6.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 297/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1087/2008

tal-5 ta' Novembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 423/2008 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 u li jistabbilixxi kodiċi tal-Komunità ta’ prattiċi u proċessi enoloġiċi, fir-rigward tal-Anness XVII

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 46 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness V(C)(4) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jipprovdi li l-limiti tal-qawwa alkoħolika ta’ nbid bil-volum jistgħu jiżdiedu sa wieħed fil-mija fi snin meta l-kundizzjonijiet tat-temp kienu eċċezzjonalment ħżiena.

(2)

L-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 423/2008 (2) jipprovdi li dawn is-snin sfavorevoli u ż-żoni fejn jitkabbar l-għeneb għall-inbid, ir-reġjuni ġeografiċi u l-varjetajiet involuti għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness XVII ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Minħabba t-temp eċċezzjonalment ħażin matul l-2008, il-limiti fuq iż-żidiet tal-qawwa alkoħolika naturali stabbiliti fl-Anness V(C)(3) għar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 ma jippermettux il-produzzjoni tal-inbid fir-reġjuni tar-Renju Unit fejn jitkabbar l-għeneb għall-inbid u li għalih normalment ikun hemm talba fis-suq. Ir-Renju Unit għandu għalhekk ikun awtorizzat iżid il-qawwa tal-alkoħol naturali sa volum ta’ 4,5 %.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 423/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fit-tabella tal-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 423/2008, tiżdied il-filliera li ġejja:

“2.

2008

A

L-Ingilterra, Wales

Varjetajiet awtorizzati ta’ għeneb tal-inbid”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 5 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1.

(2)  ĠU L 127, 15.5.2008, p. 13.