|
14.11.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 304/70 |
REGOLAMENT (KE, EURATOM) Nru 1101/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-22 ta’ Ottubru 2008
dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej
(Verżjoni kodifikata)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285 tiegħu,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 187 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta’ Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (2) ġiet emendata kemm-il darba (3) u b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kodifikat. |
|
(2) |
Biex tkun tista’ twettaq id-dmirijiet tagħha fdati lilha mit-Trattati, il-Kummissjoni għandha jkollha informazzjoni kompleta u affidabbli. Fl-interess ta’ amministrazzjoni effiċjenti, l-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-“Eurostat”, għandu jkun jista’ jikseb l-informazzjoni statistika nazzjonali kollha meħtieġa sabiex jipprepara l-istatistika Komunitarja u jwettaq l-analiżi meħtieġa. |
|
(3) |
L-Artikolu 10 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 192 tat-Trattat Euratom, jeżiġi li l-Istati Membri jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompiti tal-Komunità. Din l-obbligazzjoni testendi għall-provvista ta’ l-informazzjoni kollha meħtieġa għal dan il-għan. Barra minn hekk in-nuqqas ta’ data statistika kunfidenzjali tikkostitwixxi għall-Eurostat telf konsiderevoli ta’ informazzjoni fil-livell tal-Komunità u jagħmilha diffiċili li titħejja statistika u li jitwettqu l-analiżi tal-Komunità. |
|
(4) |
L-Istati Membri m’għandhomx aktar raġuni biex jinvokaw id-dispożizzjonijiet dwar kunfidenzjalità statistika minħabba li l-Eurostat toffri l-istess garanziji ta’ kunfidenzjalità ta’ data bħal dawk ta’ l-istituti nazzjonali ta’ l-istatistika. Dawn il-garanziji huma diġà sa ċertu punt stabbiliti fit-Trattati tal-Komunità notevolment fl-Artikolu 287 tat-Trattat tal-KE, l-Artikolu 194(1) tat-Trattat Euratom, u l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, ECSC) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjiegi ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (4), u jistgħu jiġu sostnuti b’miżuri adatti taħt dan ir-Regolament. |
|
(5) |
Kull ksur tal-kunfidenzjalità statistika koperta b’dan ir-Regolament għandu jiġi indirizzat b’mod effettiv, ikun min ikun dak li jwettaq il-ksur. |
|
(6) |
Kull ksur tar-regoli li jorbtu lill-uffiċjali u ħaddiema oħra li jaħdmu għall-Eurostat, sew jekk magħmul xjentement jew b’negliġenza, jirrendihom responsabbli għal sanzjonijiet penali u, fejn ikun il-każ, penalitajiet legali għall-ksur tas-segretezza professjonali, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12 u 18, flimkien, tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej. |
|
(7) |
Dan ir-Regolament japplika biss għat-trażmissjoni lill-Eurostat ta’ data statistika li, fil-qasam tal-kompetenza ta’ l-istituti nazzjonali ta’ l-istatistika, huma koperti bil-kunfidenzjalità statistika, u ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet nazzjonali jew tal-Komunità li jirrelataw mat-trażmissjoni ta’ tipi oħra ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni. |
|
(8) |
Dan ir-Regolament għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 296(1)(a) tat-Trattat KE, li taħtu ebda Stat Membru ma huwa meħtieġ li jipprovdi informazzjoni li l-iżvelar tagħha jitqies minnu bħala kuntrarju għall-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu. |
|
(9) |
L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan ir-Regolament, u b’mod partikolari dawk maħsuba biex jiżguraw il-protezzjoni ta’ data statistika kunfidenzjali trażmessa lill-Eurostat, teħtieġ riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji. |
|
(10) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5), |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:
|
(a) |
li jawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali biex jittrażmettu data statistika kunfidenzjali lill-Uffiċju Statistiku tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Eurostat”); |
|
(b) |
li jipprovdi garanzija li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura l-kunfidenzjalità tad-data hekk trażmessa. |
2. Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-kunfidenzjalità statistika. Huwa m’għandux jaffettwa dispożizzjonijiet speċjali, tal-Komunità jew nazzjonali, li jissalvagwardjaw kunfidenzjalità diversa mill-kunfidenzjalità statistika.
Artikolu 2
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini li ġejjin huma definiti kif ġej:
|
(a) |
data ta’ statistika kunfidenzjali: data definita fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità (6); |
|
(b) |
awtoritajiet nazzjonali: istituti nazzjonali ta’ l-istatistika u korpi oħra nazzjonali responsabbli għall-ġbir u l-użu ta’ statistika għall-Komunitajiet; |
|
(ċ) |
informazzjoni dwar il-ħajja privata ta’ persuni fiżiċi: informazzjoni dwar il-ħajja privata u tal-familja ta’ persuni fiżiċi kif definita mil-leġislazzjoni jew prattika nazzjonali fl-Istati Membri varji; |
|
(d) |
użu għall-finijiet ta’ statistika: użu esklussivament għall-kompilazzjoni ta’ tabelli ta’ statistika jew analiżi statistiċi ekonomiċi; ma jistgħux jintużaw għall-finijiet amministrattivi, legali jew ta’ taxxa jew għall-verifiki kontra l-unitajiet mistħarrġa; |
|
(e) |
unità statistika: unità bażika li għaliha tirriferi d-data statistika trażmessa lill-Eurostat; |
|
(f) |
identifikazzjoni diretta: identifikazzjoni ta’ unità statistika minn isimha jew l-indirizz, jew minn numru ta’ identifikazzjoni uffiċjalment allokat u ppubblikat; |
|
(g) |
identifikazzjoni indiretta: il-possibbiltà li tiġi dedotta l-identità ta’ unità statistika minbarra mill-informazzjoni msemmija fil-punt (f); |
|
(h) |
uffiċjali ta’ l-Eurostat: uffiċjali tal-Komunitajiet fis-sens ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolamenti dwar Impjiegi ta’ Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jaħdmu fl-Eurostat; |
|
(i) |
persunal ieħor ta’ l-Eurostat: persunal tal-Komunitajiet fis-sens ta’ l-Artikoli 2 sa 5 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej, li jaħdmu fl-Eurostat; |
|
(j) |
disseminazzjoni: il-provvista ta’ data irrispettivament mill-forma tagħha: pubblikazzjonijiet, aċċess għal databases, microfiches, komunikazzjonijiet bit-telefon, eċċ. |
Artikolu 3
1. L-awtoritajiet nazzjonali huma b’dan awtorizzati li jittrażmettu data kunfidenzjali statistika lill-Eurostat.
2. Ir-regoli nazzjonali dwar kunfidenzjalità statistika ma jistgħux jiġu invokati biex jipprevjenu t-trażmissjoni ta’ data statistika kunfidenzjali lill-Eurostat fejn att tal-liġi tal-Komunità li jirregola statistika tal-Komunità jipprovdi għat-trażmissjoni ta’ dik id-data.
3. It-trażmissjoni lill-Eurostat ta’ data statistika kunfidenzjali, fis-sens tal-paragrafu 2, għandha titwettaq b’tali mod li l-unitajiet statistiċi ma jkunux jistgħu jiġu direttament identifikati. Dan ma jipprekludix l-ammissibbiltà ta’ regoli ta’ trażmissjoni aktar estensivi skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri.
4. L-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx ikunu obbligati li jittrażmettu informazzjoni dwar il-ħajja privata ta’ persuni fiżiċi lill-Eurostat jekk l-informazzjoni trażmessa tippermetti li dawk il-persuni jkunu identifikati direttament jew indirettament.
Artikolu 4
1. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi biex tiżgura l-kunfidenzjalità tad-data statistika trażmessa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri lill-Eurostat skond l-Artikolu 3.
2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-proċeduri għat-trażmissjoni ta’ data statistika kunfidenzjali lill-Eurostat u l-prinċipji għall-protezzjoni ta’ dik id-data skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2).
Artikolu 5
1. Il-Kummissjoni għandha tagħti istruzzjonijiet lid-Direttur Ġenerali ta’ l-Eurostat biex jiżgura l-protezzjoni tad-data trażmessa mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri lill-Eurostat. Hija għandha tistabbilixxi l-arranġamenti għall-organizzazzjoni interna ta’ l-Eurostat sabiex tiżgura dik il-protezzjoni, wara li tikkonsulta mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7(1).
2. Id-data kunfidenzjali trażmessa lill-Eurostat għandha tkun aċċessibbli biss għall-uffiċjali ta’ l-Eurostat u tista’ tintuża minnhom esklussivament għall-finijiet ta’ statistika.
3. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tagħti aċċess għal data statistika kunfidenzjali lil ħaddiema oħra ta’ l-Eurostat kif ukoll lil persuni oħra fiżiċi li jaħdmu fil-proprjetà ta’ l-Eurostat taħt kuntratt, f’każijiet speċjali u esklussivament għall-finijiet ta’ statistika. Il-proċeduri għal dak l-aċċess għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2).
4. Id-data statistika kunfidenzjali fil-pussess ta’ l-Eurostat tista’ tiġi disseminata biss meta magħquda ma’ data oħra f’forma li tiżgura li l-unitajiet statistiċi ma jkunux jistgħu jiġu identifikati la direttament u lanqas indirettament.
5. L-Uffiċjali u ħaddiema oħra ta’ l-Eurostat u persuni oħra fiżiċi li jaħdmu fil-proprjetà ta’ l-Eurostat taħt kuntratt ma jistgħux jużaw jew jiddisseminaw din id-data għal finijiet minbarra dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. Din il-projbizzjoni għandha tkompli tapplika ukoll wara t-trasferiment, terminazzjoni ta’ servizz jew irtirar.
6. Il-miżuri ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 għandhom japplikaw għal:
|
(a) |
kull data statistika kunfidenzjali li t-trażmissjoni tagħha lill-Eurostat hija koperta b’att tal-liġi Komunitarja li jirregola xi statistika Komunitarja, |
|
(b) |
kull data statistika kunfidenzjali trażmessa volontarjament mill-Istati Membri lill-Eurostat. |
Artikolu 6
L-Istati Membri għandhom, qabel l-1 ta’ Jannar 1992, jieħdu miżuri adatti biex jirrestrinġu kull ksur ta’ l-obbligu li tinżamm is-segretezza ta’ data kunfidenzjali trażmessa skond l-Artikolu 3. Dawn il-miżuri għandhom għall-inqas jikkonċernaw ksur imwettaq fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat, minn uffiċjali jew ħaddiema oħra ta’ l-Eurostat u minn persuni oħra fiżiċi li jaħdmu taħt kuntratt fil-proprjetà ta’ l-Eurostat.
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bil-miżuri meħuda. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.
Artikolu 7
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat dwar il-Kunfidenzjalità ta’ l-Istatistika, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.
Artikolu 8
Il-Kumitat għandu jeżamina l-kwistjonijiet, li jirrelataw ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, imqajma mill-president tiegħu, kemm fuq inizjattiva tiegħu stess kif ukoll fuq it-talba ta’ rappreżentant ta’ Stat Membru.
Artikolu 9
Ir-Regolament (Euratom, KEE) Nru 1588/90, kif emendat mir-Regolamenti elenkati fl-Anness I, huwa b’dan mħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.
Artikolu 10
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta ’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, 22 ta’ Ottubru 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
J.-P. JOUYET
(1) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2006 (ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 600) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' 25 ta' Settembru 2008.
(2) ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1.
(3) Ara l-Anness I.
ANNESS I
Regolament imħassar flimkien ma' l-emendi suċċessivi tiegħu
|
Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 |
|
|
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 |
L-Artikolu 21(2) biss |
|
Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
L-Anness II, punt 4 biss |
ANNESS II
TABELLA TA' KORRELAZZJONI
|
Regolament (Euratom, KEE) Nru 1588/99 |
Dan ir-Regolament |
|
Artikolu 1(1) l-ewwel u t-tieni inċiżi |
Artikolu 1(1)(a) u (b) |
|
Artikolu 1(2) |
Artikolu 1(2) |
|
Artikolu 2(1) sa (10) |
Artikolu 2(a) sa (j) |
|
Artikolu 3(1) |
Artikolu 3(1) |
|
Artikolu 3(2) |
Artikolu 3(2) |
|
Artikolu 3(3) l-ewwel subparagafu |
— |
|
Artikolu 3(3) it-tieni subparagrafu |
Artikolu 3(3) |
|
Artikolu 3(4) |
Artikolu 3(4) |
|
Artikolu 4(1) |
Artikolu 4(1) |
|
Artikolu 4(2) |
Artikolu 5(6) |
|
Artikolu 4(3) |
Artikolu 4(2) |
|
Artikolu 5(1) sa (5) |
Artikolu 5(1) sa (5) |
|
Artikolu 6 |
Artikolu 6 |
|
Artikolu 7, paragrafi 1 u 2 |
Artikolu 7, paragrafi 1 u 2 |
|
Artikolu 7, paragrafu 3 |
— |
|
Artikolu 8 |
Artikolu 8 |
|
— |
Artikolu 9 |
|
Artikolu 9 |
Artikolu 10 |
|
— |
Anness I |
|
— |
Anness II |