9.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 240/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 875/2008

tat-8 ta’ Settembru 2008

li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1962/2006

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 1962/2006 (1), il-Kummissjoni imponiet miżuri ta' salvagwardja fir-rigward tal-Bulgarija, fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, skont l-Artikolu 37 tal-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija, sabiex tindirizza ksur serju tal-funzjonament tas-suq intern tat-trasport bl-ajru, li rriżulta min-nuqqas tal-implimentazzjoni tal-impenji li daħlet għalihom il-Bulgarija fil-kuntest tan-negozjati tal-adeżjoni fir-rigward tal-politika Komunitarja fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi b'effetti transkonfinali.

(2)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja previsti bir-Regolament (KE) Nru 1962/2006, l-awtorità kompetenti tal-avjazzjoni ċivili tal-Bulgarija (minn hawn il-quddiem imsejħa “Is-CAA Bulgara”) ipproponiet u ftiehmet, mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), dwar pjan ta’ miżuri korrettivi mfassla biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet fis-sikurezza identifikati waqt iż-żjarat preċedenti tal-EASA u tal-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni (JAA).

(3)

Fis-6 ta’ Settembru 2007 l-Kummissjoni talbet lill-EASA biex tivverifika l-konformità regolatorja tal-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni Bulgari fir-rigward tal-aspetti kollha tas-sikurezza affettwati mill-miżuri ta’ salvagwardja imposti bir-Regolament (KE) Nru 1962/2006, jiġifieri biex tivverifika l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni miftiehem u l-kapaċità tas-CAA Bulgara li timplimenta r-regoli u tiżgura li qed jiġu osservati sew, bħala parti mill-obbligazzjonijiet tagħha ta’ superviżjoni.

(4)

Din iż-żjara ta’ spezzjoni saret mill-EASA bejn is-26 u t-30 ta’ Novembru 2007 bl-applikazzjoni tal-Artikoli 24(1) u (5) u 54 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (2) u skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2006 tas-16 ta’ Mejju 2006 dwar il-metodi ta’ ħidma tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għat-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni (3). Wara din iż-żjara, l-EASA ħarġet ir-rapport tagħha fil-15 ta’ Frar 2008 (4).

(5)

Fir-rapport tagħha dwar iż-żjara ta’ standardizzazzjoni, l-EASA nnutat titjib definittiv: inħarġu l-approvazzjonijiet kollha meħtieġa tal-Parti M, il-Parti 145 u l-Parti 147 u l-liċenzji kollha tal-Parti 66. Inħarġu wkoll, skont ir-rekwiżiti Ewropej, iċ-Ċertifikati tal-Operaturi tal-Ajru, minbarra wieħed. Għalhekk, l-EASA setgħet tagħlaq 44 minn 45 sejba fil-qasam tal-airworthiness filwaqt li qajmet 12-il sejba ġdida fir-rigward ta’ proċessi ta’ superviżjoni kontinwa.

(6)

Fir-rapport tagħha, l-EASA qalet ukoll li miż-żjara ta’ spezzjoni preċedenti f'Novembru 2006, is-CAA Bulgara kienet ħadet miżuri drastiċi fir-rigward tal-airworthiness tal-inġenji tal-ajru kollha rreġistrati fil-Bulgarija.

(7)

Għalhekk, l-għadd ta’ inġenji tal-ajru fir-reġistru Bulgaru naqas kważi bin-nofs minħabba t-tneħħija mir-reġistru tal-inġenji tal-ajru b'disinn eks-Sovjetiku li jaqgħu taħt l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Is-CAA Bulgara ħadet ukoll azzjonijiet biex tillimita jew tirtira l-approvazzjonijiet u ċ-ċertifikati li mhumiex konformi. L-għadd ta’ spetturi tal-airworthiness kontinwa żdied minn tmienja għal tnax (b'żieda ta’ tliet ħaddiema ġodda ta’ appoġġ). Barra dan, matul l-aħħar sena kien hemm titjib sinifikanti fiż-żamma tar-reġistri mis-CAA Bulgara, u b'hekk l-ispetturi tal-EASA setgħu jaraw b'mod ċar il-livell tas-superviżjoni. Kien ukoll innotat li s-CAA Bulgara għamlet sforz kbir biex tiżviluppa Manwal għall-Ispetturi li jkopri r-rekwiżiti rilevanti ma’ listi ta’ kontroll assoċjati li għandhom jintużaw mill-applikanti għall-ewwel approvazzjonijiet jew tibdil fl-approvazzjonijet eżistenti. Fl-aħħar, kien dokumentat li twettaq taħriġ komprensiv kemm għall-persunal eżistenti tas-CAA kif ukoll għal dak ġdid, għalkemm xi oqsma bħal ma huma l-approvazzjoni tal-programmi ta’ manutenzjoni u affidabbiltà u l-programmi tal-Viżibbiltà Ħażina RVSM ma kinux indirizzati b'mod partikolari.

(8)

Fl-istess ħin, l-EASA ikkonkludiet li aktar titjib, speċjalment fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness tal-ajru u tas-superviżjoni kontinwa kien għadu madankollu meħtieġ sabiex ikun irrimedjat in-nuqqas tal-valutazzjoni, mis-CAA Bulgara, tal-effikaċja tas-sistema ta’ kwalità komuni għall-operazzjonijiet, il-manutenzjoni u l-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira. B'mod partikolari f'dan il-qasam, l-EASA qajmet sejba waħda ta’ nuqqas ta’ konformità skont l-Artikolu 13(d) tar-Regolament (KE) Nru 736/2006 li turi tħassib sinifikanti dwar nuqqas ta’ konformità mal-istandardizzazzjoni fil-qasam ikkonċernat u li tqajjem tħassib dwar is-sikurezza jekk ma tkunx ikkoreġuta minnufih. Fl-istess waqt xi nuqqasijiet ta’ konformità osservati fl-impriżi spezzjonati waqt din iż-żjara biex tkun ivverifikata l-effikaċja tas-superviżjoni eżerċitata mis-CAA Bulgara, ikkonfermaw il-ħtieġa li dawn l-awtoritajiet jipproponu azzjonijet korrettivi għall-għaxar sejbiet oħra skont l-Artikolu 13(c) biex jirrimedjaw dawn is-sitwazzjonijiet fi żmien 14-il jum.

(9)

Is-CAA Bulgara rreaġixxiet fil-pront u ressqet azzjonijet korrettivi quddiem l-EASA li kienu implimentati bi qbil mal-EASA. Sabiex tivverifika l-effikaċja tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, l-EASA għamlet żjara ta’ segwitu fit-8 u fid-9 ta’ April 2008 u ħarġet stqarrija tal-għeluq tas-sejbiet skont l-Artikolu 12(b) tar-Regolament (KE) Nru 736/2006 tal-24 ta’ April 2008. L-istqarrijiet ippreżentati hemmhekk reġgħu ġew emendati f'verżjoni finali mħejjija mill-EASA fil-21 ta’ Mejju u li ġiet mibgħuta lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Mejju 2008.

(10)

Fil-15 ta’ Mejju 2008, il-Bulgarija talbet formalment lill-Kummissjoni biex tirrevedi u tneħħi l-miżuri ta’ salvagwardja skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1962/2006 u mmotivat it-talba tagħha billi rreferiet għall-istqarrija tal-għeluq tas-sejbiet maħruġa aktar kmieni mill-EASA.

(11)

Skont l-Artikolu 37 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea, il-miżuri ta’ salvagwardja għandhom jinżammu sakemm ikunu strettament meħtieġa u, fi kwalunkwe każ, għandhom jitneħħew meta jiġi implimentat l-impenn rilevanti. Is-suċċess tal-Bulgarija fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet miftiehma titqies li hija suffiċjenti biex tiggarantixxi l-kapaċità tas-CAA Bulgara li tiżgura l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli tal-implimentazzjoni tagħha.

(12)

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-impenn tal-Bulgarija li tapplika bis-sħiħ ir-regoli tal-Komunità fil-qasam tat-trasport tal-ajru ġie ssodisfat u li l-miżuri ta’ salvagwardja imposti skont ir-Regolament (KE) Nru 1962/2006 għandhom jitneħħew.

(13)

Skont l-Artikolu 37 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien xieraq qabel tħassar ir-regoli u d-deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-miżuri ta’ salvagwardja, u għandha tqis fil-pront kwalunkwe osservazzjoni tal-Kunsill f'dan ir-rigward. B'konformità ma’ dan, il-Kummissjoni infurmat lill-Kunsill fit-22 ta' Lulju 2008.

(14)

Il-Kunsill qabel mal-miżuri proposti fl-24 ta’ Lulju 2008, mingħajr kummenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1962/2006 huwa revokat.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 408, 30.12.2006, p. 8. Verżjoni kkoreġuta ppubblikata fil-ĠU L 47, 16.2.2007, p. 8.

(2)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 129, 17.5.2006, p. 10.

(4)  Ir-Rapport Finali dwar l-Ispezzjoni ta' Standardizzazzjoni mill-EASA lir-Repubblika tal-Bulgarija, l-Amministrazzjoni Bulgara tal-Avjazzjoni Ċivili, fil-qasam tar-regolazzjoni Ewropea tas-sikurezza tal-avjazzjoni applikabbli fil-qasam tal-airworthiness kontinwa, CAW.BG.11.2007 maħruġ fil-15 ta' Frar 2008.