31.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 293/1


REGOLAMENT (KE) Nru 1007/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' l-24 ta' Settembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 460/2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni f'dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien tagħha

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Marzu 2004, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 (3) li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) għal perjodu ta' ħames snin.

(2)

Fit-23 ta' Marzu 2007, il-Bord ta' Ġestjoni ta' l-Aġenzija ħareġ rakkomandazzjonijiet, wara l-evalwazzjoni ta' l-Aġenzija, dwar it-tibdiliet adatti għar-Regolament (KE) Nru 460/2004.

(3)

F'konformità ma' l-Istrateġija tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni tat bidu għal konsultazzjoni pubblika dwar l-estensjoni u l-ġejjieni ta' l-Aġenzija, li saret mit-13 ta' Ġunju sas-7 ta' Settembru 2007.

(4)

Peress li l-mandat ta' l-Aġenzija ser jiskadi fit-13 ta' Marzu 2009 u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u l-kontinwità, jeħtieġ li tiġi adottata estensjoni li tippermetti diskussjoni ulterjuri dwar l-Aġenzija, litirrifletti r-riżultati tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' l-Aġenzija, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta' Ġestjoni u r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-qafas regolatorju għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Din għandha tippermetti wkoll riflessjoni ulterjuri dwar id-direzzjoni ġenerali ta' l-isforzi Ewropej lejn aktar sigurtà għan-networks u għat-tagħrif. L-estensjoni tat-tul ta' żmien ta' l-Aġenzija għandha tkun bla ħsara għar-riżultati ta' dik id-diskussjoni.

(5)

It-tul ta' żmien ta' l-Aġenzija għalhekk għandu jiġi estiż sat-13 ta' Marzu 2012,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 460/2004

L-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 460/2004 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 27

Tul ta' żmien

L-Aġenzija għandha tiġi stabbilita mill-14 ta' Marzu 2004 għal perjodu ta' tmien snin.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 24 ta' Settemrbu 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  L-Opinjoni tat-13 ta' Frar 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2008.

(3)  ĠU L 77, 13.3.2004, p. 1.