|
18.10.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 277/7 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1019/2008
tas-17 ta’ Ottubru 2008
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikoli 13(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 jfassal ir-regoli ġenerali għall-operaturi tan-negozju tal-ikel dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel. Operaturi tan-negozju tal-ikel involuti fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel wara l-ewwel stadju ta’ produzzjoni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ iġjene ġenerali stipulati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Fir-rigward tal-forniment tal-ilma, il-Kapitolu VII ta’ dak l-Anness jistipula li għandu jintuża ilma tajjeb għax-xorb, kull fejn ikun hemm bżonn, biex jiġi żgurat li l-oġġetti tal-ikel ma jiġux kontaminati u li jista’ jintuża ilma nadif ma’ prodotti tas-sajd sħaħ. Huwa jistipula wkoll li ilma baħar nadif jista’ jintuża ma’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-baħar ħajjin u li jista’ jintuża ilma nadif għall-ħasil minn barra tagħhom. |
|
(3) |
L-użu ta’ ilma nadif ma’ prodotti tas-sajd sħaħ u għall-ħasil minn barra ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-baħar ħajjin ma jirrappreżentax riskju għas-saħħa pubblika sakemm ikunu ġew żviluppati u ddaħħlu fis-seħħ proċeduri ta’ kontroll ibbażati, partikolarment, fuq il-prinċipji tal-Analiżi tar-Riskju u l-Punt ta’ Kontroll Kritiku (HACCP) mill-operaturi tan-negozju tal-ikel biex jiġi żgurat li dan ma jkunx għajn ta’ kontaminazzjoni. |
|
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan. |
|
(5) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fil-Kapitolu VII tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, il-punt 1(b) jinbidel b’dan li ġej:
|
“(b) |
Ilma nadif jista’ jintuża ma’ prodotti tas-sajd sħaħ. Ilma baħar nadif jista’ jintuża ma’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-baħar ħajjin; ilma nadif jista’ jintuża wkoll għal ħasil minn barra. Meta jintuża ilma nadif, iridu jkunu disponibbli faċilitajiet u proċeduri adegwati għall-forniment tiegħu biex jiġi żgurat li użu ta’ dan it-tip ma jkunx għajn ta’ kontaminazzjoni għall-oġġetti tal-ikel.” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Ottubru 2008.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni