23.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 225/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 835/2008

tat-22 ta' Awwissu 2008

dwar ir-rilaxx tal-garanziji li għandhom x'jaqsmu ma' ċerti kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni fis-settur taċ-ċanga

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 144(1) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi,

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/61/KE tas-17 ta’ Jannar 2008 li temenda l-Anness II mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta' laħam frisk tal-bovini mill-Brażil (2) biddlet ir-rekwiżiti tal-importazzjoni għal-laħam tal-bovini mill-Brażil. Dik id-Deċiżjoni tipprovdi li huwa possibli li jibqgħu jitħallew l-importazzjonijiet fuq bażi sigura biss billi jissaħħu l-kontrolli u l-għassa tal-impriżi minn fejn joriġinaw bhejjem eliġibbli għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u billi tinħoloq lista provviżorja mill-Brażil ta’ tali impriżi approvati li għalihom jingħataw ċerti garanziji.

(2)

Barra minn hekk, fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2008, l-awtoritajiet tal-Arġentina adottaw għadd ta' miżuri li jaffettwaw il-flussi normali tal-kummerċ tal-laħam taċ-ċanga minn dak il-pajjiż terz lejn il-Komunità.

(3)

Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi partikulari, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 313/2008 tat-3 ta’ April 2008 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1445/95 fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ importazzjoni ta’ laħam bovin mill-Brażil (3) ipprovda għal estensjoni tal-validità tal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġin skont ċerti kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni fis-settur taċ-ċanga sat-30 ta' Ġunju 2008.

(4)

Operaturi li, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2008/61/KE, kienu laħqu kisbu d-drittijiet tal-importazzjoni għall-importazzjoni tal-laħam tal-bovini fi ħdan il-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni msemmija fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 529/2007 tal-11 ta’ Mejju 2007 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwota tariffarja fuq l-importazzjoni ta’ laħam iffriżat tal-annimali bovini koperti mill-kodiċi tan-NM 0202 u l-prodotti koperti mill-kodiċi tan-NM 0206 29 91 (mill-1 ta' Lulju 2007 sat-30 ta' Ġunju 2008) (4) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 545/2007 tas-16 ta' Mejju 2007 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja għall-importazzjoni taċ-ċanga ffriżata għall-ipproċessar (mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008) (5), komplew iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet prattiċi kbar biex jagħtu l-oriġini tal-prodotti qabel tmiem il-perjodu tal-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni. Minħabba f'hekk, għadd sinifikanti mid-drittijiet tal-importazzjoni allokati lill-operaturi baqa' ma ntużax qabel l-1 ta' Lulju 2008. Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi partikulari, jeħtieġ li wieħed jipprovdi li għandhom jiġu rrilaxxati l-garanziji mogħtija b'rabta ma' dawk id-drittijiet tal-importazzjoni li ma kinux intużaw sa l-1 ta' Lulju 2008, taħt ċerti kundizzjonijiet.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fuq talba min-naħa tal-partijiet interessati, il-garanziji marbutin mad-drittijiet tal-importazzjoni mressqin huma u jiġu applikati l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 529/2007 u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 545/2007 għandhom jiġu rrilaxxati, bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-applikant ikun applika għal u kiseb id-drittijiet tal-importazzjoni fl-ambitu tal-kwota msemmija:

(i)

fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 529/2007, jew

(ii)

fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 545/2007;

(b)

id-drittijiet tal-importazzjoni jkunu ntużaw parzjalment biss jew ma jkunu ntużaw xejn sal-1 ta' Lulju 2008.

2.   Il-garanziji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rrilaxxati b'mod li jkun proporzjonali mad-drittijiet ta’ l-importazzjoni li ma jkunux intużaw sal-1 ta' Lulju 2008.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 510/2008 (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 61).

(2)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 33.

(3)  ĠU L 93, 4.4.2008, p. 11.

(4)  ĠU L 123, 12.5.2007, p. 26.

(5)  ĠU L 129, 17.5.2007, p. 14. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 749/2008 (ĠU L 202, 31.7.2008, p. 37).