12.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 301/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1117/2008

tal-11 ta’ Novembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1973/2004 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 fir-rigward tal-iskemi ta’ appoġġ [għajnuna] previsti fit-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-Regolament u l-użu tal-art imwarrba għall-produzzjoni tal-materja prima

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ [għajnuna] għall-bdiewa u jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 110b(2) u l-Artikolu 145(r), it-tieni inċiż tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 (2) jistipula r-regoli għall-għajnuna akkoppjata għall-qoton f’konformità mas-sentenza tal-Qorti C-310/04.

(2)

B’mod partikolari, il-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jipprovdi għall-possibbiltà li tingħata għajnuna diretta għall-produzzjoni tal-qoton. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu adattati r-regoli dettaljati korrispondenti stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1973/2004 (3).

(3)

L-Artikolu 110b(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jgħid li, sabiex ikun eleġibbli għall-għajnuna għal kull ettaru, il-bidwi għandu jiżra’ l-erja tal-qoton b’varjetajiet approvati u jkabbar il-qoton fuq l-art awtorizzata mill-Istati Membri. Il-kriterji għandhom għalhekk jiġu speċifikati kemm għall-awtorizzazzjoni tal-art adatta għall-produzzjoni tal-qoton kif ukoll għall-approvazzjoni tal-varjetajiet.

(4)

Sabiex jirċievi l-għajnuna għal kull ettaru ta’ qoton, il-bidwi għandu jiżra’ l-artijiet awtorizzati. Għandu jiġi stabbilit kriterju li jiddefinixxi ż-“żrigħ”. L-iffissar mill-Istati Membri tad-densità minima ta’ tħawwil f’dawn l-artijiet abbażi tal-ħamrija u l-kundizzjonijiet tal-klima u l-karatteristiċi reġjonali speċifiċi għandhom ikunu kriterju oġġettiv biex jiġi stabbilit jekk it-tħawwil sarx sew jew le.

(5)

L-Istati Membri għandhom japprovaw organizzazzjonijiet interprofessjonali tal-produtturi tal-qoton abbażi ta’ kriterji oġġettivi relatati mad-daqs u mal-organizzazzjoni interna tagħhom. Id-daqs tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali għandhom jiġu stabbiliti b’konsiderazzjoni għar-rekwiżit li l-impriża membru tal-ħalġ tkun tista’ tieħu forniment ta’ biżżejjed kwantitajiet ta’ qoton mhux maħluġ.

(6)

Sabiex jiġu evitati komplikazzjonijiet fil-ġestjoni tal-iskema ta’ għajnuna, produttur ma jistax ikun membru ta’ aktar minn organizzazzjoni interprofessjonali waħda. Għal dik ir-raġuni, fejn produttur li jkun jagħmel parti minn organizzazzjoni interprofessjonali jimpenja ruħu biex iforni il-qoton li jkun ipproduċa, għandu jfornih biss lill-impriża tal-ħalġ li tkun tagħmel parti mill-istess organizzazzjoni.

(7)

L-iskema ta’ għajnuna għall-qoton teħtieġ li l-Istati Membri jibagħtu lill-produtturi tagħhom ċertu tagħrif dwar it-tkabbir tal-qoton, bħall-varjetajiet approvati, il-kriterji oġġettivi għall-awtorizzazzjoni tal-art u d-densità minima tat-tħawwil. Sabiex jagħraf lill-bdiewa fil-ħin, l-Istat Membru għandu jibgħat dan it-tagħrif sa data speċifika.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 1973/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(9)

Peress li r-regoli stipulati fil-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 japplika mill-1 ta’ Jannar 2009, ir-regoli dettaljati li għandhom jiġu stabbiliti minn dan ir-Regolament għandhom japplikaw mill-istess data.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont il-fehma tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Ħlasijiet Diretti,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Kapitolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 17A

ĦLASIJIET GĦALL-UĊUĦ SPEĊIFIĊI TAL-QOTON

L-Artikolu 171a

Awtorizzazzjoni ta’ art agrikola għall-produzzjoni tal-qoton

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji oġġettivi abbażi ta’ liema artijiet huma awtorizzati għall-ħlasijiet għall-uċuħ speċifiċi tal-qoton previsti fl-Artikolu 110a tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

Dawn il-kriterji għandhom ikunu msejsa fuq waħda jew aktar minn dawn:

(a)

l-ekonomija agrikola ta’ dawk ir-reġjuni fejn il-qoton huwa wiċċ tar-raba’ prinċipali;

(b)

il-ħamrija u l-klima taż-żoni involuti;

(c)

il-ġestjoni tal-ilma tat-tisqija;

(d)

is-sistemi tar-rotazzjoni u l-metodi tal-koltivazzjoni li x’aktarx jirrispettaw l-ambjent.

L-Artikolu 171aa

Approvazzjoni tal-varjetajiet għaż-żrigħ

L-Istati Membri għandhom japprovaw il-varjetajiet reġistrati fil-“Katalgu Komuni tal-Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli” li huma adatti għall-bżonnijiet tas-suq.

L-Artkolu 171ab

Rekwiżiti tal-eliġibbiltà

Iż-żrigħ taż-żoni msemmija fl-Artikolu 110b(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu jsir billi tinkiseb densità minima tat-tħawwil, li għandha tkun stipulata mill-Istat Membru abbażi tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija u l-klima u l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjun, fejn xieraq.

L-Artkolu 171ac

Prattiċi agronomiċi

L-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati jistabbilixxu regoli speċifiċi għall-prattiċi agronomiċi meħtieġa għaż-żamma u l-ħsad tal-uċuħ f’kundizzjonijiet normali tat-tkabbir.

Artikolu 1710ad

Approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ bejn taqsima u oħra

1.   Qabel il-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom japprovaw, għas-sena ta’ wara, organizzazzjoni interprofessjonali tal-produtturi tal-qoton li tapplika biex tħawwel il-qoton u li:

(a)

tkopri erja totali ta’ mill-inqas 4 000 ettaru kif stipulat mill-Istat Membru u li tilħaq il-kriterji tal-awtorizzazzjoni stipulati fl-Artikolu 171a, u li jkun fiha mill-anqas impriża waħda tal-ħalġ;

(b)

adottat regoli interni ta’ ħidma, b’mod partikolari dwar il-kundizzjonijiet tas-sħubija u l-miżati, skont ir-regolamenti u r-regoli nazzjonali u Komunitarji.

Madanakollu, għall-2009, l-Istati Membri għandhom japprovaw organizzazzjonijiet interprofessjonali tal-produtturi tal-qoton sat-28 ta’ Frar 2009.

2.   Fejn jinstab li organizzazzjoni interprofessjonali tal-produtturi tal-qoton approvata ma tirrispettax il-kriterji tal-approvazzjoni previsti fil-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni sakemm in-nuqqas ta’ rispett tal-kriterji kkonċernati ma jiġix irrimedjat f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Fejn ikun ippjanat li tiġi rtirata l-approvazzjoni, l-Istat Membru għandu jinnotifika dak il-ħsieb lill-organizzazzjoni interprofessjonali, kif ukoll bir-raġunijiet għal dak l-irtirar. L-Istat Membru għandu jippermetti lill-organizzazzjoni interprofessjonali li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien speċifikat. F’każ ta’ rtirar, l-Istat Membru għandu jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet xierqa.

Il-bdiewa membri ta’ organizzazzjoni interprofessjonali li l-approvazzjoni tagħha ġiet irtirata skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitilfu d-dritt tagħhom għaż-żieda tal-għajnuna prevista fl-Artikolu 110e(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

Artikolu 171ae

L-obbligi tal-produtturi

1.   Produttur ma għandux ikun membru ta’ aktar minn organizzazzjoni interprofessjonali waħda.

2.   Produttur li huwa membru ta’ organizzazzjoni interprofessjonali għandu jibgħat il-qoton tiegħu lil ħallieġ li jagħmel parti mill-istess organizzazzjoni.

3.   Il-parteċipazzjoni tal-produtturi f’organizzazzjoni interprofessjonali għandha tkun ir-riżultat ta’ sħubija volontarja.

Artikolu 171af

Komunikazzjonijiet lill-produtturi

1.   Qabel il-31 ta’ Jannar tas-sena inkwistjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-produtturi tal-qoton dwar:

(a)

il-varjetajiet approvati; madankollu, il-varjetajiet approvati skont l-Artikolu 171aa wara dik id-data għandhom jiġu nnotifikati lill-produtturi qabel il-15 ta’ Marzu tal-istess sena;

(b)

il-kriterji għall-awtorizzazzjoni tal-art;

(c)

id-densità minima tat-tħawwil tal-qoton imsemmija fl-Artikolu 171ab;

(d)

il-prattiċi agronomiċi meħtieġa.

2.   Fejn l-approvazzjoni ta’ varjetà tiġi rtirata, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-produtturi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar għall-finijiet tal-istaġun taż-żrigħ tas-sena ta’ wara.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jorbot direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 5.7.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 345, 20.11.2004, p. 1.