l-impjieg b’mod drastiku, b’mod partikolari mill-2006 ’il quddiem, sabiex tnaqqas l-ispejjeż.

(124)

Il-kombinazzjoni ta’ dawn il-fatturi kollha wasslet għal sitwazzjoni fejn l-industrija Komunitarja rnexxielha żżomm is-COP matul il-PI għal livelli kumparabbli fl-2004.

5.5.8.   Qligħ, likwidità, investimenti, qligħ fuq l-investiment u abilità li jinġabar il-kapital.

Tabella 9

 

2004

2005

2006

IP

Qligħ

6,9  %

6,2  %

–13,3  %

–0,6  %

Indiċi

100

90

– 193

–9

Likwidità 1 000 euro

16 215

13 732

–4 618

3 093

Indiċi

100

85

–28

19

Investimenti 1 000 euro

5 435

8 876

12 058

7 326

Indiċi

100

163

222

135

Qligħ fuq l-investimenti

5,7  %

4,9  %

–10,7  %

–0,1  %

Indiċi

100

86

– 188

–2

Sors: Risposti ta’ kwestjonarji

(125)

Il-kapaċità ta’ profitt tal-industrija Komunitarja ġiet stabbilita billi l-qligħ nett tal-bejgħ tal-prodott simili qabel it-taxxa ġie espress bħala perċentwali tal-fatturat ta’ dan il-bejgħ. Tul il-perjodu meqjus il-kapaċità ta’ profitt tal-industrija tal-Komunità niżlet minn profitt ta’ 6,9 % fl-2004 sa telf ta’ 0,6 % fil-PI. Filwaqt li l-kapaċità ta’ profitt tal-industrija tal-Komunità fl-2004 u l-2005 kienet tajba, is-sitwazzjoni nbidlet drammatikament fl-2006 minħabba kombinazzjoni ta’ fatturi bħaż-żieda fis-COP u t-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ bejgħ. Għalkemm il-prezz medju ta’ bejgħ kompla jonqos matul il-PI, it-tnaqqis tas-COP ikkumpensa għal dak li rriżulta li kien kważi fidi f’dak il-perjodu.

(126)

Ix-xejra murija mil-likwidità, li hija l-abilità tal-industrija ta’ awtoffinanzjar tal-attivitajiet tagħha, tirrifletti sa ċertu punt l-evoluzzjoni tal-qligħ. Għalkemm il-likwidità reġgħet lura għal sitwazzjoni pożittiva matul l-PI, kienet f’livell ħafna iktar baxx milli matul l-2004 u l-2005. L-istess kummenti jistgħu jkunu magħmula rigward il-qligħ fuq l-investimenti li kien negattiv kemm fl-2006 u matul il-PI.

(127)

Minkejja s-sitwazzjoni diffiċli, l-industrija Komunitarja kompliet tinvesti matul il-perjodu kkunsidrat. Dan jissuġġerixxi li l-industrija mhix lesta li tirrinunzja għal produzzjoni iżda tikkunsidra s-settur bħala vijabbli. Il-livell ta’ investimenti juri li s-settur għandu l-abilità li jiġbor il-kapital neċessarju.

5.5.9.   Tkabbir

(128)

Il-bejgħ tal-industrija Komunitarja bejn l-2004 u l-PI fis-suq Komunitarju żdied bi 3 %, iżda l-industrija Komunitarja ma setgħetx totalment issegwi l-espansjoni tal-konsum Komunitarju li laħaq 13 %. Bħala konsegwenza, s-sehem fis-suq naqas bi kważi 3,7 punti perċentwali.

5.5.10.   Daqs tal-marġini attwali ta’ dumping

(129)

Produttur esportatur fir-RPĊ li kien fil-kampjun li rrappreżenta ammont limitat ta’ esportazzjonijiet fil-Komunità ma nstabx li kien qed ibiegħ il-prodotti tiegħu bi prezzijiet ta’ dumping fis-suq Komunitarju. Rigward il-produtturi esportaturi l-oħra li kienu fil-kampjun madankollu, l-marġini ta’ dumping, speċifikat fil-premessi (84) sa (89) fuq imsemmija, huwa b’mod sinifikanti ogħla mid-de minimis. Kif spjegat fil-premessa (99) fuq imsemmija, il-produtturi esportaturi fir-RPĊ l-oħra mhux inklużi fil-kampjun, li kkooperaw u li ma kkooperawx, tqiesu li kienu qed iwettqu dumping fis-suq Komunitarju. Minħabba l-ammonti u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, l-impatt tal-marġini attwali tad-dumping, stabbilit bi 48 % bħala medja, ma jistax ikun ikkunsidrat bħala negliġibbli.

5.6.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(130)

Matul il-perjodu kkunsidrat irriżulta li l-prestazzjoni tal-industrija Komunitarja tjiebet rigward xi indikaturi ta’ ammonti bħal produzzjoni (+ 2 %), kapaċità ta’ produzzjoni (+ 8 %), produttività (+ 23 %) u volum ta’ bejgħ (+ 3 %).

(131)

Madankollu, l-indikaturi kollha li jirrigwardaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija Komunitarja marru għall-agħar b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Minkejja li l-abilità tal-industrija Komunitarja li tiġbor il-kapital għal investimenti, il-qligħ fuq l-investimenti sar negattiv fil-PI u l-likwidità naqset b’81 % matul il-perjodu kkunsidrat. Prezzijiet ta’ bejgħ medji naqsu b’9 % u l-qligħ naqas minn kważi 6,9 % fl-2004 għal telf ta’ 0,6 % matul il-PI.

(132)

Barra minn hekk, indikaturi oħra ta’ ħsara li jappartjenu lill-industrija Komunitarja wkoll żviluppaw b’mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat: l-użu tal-kapaċità waqa’ b’4 %, l-istokks żdiedu b’7 % u l-impjieg waqa’ bi 13 %. Is-sehem fis-suq miżmum mill-industrija Komunitarja naqas ukoll minn 39,8 % fl-2004 għal 36,1 %, fi kliem ieħor 3,7 punti perċentwali. L-industrija Komunitarja kienet ostakolata milli tibbenefika mit-13 % żieda fis-suq billi setgħet iżżid biss l-volum ta’ bejgħ tagħha bi 3 %.

(133)

L-analiżi tal-ispejjeż, inklużi spejjeż ta’ materja prima, uriet li, minkejja żieda netta fil-prezz tal-materja prima ewlenija, l-industrija Komunitarja rnexxielha żżomm spejjeż ta’ unità fil-PI fil-livelli 2004-2005. Madankollu, minkejja żieda ta’ 11 % fid-domanda bejn 2006 u l-PI, il-prezzijiet ta’ bejgħ naqsu bi 3 % u l-impjieg ġie mnaqqas drastikament. Il-qligħ xorta baqa’ negattiv matul il-PI.

(134)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jista’ jiġi konkluż li l-industrija Komunitarja ġarrbet ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

6.   KAWŻALITÀ

6.1.   Introduzzjoni

(135)

Skont l-Artikoli 3(6) u 3(7) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ta’ xemgħat li joriġinaw mir-RPĊ ikkawżawx ħsara lill-industrija Komunitarja sal-livell li jwassal li din tkun ikklassifikata bħala materjali. Fatturi magħrufa minbarra importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, li jistgħu fl-istess ħin ikunu qed jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja, ġew eżaminati wkoll sabiex jiġi żgurat li l-ħsara possibbli kkawżata minn dawn l-fatturi l-oħra ma kinitx attribwita lill-importazzjonijiet.

6.2.   Effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping

(136)

L-investigazzjoni wriet li x-xemgħat esportati mir-RPĊ lejn il-Komunità nbiegħu bi prezzijiet oġġett ta’ dumping b’mod sinifikanti fis-suq Komunitarju matul il-PI. Kif intqal fil-premessa (129) fuq imsemmija, irriżulta li l-produtturi esportaturi fir-RPĊ li kkooperaw kienu qed ibiegħu l-prodott ikkonċernat b’marġini ta’ dumping medju ta’ 26,2 %. Għandu jkun imsemmi wkoll li madwar 55 % tal-esportaturi Ċiniżi ma kkooperawx fl-investigazzjoni. Hemm evidenza pożittiva li turi li dawn l-esportaturi kienu qed jużaw id-dumping iktar minn dawk li kkooperaw fl-investigazzjoni.

(137)

Importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping żdiedu f’volum ta’ 36 % fis-suq Komunitarju matul il-perjodu kkunsidrat. Din iż-żieda kienet magħmula fuq prezzijiet oġġett ta’ dumping b’mod sinifikanti li raħħsu medja ta’ 9 % tal-prezzijiet tal-industrija Komunitarja matul il-PI. Kif spjegat fil-premessa (108) fuq imsemmija l-investigazzjoni wriet li traħħis minn importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kien iktar evidenti, jiġifieri 12,1 % fis-segment tas-suq ewlieni tal-industrija Komunitarja. Skont dan, is-sehem fis-suq miżmum minn esportaturi li jipprattikaw d-dumping żdied minn madwar 27,5 % sa madwar 33 %, żieda ta’ iktar minn 5 punti perċentwali matul il-PI.

(138)

Fuq il-bażi tal-istatistiċi ta’ importazzjoni tal-Eurostat jidher li importazzjonijiet oġġett ta’ dumping żdiedu relattivament iktar fil-kategoriji li jinkludu l-prodotti ewlenin magħmula u mibjugħa mill-industrija Komunitarja. Importazzjonijiet ogġett ta’ dumping f’dan is-segment tas-suq żdiedu b’46 % u madwar 3,5 punti perċentwali ta’ sehem fis-suq kienu mirbuħa minn importazzjonijiet oġġett ta’ dumping f’dak is-segment. Din l-evoluzzjoni għandha tidher fid-dawl tat-traħħis fil-prezz ġenerali sinifikanti u l-pressjoni tal-prezz eżerċitata minn importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fis-suq Komunitarju.

(139)

Fl-istess ħin, il-volum ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja żdied biss bi 3 % minkejja żieda ġenerali fil-konsum bi 13 %. Skont dan, is-sehem fis-suq tagħha naqas matul il-perjodu kkunsidrat minn 39,8 % għal 36,1 %, fi kliem ieħor telfa ta’ 3,7 punti perċentwali ta’ sehem fis-suq.

(140)

Barra minn hekk, kien osservat li fl-2006 il-prestazzjonijiet tal-industrija Komunitarja kienu partikolarment negattivi billi ġġarrbu telfiet sinifikanti meta mqabbla mal-2005. Din is-sitwazzjoni seħħet flimkien mal-preżenza kontinwa ta’ ammonti kbar ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx mir-RPĊ fis-suq Komunitarju u nuqqas ta’ 5 % fil-konsum Komunitarju. Il-volum ta’ bejgħ ġenerali tal-Komunità naqas bl-istess prezz bħal-importazjonijiet oġġett ta’ dumping, filwaqt li l-prezzijiet tal-industrija Komunitarja waqgħu b’5 % sabiex isegwu l-livell tal-prezz ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(141)

Meqjus il-perjodu mill-2006 sal-aħħar tal-PI, irriżulta li l-konsum żdied bi 11 %. L-industrija Komunitarja rnexxielha żżid il-volum ta’ bejgħ tagħha bi 8 % iżda importazzjonijiet oġġett ta’ dumping żdiedu b’mod sinifikanti iktar (+ 18 %) inġenerali. Fl-istess ħin, prezzijiet ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping naqsu b’iktar minn 3 %. L-industrija Komunitarja ma setgħetx tibbenefika mit-tkabbir tas-suq u COP imnaqqas. Minflok, kellha ssegwi x-xejra ta’ tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ u kompliet tnaqqas il-prezzijiet tagħha bi 2,5 % matul il-PI filwaqt li żżid iktar telf ma’ dak imġarrab fl-2006.

(142)

Huwa kkunsidrat li l-pressjoni kontinwa eżerċitata minn importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping bi prezz baxx fis-suq Komunitarju ma kinitx tippermetti lill-industrija Komunitarja biex tistabbilixxi l-prezzijiet ta’ bejgħ tagħha skont l-ispejjeż tagħha matul il-PI. Dan jispjega t-telf tas-sehem fis-suq, il-livell baxx ta’ prezzijiet ta’ bejgħ u l-kapaċità ta’ qligħ negattiva miksuba mill-industrija Komunitarja f’dak il-perjodu. Huwa għalhekk konkluż proviżorjament li l-ammont ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx mir-RPĊ kellu impatt negattiv konsiderevoli fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija Komunitarja matul il-PI.

6.3.   Effett ta’ fatturi oħra

6.3.1.   Żvilupp tad-domanda

(143)

Kif imsemmi fil-premessa (94) ta’ hawn fuq, il-konsum Komunitarju ta’ xemgħat żdied bi 13 % bejn 2004 u l-PI. Billi dan ippermetta lill-industrija Komunitarja biex topera f’suq li jespandi, il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja ma tistax tkun attribwita lill-evoluzzjoni ta’ konsum fis-suq Komunitarju.

6.3.2.   Importazzjonijiet mhux oġġetti ta’ dumping

(144)

L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet li ma nstabux li kienu oġġett ta’ dumping kienu mibjugħa fis-suq Komunitarju bi prezz relattivament għoli. Skont dan, kien ikkunsidrat li dawn l-importazzjonijiet ma kkontribbwixxewx għal-livell baxx ta’ prezzijiet ta’ bejgħ u l-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja.

6.3.3.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(145)

Ix-xejriet fl-ammonti ta’ importazzjonijiet u prezzijiet minn pajjiżi terzi oħra bejn 2004 u l-PI kienu kif ġej:

Tabella 10

Pajjiż terz ieħor

2004

2005

2006

IP

Importazzjonijiet totali (tunnellati)

18 189

19 723

18 031

19 447

Indiċi

100

108

99

107

Sehem fis-suq

3,6  %

3,6  %

3,5  %

3,4  %

Indiċi

100

100

97

94

Prezz (euro/tunnellata)

2 643

2 690

3 028

3 207

Indiċi

100

102

115

121

Sors: Eurostat

(146)

L-ammonti ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux ikkonċernati minn din l-investigazzjoni żdiedu b’7 % fil-perjodu kkunsidrat iżda baqgħu fuq livell modest matul il-PI. Dawn probabbilment jikkonsistu prinċipalment fi prodotti modesti b’valur għoli importati b’mod partikolari mill-Istati Uniti tal-Amerika (USA). Il-fatt li ż-żieda fil-konsum Komunitarju kien iktar evidenti wassal għal telf ta’ sehem fis-suq ta’ 0,2 punti perċentwali matul il-PI. Il-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet li kienu relattivament għoljin matul il-perjodu kkunsidrat żdiedu b’21 % matul dak il-perjodu.

(147)

Fuq il-bażi ta’ dak fuq imsemmi, kien konkluż proviżorjament li dawn l-importazzjonijiet ma kkontribwixxewx għall-ħsara materjali tal-industrija Komunitarja.

6.3.4.   Produtturi fil-Komunità mhux inklużi fid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja

(148)

Kif issuġġerit fil-premessa (92) fuq imsemmija, l-informazzjoni disponibbli fis-suq għal xemgħat fil-Komunità tindika li produtturi li jirrappreżentaw madwar 40 % tal-produzzjoni Komunitarja mhumiex inklużi fid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja f’din l-investigazzjoni.

(149)

Ċerti produtturi Komunitarji, li jirrappreżentaw madwar 17 % tal-produzzjoni Komunitarja, kienu kuntrarji għall-inizjazzjoni tal-investigazzjoni, għax ħafna minnhom kienu qed jimportaw kwantitajiet relattivament kbar ta’ xemgħat mir-RPĊ. L-impatt tal-importazzjonijiet tagħhom mir-RPĊ kien ikkunsidrat fl-analiżi tal-effett tal-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping tagħhom mir-RPĊ magħmula fil-premessi (136) sa (142) fuq imsemmija. Il-produtturi Komunitarji li jibqa’, li jirrappreżentaw 23 % tal-produzzjoni Komunitarja, kienu jew siekta jew newtrali rigward l-inizjazzjoni tal-investigazzjoni preżenti.

(150)

L-analiżi tad-dejta li tappartjeni lis-suq Komunitarju ssuġġeriet li l-produtturi l-oħra kollha tal-Komunità ma akkwistawx iżda tilfu sehem fis-suq fuq il-bejgħ tal-produzzjoni tagħhom matul il-perjodu kkunsidrat. L-investigazzjoni ma semmietx xi problema partikolari rigward il-kompetizzjoni bejn produtturi Komunitarji, fuq ix-xemgħat prodotti minnhom infushom, jew għal xi effett li jgħawweġ il-kummerċ li jista’ jispjega l-ħsara materjali li tinstab għall-industrija Komunitarja.

(151)

Ibbażat fuq dak li ntqal fuq, kien konkluż proviżorjament li l-produtturi mhux inklużi fid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja ma kkontribwixxewx għall-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja.

6.3.5.   Prestazzjoni ta’ esportazzjoni tal-industrija Komunitarja

(152)

Skont l-Eurostat u risposti għal kwestjonarji mill-produtturi Komunitarji fil-kampjun, esportazzjonijiet totali ta’ xemgħat barra mill-Komunità mill-produtturi Komunitarji żdiedu b’10 % matul il-perjodu kkunsidrat, fi kliem ieħor minn 47 701 tunnellata fl-2004 għal 52 565 tunnellata matul il-PI. Is-swieq ta’ esportazzjoni ewlenin huma n-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Amerika, fejn il-livelli tal-prezzijiet huma ġeneralment relattivament għoljin. L-investigazzjoni wriet li l-industrija Komunitarja rnexxielha żżid l-esportazzjonijiet tagħha lil pajjiżi terzi, b’mod partikolari bejn l-2005 u l-2006, meta l-konsum Komunitarju naqas b’5 %. Din il-prestazzjoni ta’ esportazzjoni relattivament tajba kienet ta’ benefiċċju partikolari matul il-PI.

(153)

Skont dak li ntqal iktar ’il fuq, huwa kkunsidrat li l-prestazzjoni ta’ esportazzjoni tal-industrija Komunitarja ma kkontribwixxietx għall-ħsara mġarrba minn dik l-industrija fil-PI.

6.3.6.   Importazzjonijiet ta’ xemgħat mill-industrija Komunitarja

(154)

Xi partijiet interessati sostnew li l-importazzjonijiet ta’ xemgħat mir-RPĊ mill-industrija Komunitarja kienu sors ta’ ħsara awto-kkawżata.

(155)

L-investigazzjoni wriet li dawn il-produtturi inklużi fid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja importaw xemgħat li joriġinaw mir-RPĊ sabiex jikkumplementaw il-medda ta’ prodotti tagħhom. Madankollu, il-bejgħ magħmul matul il-PI nstab li kien baxx, fi kliem ieħor inqas minn 5 %, kkumparat mal-volum ta’ bejgħ tal-prodotti Komunitarji kkonċernati.

(156)

Fuq dik il-bażi, kien konkluż proviżorjament li l-importazzjonijiet tal-industrija Komunitarja tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ ma kkontribwixxewx għall-ħsara materjali li ġarrbu matul il-PI.

6.3.7.   Rilokazzjoni ta’ produzzjoni mill-industrija Komunitarja

(157)

Ċerti partijiet interessati attribwew it-telf tal-użu tal-kapaċità u sehem fis-suq imġarrba mill-industrija Komunitarja għall-fatt li huma rrilokaw parti mill-produzzjoni tagħhom lil Stati Membri oħra fil-Komunità, b’mod partikolari fl-2006. Barra minn hekk, huma attribwew in-nuqqas fi prezzijiet ta’ bejgħ għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjonijiet li jeżistu f’dawn l-Istati Membri fejn hemm allegatament iktar pressjoni fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ.

(158)

L-investigazzjoni wriet li l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-Komunità, ma naqsitx, iżda żdiedet b’mod kostanti bi 8 % matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, irriżulta li ż-żidiet ewlenin fil-kapaċità kienu osservati fil-perjodi li jibdew fl-2006 u matul il-PI. Fl-aħħar nett, irriżulta wkoll li kemm il-produzzjoni u l-volum ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja żdiedu bi 8 % bejn l-2006 u l-PI. Skont dan, it-talba tikkkontradixxi ruħha permezz tas-sejbiet tal-investigazzjoni li wrew żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni, produzzjoni u stokks. Kif imsemmi fil-premessa (115) ta’ hawn fuq, it-telf fis-sehem fis-suq imġarrab mill-industrija Komunitarja kien dovut għall-fatt li ma setgħetx tibbenefika totalment mit-tkabbir tas-suq li seħħ f’dak il-perjodu.

(159)

Barra minn hekk, kien muri fil-premessi (122) sa (124) fuq imsemmija l-azzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni magħmula mill-industrija Komunitarja b’mod partikolari fl-2006 wasslu għal nuqqas sostanzjali ta’ 14 % tas-COP medju tagħha matul il-PI. Ma hemm ebda indikazzjoni fl-investigazzjoni li l-industrija Komunitarja bidlet b’mod sinifikanti l-kombinazzjoni ta’ klijenti tagħha fil-Komunità kif allegat mill-partijiet inkwistjoni. Pjuttost huwa kkunsidrat li l-pressjoni tal-prezz imposta minn importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ta’ prezz baxx mir-RPĊ wasslu għal livell baxx ta’ prezzijiet għal xemgħat fis-suq Komunitarju.

(160)

Fuq dik il-bażi, l-investigazzjoni ma semmietx konnessjoni bejn ir-rilokazzjoni ta’ produzzjoni magħmula mill-industrija Komunitarja u l-ħsara materjali li ġarrbet matul il-PI.

6.3.8.   Impatt tal-eżistenza ta’ kartell fost produtturi Ewropej ta’ xema’ bajda (bil-pitrolju)

(161)

Ċerti partijiet allegaw li l-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja kienet ikkawżata miż-żieda fil-prezz fil-materja prima ewlenija, fi kliem ieħor xema’ bajda (bil-pitrolju) li seħħet fis-suq Komunitarju. Iktar speċifikament, huma rreferew għal dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni maħruġa mid-Direttorat Ġenerali għal Kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (Kompetizzjoni DĠ) li fiha kien allegat li jeżisti kartell fost produtturi Ewropej ta’ xema’ bajda (bil-pitrolju) sal-bidu tal-2005. Skont dan, il-partijiet staqsew lill-Kummissjoni biex teżamina b’attenzjoni l-fatti u ssegwi kwalunkwe żviluppi ġodda inkonnessjoni mal-impatt tal-kartell fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija Komunitarja.

(162)

L-investigazzjoni wriet li ż-żieda fil-prezz tal-pitrolju ma affettwatx biss is-suq Komunitarju iżda wkoll swieq oħra fid-dinja billi l-evoluzzjoni tal-pitrolju, derivattiv taż-żejt, hija konnessa mill-viċin mal-evoluzzjoni tal-prezz taż-żejt.

(163)

Barra minn hekk kif spjegat fil-premessi (122) sa (124) fuq imsemmija, l-industrija Komunitarja rnexxielha tikkontrolla l-ispejjeż tagħha matul il-PI. Iż-żieda fil-prezz tal-pitrolju kienet ribattuta permezz tas-sostituzzjoni tal-pitrolju mill-istearina. L-industrija Komunitarja rrazzjonalizzat ukoll il-produzzjoni tagħha u rnexxielha tnaqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż tagħha li matul il-PI kienu miżmuma fuq livelli kumparabbli għall-2004 u l-2005.

(164)

Id-DĠ tal-Kompetizzjoni fil-fatt wettqet investigazzjoni fl-eżistenza allegata ta’ kartell bejn ċerti produtturi ta’ xema’ bajda (bil-pitrolju), il-materja prima ewlenija għall-industrija Komunitarja tax-xema’ u ħarġet uffiċjalment is-sejbiet tagħha fil-bidu ta’ Ottubru 2008.

(165)

L-ewwel analiżi ta’ dawn is-sejbiet fir-rigward ta’ din l-investigazzjoni ta’ anti-dumping tindika li l-industrija Komunitarja dderivat madwar terz tal-bżonnijiet tagħha ta’ pitrolju minn kumpaniji li jipparteċipaw fil-kartell matul il-PI, fi kliem ieħor fl-2007. Id-dejta vverifikata matul dak il-perjodu turi li l-prezz medju ta’ pitrolju mixtri minn kumpaniji li jipparteċipaw fil-kartell huwa fl-istess medda bħal prezzijiet ta’ pitrolju mixtri minn fornituri oħra fil-Komunità. Għandu jkun osservat ukoll li l-prezzijiet tal-pitrolju mixtrija mill-industrija Komunitarja nstabu li huma skont il-prezzijiet tal-pitrolju fir-RPĊ, l-unika informazzjoni disponibbli fuq prezzijiet mhux tal-UE f’dan l-istadju tal-investigazzjoni.

(166)

Id-DĠ tal-Kompetizzjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha fil-bidu ta’ April 2005 u l-perjodu kkunsidrat għal din l-investigazzjoni inkluda ftit iktar minn sena li matulu nstab li kien jeżisti l-kartell. Jista’ għalhekk ikun argumentat li s-sena 2004 mhix adattata jew rappreżentattiva għall-analiżi ta’ ħsara u rabta kawżali għall-finijiet tal-eżistenza ta’ kartell f’dik is-sena.

(167)

Minħabba li huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-kartell ma baqax jeżisti meta l-investigazzjoni tad-DĠ Kompetizzjoni nbdiet, fi kliem ieħor fil-bidu tal-2005, ix-xejriet li jikkonċernaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija Komunitarja, meta l-kartell kien għadu jeżisti, fi kliem ieħor fl-2004, u wara li l-kartell ma baqax jeżisti, fi kliem ieħor fl-2005, ġew imqabbla. Dan it-tqabbil jindika li x-xejriet li jikkonċernaw is-sitwazzjoni ta’ ħsara tal-industrija Komunitarja jibqgħu bejn wieħed u ieħor l-istess. Skont l-iżviluppi tal-indikaturi ta’ ħsara bejn l-2005 u l-PI għalhekk ma tinbidilx is-sitwazzjoni ta’ ħsara u l-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi (130) sa (134) fuq imsemmija.

(168)

Skont dan, abbażi tal-informazzjoni li hija preżentament disponibbli, jidher li ż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima u l-kartell ma setax ikollhom impatt materjali fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija Komunitarja li kienet eżaminata fid-dettal mill-2004 sal-aħħar tal-2007.

(169)

L-impatt possibbli li l-kartell seta’ kellu fuq is-suq Komunitarju għandu jkun madankollu investigat iktar fid-dettall fil-bqija tal-investigazzjoni.

6.4.   Konklużjoni dwar kawżalita

(170)

L-analiżi fuq imsemmija wriet li kien hemm żieda sostanzjali fl-ammont u s-sehem fis-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx li joriġinaw mir-RPĊ bejn l-2004 u l-PI. Barra minn hekk, irriżulta li dawn l-importazzjonijiet kienu magħmula bi prezzijiet oġġett ta’ dumping b’mod sinifikanti li kienu ħafna iktar baxxi mill-prezzijiet imposti mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju għal tipi ta’ prodotti simili.

(171)

Din iż-żieda fl-ammont u s-sehem fis-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx mir-RPĊ ħabat maż-żieda ġenerali tad-domanda fil-Komunità iżda wkoll mal-iżvilupp negattiv tal-prezzijiet ta’ bejgħ, nuqqas sinifikanti fis-sehem fis-suq tal-industrija Komunitarja u deterjorament tal-indikaturi ewlenin li jappartjenu lis-sitwazzjoni ekonomika matul il-PI. L-industrija Komunitarja ġarrbet telf sostanzjali fl-2006 u baqgħat tagħmel it-telf matul l-PI.

(172)

L-eżaminazzjoni tal-fatturi l-oħra magħrufin li setgħu jikkawżaw ħsara lill-industrija Komunitarja wriet li ebda wieħed minn dawn ma seta’ jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq dik l-industrija b’mod partikolari matul il-PI.

(173)

Skont l-analiżi fuq imsemmija, li għamlet distinzjoni b’mod xieraq u sseparat l-effetti tal-fatturi kollha magħrufin dwar is-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, huwa konkluż b’mod proviżorju li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kkawżaw ħsara materjali lill-industrija Komunitarja skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

7.   INTERESS KOMUNITARJU

7.1.   Kumment preliminari

(174)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, kien eżaminat jekk, minkejja l-konklużjoni dwar dumping ta’ ħsara, eżistewx raġunijiet serji għall-konklużjoni li mhux fl-interess tal-Komunità li tadotta miżuri proviżorji ta’ anti-dumping f’dan il-każ partikolari. L-analiżi tal-interess Komunitarju kienet ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi kollha involuti, inkluż dawk tal-industrija Komunitarja, il-fornituri ta’ materja prima, l-importaturi u l-konsumaturi tal-prodott ikkonċernat.

7.2.   Industrija komunitarja

(175)

L-industrija Komunitarja hija komposta minn numru ta’ produtturi ta’ daqs żgħir u medju sitwati madwar il-Komunità, li jimpjegaw direttament madwar 5 000 persuna u jidderivaw il-parti prinċipali tal-bżonnijiet tagħhom ta’ materja prima minn fornituri Komunitarji. Dan ifisser li hemm ħafna kumpaniji fil-Komunità li jiddependu fuq din l-industrija. Dan ikabbar l-implikazzjoni ekonomika tal-industrija tax-xema’ u b’mod partikolari l-impatt tagħha fuq l-impjieg fil-Komunità.

(176)

L-industrija Komunitarja kompliet tagħmel sforzi sabiex tiġbor il-kapital u tinvesti fil-modernizzazzjoni u awtomazzjoni ta’ proċessi ta’ produzzjoni sabiex tibqa’ kompetittiva. Kien osservat ukoll li sforzi konsiderevoli kienu magħmula sabiex tkun ristrutturata l-produzzjoni, u biex jitnaqqsu l-ispejjeż. Dan juri li l-industrija hija vijabbli u li mhux lesta li tirrinunzja l-produzzjoni.

(177)

Huwa kkunsidrat li n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri ta’ anti-dumping proviżorji jwassal għal iktar deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija Komunitarja, u għalhekk iwaqqa’ l-isforzi, b’mod partikolari l-investimenti, magħmula fis-snin riċenti. Fit-terminu l-qasir dan jimplika għeluq ta’ kumpaniji, mhux biss fl-industrija tax-xemgħa iżda wkoll probabbli fl-industrija ta’ forniment u t-telf ta’ impjiegi sussegwenti fil-Komunità.

(178)

Huwa mistenni li wara l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, il-livell tal-prezz tax-xemgħat fis-suq Komunitarju jiżdied u jippermetti restawrazzjoni ta’ qligħ tal-industrija Komunitarja. Żieda fil-prezz ta’ 7 % ikun suffiċjenti sabiex jippermetti lil din l-industrija biex tilħaq malajr livell aċċettabbli ta’ qligħ. Barra minn hekk, il-miżuri proposti probabbilment ipoġġu lill-industrija Komunitarja fil-pożizzjoni li terġa’ takkwista mill-inqas parti mis-sehem fis-suq mitluf waqt il-perjodu kkunsidrat b’impatt pożittiv ieħor fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħha u l-qligħ.

7.3.   Importaturi

(179)

B’kollox waslu sitt risposti għall-kwestjonarju tal-importaturi, li minnhom tnejn biss jistgħu jkunu kkunsidrati bħala importanti għall-iskop tal-analiżi tal-interess Komunitarju.

(180)

Iż-żewġ importaturi li ssottomettew risposti importanti u kkooperaw fl-investigazzjoni kienu kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping. Dawn l-importaturi ammontaw għal madwar 3 % tal-importazzjonijiet totali ta’ xemgħat mir-RPĊ fil-Komunità u 1 % tal-konsum Komunitarju ta’ xemgħat matul il-PI. Id-dħul mill-bejgħ li jikkonċerna l-kummerċ ta’ xemgħat jikkorrispondi għal 3,4 % tal-attività tal-kumpaniji.

(181)

Irriżulta li l-marġini gross imwettaq minn dawn l-importaturi fuq xemgħat mixtrija mir-RPĊ matul il-PI kien bejn 15 u 25 % matul il-PI billi prinċipalment qed ibiegħu lil distributuri fis-suq Komunitarju. L-impatt dirett tal-introduzzjoni ta’ miżuri jista’ għalhekk ma jkunx negliġibbli għal dawn iż-żewġ importaturi li kkooperaw jekk ma jistgħux jgħaddu l-impatt possibbli ta’ miżuri lill-klijenti tagħhom. L-investigazzjoni wriet li l-prezzijiet għal xemgħat lil klijenti kbar bħal distributuri kienu relativament depressi matul il-PI iżda li l-bejjiegħa bl-imnut kienu qed jakkwistaw marġini gross tajba anki fuq l-imnut ta’ prodotti bażiċi. Fuq dik il-bażi, huwa kkunsidrat li mill-inqas parti jew kwanlunkwe żieda fil-prezz ta’ bejgħ dovut għal miżuri ta’ anti-dumping jistgħu jkunu mgħoddija fuq l-istadji varji tal-katina ta’ distribuzzjoni fil-livell tal-bejjiegħa bl-imnut.

(182)

Minħabba s-sehem żgħir li jirrapreżenta l-kummerċ tax-xemgħat fuq il-fatturat tal-importaturi li kkooperaw, fi kliem ieħor 3,4 %, biss u l-probabbilità li l-importaturi jkunu jistgħu jgħaddu mill-inqas parti miż-żidiet ta’ kwalunkwe prezz iktar ’l isfel fil-katina ta’ distribuzzjoni, huwa kkunsidrat proviżorjament li l-impatt tal-miżuri proviżorji fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom ma jkunx sinifikanti.

(183)

Gruppi kbar ta’ bejjiegħa bl-imnut, li importaw kwantitajiet kbar ta’ xemgħat, matul il-PI, jew ma offrewx li jikkooperaw jew issottomettew risposti li ma kinux importanti għall-analiżi tal-interess Komunitarju. Għalhekk ma kienx possibbli li jkun hemm aċċess b’mod preċiż għall-impatt totali tal-miżuri proposti ta’ anti-dumping dwar il-kapaċità ta’ qligħ ta’ dawn il-gruppi fuq il-bażi tad-dejta vverifikata.

(184)

Madankollu, minkejja n-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn dawn il-partijiet, il-Kummissjoni fittxet informazzjoni disponibbli pubblikament rigward il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut ta’ xemgħat u, b’mod partikolari, għal tea lights u għamlet evalwazzjoni rigward l-impatt possibbli li miżuri proviżorji ta’ anti-dumping jista’ jkollhom fuq bejjiegħa bl-imnut. It-tea lights koprew sehem kbir kemm tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ kif ukoll tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja matul il-PI. Sussegwentement, id-dazju medju pagabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ xemgħat importati mir-RPĊ kif ukoll iż-żieda fil-prezz possibbli għal tea lights prodotti mill-industrija Komunitarja kienu mqabbla.

(185)

Skont informazzjoni pubblika, irriżulta li bejjiegħa bl-imnut kbar qed jakkwistaw marġini ta’ profitt gross tajjeb ta’ diversi mijiet fil-mija fil-kummerċ tagħhom tax-xemgħat. F’termini prattiċi, dan ifisser li sabiex pakkett ta’ xemgħat bażiċi jkun mibjugħ bi prezz bl-imnut fil-forma ta’ indiċi ta’ 100 lil konsumaturi l-marġini gross ta’ bejjiegħa bl-imnut jista’ jkun għoli daqs indiċi ta’ 70. Ibbażat fuq dejta vverifikata l-prezz fil-forma ta’ indiċi għall-istess pakkett importat mir-RPĊ għandu jkun 30 u l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji ta’ anti-dumping twassal għal dazju fil-forma ta’ indiċi ta’ 4 meqjus is-sehem rispettiv tas-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(186)

Jekk il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar kellhom jixtru l-istess pakkett ta’ xemgħat direttament mill-industrija Komunitarja, il-marġini gross tagħhom jibqa’ għoli anki jekk iż-żieda fil-prezz imsemmija fil-premessa (178) ta’ hawn fuq kellha sseħħ. Il-prezz ta’ xiri tal-pakkett f’forma ta’ indiċi jkun madwar 35 għall-bejjiegħa bl-imnut.

(187)

Din l-analiżi twassal għall-konklużijoni li l-impatt, jekk ikun hemm, li jista’ jkollhom il-miżuri provviżorji fuq il-kumpaniji bl-imnut ikun limitat ħafna. Hemm indikazzjonijiet li jistgħu anki jkunu kapaċi jassorbu ħafna mill-miżuri proposti mingħajr ma jgħadduha lill-konsumaturi u mingħajr ma jaffettwaw il-marġini ta’ profitt tagħhom b’mod sinifikanti.

(188)

Skont dawn iċ-ċirkostanzi, kien konkluż proviżorjament li, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, l-effett tal-miżuri anti-dumping, jekk hemm, probabbilment ma jkollux impatt materjali fuq l-importaturi.

7.4.   Konsumaturi

(189)

Għalkemm ix-xemgħa hija prodott tipiku tal-konsumatur, ebda kooperazzjoni ma waslet minn assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi. L-impatt potenzjali li l-miżuri anti-dumping jista’ jkollhom fuq il-konsumaturi Komunitarji kien madankollu eżaminat skont id-dejta miġbura għall-gruppi kbar ta’ bejgħ bl-imnut fil-Komunità.

(190)

Kif spjegat fil-premessi (185) u (186) il-bejjiegħa bl-imnut u b’mod partikolari l-gruppi kbar ta’ bejgħ bl-imnut qed jiksbu marġini gross tant kbar li huma fuq livell li għandhom ikunu kapaċi jassorbu l-miżuri proviżorji ta’ anti-dumping mingħajr ma jgħaddu kwalunkwe żieda fil-prezz lil konsumaturi.

(191)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, kien konkluż proviżorjament li ma għandu jkun hemm ebda impatt materjali għal konsumaturi.

7.5.   Fornituri ta’ materja prima

(192)

Fornitur ta’ xema’ bajda ppreżenta ruħu u wieġeb il-kwestjonarju maħsub għal fornituri ta’ materja prima użata fil-produzzjoni ta’ xemgħat. Huwa mfakkar li l-pitrolju jista’ jirrappreżenta sa 50 % tas-COP tal-prodott ikkonċernat.

(193)

Kif imsemmi fil-premessa (175) ta’ hawn fuq, is-sitwazzjoni futura tal-industrija Komunitarja probabbilment taffettwa b’mod pożittiv il-fornituri ta’ materja prima. Proviżorjament, huwa konkluż li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping mhix kontra l-interess tal-fornituri ta’ materja prima.

7.6.   Kompetizzjoni u effetti li jgħawġu l-kummerċ

(194)

Fir-rigward tas-suq Komunitarju, jekk jiġu imposti miżuri anti-dumping, il-produtturi esportaturi Ċiniżi kkonċernati, minħabba l-pożizzjonijiet fis-suq b’saħħithom taghhom, probabbilment ikomplu jbiegħu l-prodotti tagħhom, minkejja li bi prezzijiet li mhumiex oġġett ta’ dumping. Minħabba n-numru kbir ta’ produtturi Komunitarji u Ċiniżi, huwa probabbli wkoll li xorta jkun hemm numru suffiċjenti ta’ kompetituri kbar fis-suq Komunitarju. Huwa għalhekk probabbli l-importaturi, ikunux negozjanti, distributuri jew bejjiegħa bl-imnut, u għalhekk il-konsumaturi jkomplu jkollhom l-għażla ta’ fornituri differenti ta’ xemgħat.

(195)

Jekk, madankollu, ebda miżuri ma kellhom ikunu imposti, il-futur tal-industrija Komunitarja li kellha sehem importanti fis-suq ikun fir-riskju fit-terminu qasir u medju. L-awtorizzazzjoni li importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mir-RPĊ jidħlu fis-suq Komunitarju mingħajr ma tikkoreġi l-effetti li jgħawġu l-kummerċ tista’ twassal għal ħruġ mix-xena ta’ ħafna produtturi Komunitarji, għalhekk inqas għażla għad-diversi operaturi, kompetizzjoni mnaqqsa u telf ta’ numru sinifikanti ta’ impjiegi fis-suq Komunitarju.

7.7.   Konklużjoni dwar l-interess Komunitarju

(196)

Skont dak stabbilit fuq, huwa konkluż proviżorjament li ma hemmx raġunijiet serji kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ anti-dumping proviżorji fil-każ preżenti.

8.   PROPOSTA GĦAL MIŻURI TA’ ANTI-DUMPING PROVIŻORJI

8.1.   Livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara

(197)

Skont il-konklużjonijiet milħuqa rigward dumping, ħsara, kawżalita’ u interess Komunitarju, miżuri ta’ anti-dumping proviżorji għandhom ikunu imposti sabiex tkun evitata iktar ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping.

(198)

Sabiex ikun stabbilit il-livell ta’ dazju, għandu jkun ikkunsidrat il-livell tal-marġini ta’ dumping li jirriżulta u l-ammont ta’ dazju neċessarju sabiex jelimina l-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja.

(199)

Fuq il-bażi tad-dejta tal-investigazzjoni huwa kkunsidrat li l-profitt li jista’ jkun miksub fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping għandu jkun ibbażat fuq is-snin 2004 u 2005 meta l-industrija Komunitarja rnexxielha tilħaq livelli ta’ qligħ għoli u meta importazzjonijiet Ċiniżi kienu inqas preżenti fis-suq Komunitarju. Huwa għalhekk ikkunsidrat li marġini ta’ profitt ta’ 6,5 % ta’ dħul mill-bejgħ jista’ jkun ikkunsidrat bħala minimu xieraq li l-industrija Komunitarja setgħat stenniet li takkwista fin-nuqqas ta’ dumping ta’ ħsara. Iż-żieda fil-prezz neċessarju kienet imbagħad determinata fuq il-bażi ta’ tqabbil, għal kull tip ta’ prodott, tal-medja differenzjata tal-prezz ta’ importazzjoni tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ, bil-prezz mhux ta’ ħsara tat-tipi ta’ prodott mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju matul il-PI. Il-prezz mhux ta’ ħsara kien akkwistat permezz taż-żieda tal-prezz ta’ produzzjoni tal-industrija Komunitarja mal-marġini ta’ profitt ta’ 6,5 % fuq imsemmi. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil kienet imbagħad imfissra bħala perċentwali tal-valur ta’ importazzjoni tas-CIF tat-tipi mqabbla.

8.2.   Miżuri proviżorji

(200)

Skont dak li ntqal, huwa kkunsidrat li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, dazji ta’ anti-dumping proviżorji għandhom ikunu imposti fir-rigward ta’ importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ fil-livell l-iktar baxx mill-marġini ta’ dumping u ta’ ħsara, skont ir-regola tal-inqas dazji.

(201)

Ir-rati tad-dazju ta’ anti-dumping ta’ kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, huma jirriflettu s-sitwazzjoni li rriżultat matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (għall-kuntrarju tad-dazju nazzjonali applikabbli għal “l-kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u magħmula minn kumpaniji u għalhekk minn entitajiet legali speċifikati msemmija. Prodotti importati magħmula minn xi kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem tagħha u l-indirizz, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għal “l-kumpaniji l-oħra kollha”.

(202)

Il-marġini tad-dumping u ħsara stabbiliti huma kif ġej:

Kumpanija

Marġini tad-dumping

Marġini tal-ħsara

Aroma Consumer Products (Hangzhou) Co., Ltd

54,9  %

68,0  %

Dalian Bright Wax Co., Ltd

12,74  %

5,2  %

Dalian Talent Gift Co., Ltd

34,8  %

24,3  %

Gala-Candles (Dalian) Co., Ltd

18,3  %

13,2  %

Ningbo Kwung’s Home Interior & Gift Co., Ltd

14,0  %

0  %

Ningbo Kwung’s Wisdom Art & Design Co., Ltd

0  %

Mhux applikabbli

Qingdao Kingking Applied Chemistry Co., Ltd

16,7  %

0  %

Kumpaniji li kooperaw li mhumiex fil-kampjun

26,2  %

26,8  %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

66,1  %

62,8  %

(203)

Minħabba li ħafna drabi ix-xemgħat huma importati f’settijiet flimkien ma’ gandlieri, buġiji jew oġġetti oħra, kien ikkunsidrat xieraq li jkunu determinati d-dazji bħala ammonti fissi fuq il-bażi ta’ kontenut ta’ fjuwil tax-xemgħat, inkluż in-niċċa billi għal din ir-raġuni din il-forma ta’ miżura tidher xierqa għall-prodott ikkonċernat.

9.   ŻVELAR

(204)

Is-sejbiet proviżorji fuq imsemmija għandhom ikunu żvelati lill-partijiet interessati kollha li għandhom ikunu mistiedna biex jippreżentaw l-opinjonijiet taghhom bil-miktub u jitolbu seduta. Il-kummenti tagħhom għandhom ikunu analizzati u kkunsidrati fejn meħtieġ qabel ma jkunu magħmula determinazzjonijiet definittivi. Is-sejbiet proviżorji jistgħu jkollhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid għall-finijiet ta’ xi sejbiet definittivi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju proviżorju ta’ anti-dumping huwa hawnhekk impost fuq importazzjonijiet ta’ xemgħat, kandiletti u oġġetti simili, li mhumiex xemgħat taċ-ċimiterju u xemgħat oħra ta’ barra, li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 3406 00 11, ex 3406 00 19 u ex 3406 00 90 (kodiċijiet TARIC 3406001190, 3406001990 u 3406009090), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament “xemgħat taċ-ċimiterju u xemgħat oħra ta’ barra” tfisser xemgħat, kandiletti u oġġetti simili, li għandhom waħda jew aktar mill-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

il-fjuwil tagħhom fih iktar minn 500 ppm ta’ toluwol;

(b)

il-fjuwil tagħhom fih iktar minn 100 ppm benżin;

(ċ)

għandhom niċċa b’dijametru ta’ mill-inqas 5 millimetri;

(d)

huma individwalment ippakkjati f’kontenitur tal-plastik b’ħitan vertikali ta’ mill-inqas 5 ċm fit-tul.

2.   Ir-rata tad-dazju ta’ anti-dumping proviżorju għandha tkun ammont fiss ta’ euro għal kull tunnellata tal-fjuwil (ġeneralment iżda mhux neċessarjament fil-forma ta’ xaħam, stearina, xema’ bajda (bil-pitrolju) jew xemgħat oħra, inkluż in-niċċa) kontenut tal-prodotti manifatturati mill-kumpaniji kif muri iktar hawn taħt:

Kumpanija

Ammont ta’ dazju

EURO għal kull tunnellata ta’ fjuwil

Kodiċi addizzjonali TARIC

Aroma Consumer Products (Hangzhou) Co., Ltd

593,17

A910

Dalian Bright Wax Co., Ltd

81,87

A911

Dalian Talent Gift Co., Ltd

375,90

A912

Gala-Candles (Dalian) Co., Ltd

202,60

A913

Ningbo Kwung’s Home Interior & Gift Co., Ltd

0

A914

Ningbo Kwung’s Wisdom Art & Design Co., Ltd

0

A915

Qingdao Kingking Applied Chemistry Co., Ltd

0

A916

Kumpaniji mniżżla fl-Anness

396,93

A917

Il-kumpaniji l-oħra kollha

671,41

A999

3.   Ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fil-Komunità tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun suġġett għall-proviżjoni ta’ sigurtà, ekwivalenti għall-ammont tad-dazju proviżorju.

4.   F’każijiet fejn il-prodotti kellhom ħsara qabel id-dħul fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz attwalment imħallas jew pagabbli huwa mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (3), l-ammont tad-dazju anti-dumping, ikkalkulat fuq l-ammonti stabbiliti iktar ’il fuq, għandu jkun mnaqqas minn perċentwali li tikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz attwalment imħallas jew pagabbli.

5.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, partijiet interessati jistgħu jitolbu żvelar tal-fatti essenzjali u kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom dan ir-Regolament kien adottat, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u japplikaw biex ikunu mismugħa oralment mill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħh ta’ dan ir-Regolament.

2.   Skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkummentaw fuq l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

Artikolu 3

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara dik tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Novembru 2008

Għall-Kummissjoni

Catherine ASHTON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU C 43, 16.2.2008, p. 14.

(3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS

Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw li mhumiex fil-kampjun

Kodiċi Addizzjonali TARIC A917

Isem il-Kumpanija

Belt

Beijing Candleman Candle Co., Ltd

Beijing

Cixi Shares Arts & Crafts Co., Ltd

Cixi

Dalian All Bright Arts & Crafts Co., Ltd

Dalian

Dalian Aroma Article Co., Ltd

Dalian

Dalian Glory Arts & crafts Co., Ltd

Dalian

Dandong Kaida Arts & crafts Co., Ltd

Dandong

Dehua Fudong Porcelain Co., Ltd

Dehua

Dongguan Xunrong Wax Industry Co., Ltd

Dongguan

Xin Lian Candle Arts & Crafts Factory

Zhongshan

Fushun Hongxu Wax Co., Ltd

Fushun

Fushun Pingtian Wax Products Co., Ltd

Fushun

Future International (Gift) Co., Ltd

Taizhou

Greenbay Craft (Shanghai) Co., Ltd

Shanghai

Horsten Xi'an Innovation Co., Ltd

Xian

M.X. Candles and Gifts (Taicang) Co., Ltd

Taicang

Ningbo Hengyu Artware Co., Ltd

Ningbo

Ningbo Junee Gifts Designers & Manufacturers Co., Ltd

Ningbo

Qingdao Allite Radiance Candle Co., Ltd

Qingdao

Shanghai Changran Industrial & Trade Co., Ltd

Shanghai

Shanghai Daisy Gifts Manufacture Co., Ltd

Shanghai

Shanghai EGFA International Trading Co., Ltd

Shanghai

Shanghai Huge Scents Factory

Shanghai

Shanghai Kongde Arts & Crafts Co., Ltd

Shanghai

Shenyang Shengwang Candle Co., Ltd

Shenyang

Shenyang Shenjie Candle Co., Ltd

Shenyang

Taizhou Dazhan Arts & Crafts Co., Ltd

Taizhou

Zheijang Hong Mao Household Co., Ltd

Taizhou

Zheijang Neeo Home Decoration Co., Ltd

Taizhou

Zheijang Ruyi Industry Co., Ltd

Taizhou

Zheijang Zhaoyuan Industry Co., Ltd

Taizhou

Zhejiang Aishen Candle Arts & Crafts Co., Ltd

Jiaxing

Zhongshan Zhongnam Candle Manufacturer Co., Ltd

Zhongshan