15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 220/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 813/2008

tal-11 ta’ Awwissu 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 74/2004 li jimponi dazju definittiv ta’ kontrobilanċ fuq importazzjonijiet ta’ bjankerija tas-sodda tat-tip tal-qoton li joriġinaw fl-Indja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2004 tat-13 ta’ Jannar 2004 li jimponi dazju definittiv ta’ kontrobilanċ fuq importazzjonijiet ta’ bjankerija tas-sodda tat-tip tal-qoton li joriġinaw fl-Indja (2),

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA TA’ QABEL

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 74/2004 (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazju definittiv ta’ kontrobilanċ fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta’ bjankerija tas-sodda tat-tip tal-qoton li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 6302 21 00 (kodiċi TARIC 6302 21 00 81, 6302 21 00 89), ex 6302 22 90 (kodiċi TARIC 6302 22 90 19), ex 6302 31 00 (kodiċi TARIC 6302 31 00 90) u ex 6302 32 90 (kodiċi TARIC 6302 32 90 19), li joriġinaw fl-Indja. Minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat li kkooperaw fl-Indja, intgħażel kampjun b’konformità ma’ l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 (“ir-Regolament bażiku”) u ġew imposti rati ta’ dazju individwali mifruxa minn 4,4 % sa 10,4 % fuq il-kumpaniji inklużi fil-kampjun, filwaqt li l-kumpaniji l-oħra li kkooperaw imma ma ġewx inklużi fil-kampjun ġew attribwiti rata ta’ dazju ta’ 7,6 %. Rata ta’ dazju residwa ta’ 10,4 % ġiet imposta fuq il-kumpaniji l-oħra kollha.

(2)

L-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali jistipula li meta kwalunkwe produttur esportatur ġdid fl-Indja jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li ma esportax lejn il-Komunità l-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Ottubru 2001 sat-30 ta’ Settembru 2002) (“l-ewwel kriterju”), li ma hu relatat ma’ l-ebda esportatur jew produttur fl-Indja li huwa soġġett għall-miżuri ta’ kontra s-sussidji imposti minn dak ir-Regolament (“it-tieni kriterju”) u li effettivament esporta lejn il-Komunità il-prodotti kkonċernati wara l-perjodu ta’ l-investigazzjoni li l-miżuri huma bbażati fuqu, jew li daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinjifikanti tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità (“it-tielet kriterju”), allura l-Artikolu 1(3) ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi jagħti lill-produttur esportatur il-ġdid ir-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li jikkooperaw li ma ġewx inklużi fil-kampjun, jiġifieri 7,6 %.

(3)

Ir-Regolament oriġinali ġie emendat tliet darbiet, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2143/2004 (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 122/2006 (4) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1840/2006. It-tliet Regolamenti kollha żiedu ma’ l-Anness l-ismijiet ta’ kumpaniji li jesportaw il-prodott ikkonċernat, li laħqu il-kriterji stipulati fir-Regolament oriġinali.

B.   TALBIET TAL-PRODUTTUR/ESPORTATUR ĠDID

(4)

Għoxrin kumpanija Indjana applikaw biex jingħataw l-istess stat bħall-kumpaniji li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali mhux inklużi fil-kampjun (“stat ta’ ġodda”) mill-pubblikazzjoni tar-Regolament li jemenda preċedenti.

(5)

L-20 applikant kienu:

Kumpanija applikanti

Belt

K.K.P. Textiles Limited

Tamil Nadu

Kashmiri Lal Tarun Khanna PVT LTD

Amritsar

Premier Polyweaves Private Limited

Coimbatore

Home Fashions International

Kerala

Y.J. Enterprises

Mumbai

KaLaM Designs

Ahmedabad

Himatsingka Linens

Bangalore

S.K.T. Textile Mills

Coimbatore

Shetty Garments Private Ltd.

Mumbai

TAVOY Workwear

Mumbai

Orient Craft Limited

Haryana

GHCL Limited

Gujarat

Indo Count Industries Limited

Mumbai

Vijayeswari Textiles Limited

Coimbatore

Nest Exim

Mumbai

Prakash Textiles

Coimbatore

Prakash Woven Private Limited.

Coimbatore

Sotexpa Qualidis Textiles India Private Ltd

Coimbatore

BKS Textiles Pvt. Ltd

Coimbatore

JDA Textiles

Chennai

(6)

Ħdax-il kumpanija ma weġbux il-kwestjonarju maħsub biex jivverifika jekk issodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali u t-talbiet tagħhom kellhom għalhekk jiġu miċħuda.

(7)

Id-disa’ kumpaniji li jifdal bagħtu tweġibiet kompluti għall-kwestjonarju u għalhekk tqiesu għall-istat ta’ ġodda.

(8)

L-evidenza miġjuba minn tnejn mill-esportaturi/produtturi Indjani msemmija hawn fuq tqieset li hija biżżejjed biex turi li huma jissodisfaw il-kriterji stipulati fir-Regolament oriġinali u għalhekk biex tingħatalhom ir-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (jiġifieri 7,6 %) u għaldaqstant jiżdiedu mal-lista ta’ produtturi esportaturi fl-Anness tar-Regolament oriġinali, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2143/2004, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 122/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1840/2006.

(9)

L-applikazzjonijiet tas-seba’ kumpaniji li jifdal għall-istat ta’ produttur esportatur ġdid ġew miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin.

(10)

Żewġ kumpaniji naqsu milli jipprovdu evidenza li esportaw il-prodott ikkonċernat lill-Komunità wara l-perjodu ta’ investigazzjoni jew li kellhom obbligi kuntrattwali irrevokabbli biex jesportaw il-prodott ikkonċernat fi kwantitajiet sinifikanti lill-Komunità. Għalhekk huma ma ssodisfawx it-tielet kriterju.

(11)

Kumpanija waħda ma pprovdietx ir-reġistru tal-bejgħ għall-perijodu kkunsidrat u għalhekk ma setgħetx turi li ma esportatx il-prodott ikkonċernat waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kumpanija oħra instabet li esportat il-prodott ikkonċernat waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk dawn il-kumpaniji ma ssodisfawx l-ewwel kriterju.

(12)

Kumpanija waħda bagħtet ir-risposta għall-kwestjonarju wara l-iskadenza u dokumenti kruċjali kienu nieqsa mill-applikazzjoni. Kumpanija oħra ma weġbitx għal ittra ta’ nuqqasijiet li kienet titlob aktar informazzjoni. Dawn iż-żewġ kumpaniji għalhekk ma pprovdewx evidenza biżżejjed biex juru li huma ssodisfaw il-kriterji stipulati fir-Regolament oriġinali.

(13)

Finalment, kumpanija waħda nstabet li hi relatata ma’ waħda li kienet imsemmija fir-Regolament oriġinali u l-applikazzjoni tagħha għal stat ta’ ġdida kienet għalhekk miċħuda minħabba li m’għaddietx mit-tieni kriterju.

(14)

Il-kumpaniji li ma ngħatalhomx stat ta’ ġodda ġew mgħarrfa bir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni u ngħataw l-opportunità li jwasslu l-fehmiet tagħhom bil-miktub.

(15)

L-argumenti u s-sottomissjonijiet kollha magħmula mill-partijiet interessati ġew analizzati u tqiesu sew fejn kien jixraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpaniji li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ produtturi mill-Indja elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 74/2004:

Il-kumpanija

Belt

Home Fashions International

Kerala

GHCL Ltd.

Gujarat

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)   ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13 3.2004, p. 12).

(2)   ĠU L 12, 17.1.2004, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1840/2006 (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 4).

(3)   ĠU L 370, 17.12.2004, p. 1.

(4)   ĠU L 22, 26.1.2006, p. 3.