9.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 180/5


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 646/2008

tat-8 ta’ Lulju 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 60 u 301 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/276/PESK ta’ l-10 ta’ April 2006 dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus (2) impona miżuri restrittivi skond il-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK.

(2)

Huwa xieraq li r-Regolament (KE) Nru 765/2006 jiġi armonizzat ma’ l-iżviluppi riċenti fil-prattika tas-sanzjonijiet fejn tidħol l-identifikazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, ir-responsabbiltà għal ċertu ksur u l-avviżi għall-pubbliku dwar il-proċeduri għaż-żamma ta’ ċerti listi. Biex titħares iċ-ċarezza, dawk l-Artikoli li għalihom għandhom isiru emendi għandhom jerġgħu jiġu ppubblikati sħaħ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2) m’għandha tagħti lok għall-ebda tip ta’ responsabbiltà min-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati, jekk dawn ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom ikunu jiksru din il-projbizzjoni.”;

(2)

L-Artikolu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif indikati fil-websajts elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skond dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness I u l-membri tal-familja dipendenti fuqhom, inkluż ħlas għal ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, poloz ta’ l-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u rimborż ta’ spejjeż li huma konnessi ma’ l-għoti ta’ servizzi legali;

(ċ)

maħsuba esklussivament għal ħlas ta’ onorarji jew ħlasijiet għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi; jew

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, kemm-il darba l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni r-raġunijiet li fuqhom ikun iqis li awtorizzazzjoni speċifika għandha tingħata, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skond il-paragrafu 1.”;

(3)

L-Artikolu 5 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli rigward ir-rappurtaġġ, il-konfidenzjalità u s-segretezza professjonali, persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi għandhom:

(a)

jipprovdu immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti li jidhru fil-websajts elenkati fl-Anness II, fil-pajjiż fejn huma residenti jew ibbażati, b’kull informazzjoni li tiffaċilita l-osservanza ta’ dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati skond l-Artikolu 2, u għandhom jgħaddu din l-informazzjoni, direttament jew indirettament, lill-Kummissjoni; kif ukoll

(b)

jikkooperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti li jidhru fil-websajts elenkati fl-Anness II fi kwalunkwe verifika ta’ din l-informazzjoni.

2.   Kull informazzjoni mogħtija jew milqugħa skond dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ingħatat jew intlaqgħat.”

(4)

L-Artikolu 8 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 8

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata l-poter li:

(a)

temenda l-Anness I abbażi ta’ deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ l-Anness IV għall-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK; u

(b)

temenda l-Anness II abbażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

2.   Għandu jiġi ppubblikat avviż dwar il-proċeduri għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni b’rabta ma’ l-Anness I.”;

(5)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 3, 4(2) u 5 u jidentifikawhom fil-websajts elenkati fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom sal-31 ta’ Lulju 2008 u għandhom jgħarrfuha bi kwalunkwe emenda sussegwenti mingħajr dewmien.”

(6)

L-Anness II għandu jinbidel bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

C. LAGARDE


(1)  ĠU L 101, 11.4.2006, p. 5. Il-Pożizzjoni Komuni kif emendata l-aħħar bil-Pożizzjoni Komuni 2008/288/PESK (ĠU L 95, 8.4.2008, p. 66).

(2)  ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


ANNESS

“ANNESS II

Websajts li jipprovdu informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 3, 4(2) u 5, u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

BULGARIJA

http://www.mfa.government.bg

REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

DANIMARKA

http://www.um.dk/da/menu/Udenrigspolitik/FredSikkerhedOgInternationalRetsorden/Sanktioner/

ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id = 28519

GREĊJA

http://www.ypex.gov.gr/www.mfa.gr/en-US/Policy/Multilateral+Diplomacy/International+Sanctions/

SPANJA

www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones%20Internacionales

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

ITALJA

http://www.esteri.it/UE/deroghe.html

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

LITWANJA

http://www.urm.lt

LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

OLANDA

http://www.minbuza.nl/sancties

AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

POLONJA

http://www.msz.gov.pl

PORTUGALL

http://www.min-nestrangeiros.pt

RUMANIJA

http://www.mae.ro/index.php?unde=doc&id=32311&idlink=1&cat=3

SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

SLOVAKKJA

http://www.foreign.gov.sk

FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

ŻVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

RENJU UNIT

http://www.fco.gov.uk/en/business-trade/export-controls-sanctions/

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

DG External Relations

Directorate A. Crisis Platform and Policy Coordination in Common Foreign and Security Policy

Unit A2. Crisis Response and Peace Building

CHAR 12/106

B-1049 Brussell (Belġju)

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu

Tel. (32 2) 295 55 85

Fax (32 2) 299 08 73”