25.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 197/23


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 709/2008

ta’ l-24 ta’ Lulju 2008

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, fir-rigward ta’ l-organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-ftehimiet fis-settur tat-tabakk

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 127 u 179 flimkien ma’ l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2077/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 rigward l-organizzazzjonijiet bejn il-fergħat u l-ftehim fil-qasam tat-tabakk (2) għandu jitħassar mill-1 ta’ Lulju 2008 skond l-Artikolu 201(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS).

(2)

Ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2077/92 ma ġewx inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Sabiex is-settur tat-tabakk ikun jista’ jiffunzjona tajjeb u fl-interess ta’ ċarezza u razzjonalizzazzjoni għandu jkun adottat Regolament ġdid li jippreskrivi dawk id-dispożizzjonijiet kif ukoll ir-regoli preżenti ta’ implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 86/93 tad-19 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2077/92 dwar l-organizzazzjonijiet ta’ bejn il-fergħat interessati u l-ftehim fis-settur tat-tabakk (3).

(3)

Ir-Regolament (KEE) Nru 86/93 għandu għaldaqstant jitħassar.

(4)

Organizzazzjonijiet interprofessjonali stabbiliti minn individwi jew minn gruppi, u li jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti tad-diversi kategoriji involuti fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni fis-settur tat-tabakk x’aktarx jikkontribwixxu biex titqies aħjar is-sitwazzjoni tas-suq u jkunu inkoraġġiti bidliet fl-aġir ekonomiku maħsuba biex itejbu l-għarfien u l-organizzazzjoni tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni. Xi wħud mill-attivitajiet tagħhom jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-bilanċ tas-suq u għaldaqstant jgħinu biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 33 tat-Trattat. Il-miżuri li jistgħu jikkostitwixxu din il-kontribuzzjoni mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali għandhom ikunu definiti.

(5)

Meta jitqies dak li ntqal hawn fuq, huwa xieraq li jingħata rikonoxximent speċifiku lil korpi li jistgħu juru r-rappreżentattività ppruvata tagħhom f’livell reġjonali, interreġjonali jew Komunitarju u li jieħdu azzjoni pożittiva biex isegwu l-miri msemmija hawn fuq. Dan ir-rikonoxximent għandu jingħata mill-Istat Membru jew mill-Kummissjoni, skond l-iskop ta’ l-attivitajiet ta’ l-assoċjazzjoni kummerċjali.

(6)

Sabiex ikun hemm appoġġ għal ċerti attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali li huma ta’ interess partikolari fid-dawl tar-regoli preżenti li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tas-suq għas-settur tat-tabakk, għandu jiġi pprovdut li r-regoli adottati minn organizzazzjoni interprofessjonali għall-membri tagħha jkunu estiżi, soġġetti għal ċerti kondizzjonijiet, għall-produtturi u l-gruppi kollha li ma jkunux membri f’reġjun wieħed jew iktar. Dawk li ma jkunux membri għandhom ukoll ikunu soġġetti għal ħlas komplet jew parzjali ta’ l-abbonamenti maħsuba biex ikopru l-ispejjeż mhux amministrattivi akkumulati minn dawn l-attivitajiet. Din il-proċedura għandha tkun implimentata b’mod li jiggarantixxi d-drittijiet tal-gruppi soċjo-ekonomiċi kkonċernati, b’mod partikolari d-drittijiet tal-konsumatur.

(7)

Attivitajiet oħra ta’ l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti jistgħu ikunu ta’ interess ġenerali ekonomiku jew tekniku għas-settur tat-tabakk u b’hekk ikunu ta’ benefiċċju għall-persuni kollha attivi fil-professjonijiet konċernati, kemm jekk membri ta’ l-organizzazzjoni u kemm jekk le. F’dawn il-każijiet jidher raġonevoli li dawk mhux membri jkunu soġġetti li jħallsu l-abbonamenti maħsuba biex ikopru l-ispejjeż, ta’ xort’oħra minn spejjeż amministrattvi, li jirriżultaw direttament mit-twettiq ta’ l-attivitajiet konċernati.

(8)

Sabiex tkun żgurata operazzjoni tajba ta’ l-iskema, għandu jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Din ta’ l-aħħar għandu jkollha wkoll kontrolli permanenti ta’ monitoraġġ, partikolarment fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali li joperaw f’livell reġjonali jew interreġjonali u l-ftehimiet u l-prattiki konċertati adottati minn dawn l-organizzazzjonijiet.

(9)

Għall-informazzjoni ta’ l-Istati Membri u partijiet interessati oħrajn għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-pubblikazzjoni, għall-inqas darba fis-sena, ta’ lista ta’ l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti matul is-sena preċedenti, lista ta’ l-organizzazzjonijiet li r-rikonoxximent tagħhom kien irtirat matul l-istess perjodu u r-regoli li kienu estiżi b’indikazzjoni ta’ l-iskop tagħhom.

(10)

Sabiex tkun rappreżentattiva biżżejjed għar-reġjun tagħha, organizzazzjoni interprofessjonali għandha tkopri għall-inqas terz mill-kwantitajiet prodotti, ipproċessati jew mixtrija mill-membri ta’ kull waħda mill-professjonijiet. Bl-istess mod, sabiex ikunu evitati żbilanċi bejn ir-reġjuni għandha tissodisfa dan ir-rekwiżit fir-reġjuni kollha li topera fihom.

(11)

Għandu jkun speċifikat li l-kummerċ fit-tabakk, minbarra n-negozju ta’ kummerċjanti tat-tabakk, ikopri wkoll ix-xiri dirett ta’ tabakk f’balal mill-utenti finali tiegħu.

(12)

Meta l-Kummissjoni tkun responsabbli għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni interprofessjonali, l-informazzjoni li l-organizzazzjoni interprofessjonali għandha tipprovdi lill-Kummissjoni għandha tkun speċifikata.

(13)

L-irtirar tar-rikonoxximent għandu jsir effettiv b’mod ġenerali minn meta r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ma jibqgħux ikunu sodisfatti.

(14)

Għandu jkun speċifikat li l-grad minimu ta’ rappreżentazzjoni ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali li joperaw b’mod interreġjonali għandu jkun l-istess bħal dak stabbilit għal organizzazzjonijiet interprofessjonali reġjonali.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent u l-attività ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali li joperaw fis-settur kopert mill-organizzazzjoni tas-suq għal prodotti tat-tabakk kif imsemmi fil-Parti XIV ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

Artikolu 2

Ir-rikonoxximent

Ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali għandu jipprovdi awtorizzazzjoni biex huma jkunu jistgħu iwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (c) ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 123 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Ir-rikonoxximent mill-Istati Membri

1.   Fuq applikazzjoni, Stat Membru għandu jirrikonoxxi organizzazzjonijiet interprofessjonali stabbiliti fit-territorju tiegħu li:

(a)

jwettqu l-attivitajiet tagħhom f’livell reġjonali jew interreġjonali fit-territorju tiegħu,

(b)

jsegwu l-miri msemmija fil-punt (c) ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 123 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 billi jinvolvu ruħhom f’attivitajiet biex:

(i)

jikkontribwixxu għal koordinazzjoni mtejjba ta’ tqegħid fis-suq ta’ tabakk f’weraq jew f’balal;

(ii)

jippreparaw kuntratti standard kompatibbli mar-regoli Komunitarji;

(iii)

itejbu l-informazzjoni u t-trasparenza tas-suq;

(iv)

iżidu mal-valur miżjud, partikolarment permezz tal-kummerċjalizzazzjoni u r-riċerka f’użi ġodda li mhumiex ta’ theddida għas-saħħa pubblika;

(v)

jidderieġu mill-ġdid lis-settur lejn prodotti li jissodisfaw aħjar lis-suq u l-ħtiġiet ta’ saħħa pubblika;

(vi)

iwettqu riċerka f’metodi li jippermettu użu mnaqqas ta’ prodotti għas-saħħa tal-pjanti u li jiggarantixxu l-kwalità tal-prodott u l-konservazzjoni tal-ħamrija;

(vii)

jiżviluppaw metodi u strumenti biex itejbu l-kwalità tal-prodott fl-istadji tal-produzzjoni u ta’ l-ipproċessar;

(viii)

jużaw żerriegħa ċertifikata u jagħmlu monitoraġġ tal-kwalità tal-prodott,

(c)

ma jidħlux għall-produzzjoni, l-ipproċessar jew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1,

(d)

jkopru proporzjon sinifikanti tal-produzzjoni u/jew tal-kummerċ fir-rigward ta’ l-isfera ta’ azzjoni tal-professjonijiet rappreżentati. Meta organizzazzjoni interprofessjonali tkun interreġjonali fl-iskop tagħha, din għandha tipprovdi prova ta’ rappreżentattività, fir-rigward ta’ kull waħda mill-professjonijiet raggruppati, f’kull reġjun kopert.

2.   Għall-iskopijiet tal-punt (d) tal-paragrafu 1 organizzazzjoni interprofessjonali għandha tkun ikkunsidrata rappreżentattiva f’livell reġjonali jekk tkun responsabbli minn għall-inqas terz mill-kwantitajiet prodotti, pproċessati jew mixtrija mill-membri ta’ kull waħda mill-professjonijiet li tkopri li jkunu involuti fil-produzzjoni jew fl-ewwel proċessar jew fil-kummerċjalizzazzjoni tat-tabakk jew ta’ gruppi ta’ varjetajiet ta’ tabakk koperti mill-attivitajiet ta’ l-organizzazzjoni.

Jekk organizzazzjoni tkun interreġjonali jew tkun tkopri l-Komunità, din għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu f’kull wieħed mir-reġjuni konċernati.

3.   Qabel ma jingħata r-rikonoxximent, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tintwera konformità mal-kondizzjonijiet rilevanti għal rikonoxximent ta’ l-organizzazzjoni interprofessjonali stabbiliti fl-Artikolu 123 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, li fuq il-bażi tagħhom għandha tkun rikonoxxuta l-organizzazzjoni interprofessjonali.

Il-Kummissjoni tista’ topponi għar-rikonoxximent fi żmien 60 jum minn dak l-avviż mill-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jirtiraw ir-rikonoxximent:

(a)

jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu ma jibqgħux ikunu sodisfatti,

(b)

jekk l-organizzazzjoni interprofessjonali taqa’ taħt l-iskop ta’ l-Artikolu 177(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007,

(c)

jekk l-organizzazzjoni interprofessjonali tonqos fl-obbligu tagħha li tagħmel l-avviż meħtieġ taħt l-Artikolu 177(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

5.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet li jirtiraw ir-rikonoxximent.

Artikolu 4

Ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni

1.   Fuq applikazzjoni il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi lil organizzazzjonijiet interprofessjonali li:

(a)

jwettqu l-attivitajiet tagħhom fit-territorji jew f’parti mit-territorji ta’ diversi Stati Membri, jew fil-Komunità kollha,

(b)

kienu stabbiliti skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru,

(c)

jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(1), il-punti (b), (c) u (d).

2.   Applikazzjonijiet għal rikonoxximent magħmula minn organizzazzjonijiet interprofessjonali li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fit-territorji kollha, jew f’parti mit-territorji, ta’ diversi Stati Membri jew fil-Komunità kollha għandhom ikunu indirizzati lill-Kummissjoni u jkollhom magħhom dokumentazzjoni li turi:

(a)

konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 123 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007,

(b)

l-iskop ta’ l-attivitajiet tagħhom u l-konformità tiegħu ma’ l-Artikolu 3(1),

(c)

iż-żona ġeografika ta’ l-attivitajiet tagħhom,

(d)

li kienu stabbiliti skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru,

(e)

li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti ta’ rappreżentazzjoni indikati fl-Artikolu 3(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tavża bl-applikazzjonijiet għal rikonoxximent lill-Istati Membri li fit-territorji tagħhom tkun stabbilita l-organizzazzjoni interprofessjonali u li fit-territorji tagħhom din ta’ l-aħħar twettaq l-attivitajiet tagħha. Wara dan l-avviż, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jkollhom xahrejn biex fihom jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rikonoxximent.

4.   Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi l-applikazzjoni u l-informazzjoni kollha neċessarja stabbilita fil-paragrafu 2.

5.   Il-Kummissjoni għandha tirtira r-rikonoxximent ta’ l-organizzazzjonijiet interprofessjonali imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(4).

Artikolu 5

L-irtirar tar-rikonoxximent

L-irtirar tar-rikonoxximent skond l-Artikolu 3(4) jew 4(5) għandu jkun effettiv minn meta l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent ma jibqgħux ikunu sodisfatti.

Artikolu 6

Il-pubblikazzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti

Il-Kummissjoni għandha tippubblika, għall-inqas darba fis-sena jew kif xieraq, fis-serje “Ċ” tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, l-ismijiet ta’ l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi s-settur ekonomiku jew iż-żona li fihom joperaw u l-attivitajiet imwettqa kif previst fil-punt (c) ta’ l-Artikolu 123 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. L-irtirar tar-rikonoxximent għandu jkun ippubblikat ukoll għall-inqas darba fis-sena.

Artikolu 7

L-estensjoni ta’ ċerti regoli għal dawk mhux membri

L-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ l-estensjoni tal-ftehimiet eżistenti u tal-prattiki konċertati kif previst fl-Artikolu 178(3) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 hi soġġetta għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Il-proċedura ta’ estensjoni ta’ ċerti regoli għal dawk li mhumiex membri

1.   Fil-każ ta’ ftehimiet eżistenti u prattiki konċertati stabbiliti minn organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti mill-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw għall-informazzjoni tal-gruppi soċjo-ekonomiċi kkonċernati, il-ftehimiet jew il-prattiki konċertati li huma jkollhom il-ħsieb li jestendu għal operaturi individwali jew gruppi li ma jkunux membri f’reġjun jew fi grupp ta’ reġjuni partikolari skond l-Artikolu 178 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

Il-gruppi soċjo-ekonomiċi kkonċernati għandhom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni.

2.   Fl-aħħar tal-perjodu ta’ xahrejn u qabel ma jieħdu deċiżjoni l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli li huma jkollhom il-ħsieb li jġibu fis-seħħ u jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa speċjalment dik ta’ l-evalwazzjoni ta’ din l-estensjoni u jekk ir-regoli kkonċernati humiex “tekniċi” fis-sens tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). In-notifikazzjoni għandha tinkludi l-osservazzjonijiet kollha riċevuti mingħand il-gruppi soċjo-ekonomiċi kkonċernati skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u l-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal estensjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fis-serje “Ċ” tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea r-regoli li tagħhom hija mitluba estensjoni minn organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 4. Wara l-pubblikazzjoni, l-Istati Membri u l-gruppi soċjo-ekonomiċi kkonċernati għandhom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni.

4.   Jekk ir-regoli li tagħhom hija mitluba estensjoni huma regoli tekniċi fis-sens tad-Direttiva 98/34/KE, dawn għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva fl-istess ħin ta’ l-avviż previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, meta l-kondizzjonijiet għall-konsenja ta’ opinjoni dettaljata taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/34/KE ikunu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta li tapprova l-estensjoni mitluba tar-regoli.

5.   Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-estensjoni tar-regoli fi żmien tliet xhur mill-avviż ta’ l-Istat Membru stabbilit fil-paragrafu 2. Meta japplika l-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħames xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-regoli fis-serje “Ċ” tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni negattiva jekk issib li dik l-estensjoni x’aktarx:

(a)

tipprevjeni, tirrestrinġi jew tgħawweġ il-kompetizzjoni f’parti sostanzjali mis-suq komuni,

(b)

tirrestrinġi l-libertà tal-kummerċ, jew

(c)

tipperikola l-għanijiet tal-politika agrikola komuni jew dawk ta’ xi regoli Komunitarji oħra.

6.   Ir-regoli li għalihom kienet estiża din l-applikazzjoni għandhom ikunu ppubblikati fis-serje “Ċ” tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Il-ħlas ta’ l-abbonament minn dawk mhux membri

1.   Meta, skond l-Artikolu 8, ir-regoli huma magħmula vinkolanti fuq dawk mhux membri ta’ l-organizzazzjoni interprofessjonali, l-Istat Membru jew il-Kummissjoni, kif xieraq, jistgħu jiddeċiedu li individwi jew gruppi li mhumiex membri għandhom iħallsu lill-organizzazzjoni parti minn jew l-abbonament sħiħ li jħallsu l-membri. Dan l-abbonament m’għandux jintuża biex ikopri l-ispejjeż amministrattivi biex ikunu applikati l-ftehimiet jew il-prattiki konċertati.

2.   Kull miżura mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni li timponi abbonament fuq individwi jew gruppi li mhumiex membri ta’ organizzazzjoni interprofessjonali għandha tkun ippubblikata fis-serje “Ċ” tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-miżura għandha tidħol fis-seħħ xahrejn wara d-data tal-pubblikazzjoni.

3.   Meta organizzazzjoni interprofessjonali titlob li individwi jew gruppi li ma jappartjenux għaliha iħallsu taħt dan l-Artikolu jew l-Artikolu 126(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 parti minn jew l-abbonament sħiħ li jħallsu l-membri tagħha, l-organizzazzjoni għandha tinforma lill-Istat Membru jew lill-Kummissjoni, kif xieraq, bl-ammont ta’ l-abbonament li għandu jitħallas. Għal dan l-iskop l-Istat Membru jew il-Kummissjoni jistgħu iwettqu kull ispezzjoni ta’ l-organizzazzjoni li jikkunsidraw neċessarja.

Artikolu 10

Ir-revoka

Ir-Regolament (KEE) Nru 86/93 huwa b’dan revokat.

Artikolu 11

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2008.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 510/2008 (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 61).

(2)  ĠU L 215, 30.7.1992, p. 80. Ir-Regolament imħassar bir-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)  ĠU L 12, 20.1.1993, p. 13.

(4)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.