16.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 275/18


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1001/2008

tat-13 ta’ Ottubru 2008

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malasja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(2) tiegħu,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

F’Awwissu 2002, il-miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet (“ATP” jew “il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malasja (il-“pajjiżi kkonċernati”) ġew imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1514/2002 (2) (l-“investigazzjoni oriġinali”). Id-dazji anti-dumping fis-seħħ għall-Malasja huma: 59,2 % għal Anggerik Laksana Sdn Bhd u 75 % għall-kumpaniji l-oħra kollha; għar-Repubblika tal-Korea d-dazju huwa 44 % għall-kumpaniji kollha.

(2)

Barra mill-ambitu ta’ dan il-proċediment, bħalissa hemm fis-seħħ miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 964/2003 (3) fuq esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (58,6 %) u mit-Tajlandja (58,9 %), bl-eċċezzjoni ta’ żewġ kumpaniji fit-Tajlandja, u dawk ikkunsinnati mit-Tajwan, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan sew jekk le. Il-miżuri għall-prodott ikkonċernat li joriġina miċ-Ċina ġew estiżi għal importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnat mill-Indonesja bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2052/2004 (4), mis-Sri Lanka bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2053/2004 (5) u mill-Filippini bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 655/2006 (6), sew jekk iddikjarat li joriġina mill-Filippini, l-Indonesja, is-Sri Lanka sew jekk le.

2.   Talba għal reviżjoni

(3)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (7) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq importazzjonijiet ta’ ATP li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malasja, il-Kummissjoni rċeviet talba biex tirrevedi dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(4)

It-talba kienet ippreżentata fit-23 ta’ Mejju 2007 mill-Kumitat tad-Difiża tal-iSteel Butt-Welding Fittings Industry tal-Unjoni Ewropea (“l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Komunità ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet.

(5)

It-talba kienet imsejsa fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li tirriżulta fi tkomplija jew rikorrenza ta’ dumping u dannu lill-industrija Komunitarja.

(6)

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni bdiet reviżjoni ta’ skadenza (8) skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

3.   Investigazzjoni

(7)

Il-Kummissjoni tat parir b’mod uffiċjali lill-produtturi Komunitarji applikanti, lill-produtturi Komunitarji l-oħra, lill-produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati, lill-importaturi/kummerċjanti, lill-utenti u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom li hu magħruf li huma kkonċernati, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi esportaturi, dwar il-bidu tar-reviżjoni.

(8)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil dawn il-partijiet kollha u lil dawk li introduċew ruħhom fiż-żmien stipulat fl-avviż tal-bidu.

(9)

Il-Kummissjoni tat ukoll l-opportunità lill-partijiet interessati li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-avviż tal-bidu.

(10)

Fid-dawl tal-għadd apparentament għoli ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Korea, importaturi/kummerċjanti tal-prodott ikkonċernat u produtturi Komunitarji, it-teħid ta’ kampjuni ġie mbassar fl-avviż tal-bidu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Biex tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni għandux ikun neċessarju u, jekk dan huwa l-każ, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni bagħtet formoli għat-teħid ta’ kampjuni fejn talbet tagħrif speċifiku dwar il-volum ta’ bejgħ u l-prezzijiet medji ta’ kull produttur Komunitarju, produttur esportatur u importatur ikkonċernat. Ma waslet tweġiba mill-ebda produttur esportatur Korean u waslu ħdax-il tweġiba mill-importaturi. Erba’ produtturi Komunitarji biss wieġbu għall-formola ta’ teħid ta’ kampjuni. Għaldaqstant ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx meħtieġ.

(11)

Erba’ produtturi Komunitarji wieġbu l-kwestjonarju, iżda wieħed bagħat tweġiba parzjali u naqas li jwieġeb wara li kienet intbagħtet ittra ta’ nuqqasijiet. Fir-rigward tal-Malasja, waslu żewġ tweġibiet għall-kwestjonarju, waħda minn kumpanija ġdida u l-oħra minn kumpanija li aktar tard irrifjutat iż-żjara ta’ verifika. L-ebda produttur esportatur Korean ma wieġeb il-kwestjonarju. Żewġ importaturi ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju.

(12)

Il-Kummissjoni talbet u vverifikat it-tagħrif kollu li hi qieset neċessarju bl-għan li tistabbilixxi l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza probabbli ta’ dumping u dannu kif ukoll l-interess Komunitarju. Żjarat ta’ verifika twettqu fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi Komunitarji applikanti

Erne Fittings GmbH, Schlins, l-Awstrija

Interfit S.A., Maubeuge, Franza

Virgilio Cena & Figli S.p.A, Brescia, l-Italja

(b)

Produttur ġdid fil-Malasja

Pantech Steel Industries SDN. BHD., Selangor, il-Malasja

4.   Perjodu ta’ investigazzjoni

(13)

L-investigazzjoni tal-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2006 sat-30 ta’ Ġunju 2007 (il-“PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sa tmiem il-PI (il-“perjodu meqjus”).

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Prodott ikkonċernat

(14)

Il-prodott taħt reviżjoni huwa aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet (għajr aċċessorji fonduti, flanġijiet u aċċessorji bil-kamin), tal-ħadid jew tal-azzar (ma jinkludix l-istainless steel), bl-akbar dijametru ta’ barra li ma jaqbiżx is-609,6 mm, tat-tip li jiġi użat għall-issaldjar jew xi użi oħra, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malasja, li bħalissa huma klassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM ex 7307 93 11, ex 7307 93 19, ex 7307 99 30 u ex 7307 99 90.

(15)

L-ATP huma mmanifatturati essenzjalment permezz tal-qtugħ u l-ifformar ta’ tubi u pajpijiet. Huma jintużaw biex jgħaqqdu t-tubi u l-pajpijiet u jistgħu jkunu ta’ għamliet differenti: liwjiet minkeb, forom ridotti, forom ta’ “T” u tappijiet, kif ukoll daqsijiet u gradi materjali differenti. Dawn jintużaw prinċipalment fl-industrija petrokimika, bini, ġenerazzjoni tal-enerġija, bini tal-bastimenti u stallazzjonijiet industrijali. Meta jinbiegħu biex jintużaw fl-industrija petrokimika, l-istandard globali użat huwa l-istandard ANSI. Għal għanijiet oħra, l-aktar standard komuni użat fil-Komunità huwa l-istandard DIN.

2.   Prodott simili

(16)

Bħalma ġara fl-investigazzjoni oriġinali, l-investigazzjoni wriet li l-ATP prodotti fil-pajjiżi kkonċernati, mibjugħa fid-djar u/jew esportati lejn il-Komunità, għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi u l-istess użi aħħarija bħall-prodotti mibjugħa fil-Komunità mill-produtturi Komunitarji applikanti u għalhekk jitqiesu li huma prodotti simili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI TA’ DUMPING

(17)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li twassal għal kontinwazzjoni ta’ dumping jew le.

1.   Rimarki preliminari

(18)

Kif imsemmi hawn fuq, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kull produttur esportatur fil-Korea u fil-Malasja, għajr għal kumpanija ġdida waħda, dan l-eżami kellu jkun imsejjes fuq tagħrif disponibbli lill-Kummissjoni minn għejun oħra. F’dan ir-rigward, u skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, id-data tal-Eurostat li tirreferi għall-kodiċi NM bi 8 ċifri, imqabbla ma’ għejun oħra, intużat biex tistabbilixxi l-kwantitajiet u l-prezzijiet tal-importazzjoni. Intużaw fatti disponibbli biex jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dumping, jiġifieri f’dan il-każ it-tagħrif li jinsab fit-talba u l-istatistika tal-Istati Uniti.

(19)

Minħabba l-volum żgħir li hemm bħalissa ta’ importazzjonijiet ta’ ATP mill-Korea u mill-Malasja fl-UE, il-Kummissjoni kellha tuża data minn pajjiż ieħor. L-Istati Uniti tqiesu adatti, billi s-suq huwa ta’ daqs simili, b’ħafna produtturi domestiċi iżda wkoll bi proporzjon kbir ta’ importazzjonijiet, li jagħmlu dan is-suq wieħed kompetittiv ferm. Barra minn hekk, l-Istati Uniti huma d-destinazzjoni ewlenija għal esportazzjonijiet mill-Korea u mill-Malasja.

2.   Dumping ta’ importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni

(a)   Valur normali

(20)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u fin-nuqqas ta’ xi kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Koreani jew Malasjani, għajr minn kumpanija ġdida waħda, il-valur normali kien imsejjes fuq id-data li ngħatat fit-talba, jiġifieri spiża stmata ta’ manifattura li magħha żdiedu 12,3 % u 15,1 % għall-ispejjeż ġenerali, amministrattivi u tal-bejgħ u 5,6 % u 6 % għall-qligħ għall-Korea u l-Malasja rispettivament, espressa bħala perċentwali tal-fatturat. Jitqies li l-perċentwali ta’ hawn fuq huma pjuttost konservattivi.

(b)   Prezz tal-esportazzjoni

(21)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni kemm mill-produtturi esportaturi Koreani kif ukoll dawk Malasjani, għajr minn kumpanija ġdida waħda, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie kkalkolat billi ntużaw il-prezzijiet ta’ esportazzjoni Koreani u Malasjani għall-prodott ikkonċernat lill-Istati Uniti, li ġejjin mill-istatistika ta’ importazzjoni tal-Istati Uniti. Dawn iċ-ċifri ġew aġġustati skont it-tipi ta’ prodott proporzjonalment għat-tunnellaġġ ta’ kull tip ta’ prodott imsejjes fuq it-tagħrif mogħti fit-talba.

(ċ)   Tqabbil

(22)

Il-valur normali medju ikkalkolat kien imqabbel mal-prezz medju ikkalkolat tal-esportazzjoni tal-ATP, skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, it-tnejn f’livell ta’ ex-works.

(23)

Bl-għan li jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, ġew magħmula aġġustamenti għall-merkanzija fuq l-art u fuq il-baħar, l-assigurazzjoni, it-tqandil, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari.

(d)   Marġni ta’ dumping

(24)

It-tqabbil tal-valur normali kostrutt u tal-prezz ta’ esportazzjoni kostrutt juri l-eżistenza ta’ dumping fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati, bil-marġni ta’ dumping ikun ugwali għall-ammont li bih il-valur normali qabeż il-prezz ta’ esportazzjoni. Il-marġni ta’ dumping li nstab, bħala perċentwali tal-prezz CIF tal-importazzjoni fil-fruntieri tal-Komunità, kien 15,1 % għall-Korea u 61,3 % għall-Malasja.

3.   Żviluppi tal-importazzjonijiet f’każ li l-miżuri jiġu rrevokati

(a)   Rimarki preliminari

(25)

Wara l-analiżi tal-eżistenza ta’ dumping matul il-PI, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping ġiet eżaminata wkoll. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kull produttur esportatur Korean u Malasjan, għajr għal kumpanija ġdida waħda, u minħabba n-nuqqas ta’ tagħrif disponibbli pubblikament dwar l-industrija ATP, il-konklużjonijiet ta’ hawn taħt jiddependu prinċipalment fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri d-data tal-Eurostat, it-talba ta’ reviżjoni, u l-Istatistika tal-Istati Uniti.

(b)   Kapaċità ta’ produzzjoni Koreana u Malasjana

(26)

Il-kapaċità disponibbli kemm fil-Korea kif ukoll fil-Malasja hija stmata għal 35 300 tunnellata u l-kapaċità ta’ esportazzjoni tagħhom għal 20 000 tunnellata. Din tirrappreżenta aktar minn kwart tal-konsum Komunitarju.

(ċ)   Prezzijiet tal-esportazzjonijiet Koreani u Malasjani lejn il-Komunità

(27)

Kif isemmi fir-rimarki preliminari, l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miż-żewġ pajjiżi kkonċernati lejn is-suq Komunitarju huma kważi ineżistenti. Fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħra, fit-talba huwa allegat li l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Istati Uniti saru bi prezzijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping.

(d)   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping

(28)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jiġifieri l-marġnijiet għolja ta’ dumping, il-kapaċità żejda enormi li hi disponibbli f’dawn il-pajjiżi flimkien mal-kapaċitajiet għolja ta’ esportazzjoni tagħhom, jista’ jiġi konkluż li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping lejn l-UE jissoktaw jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Barra minn hekk, minkejja l-livell għoli ta’ dazji anti-dumping imposti fuq l-esportazzjonijiet tagħhom, li kważi waqfu għal kollox, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fil-Malasja ma talab reviżjoni interim. Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-kumpaniji esportaturi Koreani qatt ma kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni f’din l-investigazzjoni tissuġġerixxi wkoll li dawn il-produtturi esportaturi ma ridux jew ma setgħux juru li l-ebda dumping ma kien se jseħħ jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

D.   DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

(29)

Tliet kumpaniji kkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni. Dawn il-kumpaniji jinsabu fi Franza (Interfit), fl-Awstrija (Erne Fittings) u fl-Italja (Virgilio Cena). Il-grupp Awstrijak għandu wkoll kumpanija relatata fil-Ġermanja (Siekmann Fittings). L-investigazzjoni stabbiliet li t-tliet produtturi Komunitarji li applikaw u li kkooperaw bis-sħiħ kienu jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni Komunitarja ta’ ATP u għalhekk jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.

E.   QAGĦDA FIS-SUQ KOMUNITARJU

1.   Konsum fis-suq Komunitarju

(30)

Il-konsum Komunitarju kien imsejjes fuq il-volum ikkombinat ta’ bejgħ li sar mill-produtturi Komunitarji applikanti u produtturi Komunitarji oħra, ibbażat fuq it-talba, u fuq importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, it-tnejn ibbażati fuq l-Eurostat.

(31)

Fuq din il-bażi, matul il-perjodu meqjus, il-konsum Komunitarju żdied b’26 %, minn 58 561 tunnellata fl-2002 għal 73 519-il tunnellata matul il-PI. L-aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet jintużaw prinċipalment fl-industrija petrokimika, bini, ġenerazzjoni tal-enerġija, bini ta’ bastimenti u installazzjonijiet industrijali li, flimkien mal-irkupru tal-industrija tal-azzar, jistgħu jispjegaw din iż-żieda.

(32)

Tabella 1

Konsum Komunitarju

Konsum Komunitarju

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Tunnellati

58 561

62 122

64 480

56 255

65 667

73 519

Indiċi

100

106

110

96

112

126

Varjazzjoni annwali

100

6

4

–14

16

13

Sors: Eurostat, talba, tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

2.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(a)   Volum u sehem fis-suq

(33)

Il-volumi importati mill-Malasja u mill-Korea naqsu b’mod drastiku minn 404 għal 11-il tunnellata. Dan jidher li huwa r-riżultat tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ sa minn Frar 2002. Is-sehem tas-suq tagħhom huwa de minimis.

(34)

Tabella 2

Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Tunnellati

404

22

54

94

17

11

Indiċi

100

5

13

23

4

3

Varjazzjoni annwali

100

–95

8

10

–19

–1

Sehem tas-suq f’% tal-Konsum Komunitarju

1

0,04

0,08

0,17

0,03

0,01

Sors: Eurostat.

(b)   Evoluzzjoni tal-prezz tal-importazzjonijiet u t-tnaqqis

(35)

Minħabba fl-importazzjonijiet limitati ferm mill-pajjiżi kkonċernati u fid-dawl tal-varjetà kbira ta’ tipi differenti ta’ prodotti, il-prezzijiet ipprovduti mill-Eurostat ma jistgħux jitqiesu bħala sors affidabbli għal analiżi dettaljata.

(36)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-pajjiżi kkonċernati, il-marġnijiet ta’ tnaqqis ġew ikkalkolati billi ntużat l-istess metodoloġija bħal fit-talba, jiġifieri, billi ġew imqabbla l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati lill-Istati Uniti u l-prezzijiet tal-applikanti mitluba fis-suq Komunitarju. Il-marġni ta’ tnaqqis huwa 25,2 % għall-Korea u 53,3 % għall-Malasja.

3.   Qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja

(a)   Produzzjoni, kapacità tal-produzzjoni u kapaċità tal-utilizzazzjoni

(37)

Il-produzzjoni tal-industrija Komunitarja żdiedet b’5 % matul il-perjodu meqjus, filwaqt li l-konsum Komunitarju żdiedet b’26 %.

(38)

Tabella 3

Volum ta’ produzzjoni

Volum tal-produzzjoni

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Tunnellati

46 454

43 504

47 155

40 881

49 300

48 922

Indiċi

100

94

102

88

106

105

Varjazzjoni annwali

100

–6

8

–14

18

–1

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja.

(39)

Matul il-perjodu meqjus, il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-industrija Komunitarja żdiedet b’6 %, minkejja tnaqqis żgħir fl-2003.

(40)

Tabella 4

Kapaċità tal-produzzjoni

Kapaċità tal-produzzjoni

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Tunnellati

89 400

87 800

89 700

90 300

94 800

95 000

Indiċi

100

98

100

101

106

106

Varjazzjoni annwali

100

–2

2

1

5

0

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

(41)

Matul il-perjodu meqjus l-utilizzazzjoni tal-kapaċità naqset b’1 %.

(42)

Tabella 5

Kapaċità ta’ utilizzazzjoni

Kapaċità ta’ utilizzazzjoni

2002

2003

2004

2005

2006

PI

%

52

50

53

45

52

51

Indiċi

100

95

101

87

100

99

Varjazzjoni annwali

100

–5

6

–14

13

–1

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

(b)   Volum ta’ bejgħ u prezzijiet tal-bejgħ

(43)

Il-bejgħ tal-industrija Komunitarja lill-klijenti mhux relatati fis-suq Komunitarju żdied bi 11 % bejn l-2002 u l-PI.

(44)

Tabella 6

Bejgħ tal-industrija Komunitarja lil partijiet mhux relatati

Bejgħ tal-industrija Komunitarja lil partijiet mhux relatati

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Tunnellati

34 968

34 893

38 401

32 841

36 908

38 750

Indiċi

100

100

110

94

106

111

Varjazzjoni annwali

100

–0,2

10

–16

12

5

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja.

(45)

Matul il-perjodu meqjus, il-prezzijiet medji ta’ bejgħ applikati mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju żdiedu gradwalment. Iż-żieda totali bejn l-2002 u l-PI kienet ta’ 63 %. Din iż-żieda hija spjegata parzjalment miż-żieda fl-ispiża tal-materja prima ewlenija, it-tubi tal-azzar, u parzjalment minn bidla fl-ambitu ta’ produzzjoni ta’ żewġ produtturi Komunitarji biex jiffokaw fuq tipi speċjali aktar għaljin.

(46)

Tabella 7

Prezz tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja

Prezz tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja

2002

2003

2004

2005

2006

PI

EUR/tunnellata

1 553

1 652

1 783

2 133

2 217

2 528

Indiċi

100

106

115

137

143

163

Varjazzjoni annwali

100

6

8

23

5

20

Sors: It-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja.

(ċ)   Sehem tas-suq

(47)

Is-sehem globali tas-suq miżmum mill-industrija Komunitarja mill-2002 sal-PI naqas b’seba’ punti perċentwali.

(48)

Tabella 8

Sehem tas-suq tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja

Sehem tas-suq tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Perċentwali tas-suq

60  %

56  %

60  %

58  %

56  %

53  %

Sors: Eurostat u tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja.

(d)   Tkabbir

(49)

Filwaqt li l-konsum tal-Komunità żdied b’26 % matul il-perjodu meqjus, il-volum ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja fis-suq żdied bi 11 % biss u s-sehem tas-suq tal-industrija Komunitarja fis-suq naqas b’seba’ punti perċentwali. Għalhekk, ix-xejra li dejjem qed tikber fil-konsum Komunitarju ma kinitx segwita minn żieda korrispondenti fil-bejgħ tal-industrija Komunitarja.

(e)   Profittabilità u r-redditu fuq l-investimenti

(50)

Matul il-perjodu meqjus il-profittabilità, espressa bħala perċentwali tal-valur nett ta’ bejgħ għall-partijiet mhux relatati, żviluppat kif ġej:

(51)

Tabella 9

Profittabilità

Profittabilità

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Perċentwali tal-valur nett tal-bejgħ

2  %

1  %

4  %

1  %

6  %

10  %

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja.

(52)

Il-profittabilità tal-industrija Komunitarja segwiet xejra pożittiva, b’konformità maż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja. Minkejja tnaqqis sinifikanti fl-2003 u fl-2005, il-profittabilità globali laħqet l-10 %. Dan kien minħabba bidla għall-produzzjoni ta’ prodotti b’valur miżjud ogħla matul il-perjodu meqjus, meta l-profitt medju li sar mill-industrija Komunitarja kien ta’ 4 %.

(53)

Ir-redditu mill-investimenti, espress bħala profitti/telf b’rabta mal-valur nett deprezzat tal-investimenti, segwa l-istess xejra bħall-profittabilità.

(54)

Tabella 10

Redditu mill-investimenti

Redditu mill-investimenti

2002

2003

2004

2005

2006

PI

%

6

2

11

4

18

37

Indiċi

100

37

184

62

310

618

Varjazzjoni annwali

100

–63

147

– 122

248

309

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja.

(f)   Likwidità

(55)

Kien hemm varjazzjonijiet konsiderevoli fil-likwidità bejn l-2002 u l-2005 u żieda drammatika fl-2006 u matul il-PI. Din iż-żieda ta’ likwidità tindika wkoll li l-industrija kienet qed tirkupra. Dan il-livell ta’ likwidità jippermetti lill-kumpaniji jerġgħu jinvestu fin-negozju tal-ATP wara perjodi baxxi.

(56)

Tabella 11

Likwidità

Likwidità

2002

2003

2004

2005

2006

PI

EUR

1 310 693

3 826 570

2 378 520

1 233 797

7 559 501

10 040 180

Indiċi

100

292

181

94

577

766

Varjazzjoni annwali

100

192

– 110

–87

483

189

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

(g)   Investimenti u ħila li jinġabar kapital

(57)

L-industrija Komunitarja żiedet l-investimenti b’65 % matul il-perjodu meqjus. Ħafna minnhom kienu kkonċentrati fuq il-makkinarju biex iżidu l-produttività. L-ebda waħda mill-kumpaniji investigati ma semmiet xi diffikultà attwali biex tiġbor il-kapital.

(58)

Tabella 12

Investimenti

Investimenti

2002

2003

2004

2005

2006

PI

EUR

5 839 416

5 824 908

3 438 352

7 422 926

9 986 636

9 643 822

Indiċi

100

100

59

127

171

165

Varjazzjoni annwali

100

–0,2

–41

68

44

–6

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

(h)   Ħażniet

(59)

It-tabella hawn taħt turi li l-ħażniet tal-għeluq żammew kurva stabbli; madankollu, fil-perjodu meqjus hemm tnaqqis żgħir ta’ madwar 1 %.

(60)

Tabella 13

Ħażniet

Ħażna tal-għeluq f’Volum

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Tunnellata

7 233

7 115

7 449

7 206

7 580

7 190

Indiċi

100

98

103

100

105

99

Varjazzjoni annwali

100

–2

5

–3

5

–5

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja.

(i)   Impjiegi, produttività u spiża tax-xogħol

(61)

Wara tnaqqis ta’ 5 % fl-2003, matul il-perjodu meqjus l-għadd globali ta’ ħaddiema naqas bi 2 %.

(62)

Tabella 14

Impjiegi

Impjiegi

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Numru ta’ impjegati

760

725

719

692

729

741

Indiċi

100

95

95

91

96

98

Varjazzjoni annwali

100

–5

–0,8

–3

5

2

Sors: Tweġibiet verifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja.

(63)

B’konformità maż-żieda fil-produzzjoni u mat-tnaqqis fl-impjiegi, il-produttività tjiebet bi 8 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(64)

Tabella 15

Produttività

Produttività

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Tunnellati/impjegat

61

60

66

59

68

66

Indiċi

100

98

107

97

111

108

Varjazzjoni annwali

100

–2

9

–11

14

–3

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

(65)

Matul il-perjodu meqjus, l-ispejjeż tax-xogħol tal-industrija Komunitarja żdiedu gradwalment. Iż-żieda totali fl-ispiża tax-xogħol għall-perjodu meqjus kienet ta’ 22 %. Iż-żieda ewlenija fl-ispejjeż tax-xogħol saret f’kumpanija li biddlet it-taħlita tal-prodott tagħha minn prodotti essenzjali għal prodotti speċjalizzati, li kienu jeħtieġu kwalifiki professjonali ogħla.

(66)

Tabella 16

Spejjeż tax-xogħol

Spejjeż tax-Xogħol/Pagi

2002

2003

2004

2005

2006

PI

EUR

28 941 652

28 436 139

29 607 915

29 754 664

33 069 402

35 312 821

Indiċi

100

98

102

103

114

122

Varjazzjoni annwali

100

–2

4

1

11

8

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja.

4.   Effett ta’ fatturi oħra

(a)   Attività ta’ l-esportazzjoni tal-industrija Komunitarja

(67)

L-esportazzjonijiet tal-industrija Komunitarja ta’ aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet matul il-perjodu meqjus ma kinux stabbli ħafna, filwaqt li wrew varjazzjonijiet b’saħħithom. B’mod ġenerali, il-livell ta’ esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi naqas bi 15 %, b’dan it-tnaqqis ikun dovut prinċipalment għar-rata tal-kambju EUR/USD mhux favorevoli.

(68)

Tabella 17

Esportazzjonijiet tal-industrija Komunitarja

Esportazzjonijiet tal-industrija Komunitarja

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Tunnellati

10 893

8 003

9 358

8 410

11 890

9 278

Indiċi

100

73

86

77

109

85

Varjazzjoni annwali

100

–27

12

–9

32

–24

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija Komunitarja

(b)   Volumi u prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(69)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 964/2003 impona dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ATP mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (58,6 %) u mit-Tajlandja (58,9 %). Il-miżuri huma applikabbli għall-prodott ikkonċernat li oriġina miċ-Ċina u ġie kkunsinnat minn wieħed mill-pajjiżi li ġejjin: il-Filippini, l-Indonesja, is-Sri Lanka u t-Tajwan. Minkejja l-miżuri fis-seħħ kontra importazzjonijiet miċ-Ċina, l-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-UE qed jiżdiedu b’mod kostanti.

(70)

It-total ta’ volumi ta’ importazzjonijiet ta’ ATP minn pajjiżi terzi għajr għall-pajjiżi kkonċernati aktar minn irdoppja matul il-perjodu meqjus, filwaqt li żdied minn 9 654 tunnellata fl-2002 għal 24 105 tunnellati fi tmiem il-PI.

(71)

Il-volumi ta’ importazzjonijiet ta’ ATP fil-Komunità minn pajjiżi għajr għall-Korea u l-Malasja żviluppaw kif ġej:

(72)

Tabella 18

L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Tunnellati

9 654

12 453

11 488

13 344

19 020

24 105

Indiċi

100

129

119

138

197

250

Varjazzjoni annwali

100

29

–10

19

59

53

Sors: Eurostat

(73)

Is-sehem tas-suq ta’ importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi għajr għall-pajjiżi kkonċernati laħaq it-33 % tal-konsum tal-UE. Dan ifisser żieda ta’ 99 % fil-perjodu meqjus, minn 16 għal 33 %.

(74)

Tabella 19

Sehem tas-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

Sehem tas-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Perċentwali tas-suq

16  %

20  %

18  %

24  %

29  %

33  %

Indiċi

100

122

108

144

176

199

Varjazzjoni annwali

100

22

–14

36

32

23

Sors: Eurostat u tagħrif dwar is-suq mogħti mill-produtturi applikanti

(75)

Tabella 20

Importazzjonijiet ewlenin lejn l-UE

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra f’tunnellati

2002

2003

2004

2005

2006

PI

Ċina

859

1 428

1 772

2 236

5 846

8 339

Tajwan

1 101

2 372

1 894

2 540

4 774

5 854

Vjetnam

1 835

1 214

767

694

1 224

1 475

Indja

1 522

1 569

1 537

1 763

1 552

2 096

Tajlandja

676

1 508

778

558

1 622

2 334

(ċ)   Rkupru mill-effetti ta’ dumping

(76)

Kif muri mill-evoluzzjoni pożittiva tal-biċċa l-kbira tal-indikaturi elenkati hawn fuq, fis-snin 2002 sa nofs l-2007 l-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja rkuprat b’mod parzjali mill-effett inġurjuż ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li joriġinaw fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati.

5.   Konklużjoni dwar il-qagħda tal-industrija Komunitarja

(77)

Il-miżuri fis-seħħ wasslu għal irkupru parzjali tal-industrija Komunitarja sa mill-2002. L-industrija Komunitarja rnexxielha żżid il-volumi ta’ bejgħ tagħha u l-prezzijiet tagħha. L-indikaturi ta’ dannu bħall-produzzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni, il-profittabilità, l-investimenti, ir-redditu mill-investimenti u l-produttività wrew ukoll żvilupp pożittiv. Dan juri li l-industrija Komunitarja għamlet sforzi biex ittejjeb il-kompetittività tagħha. B’riżultat ta’ dan, il-bejgħ tal-industrija Komunitarja fil-Komunità kien ilu jagħmel profitt sa mill-2002.

(78)

Madankollu, l-industrija Komunitarja ma rnexxilhiex tieħu vantaġġ mit-tkabbir sinifikanti fil-konsum fil-Komunità u xi wħud mill-fatturi pożittivi huma wkoll ir-riżultat tal-għejbien ta’ produttur Komunitarju sinifikanti fir-Renju Unit, li l-attivitajiet tiegħu waqgħu f’idejn tnejn mill-kumpaniji li qed jappoġġjaw it-talba.

(79)

Madankollu wieħed jista’ jikkonkludi li l-introduzzjoni tal-miżuri kontra l-Korea u l-Malasja kellha impatt pożittiv fuq il-qagħda ekonomika tal-industrija Komunitarja.

(80)

Fid-dawl tat-tentattivi ta’ rkupru tal-industrija Komunitarja, il-kontinwazzjoni tad-dannu kkawżata minn importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ma setgħetx tiġi stabbilita. Għalhekk ġie eżaminat jekk kienx ser ikun hemm rikorrenza ta’ dannu f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

F.   PROBABBILTÀ TA’ RIKORRENZA TA’ DANNU

(81)

Kif imsemmi hawn fuq, il-produtturi Koreani u Malasjani għandhom il-potenzjal li jindirizzaw mill-ġdid volumi kbar ta’ esportazzjonijiet lejn is-suq Komunitarju jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Skont it-talba, dawn il-pajjiżi jiddependu b’mod qawwi fuq is-swieq tal-esportazzjoni: 75 % għall-Korea u 84 % għall-Malasja. Barra minn hekk, jidher li swieq oħra ta’ esportazzjoni, bħall-Istati Uniti u l-Ġappun, ma setgħux jassorbu l-kapaċità żejda, billi l-volumi ta’ esportazzjoni lejn dawn il-pajjiżi diġà huma sinifikanti, u għalhekk dawn jiġu diretti lejn is-suq Komunitarju. Barra minn hekk, jidher li hemm kapaċità żejda ġenerali fis-suq Asjatiku.

(82)

Fir-rigward tal-prezzijiet, instab mill-istatistika tal-Istati Uniti li l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Malasjani u Koreani lejn l-Istati Uniti kienu aktar baxxi minn dawk tal-industrija Komunitarja. Minkejja li ma setgħetx issir analiżi dettaljata minħabba l-ħafna tipi differenti ta’ prodotti, x’aktarx li dawn l-esportaturi ser jallinjaw il-prezzijiet tagħhom ma’ dawk l-aktar baxxi mill-pajjiżi Asjatiċi l-oħra biex jiksbu mill-ġdid is-sehem tagħhom tas-suq li kienu tilfu. Din l-imġiba fl-ipprezzar, kif muri min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħhom flimkien mal-abilità tagħhom li jdaħħlu kwantitajiet sinifikanti tal-prodott ikkonċernat fis-suq Komunitarju, tissuġġerixxi impatt negattiv fuq l-industrija Komunitarja.

(83)

Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-industrija Komunitarja jeħtieġ li tibqa’ kompetittiva biex tipproduċi ċertu volum ta’ prodotti standard, li għalhekk huma f’kompetizzjoni diretta mal-importazzjonijiet mill-Korea u l-Malasja, biex jinħolqu ekonomiji ta’ skala.

(84)

Fid-dawl ta’ dak ta’ hawn fuq, huwa konkluż li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, dan x’aktarx jirriżulta f’rikorrenza ta’ dannu lill-industrija Komunitarja kkawżata mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

G   INTERESS KOMUNITARJU

1.   Daħla

(85)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk estensjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti tmurx kontra l-interessi tal-industrija Komunitarja kollha kemm hi. L-interess Komunitarju ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ stima tad-diversi interessi involuti kollha, jiġifieri dawk tal-industrija Komunitarja, tal-importaturi/negozjanti kif ukoll tal-utenti tal-prodott ikkonċernat. Ma waslet l-ebda sottomissjoni mill-utenti.

(86)

Biex tevalwa l-impatt li x’aktarx ikollha l-kontinwazzjoni jew in-nuqqas ta’ kontinwazzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni talbet tagħrif mill-partijiet kollha interessati msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji tat-teħid ta’ kampjuni lil 64 importatur tal-prodott ikkonċernat u rċeviet ħdax-il tweġiba. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil dawn il-ħdax-il kumpanija u rċeviet biss żewġ tweġibiet parzjali li ma jagħtu l-ebda evidenza li l-miżuri fis-seħħ kienu affettwawhom b’mod materjali. Jidher ċar li l-importaturi sabu għejun oħra ta’ forniment, kif jista’ jidher mis-sehem sinifikanti tas-suq (33 %) miżmum minn pajjiżi terzi oħra, li wrew li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq Komunitarju huma żgurati.

(87)

Barra minn hekk, il-fatt li l-investigazzjoni preżenti hija reviżjoni, li għalhekk qed tanalizza sitwazzjoni li fiha l-miżuri anti-dumping diġà kienu jeżistu, jippermetti stima ta’ kull impatt negattiv mhux meħtieġ fuq il-partijiet ikkonċernati bil-miżuri anti-dumping attwali.

(88)

Fuq din il-bażi, ġie eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-kontinwazzjoni ta’ dumping u l-probabbiltà ta’ rikkorrenza ta’ dannu, kinux jeżistu raġunijiet tant qawwija li jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess tal-Komunità li jinżammu l-miżuri f’dan il-każ partikolari.

2.   Interessi tal-industrija Komunitarja

(89)

L-industrija Komunitarja wriet li hija industrija strutturalment vijabbli. Dan ġie kkonfermat mill-iżvilupp pożittiv tal-qagħda ekonomika tagħha fi żmien meta ġiet stabbilita mill-ġdid kompetizzjoni effettiva wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping li jinsabu fis-seħħ bħalissa. Tabilħaqq, l-isforzi li saru mill-industrija Komunitarja biex tirrazzjonalizza l-produzzjoni tagħha u ssaħħaħ il-kompetittività tagħha wasslu għal profitt raġonevoli fl-aħħar sentejn tal-perjodu meqjus.

(90)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jidher li jeħtieġ li jinżammu l-miżuri eżistenti biex jiġu evitati l-effetti negattivi tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, li jistgħu jipperikolaw il-proċess ta’ rkupru tal-industrija Komunitarja u eventwalment l-eżistenza tagħha stess. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li jekk tgħib l-industrija Komunitarja, ikun hemm ukoll impatt negattiv fuq l-industrija aktar ’l isfel fil-proċess, billi din tal-aħħar tara tnaqqis sinifikanti fl-għażla tagħha ta’ fornituri.

3.   Interessi tal-importaturi/negozjanti

(91)

Kif intqal hawn fuq, tnejn biss mill-64 importatur mhux relatat wieġbu l-kwestjonarju tal-Kummissjoni. Madankollu, ma esprimew l-ebda opinjoni negattiva fuq kontinwazzjoni possibbli tal-miżuri. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni huwa fih innifsu indikazzjoni li dan is-settur ma ġarrab l-ebda effett negattiv sostanzjali fuq il-qagħda ekonomika tiegħu b’riżultat tal-miżuri. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-importaturi ssoktaw jinnegozjaw il-prodott ikkonċernat f’volumi sinfikanti, anki billi żiedu il-volum importat matul il-perjodu meqjus.

(92)

Għaldaqstant ġie konkluż li l-qagħda ekonomika tal-importaturi tal-prodott ikkonċernat ma ġietx influwenzata b’mod negattiv bl-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping li jinsabu fis-seħħ bħalissa. Għall-istess raġunijiet, huwa wkoll improbabbli li kontinwazzjoni tal-miżuri tkun twassal għal deterjorament fil-qagħda ekonomika tagħhom fil-ġejjieni.

4.   Interessi tal-utenti

(93)

L-ebda utent ma introduċa ruħu fl-investigazzjoni attwali. L-utenti tal-prodott ikkonċernat huma prinċipalment l-industriji petrokimiċi u tal-bini. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħhom jidher li jikkonferma li l-aċċessorji ta’ tubi jew pajpijiet jirrappreżentaw parti żgħira ħafna tal-ispejjeż totali ta’ produzzjoni u li l-miżuri fis-seħħ ma jidhrux li kkawżaw xi telf ta’ kompetittività għalihom.

(94)

Ġie konkluż li ż-żamma tal-miżuri fl-istess livell ma tkun timplika l-ebda deterjorament fil-qagħda tal-utenti.

5.   Konklużjoni dwar l-interess Komunitarju

(95)

L-investigazzjoni wriet li l-miżuri anti-dumping eżistenti ppermettew li l-industrija Komunitarja tirkupra sa ċertu punt. Jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, dan jipperikola l-proċess ta’ rkupru u possibbilment iwassal għall-għejbien tal-industrija Komunitarja. Għaldaqstant, il-kontinwazzjoni tal-miżuri hija fl-interess tal-industrija Komunitarja.

(96)

Barra minn hekk, fil-passat, jidher li l-miżuri eżistenti ma kellhom l-ebda effett negattiv sinifikanti fuq il-qagħda ekonomika tal-utenti u tal-importaturi. Għaldaqstant ġie konkluż li m’hemm l-ebda raġuni qawwija kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti.

H.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(97)

Il-partijiet kollha kkonċernati kienu mgħarrfa bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hemm l-intenzjoni li tiġi rrakkomandata ż-żamma tal-miżuri eżistenti. Huma ngħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara l-iżvelar. Ma wasal l-ebda kumment mill-Korea; wasal kumment wieħed minn kumpanija Malasjana, iżda mhux tali li jbiddel il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq.

(98)

Minn dak ta’ hawn fuq jirriżulta li, kif previst mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, id-dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malasja, imposti mir-Regolament (KE) Nru 1514/2002, għandhom jinżammu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet (għajr aċċessorji fonduti, flanġijiet u aċċessorji bil-kamin), tal-ħadid jew tal-azzar (ma jinkludix l-istainless steel), bl-akbar dijametru ta’ barra li ma jaqbiżx is-609,6 mm, tat-tip li jiġi użat għall-issaldjar jew xi użi oħra, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malasja u li jaqgħu fil-kodiċi NM ex 7307 93 11, ex 7307 93 19, ex 7307 99 30 u ex 7307 99 90 (Kodiċi TARIC 7307931191, 7307931193, 7307931194, 7307931195, 7307931199, 7307931991, 7307931993, 7307931994, 7307931995, 7307931999, 7307993092, 7307993093, 7307993094, 7307993095, 7307993098, 7307999092, 7307999093, 7307999094, 7307999095, 7307999098).

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u ħieles mal-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Rata ta’ dazju

(%)

Kodiċi Addizzjonali TARIC

Malasja

 

Anggerik Laksana Sdn Bhd,

Selangor Darul Ehsan

59,2

A324

 

Il-kumpaniji l-oħra kollha

75

A999

Repubblika tal-Korea

 

Il-kumpaniji kollha

44

3.   Jekk ma jkunx speċifikat mod ieћor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji doganali li huma fis-seħħ.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 13 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 228, 24.8.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 139, 6.6.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 355, 1.12.2004, p. 4.

(5)  ĠU L 355, 1.12.2004, p. 9.

(6)  ĠU L 116, 29.4.2006, p. 1.

(7)  ĠU C 286, 23.11.2006, p. 8.

(8)  ĠU C 192, 18.8.2007, p. 15.