22.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 279/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1034/2008

tal-21 ta’ Ottubru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 885/2006 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 fir-rigward tal-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u korpi oħra u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u l-FAEŻR [titolu mhux uffiċjali]

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1) [titolu mhux uffiċjali], u b’mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 9(1)(a)(iii) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirkupraw is-somom mitlufa li jirriżultaw minn irregolaritajiet u negliġenza. Madankollu, l-Artikolu 32(6) u l-Artikolu 33(7) tal-istess Regolament jippermetti li l-Istati Membri ma jsegwux l-irkupru jekk l-ispejjeż li diġà qegħdin jew li x’aktarx se jġarrbu jammontaw għal aktar mill-ammont li għandu jiġi rkuprat. Sabiex tkun żgurata applikazzjoni effettiva u kif suppost ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa xieraq li jiġi stipulat ċertu limitu li taħtu l-Istati Membri ma jkunux obbligati jsegwu l-irkupru. Dan il-limitu għandu jiġi ffissat bħala EUR 100, mingħajr ma jinkludi l-interessi, minħabba li l-każijiet ta’ rkupru li jinvolvu ammonti taħt dan il-limitu jirrappreżentaw b’mod sinifikanti inqas minn 0,1 % tal-ammont totali ta’ pagamenti li għadhom ma tħallsux lura rrappurtati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(h) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 (2). L-iffissar ta’ dan il-limitu ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq għall-każijiet li jaqbżu EUR 100, jekk ikunu ġġustifkati kif suppost.

(2)

Ir-regola de minimis stipulata f’dan ir-Regolament ma għandhiex tapplika għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet imposti fuq benefiċjarji mill-Istati Membri fil-qasam tal-kundizzjonalità abbażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (3) minħabba li l-Artikolu 6(3) ta’ dak ir-Regolament jistipula reġim speċifiku biex ma jiġux applikati tnaqqis u esklużjonijiet li jammontaw għal EUR 100 jew inqas.

(3)

L-obbligu li l-Istati Membri jirkupraw l-ammonti li għadhom ma tħallsux lura li jaqbżu EUR 100 jista’ jitwettaq b’modi differenti. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar oħra stipulata fil-liġi nazzjonali, mod effettiv u finanzjarment effikaċi kif dan isir huwa billi jitnaqqas kwalunkwe ammont li għadu ma tħallsux lura minn pagamenti futuri għad-debitur, ladarba d-dejn ikun ġie stabbilit skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan il-metodu għandu għalhekk isir obbligatorju sabiex jiġi applikat mill-Istati Membri.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 885/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (KE) Nru 885/2006 jiddaħħal il-Kapitolu 1a li ġej:

“KAPITOLU 1a

L-IRKUPRU TAD-DJUN

Artikolu 5a

De minimis

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (*1), il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 32(6)(a) u 33(7) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jiġu kkunsidrati li ġew issodisfati jekk l-ammont, mingħajr ma jinkludi l-interessi, relatat ma’ pagament individwali għal skema ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju, ma jabiżx EUR 100.

Artikolu 5b

Il-metodu tal-irkupru

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar oħra stipulata fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jibbilanċjaw kwalunkwe dejn li għadu ma tħallsux lura ta’ benefiċjarju li jkun ġie stabbilit skont il-liġi nazzjonali bi kwalunkwe pagament futur li għandu jsir mill-aġenzija tal-ħlas responsabbli mill-irkupru tad-dejn lill-istess benefiċjarju.

(*1)   ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.” "

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(2)   ĠU L 171, 23.6.2006, p. 90.

(3)   ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.