8.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 267/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISJONI (KE) Nru 981/2008

tas-7 ta' Ottubru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 423/2008 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 u li jistabbilixxi kodiċi tal-Komunità ta' prattiċi u proċessi enoloġiċi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 46(1) u (2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1493/1 999 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad-29 ta' April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (2). Madankollu, il-Kapitolu I tat-Titolu V tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar il-prattiki u t-tekniki enoloġiċi, l-Artikolu 70 tiegħu, kif ukoll id-dispożizzjonijiet korrispondenti li jinsabu speċifikament fl-Annessi għar-Regolament imsemmi jibqgħu applikabbli sal-31 ta' Lulju 2009.

(2)

L-Anness V, il-punt A 2, tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jipprevedi derogi mill-kontenut massimu totali ta' dijossidu tal-kubrit f'ċertu kategoriji ta' nbejjed fejn il-kontenut tar-residwi taz-zokkor huwa ta’ 5 grammi jew aktar kull litru.

(3)

L-Anness V, il-punt B 3, tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jipprevedi l-possibilità ta' deroga mill-kontenut massimu totali fl-aċidità volatili għal ċerti kategoriji ta' nbejjed.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 423/2008 (3) jiddefinixxi ċerti regoli dettaljati ta' applikazzjoni għar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 li jirrigwardaw b'mod partikolari l-kontenuti massimi totali tad-dijossidu tal-kubrit fl-inbejjed u l-kontenuti massimi totali tal-aċidità volatili tal-inbejjed. Partikolarment, l-Artikolu 23(1) ta' dak ir-Regolament jipprevedi li l-emendi għal-listi tal-inbejjed tal-punt A 2 tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għandhom ikunu stabbiliti fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 423/2008, u l-Artikolu 24 ta' dan ir-Regolament tal-aħħar jipprevedi li l-inbejjed li għalihom huma previsti derogi mill-kontenut massimu tal-aċidu volatili b'konformità mal-Anness V, il-punt B 3, tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għandhom ikunu stabbiliti fl-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 423/2008.

(5)

Ċerti nbejjed bojod Portugiżi ta' kwalità psr “Douro” akkumpanjati bl-espressjoni “colheita tardia” jkun fihom kontenut ta' residwi taz-zokkor ta’ 80 g/l jew aktar u jeħtieġu għall-preservazzjoni tagħhom f'kundizzjonijiet ta' kwalità tajbin kontenut ta' dijossidu tal-kubrit ta' aktar mil-limitu ġenerali ta' 260 mg/l, imma mhux aktar minn 400 mg/l. Għalhekk hu meħtieġ li dawn l-inbejjed jiżdiedu mal-lista fl-ewwel inċiż tal-punt b fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 423/2008.

(6)

Ċerti nbejjed bojod Spanjoli ta' kwalità psr bid-denominazzjoni tal-oriġini “Rioja”, jew bid-denominazzjoni tal-oriġini “Malaga”, bħal ċerti nbejjed bojod Portugiżi ta' kwalità psr “Douro”, li huma żviluppati skont metodi partikolari u li għandhom qawwa alkoħolika ogħla minn 13 % vol., normalment ikun fihom kontenut ta' aċidità volatili ogħla mil-limiti stabbiliti fl-Anness V, il-punt B 1 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 iżda mhux anqas minn 25, 35 jew 40 milli-ekwivalenti għal kull litru, skont il-każ. Għaldaqstant dawn l-inbejjed għandhom jiżdiedu mal-lista tal-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 423/2008.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 423/2008 fl-Artikolu 44 tiegħu jistipula r-regoli ġenerali għall-użu sperimentali tal-prattiki enoloġiċi ġodda fl-Istati Membri. Il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu 1(c) ta' dak l-Artikolu, li timpedixxi li nbejjed soġġetti għal prattiki enoloġiċi sperimentali awtorizzati fi Stat Membru jintbagħtu barra minn dak l-Istat Membru, ħolqot diffikultajiet għall-operaturi l-aktar għall-evalwazzjoni tal-impatt ekonomiku tal-prattiki sperimentali. Hu meħtieġ li titneħħa din il-kundizzjoni restrittiva fejn il-prattika kkonċernata diġà kienet irrakkomandata u ppubbliċizzata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Inbejjed u tad-Dwieli (OIV).

(8)

Il-possibiltà taċ-ċirkolazzjoni tal-inbejjed li jkunu soġġetti għall-prattiki enoloġiċi sperimentali madwar il-Komunità, għandha tkun soġġetta għall-kontroll effikaċi u l-prattiki sperimentali użati għal dawn l-inbejjed għandhom ikunu indikati fuq id-dokument “appoġġanti” (anċillari) imsemmi fl-Artikolu 70(1) u fuq ir-reġistru previst fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 423/2008 għandu jkun emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 423/2008 hu emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 44(1), l-ewwel subparagrafu hu emendat kif ġej:

a)

Tiżdied is-sentenza li ġejja mal-punt (c):

“Madankollu, fejn il-prattika jew it-trattament enoloġiku li huwa soġġett għal tali awtorizzazzjoni sperimentali tkun prattika enoloġika diġà rrakomandata u ppubbliċizzata mill-OIV, il-prodotti miksuba jistgħu jiġu kkummerċjalizzati madwar il-Komunità kollha”.

b)

jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

il-prattiki jew trattamenti kkonċernati għandhom jitniżżlu fid-dokument appoġġjanti previst fl-Artikolu 70(1) u fir-reġistru previst fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999.”

(2)

L-Annessi XIV u XVI għandhom ikunu emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1.

(2)   ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1.

(3)   ĠU L 127, 15.5.2008, p. 13.


ANNESS

L-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 423/2008 huma emendati kif ġej:

1)

fl-Anness XIV (b), jiżdied is-seba' inċiż li ġej:

“—

l-inbejjed bojod ta' kwalità psr li għandhom id-dritt għad-denominazzjoni tal-oriġini: ‘Douro’ segwita bl-espressjoni ‘colheita tardia’;”

2)

L-Anness XVI qed jiġi emendat kif ġej:

a)

fil-punt (f) il-punti (i) u (ii) għandhom jitbiddlu b'dan li ġej:

“i)

25 milli-ekwivalenti kull litru għal:

l-inbejjed ta' kwalità psr li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu ddenominati bħala ‘vendimia tardía’;

l-inbejjed ta' kwalità psr bojod jew rosé ħelwin minn għeneb li jkun misjur iżżejjed li għandhom id-dritt għad-denominazzjoni ta' oriġini Rioja;

ii)

35 milli-ekwivalenti kull litru għal:

l-inbejjed ta' kwalità psr minn għeneb misjur iżżejjed li għandhom id-dritt għad-denominazzjoni ta' oriġini Ribeiro;

l-inbejjed likuri ta' kwalità psr iddenominati bit-terminu ‘generoso’ jew ‘generoso de licor’ u li għandhom id-dritt ta' denominazzjoni ta' oriġini Condado de Huelva, Jerez-Xerez-Sherry, Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda, Málaga u Montilla-Moriles;

l-inbejjed ta' kwalità psr u l-inbejjed likuri ta' kwalità psr ħelwin għandhom id-dritt għad-denominazzjoni ta' oriġini Málaga;”

b)

Jiżdied il-punt (p) li ġej:

“(p)

għall-inbejjed Portugiżi:

30 milli-ekwivalenti kull litru ta' nbejjed bojod ta' kwalità psr li għandhom id-dritt għad-denominazzjoni tal-oriġini ‘Douro’ segwita bl-espressjoni ‘colheita tardia’, li jkollhom saħħa alkaħolika totali per volum daqs jew aktar minn 16 % vol., u kontenut residwu ta' żokkor ta' mill-inqas 80 g/l.”