18.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 277/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1021/2008

tas-17 ta' Ottubru 2008

li jemenda l-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman u r-Regolament (KE) Nru 2076/2005 fir-rigward ta’ molluski bivalvi ħajjin, ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-persunal li jgħin fil-kontrolli uffiċjali fil-biċċeriji

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 u l-Artikolu 17(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistipula rekwiżiti għall-marka tas-saħħa tal-karkassi meta m'hemmx raġunijiet biex il-laħam jiġi ddikjarat li mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Xi whud minn dawn ir-rekwiżiti ħolqu konfużjoni fl-identifikazzjoni ta’ prodotti magħmula fi ħdan il-Komunità u prodotti magħmula barra l-Komunità. Huwa għalhekk xieraq li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tagħhom mingħajr tfixkil.

(2)

Madankollu, biex ma jitħarbatx il-kummerċ fil-prodotti kkonċernati, għandu jiġi stipulat li l-prodotti li għalihom ġiet applikata marka tas-saħħa skond ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 qabel l-1 ta’ Novembru 2009 jistgħu jiġu importati fil-Komunità sal-31 ta’ Diċembru 2009.

(3)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw lill-istaff tal-biċċerija biex jgħinu fil-kontrolli uffiċjali billi jwettqu ċerti ħidmiet speċifiċi ta’ awżiljarji uffiċjali fir-rigward tal-produzzjoni tal-laħam mit-tjur u mil-lagomorfi. Il-Parti A tal-Kapitolu III tat-Taqsima III tal-Anness I ta' dak ir-Regolament tistipula li l-awtorizzazzjoni tista' tingħata biss jekk l-istaff tal-istabbiliment tħarreġ, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, bl-istess mod bħall-awżiljarji uffiċjali għall-ħidmiet ta’ awżiljarji bħal dawn.

(4)

L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 tal-5 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi l-arranġamenti tranżitorji għall-implimentazzjoni ta’ Regolamenti (KE) Nru 853/2004, (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jemenda ir-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (2), jistipula li, sal-31 ta’ Diċembru 2009, dan it-taħriġ jista' jkun limitat f'li jiżgura li l-istaff tal-biċċerija jitħarreġ għall-ħidmiet speċifiċi li huwa awtorizzat li jwettaq.

(5)

Din il-limitazzjoni ma affettwatx b’mod negattiv ir-rekwiżiti għal kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ laħam frisk, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 854/2004. Huwa għalhekk xieraq li l-arranġament tranżitorju stipulat fir-Regolament (KE) Nru 2076/2005 isir permanenti u li l-Istati Membri jitħallew jimplimentaw jew sistema ta’ taħriġ kompluta jew limitata u jiddeċiedu dwar l-arranġamenti prattiċi tagħha, inkluża l-proċedura tal-eżami. Huwa għalhekk xieraq li jitħassar l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005 u li tiġi emendata Parti A tal-Kapitolu III tat-Taqsima III tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 skond dan.

(6)

Il-Punt 4 tal-Parti A tal-Kapitolu II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistipula li l-molluski bivalvi ħajjin minn żoni ta' Klassi B ma għandhomx jaqbżu l-4 600E.coli għal kull 100 g ta’ laħam u ta’ likwidu intravalvulari. L-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005 jintroduċi, sal-31 ta’ Diċembru 2009, tolleranza f’10 % tal-kampjuni għall-molluski ħajjin li joriġinaw minn dawn iż-żoni.

(7)

Din it-tolleranza ma tirrappreżentax riskju għas-saħħa pubblika sakemm f’dawk l-10 % tal-kampjuni, il-molluski bivalvi ħajjin ma jaqbżux il-limitu massimu ta’ 46 000 E.coli għal kull 100 g ta’ laħam u likwidu intravalvulari. Huwa għalhekk xieraq li tinżamm din it-tolleranza fuq bażi permanenti. Huwa għalhekk xieraq li jitħassar l-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005 u li jiġi emendat il-punt 4 ta’ Parti A tal-Kapitolu II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 skond dan.

(8)

Opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel adottata fit-30 ta’ Awwissu 2004 dwar il-kontaminanti fil-katina tal-ikel relatati mat-tossiċità tal-prodotti tas-sajd li jappartjenu lill-familja tal-Gempylidae wriet li l-prodotti tas-sajd li jappartjenu lil dik il-familja, b’mod partikolari ir-Ruvettus pretiosus u l-Lepidocybium flavobrunneum, jista’ jkollhom effetti gastrointestinali li jagħmlu ħsara jekk ma jiġux ikkonsmati f’ċerti kundizzjonijiet. Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jesiġi li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jwettqu l-verifiki rigward il-kundizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq li l-operaturi tal-kummerċ tal-ikel ikollhom jirrispettaw fir-rigward tal-prodotti tas-sajd li jappartjenu lill-familja tal-Gempylidae.

(9)

Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw għal prodotti tas-sajd imħejjija u pproċessati ġejjin minn dawn l-ispeċi. Madankollu, il-konsumatur jista’ jiltaqa’ ma’ riskji simili fir-rigward ta’ prodotti iffriżati tas-sajd ġejjin minn dik il-familja. Huwa għalhekk xieraq li l-awtoritajiet kompetenti jintalbu jwettqu verifiki wkoll għall-prodotti ffriżati tas-sajd li jappartjenu lil din il-familja.

(10)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 2076/2005 għandhom għalhekk jiġu emendati skond dan.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 huma emendati skond l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Fir-Regolament (KE) Nru 2076/2005, l-Artikoli 14 u 17a tħassru.

Artikolu 3

Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali li għalihom ġiet applikata marka tas-saħħa skond il-punt (c) tal-paragrafu 3 tal-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 qabel l-1 ta’ Novembru 2009 jistgħu jiġu importati fil-Komunità sal-31 ta’ Diċembru 2009.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-punt 1(a) tal-Anness ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(2)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83.


ANNESS

L-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 3 tal-Kapitolu III tat-Taqsima I, il-punt (c) jitbiddel b’dan li ġej:

“(c)

meta l-marka tiġi applikata f’biċċerija li tinstab fil-Komunità, il-marka għandha tinkludi l-abbrevjazzjoni CE, EB, EC, EF, EG, EK, EO, EY, ES, EÜ, EK jew WE.

Dawn l-abbrevjazzjonijiet ma għandhomx ikunu inklużi fil-marki applikati fuq laħam importat fil-Komunità minn biċċeriji li jinsabu barra l-Komunità.”

(b)

Fil-Parti A tal-Kapitolu III tat-Taqsima III, il-punt (a) jitbiddel b’dan li ġej:

“(a)

Fejn l-istabbiliment ikun għamel użu minn prassi iġjenika tajba skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament u l-proċedura HACCP għal mill-inqas 12-il xahar, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza lill-istaff tal-istabbiliment biex iwettaq ħidmiet ta’ awżiljarji uffiċjali. Din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss jekk l-istaff tal-istabbiliment ikun tħarreġ, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, bl-istess mod bħall-awżiljarji uffiċjali għall-ħidmiet tal-awżiljarji uffiċjali jew għall-ħidmiet speċifiċi li huma awtorizzati li jwettqu. Dan l-istaff għandu jkun taħt is-sorveljanza, id-direzzjoni u r-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-veterinarju uffiċjali għandu jkun preżenti fl-eżamijiet ante-mortem u post-mortem, għandu jissorvelja dawn l-attivitajiet u jwettaq testijiet regolari ta’ prestazzjoni biex jiżgura li l-prestazzjoni tal-istaff tal-biċċerija tissodisfa l-kriterji speċifiċi stabbiliti mill-awtorità kompetenti, u għandu jiddokumenta r-riżultati ta’ dawn it-testijiet ta’ prestazzjoni. Fejn il-livell tal-iġjene tal-istabbiliment ikun affettwat mill-ħidma ta’ dan l-istaff, fejn l-istaff ma jwettaqx il-ħidmiet kif xieraq jew fejn b’mod ġenerali l-istaff iwettaq ħidmietu b’mod li l-awtorità kompetenti tqis li mhuwiex sodisfaċenti, l-awżiljarji uffiċjali għandhom jieħdu post dan l-istaff.”

(2)

Fil-Parti A tal-Kapitolu II tal-Anness II, il-punt 4 jitbiddel b’dan li ġej:

“4.

L-awtorità kompetenti tista’ tikklassifika bħala waħda li tkun ġejja minn żoni ta’ Klassi B li minnhom jistgħu jinġabru molluski bivalvi u li jistgħu biss jitqiegħdu fis-suq għall-konsum mill-bniedem wara trattament f’ċentru ta’ purifikazzjoni jew wara t-tqegħid mill-ġdid biex jissodisfaw l-istandards ta’ saħħa msemmija fil-paragrafu 3. Molluski bivalvi ħajjin minn dawn iż-żoni ma għandhomx jaqbżu, fid-90 % tal-kampjuni, l-4 600E. coli għal kull 100 g ta’ laħam u likwidu intravalvulari. Fil-bqija tal-10 % tal-kampjuni, il-molluski bivalvi ħajjin m’għandhomx jaqbżu s-46 000E. coli għal kull 100 g ta’ laħam u likwidu intravalvulari.

Il-metodu ta’ referenza għal din l-analiżi huwa t-test tal-ħames tubi, tliet taħlitiet, tan-Numru l-Aktar Probabbli (MPN (Most Probable Number)) speċifikat f’ISO 16649-3. Jistgħu jintużaw metodi alternattivi jekk dawn jiġu vvalidati ma’ dan il-metodu ta’ referenza skond il-kriterji f’EN/ISO 16140.”

(3)

Fil-Kapitolu II tal-Anness III, il-Parti G titbiddel b’dan li ġej:

“G.   PRODOTTI TAS-SAJD VELENUŻI

Għandhom isiru verifiki biex jiżguraw li:

1.

il-prodotti tas-sajd ġejjin minn ħut velenuż tal-familji li ġejjin ma jitqiegħdux fis-suq: Tetraodontidae, Molidae, Diodontidae u Canthigasteridae;

2.

il-prodotti tas-sajd friski, imħejjija, iffriżati u pproċessati li jappartjenu lill-familja Gempylidae, b’mod partikolari r-Ruvettus pretiosus u l-Lepidocybium flavobrunneum, jistgħu jitqiegħdu biss fis-suq f’forma imqartsa/ippakkjata u għandhom ikunu ttikkettjati kif xieraq biex jipprovdu t-tagħrif lill-konsumatur dwar il-metodi ta’ tħejjija/tisjir u dwar ir-riskju relatat mal-preżenza ta’ sustanzi b’effetti gastrointestinali li jagħmlu ħsara. L-ismijiet xjentifiċi tal-prodotti tas-sajd u l-ismijiet komuni għandhom jidhru fuq it-tikketta;

3.

il-prodotti tas-sajd li fihom il-bijotossini bħas-Ciguatera jew tossini oħra ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem ma jitqiegħdux fis-suq. Madankollu, prodotti tas-sajd li ġejjin minn molluski bivalvi, mill-ekinodermi, t-tunikati u mill-gastropodi tal-baħar jistgħu jitqiegħdu fis-suq jekk ikunu ġew prodotti skond it-Taqsima VII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u jkunu konformi mal-istandards stipulati fil-kapitolu V, punt 2, ta’ dik it-Taqsima.”