11.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 300/31


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1112/2008

ta' l-10 ta' Novembru 2008

li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 1731/2006 dwar regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni fil-każ ta’ ċerti prodotti ppreservati taċ-ċanga u tal-vitella [traduzzjoni mhux uffiċjali]

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 170 b'rabta mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1731/2006 (2) jipprovdi għall-miżuri u l-kundizzjonijiet neċessarji biex jiggarantixxu li l-prodotti ppreservati eliġibbli għar-rifużjonijiet ta' esportazzjoni jkunu magħmulin biss minn ċanga u vitella, u li l-laħam ikun minn origini Komunitarja.

(2)

Irriżulta li r-restrizzjonijiet imposti mir-Regolament (KE) Nru 1731/2006 rigward il-preżentazzjoni tal-laħam lill-awtoritajiet doganali joħolqu problemi prattiċi u bla ħtieġa lill-operaturi kkonċernati. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet imposti mir-Regolament rigward it-twettiq tal-formalitajiet tal-esportazzjoni jikkumplikaw ix-xogħlijiet tal-awtoritajiet doganali f'dawk l-Istati Membri fejn is-sistemi elettroniċi tad-dwana diġà huma applikati.

(3)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1731/2006, il-kundizzjonijiet relatati mal-preżentazzjoni tal-laħam lill-awtoritajiet doganali u l-formalitajiet tal-esportazzjoni tagħhom, għandhom għalhekk jiġu ssimplifikati, filwaqt li jiżguraw l-effikaċja u t-trasparenza tal-kontroll mill-awtoritajiet doganali.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1731/2006 għandu għalhekk jiġi emendat.

(5)

Il-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1731/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3(1), it-tielet subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Il-laħam għandu jiġi ppreżentat u ttikketjat b'mod li jiżgura li jkun identifikabbli b'mod ċar u li jista' jiġi assoċjat faċilment mad-dikjarazzjoni mehmuża miegħu.”

(2)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-operaturi għandhom iniżżlu n-numru/i ta' referenza tad-dikjarazzjoni/jiet (i)msemmija fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament fid-dikjarazzjoni/jiet (i)msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, flimkien mal-kwantitajiet u d-dettalji ta' identifikazzjoni tal-prodotti ppreservati esportati li jikkorrispondu ma' kull dikjarazzjoni.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 299, 16 11 2007, p. 1.

(2)   ĠU L 325, 24 11 2006, p. 12.