30.9.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 260/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 954/2008
tal-25 ta’ Settembru 2008
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 682/2007 li jimponi dazju ta’ l-anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba, ippreparat jew ippreservat, u li joriġina mit-Tajlandja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikulari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ
(1) |
Bir-Regolament (KE) Nru 682/2007 (2) (ir-“Regolament definittiv”), il-Kunsill impona dazju ta’ l-anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba, ippreparat jew ippreservat, u li joriġina mit-Tajlandja (“il-prodott ikkonċernat”), normalment iddikjarat fil-kodiċijiet tan-NM ex 2001 90 30 u ex 2005 80 00. Minħabba l-għadd kbir ta’ partijiet li kkooperaw, matul l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri ġie magħżul kampjun ta’ produtturi esportaturi Tajlandiżi. |
(2) |
Il-kumpaniji magħżula ngħataw ir-rati individwali tad-dazju stabbiliti matul l-investigazzjoni. Dazju ta’ 12,9 % li japplika mal-pajjiż kollu, ibbażat fuq il-marġini ta’ dumping b’piż differenzjat tal-partijiet li kienu fil-kampjun, kien impost fuq il-kumpaniji l-oħra kollha. |
B. L-INVESTIGAZZJONI PREŻENTI
(3) |
Fit-30 ta’ Awwissu 2007, wara l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ qamħ ħelu li joriġina mit-Tajlandja, Kuiburi Fruit Canning Co., Limited (“Kuiburi” jew “il-kumpanija”), produttur esportatur, li ma ntgħażlitx fil-kampjun iżda li pprovdiet lill-Kummissjoni tweġiba bi kwestjonarju sħiħ u li kienet talbet eżaminazzjoni individwali, ippreżentat applikazzjoni fil-Qorti tal-Prim’Istanza. F’din l-applikazzjoni, il-kumpanija qalet li kellha ssirilha eżaminazzjoni individwali. |
(4) |
Mingħajr ħsara għall-pożizzjoni li l-istituzzjonijiet tal-Komunità se jieħdu jekk din il-kawża titkompla mill-applikant, il-Kummissjoni ddeċidiet fuq inizjattiva proprja li tibda ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni dwar l-anti-dumping (3). Il-ftuħ mill-ġdid kien limitat fl-ambitu għall-eżaminazzjoni ta’ dumping safejn hi kkonċernata l-Kuiburi. |
(5) |
Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lil Kuiburi, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u lill-industrija Komunitarja, dwar il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu. |
(6) |
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni mogħtija minn Kuiburi li dehrilha li kienet neċessarja għad-determinazzjoni ta’ dumping u għamlet żjara ta’ verifika fil-bini tal-kumpanija. |
(7) |
Kif stabbilit fir-Regolament definittiv, l-investigazzjoni ta’ dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 Diċembru 2005 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). |
C. IR-RIŻULTATI
1. Dumping
(8) |
Il-metodoloġija użata għall-kalkolu ta’ dumping kienet l-istess bħal dik applikata għall-kumpaniji li ttieħdu bħala kampjun, kif deskritt fil-premessi (21)-(36) tar-Regolament (KE) Nru 1888/2006 (4) (ir-“Regolament proviżorju”), u kkonfermat fir-Regolament definittiv. |
Valur normali
(9) |
Għad-determinazzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet jekk it-total tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-bejgħ totali tal-kumpanija fl-esportazzjoni lejn il-Komunità. Skont l-Artikolu 2(2), l-ewwel sentenza, tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku tal-prodott simili hu kkunsidrat li hu rappreżentattiv jekk il-volum tal-bejgħ domestiku tal-kumpanija jaqbeż 5 % tal-bejgħ totali ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità. |
(10) |
Ġie stabbilit li l-prodott simili assolutament ma nbiegħx fis-suq domestiku. Għalhekk, il-valur normali kellu jkun maħdum skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali ġie maħdum billi ġie miżjud mal-ispiża ta’ manifattura ta’ kull tip esportata lejn il-Komunità, ikkoreġut fejn kien il-każ, ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt. Bħalma ġara fl-investigazzjoni oriġinali, ġie deċiż li l-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, ma jiġux stabbiliti abbażi tal-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku, minħabba li kienet waħda biss il-kumpanija minn dawk inklużi fil-kampjun li kellha bejgħ domestiku rappreżentattiv għal dak il-prodott simili. Għaldaqstant, anke b’konformità ma’ dak li kien sar fl-investigazzjoni oriġinali, l-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, kienu ddeterminati skont l-Artikolu 2(6)(b) billi Kuiburi kellha bejgħ rappreżentattiv, fil-proċess ordinarju ta’ kummerċ, tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti. |
(11) |
L-ispejjeż ta’ manifattura kif ukoll dawk ta’ SG&A rrappurtati, nstabu li kienu anqas milli fil-fatt kienu u ġew ikkoreġuti qabel ma ntużaw biex jiġi maħdum il-valur normali. |
(12) |
Wara r-rivelazzjoni tal-fatti u tal-konsiderazzjonijiet essenzjali li jiffurmaw il-bażi tar-riżultati f’dan il-proċediment, il-kumpanija Kuiburi sostniet li meta wieħed jiġi biex jiddetermina l-valur normali, l-ammonti tal-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, għandhom ikunu stabbiliti skont l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku. Il-kumpanija argumentat li l-Artikolu 2(6)(b) ma setax jintuża minħabba li l-bejgħ domestiku ta’ prodotti oħrajn (i) kien jinkludi l-prodotti mhux fil-bott u (ii) f’kull każ, ma kienx rappreżentattiv. Fejn jidħol l-ewwel argument, id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma tinkludix xi tip speċifiku ta’ reċipjent u għaldaqstant ma hijiex limitata għal prodotti ppakkjati fil-bott. B’analoġija, l-istess jgħodd għall-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti. Fejn jidħol it-tieni argument, ta’ min jinnota li l-limitu ta’ 5 % li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku jservi biex jiddetermina r-rappreżentattività tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili (kif imqabbel mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità). Mhuwiex meħtieġ, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6)(b), li l-bejgħ tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti tkun tirrappreżenta aktar mil-limitu ta’ 5 %. F’kull każ, il-bejgħ tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti li tagħmel il-kumpanija kif imqabbel mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità, huwa sinifikanti ħafna u, għaldaqstant, rappreżentattiv. Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, l-argumenti tal-kumpanija ma jistgħux jiġu aċċettati u huwa kkonfermat li l-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, huma stabbiliti skont l-Artikolu 2(6)(b) tar-Regolament bażiku. |
(13) |
Il-kumpanija Kuiburi iddikjarat li jekk l-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, kienu stabbiliti skont l-Artikolu 2(6)(b) tar-Regolament bażiku, ried isir livell ta’ aġġustament ta’ kummerċ fuq il-profitt użat biex jiġi ddeterminat il-valur normali minħabba li din tbigħ prodotti bil-marka ta’ bejjiegħ bl-imnut lill-KE u taħlita ta’ prodotti bil-marka tagħhom infushom u b’dik ta’ bejjiegħ bl-imnut domestikament. F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jinnota li l-kumpanija Kuiburi kienet allokat il-kost tal-bejgħ abbażi tal-fatturat. Konsegwentement, l-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, ammontaw għall-istess livell totali fil-każ tal-bejgħ tat-tipi kollha ta’ prodott għas-swieq kollha u l-figuri tal-profitt li kienu rrappurtati kienu jirriflettu biss xi varjazzjoni żgħira fl-ispejjeż ta’ SG&A. Għaldaqstant, ma setax ikun stabbilit li l-figuri rrappurtati kienu jirriflettu differenzi fil-livell ta’ kummerċ. Bħala konsegwenza, mhu awtorizzat ebda aġġustament ta’ livell fil-kummerċ fuq il-profitt, u l-argument tal-kumpanija Kuiburi mhux aċċettat. |
Il-prezz tal-esportazzjoni
(14) |
Il-bejgħ kollu tal-kumpanija sar direttament lill-klijenti mhux relatati fil-Komunità. Għal dak il-bejgħ, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, abbażi tal-prezzijiet li fil-fatt tħallsu jew li huma pagabbli minn dawn il-klijenti indipendenti fil-Komunità. |
Il-paragun
(15) |
Il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni sar abbażi tal-ħruġ mill-fabbrika. Sabiex jiġi żgurat paragun ġust, tqiesu, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, id-differenzi fil-fatturi li jaffettwa l-paragunar tal-prezzijiet. Fejn applikabbli u ġġustifikat, ingħataw konċessjonijiet għad-differenzi fl-ispejjeż għat-trasport, l-ipproċessar tal-ordni, il-kummissjonijiet, u l-kreditu. |
(16) |
L-ispejjeż ta’ SG&A użati biex jiġi maħdum valur normali skont il-metodoloġija ddefinita hawn fuq, inkludew l-ispejjeż għall-kummissjonijiet. Għalhekk, għalkemm ma saret ebda talba f’dan ir-rigward, sar aġġustament ex-officio fil-valur normali skont l-Artikolu 2(10)(e) biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ SG&A bl-ammont tal-ispejjeż li saru fir-rigward tal-kummissjonijiet. |
Il-marġini ta’ dumping
(17) |
Il-marġini ta’ dumping ta’ Kuiburi ġie stabbilit abbażi ta’ tqabbil ta’ valur normali b’piż differenzjat ma’ prezz tal-esportazzjoni b’piż differenzjat, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku. |
(18) |
Il-paragun wera li kien hemm dumping. Il-marġini ta’ dumping b’piż differenzjat stabbilit għall-kumpanija, espress bħala perċentwali tal-prezz tas-CIF mal-fruntiera Komunitarja, jammonta għal 14,3 %. |
2. Livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara
(19) |
Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, il-livell tal-miżura tal-anti-dumping għandu jkun biżżejjed biex jelimina l-ħsara lill-industrija tal-Komunità kkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, mingħajr ma jinqabeż il-marġini ta’ dumping misjub. Il-kalkolu tal-prezz li jelimina l-ħsara ġie deskritt fil-premessi (120)-(122) tar-Regolament proviżorju. |
(20) |
Iż-żieda meħtieġa fil-prezz imbagħad ġiet iddeterminata fuq bażi ta’ paragun, għal kull tip ta’ prodott, tal-prezz tal-importazzjoni b’piż differenzjat, kif stabbilit għall-kalkoli tal-bejgħ bi prezz aktar baxx minn dak tas-suq, bil-prezz li jelimina l-ħsara tal-prodott simili mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq tal-Komunità. Kull differenza li tirriżulta minn dan il-paragun ġiet imbagħad espressa bħala perċentwali tal-prezz tal-valur totali tas-CIF mal-fruntiera Komunitarja. |
(21) |
Il-paragun tal-prezzijiet ta’ hawn fuq wera marġini ta’ ħsara ta’ 17,5 %. |
D. IL-MODIFIKA TAL-LISTA TA’ KUMPANIJI LI JGAWDU MINN RATI INDIVIDWALI TAD-DAZJU
(22) |
Fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni, hu kkunsidrat li dazju ta’ l-anti-dumping definittiv għandu jiġi impost fuq l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-kumpanija fil-livell tal-marġini misjub ta’ dumping, iżda, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dan ma għandux ikun ogħla mill-marġini ta’ ħsara stabbilit għal Kuiburi u ppreżentat fil-premessa (21). |
(23) |
Għaldaqstant, id-dazju ta’ l-anti-dumping applikabbli għall-prezz tas-CIF mal-fruntiera tal-Komunità għandu jkun ta’ 14,3 %. Billi, skont il-premessa (57) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 682/2007, id-dazju għall-kumpaniji li ma jikkooperawx fl-investigazzjoni għandu jiġi stabbilit fil-livell tal-ogħla dazju li jrid jiġi impost fuq il-kumpaniji li kkooperaw fl-investigazzjoni, dan id-dazju issa hu ta’ 14,3 %. Madankollu, minħabba li l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni ma kellux bħala l-għan tiegħu li jinkludi lill-kumpanija Kuiburi fil-kampjun, iżda li jagħmel eżaminazzjoni individwali tal-kumpanija Kuiburi abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, ma jkunx xieraq li jiġi kkalkulat mill-ġdid id-dazju għall-fabbrikanti imniżżla fl-Anness I. |
(24) |
Il-kumpanija Kuiburi u l-industrija Komunitarja ġew infurmati bir-riżultati tal-investigazzjoni u kellhom l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 682/2007 għandu jinbidel kif ġej:
“2. Ir-rata tad-dazju ta’ l-anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u ħieles mal-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:
Kumpanija |
Dazju ta’ l-anti-dumping (%) |
Il-kodiċi addizzjonali TARIC |
||
|
3,1 |
A789 |
||
Kuiburi Fruit Canning Co., Ltd., 236 Krung Thon Muang Kaew Building, Sirindhorn Rd., Bangplad, Bangkok 10700, it-Tajlandja |
14,3 |
A890 |
||
Malee Sampran Public Co., Ltd., Abico Bldg. 401/1 Phaholyothin Rd., Lumlookka, Pathumthani 12130, it-Tajlandja |
12,8 |
A790 |
||
River Kwai International Food Industry Co., Ltd., 52 Thaniya Plaza, 21st. Floor, Silom Rd., Bangrak, Bangkok 10500, it-Tajlandja |
12,8 |
A791 |
||
|
11,1 |
A792 |
||
Il-produtturi elenkati fl-Anness I |
12,9 |
A793 |
||
Il-kumpaniji l-oħra kollha |
14,3 |
A999 ” |
Artikolu 2
L-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 682/2007 għandu jinbidel kif ġej:
“ANNESS I
Lista tal-manufatturi li jikkooperaw imsemmija fl-Artikolu 1(2) taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A793:
Isem |
Indirizz |
||
Agro-on (Thailand) Co., Ltd. |
|
||
B.N.H. Canning Co., Ltd. |
|
||
Boonsith Enterprise Co., Ltd. |
|
||
Erawan Food Public Company Limited |
|
||
Great Oriental Food Products Co., Ltd. |
|
||
Lampang Food Products Co., Ltd. |
|
||
O.V. International Import-Export Co., Ltd. |
|
||
Pan Inter Foods Co., Ltd. |
|
||
Siam Food Products Public Co., Ltd. |
|
||
Viriyah Food Processing Co., Ltd. |
|
||
Vita Food Factory (1989) Ltd. |
|
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Settembru 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
B. HORTEFEUX
(2) ĠU L 159, 20.6.2007, p. 14.
(4) ĠU L 364, 20.12.2006, p. 68.