10.9.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 241/3 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 877/2008
tad-9 ta’ Settembru 2008
li jiftaħ sejħa permanenti għall-offerti għall-bejgħ mill-ġdid fis-suq Komunitarju ta' zokkor miżmum mill-aġenziji ta' intervent tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, l-Italja, l-Ungerija, is-Slovakkja u l-Iżvezja
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(d) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 39(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 952/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward il-ġestjoni tas-suq Komunitarju taz-zokkor u s-sistema tal-kwoti (2) [traduzzjoni mhux uffiċjali] jipprovdi li l-aġenziji ta’ intervent jistgħu jbiegħu z-zokkor biss wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni b’dan l-effett. |
(2) |
Tali deċiżjoni saret bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1059/2007 tal-14 ta’ Settembru 2007 li jiftaħ sejħa permanenti għall-offerti għall-bejgħ mill-ġdid fis-suqomunitarju ta' zokkor miżmum mill-aġenziji ta' l-intervent tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, l-Irlanda, l-Italja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Iżvezja (3). Skont dak ir-Regolament, l-offerti jistgħu jitressqu għall-aħħar darba bejn l-10 u l-24 ta’ Settembru 2008. |
(3) |
Huwa previst li l-ħażniet ta’ intervent taz-zokkor se jkomplu jeżistu fil-parti l-kbira tal-Istati Membri kkonċernati wara li tkun skadiet dik l-aħħar possibbiltà biex jitressqu l-offerti. Biex tingħata risposta għall-ħtiġijiet kontinwi tas-suq, huwa xieraq li tinfetaħ sejħa permanenti oħra għall-offerti biex dawn il-ħażniet isiru disponibbli fis-suq intern. |
(4) |
Biex ikun jista' jsir tqabbil tal-prezzijiet offruti għaz-zokkor ta' kwalitajiet differenti, il-prezz offrut għandu jirreferi għaz-zokkor ta' kwalità standard kif iddefinit fil-Parti B tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. |
(5) |
Skont l-Artikolu 42(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, huwa xieraq li tiġi ffissata kwantità minima għal kull offerent jew għal kull lott. |
(6) |
Sabiex titqies is-sitwazzjoni tas-suq tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tiffissa prezz minimu għall-bejgħ għal kull sejħa parzjali għall-offerti. |
(7) |
Il-prezz minimu tal-bejgħ jirreferi għaz-zokkor ta' kwalità standard. Għandu jkun hemm provvediment għall-aġġustament tal-prezz tal-bejgħ f'każijiet meta z-zokkor ma jkunx ta’ din il-kwalità. |
(8) |
L-aġenziji ta' intervent tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, l-Italja, l-Ungerija, is-Slovakkja u l-Iżvezja għandhom jikkomunikaw l-offerti lill-Kummissjoni. L-offerenti għandhom jibqgħu anonimi. |
(9) |
Sabiex jiġi żgurat immaniġġjar kif suppost taz-zokkor maħżun, għandha ssir dispożizzjoni biex ikun hemm komunikazzjoni mill-Istati Membri dwar il-kwantitajiet effettivament mibjugħa. |
(10) |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 952/2006 jipprovdi li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1262/2001 (4) jibqa’ japplika għaz-zokkor li ġie aċċettat għall-intervent qabel l-10 ta' Frar 2006. Madankollu, għall-bejgħ mill-ġdid taz-zokkor ta’ intervent, din id-distinzjoni mhijiex neċessarja u jekk tiġi implimentata toħloq diffikultajiet amministrattivi għall-Istati Membri. Għaldaqstant, jixraq li l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1262/2001 tiġi eskluża mill-bejgħ mill-ġdid taz-zokkor ta’ intervent. |
(11) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-aġenziji ta’ intervent tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, l-Italja, l-Ungerija, is-Slovakkja u l-Iżvezja għandhom joffru għall-bejgħ, permezz ta’ sejħa permanenti għall-offerti fis-suq intern Komunitarju, kwantità totali massima ta’ 345 539 tunnellata ta’ zokkor li ġie aċċettat għall-intervent u li huwa disponibbli għall-bejgħ fis-suq intern.
Il-kwantitajiet massimi allokati lil kull Stat Membru huma stipulati fl-Anness I.
Artikolu 2
1. Il-perjodu li fih jistgħu jitressqu s-sejħiet għall-offerti bi tweġiba għall-ewwel sejħa parzjali għall-offerti għandu jibda fl-1 ta’ Ottubru 2008 u jintemm fil-15 ta’ Ottubru 2008 fit-15:00, ħin ta’ Brussell.
Il-perjodi li fihom jistgħu jitressqu s-sejħiet għall-offerti bi tweġiba għat-tieni sejħa parzjali u għas-sejħiet parzjali sussegwenti għandhom jibdew fl-ewwel jum ta’ xogħol wara tmiem il-perjodu preċedenti. Għandhom jintemmu fit-15:00, ħin ta’ Brussell, fi:
— |
id-29 ta’ Ottubru 2008, |
— |
it-12 u s-26 ta’ Novembru 2008, |
— |
it-3 u s-17 ta’ Diċembru 2008, |
— |
is-7 u t-28 ta’ Jannar 2009, |
— |
il-11 u l-25 ta’ Frar 2009, |
— |
il-11 u l-25 ta’ Marzu 2009, |
— |
il-15 u d-29 ta’ April 2009, |
— |
it-13 u s-27 ta’ Mejju 2009, |
— |
l-10 u l-24 ta’ Ġunju 2009, |
— |
l-1 u l-15 ta’ Lulju 2009, |
— |
il-5 u s-26 ta’ Awwissu 2009, |
— |
id-9 u t-23 ta’ Settembru 2009. |
2. Il-prezz offrut għandu jirreferi għaz-zokkor abjad u z-zokkor mhux raffinat ta' kwalità standard kif iddefiniti fil-parti B tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
3. Il-kwantità minima ta' l-offerta għal kull lott skond l-Artikolu 42(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006 għandha tkun ta' 250 tunnellata sakemm il-kwantità disponibbli għal dak il-lott ma tkunx anqas minn 250 tunnellata. F'tali każijiet, jeħtieġ li tiġi offruta l-kwantità disponibbli.
4. L-offerti għandhom jitressqu għand l-aġenzija ta' intervent li tkun qed iżżomm iz-zokkor kif stabbilit fl-Anness I għal dan ir-Regolament.
Artikolu 3
L-aġenziji ta’ intervent ikkonċernati għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-offerti li jkunu tressqu sa sagħtejn wara l-iskadenza għat-tressiq tal-offerti stipulata fl-Artikolu 2(1).
L-offerenti ma għandhomx ikunu identifikati.
L-offerti li jitressqu għandhom jiġu kkomunikati f’forma elettronika skont il-mudell stipulat fl-Anness II.
Jekk ma titressaq l-ebda offerta, l-Istat Membru għandu jikkomunika dan lill-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-ewwel paragrafu.
Artikolu 4
1. Il-Kummissjoni għandha tiffissa l-prezz minimu tal-bejgħ għal kull Stat Membru kkonċernat, jew tiddeċiedi li ma tilqa' l-ebda offerta, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
2. Għaz-zokkor ta' intervent li mhuwiex ta' kwalità standard, l-Istati Membri għandhom jaġġustaw il-prezz effettiv tal-bejgħ billi japplikaw, mutatis mutandis, l-Artikolu 32(6) u l-Artikolu 33 rispettivament tar-Regolament (KE) Nru 952/2006. F’dan il-kuntest, fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, ir-referenza għall-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 (5) għanda tinftiehem bħala referenza għall-Parti B tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
3. Meta jirriżulta li aġġudikazzjoni bi prezz minimu skont il-paragrafu 1 twassal li l-kwantità disponibbli tinqabeż għall-Istat Membru kkonċernat, dik l-aġġudikazzjoni għandha tkun limitata għal kwantità bħal din li għadha disponibbli.
Meta l-aġġudikazzjonijiet għal Stat Membru tas-sejħiet kollha li joffru l-istess prezz jirriżultaw f’li l-kwantità tinqabeż, il-kwantità disponibbli għal dak l-Istat Membru għandha tiġi aġġudikata kif ġej:
(a) |
permezz ta’ qsim fost l-offerenti kkonċernati proporzjonalment għall-kwantitajiet totali f’kull waħda mill-offerti tagħhom; jew |
(b) |
permezz ta’ tqassim fost l-offerenti kkonċernati b’referenza għat-tunnellaġġ massimu ffissat għal kull wieħed minnhom; jew |
(c) |
billi jittellgħu bix-xorti. |
4. Sa mhux aktar tard mill-ħames jum ta' xogħol wara li l-Kummissjoni tiffissa l-prezz minimu tal-bejgħ, l-aġenziji ta' intervent involuti għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, skont il-mudell stipulat fl-Anness III, il-kwantità effettivament mibjugħa b’sejħa parzjali għall-offerti.
Artikolu 5
B’deroga mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, ir-Regolament (KE) Nru 1262/2001 ma għandux japplika għall-bejgħ mill-ġdid, kif imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, taz-zokkor aċċettat għall-intervent qabel l-10 ta’ Frar 2006.
Artikolu 6
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2008. Għandu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 9 ta’ Settembru 2008.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 178, 1.7.2006, p. 39.
(3) ĠU L 242, 15.9.2007, p. 3.
(4) ĠU L 178, 30.6.2001, p. 48. Ir-Regolament tħassar bir-Regolament (KE) Nru 952/2006.
(5) ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1. Ir-Regolament (KE) Nru 318/2006 jinbidel bir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 mill-1 ta' Ottubru 2008.
ANNESS I
L-Istati Membri li jżommu zokkor ta' intervent
L-Istat Membru |
L-Aġenzija ta’ Intervent |
Il-kwantitajiet miżmuma mill-aġenzija ta' intervent u li huma disponibbli għall-bejgħ fis-suq intern (f'tunnellati) |
||||||||||
Il-Belġju |
|
9 360 |
||||||||||
Ir-Repubblika Ċeka |
|
30 687 |
||||||||||
L-Irlanda |
|
12 000 |
||||||||||
L-Italja |
|
225 014 |
||||||||||
L-Ungerija |
|
21 650 |
||||||||||
Is-Slovakkja |
|
34 000 |
||||||||||
L-Iżvezja |
|
12 762 |
ANNESS II
FORMA
Mudell għall-komunikazzjoni lill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3
Sejħa parzjali għall-offerti ta' … għall-bejgħ mill-ġdid taz-zokkor miżmum mill-aġenziji ta' intervent
Regolament (KE) Nru 877/2008
L-Istat Membru li qed ibiegħ iz-zokkor ta' intervent |
In-numerazzjoni tal-offerenti |
In-Nru tal-lott |
Il-kwantità (f't.) |
Il-prezz tal-offerta EUR/100 kg |
1 |
2 |
3 |
4 |
5 |
|
1 |
|
|
|
|
2 |
|
|
|
|
3 |
|
|
|
|
eċċ. |
|
|
|
ANNESS III
FORMOLA
Mudell għan-notifika lill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4(4)
Sejħa parzjali għall-offerti ta' … għall-bejgħ mill-ġdid taz-zokkor miżmum mill-aġenziji ta' intervent
Regolament (KE) Nru 877/2008
L-Istat Membru li qed ibiegħ iz-zokkor ta' intervent |
Il-kwantità effettivament mibjugħa (f'tunnellati) |
1 |
2 |
|
|